|
3.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 252/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-27 ta’ Lulju 2017
l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar ir-radikalizzazzjoni
(2017/C 252/04)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Bil-għan li jissaħħu l-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u terroriżmu u biex jitjiebu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, skont it-talbiet għal azzjoni stabbiliti fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (1), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni (2), kif ukoll l-Istrateġija tal-UE riveduta dwar ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ (3) u Konklużjonijiet oħrajn tal-Kunsill rilevanti dwar din il-kwistjoni (4), il-Kummissjoni tenħtieġ li titlob għarfien ta’ esperti ta’ livell għoli f’korp konsultattiv. |
|
(2) |
Għaldaqstant jeħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu. |
|
(3) |
Il-grupp jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-iżvilupp addizzjonali u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ prevenzjoni tal-Unjoni, strumenti u inizjattivi, inkluż billi jiġu elaborati għadd ta’ prinċipji gwida u rakkomandazzjonijiet għal aktar ħidma fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni kemm f’livell tal-Unjoni kif ukoll dak nazzjonali u billi tiġi appoġġata l-ħidma fuq il-valutazzjoni tal-ħtieġa għal aktar mekkaniżmi strutturati ta’ kooperazzjoni għall-ħidma ta’ prevenzjoni fil-livell tal-Unjoni filwaqt li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni esterna. |
|
(4) |
Bil-għan li jinġabru l-perspettivi u l-għarfien rilevanti Ewropej u nazzjonali, il-grupp jenħtieġ li jkun magħmul mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (5), l-Unità tal-Unjoni Ewropea ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja (6), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (7), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (8), iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (9), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (10) u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (11). |
|
(5) |
Aktar speċifikament, l-aġenziji tal-Unjoni jipprovdu l-għarfien tagħhom mill-perspettiva tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja kriminali filwaqt li jikkunsidraw id-dimensjoni tad-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa għall-bini ta’ kapaċità. Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni jipprovdi l-indipendenza unika tiegħu fil-livell tal-Unjoni tal-indirizzar u l-aspettativi tal-operaturi tas-settur u l-esperjenza tiegħu fi proġetti transnazzjonali ta’ kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkontribwixxi, permezz tal-esperjenza u l-għarfien espert tiegħu, għad-dimensjoni esterna tal-isforzi tal-Unjoni, abbażi tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u l-kontribut lilhom. Il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu jikkontribwixxi permezz tal-għarfien espert ibbażat fuq l-opinjoni ġenerali tiegħu tal-istrumenti ta’ politika rilevanti. |
|
(6) |
Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-grupp. |
|
(7) |
Jixraq li jiġi stipulat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fi żmien propizju, il-Kummissjoni se tikkunsidra kemm hu xieraq li tingħata estensjoni, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Is-suġġett
Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar ir-radikalizzazzjoni (“il-grupp”) jiġi b’dan stabbilit.
Artikolu 2
Il-kompiti
Il-kompiti tal-grupp għandhom:
|
(a) |
jagħtu parir dwar kif titjieb il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati u b’mod partikolari mal-Istati Membri rigward kwistjonijiet marbutin mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u terroriżmu; |
|
(b) |
jagħtu parir u jassistu l-Kummissjoni fl-iżvilupp addizzjonali tal-politiki tal-Unjoni bil-għan li jipprevjenu u jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u terroriżmu, inkluż billi jiġu elaborati għadd ta’ prinċipji u rakkomandazzjonijiet li jqisu s-sejbiet tar-riċerka eżistenti u futura tal-UE f’dan il-qasam, għall-implimentazzjoni ta’ miżuri mmirati u effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali li jinkludu użu mmirat aktar tal-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni. |
|
(c) |
jagħtu parir u jassistu l-Kummissjoni fl-għażliet rigward il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni futuri aktar strutturati fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u terroriżmu, abbażi tal-approċċi eżistenti għall-iskambji tal-aħjar prattiki, in-netwerk u s-setgħat tal-partijiet ikkonċernati. |
Artikolu 3
Is-sħubija
1. Il-Grupp għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin:
|
(a) |
l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, |
|
(b) |
l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, |
|
(c) |
l-Unità għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, |
|
(d) |
l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, |
|
(e) |
l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, |
|
(f) |
iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni: |
|
(g) |
is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, |
|
(h) |
il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. |
2. Il-membri tal-grupp għandhom jinnominaw rappreżentant wieħed ta’ livell għoli u wieħed supplenti. Kull rappreżentant ta’ livell għoli jew supplenti jista’ jiġi akkumpanjat minn espert wieħed fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.
3. Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti, u li, fl-opinjoni tad-dipartiment tal-Kummissjoni kkonċernat, ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom, ma għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-grupp, u jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom.
Artikolu 4
Il-President
Il-grupp għandu jkun ippresedut mir-rappreżentant ta’ Livell Għoli tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u Affarijiet Interni tal-Kummissjoni (“DĠ HOME”).
Artikolu 5
Il-ħidma
1. Il-grupp għandu jaġixxi fuq it-talba tal-President tiegħu skont l-Artikolu 13.1 tar-regoli orizzontali tal-Kummissjoni għall-gruppi ta’ esperti (“ir-regoli orizzontali”) (12).
2. Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-grupp għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni.
3. Id-DĠ HOME għandu jipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali tal-Kummissjoni minn dipartimenti oħra b’interess fil-proċedimenti jiġu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.
4. Bi ftehim mad-DĠ Home, il-grupp jista’, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li jiftaħ il-laqgħat tiegħu għall-pubbliku.
5. Il-minuti dwar id-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u l-opinjonijiet mogħtija mill-grupp għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jitħejjew mis-segretarjat taħt ir-responsabilità tal-President.
6. Il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens. Meta ssir votazzjoni, ir-riżultat tal-votazzjoni għandu jkun deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra għandhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti.
Artikolu 6
Is-sottogruppi
1. Id-DĠ HOME jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw temi speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza definiti mill-Kummissjoni. Is-sottogruppi għandhom joperaw f’konformità mar-regoli orizzontali u jirrapportaw lura lill-grupp. Dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti malli jintlaħaq l-għan tal-mandat tagħhom.
2. Il-membri tal-grupp jista’ jinnomina rappreżentanti għas-sottogruppi b’għarfien tekniku ta’ livell għoli.
Artikolu 7
L-esperti mistiedna
Fuq bażi ad hoc, id-DĠ HOME jista’ jistieden lil xi esperti, inkluż mis-settur privat, li għandhom għarfien speċifiku dwar suġġett fl-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp.
Artikolu 8
L-osservaturi
1. Individwi, organizzazzjonijiet u korpi pubbliċi jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, f’konformità mar-regoli orizzontali, bi stedina diretta tal-President.
2. L-organizzazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi li jinħatru bħala osservaturi għandhom jaħtru lir-rappreżentanti tagħhom.
3. L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, ma jkollhomx id-dritt tal-vot u m’għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-grupp.
Artikolu 9
Ir-regoli ta’ proċedura
Fuq proposta minn u bi qbil ma’ DĠ HOME, il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti, f’konformità mar-regoli orizzontali (13).
Artikolu 10
Is-segretezza professjonali u t-trattament ta’ informazzjoni kklassifikata
Il-membri tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, huma soġġetti għall-obbligi tas-segretezza professjonali li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplikaw għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom, u mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (14) u 2015/444 (15). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux rispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.
Artikolu 11
It-trasparenza
1. Il-grupp u s-sottogruppi għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti.
2. Rigward il-kompożizzjoni tal-grupp, l-isem tal-membri, kif ukoll tal-osservaturi għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi tal-esperti.
3. Id-dokumenti rilevanti kollha, inklużi l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew inkella permezz ta’ link mir-Reġistru għal sit web apposta, fejn tinsab din l-informazzjoni. L-aċċess għal siti web speċifiċi ma għandux ikun soġġett għar-reġistrazzjoni tal-utent jew xi restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u d-dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti minn pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom jiġu previsti biss meta d-divulgazzjoni ta’ dokument iddgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).
Artikolu 12
L-ispejjeż tal-laqgħat
1. Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.
2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 13
L-applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2018.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2017.
Għall-Kummissjoni
Dimitris AVRAMOPOULOS
Membru tal-Kummissjoni
(1) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, COM(2015) 185 final, Strasburgu, 28.4.2015.
(2) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-appoġġ għall-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti, COM(2016) 379 final, Brussell, 14.6.2016.
(3) 9956/14 JAI 332 ENFOPOL 138 COTER 34.
(4) Ara b’mod partikolari l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-laqgħa tal-Istati Membri tal-Kunsill dwar it-titjib tar-reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti tal-20 ta’ Novembru 2015 (14419/15), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iżvilupp tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ tat-30 ta’ Mejju 2016 (9641/16), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f’approċċ integrat u transsettorjali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni ta’ żgħażagħ tat-30 ta’ Mejju 2016 (9640/16), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti tal-21 ta’ Novembru 2016 (14276/16), il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta’ Ġunju 2017 (EUCO 8/17) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tad-19 ta’ Ġunju 2017 (10384/17).
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 43, 6.3.2002, p. 1).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI (ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1).
(9) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill Kumitat tar-Reġjuni Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE COM (2013) 941 final, 15.1.2014.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).
(11) Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-25 ta’ Marzu 2004.
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 final tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.
(13) l-Artikolu 17 tar-Regoli orizzontali.
(14) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(16) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).