Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑21 ta’ Mejju 2026 (1)

Kawża C‑730/23

Ir‑Repubblika tal‑Polonja

vs

Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 259 TFUE – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Vjeġġi ta’ skart – Artikolu 24(2) – Teħid lura ta’ skart mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ meta vjeġġ ikun illegali – Rifjut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tiżgura, f’termini ta’ 30 jum, it-teħid lura ta’ skart mibgħut mill-Ġermanja lejn il-Polonja – Artikolu 28 – Nuqqas ta’ ftehim dwar kwistjonijiet ta’ klassifikazzjoni – Obbligu li l-iskart inkwistjoni jitqies bħala skart elenkat fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”






 Daħla

1.        Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta parzjalment mill-Kummissjoni Ewropea, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, taħt ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006  (2), kif ukoll taħt l-Artikolu 4(3) TUE, fil-kuntest ta’ diversi vjeġġi ta’ skart imwettqa mill-Ġermanja lejn sitt siti li jinsabu fil-Polonja.

2.        Il-kwistjoni prinċipali ta’ din il-kawża tinsab fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-amministrazzjoni libera tal-provi u tal-libertà tal-prova fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, fl-okkażjoni ta’ waħda mill-ftit proċeduri ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija minn Stat Membru.

 Il-kuntest ġuridiku

3.        L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Teħid lura meta vjeġġ ikun illegali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Fejn xi awtorità kompetenti tiskopri vjeġġ li hija tikkunsidra bħala vjeġġ illegali, hija għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn konċernati.

2.      Jekk ir-responsabbiltà ta’ vjeġġ illegali tkun tan-notifikatur, l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ għandha tiżgura li l-iskart in kwistjoni jiġi:

(a)      meħud lura min-notifikatur de facto; jew, jekk ebda notifika ma tkun ġiet preżentata;

(b)      meħud lura min-notifikatur de iure; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

(ċ)      meħud lura mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ innifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

(d)      alternattivament irkuprat jew mormi fil-pajjiż tad-destinazzjoni jew tad-dispaċċ mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ innifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

(e)      alternattivament irkuprat jew mormi f’pajjiż ieħor mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ innifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha jekk l-awtoritajiet kompetenti kollha konċernati jaqblu.

Dan it-teħid lura, rimi jew irkupru għandu jseħħ fi żmien 30 jum, jew f’perjodu ieħor li jista’ jiġi miftiehem bejn l-awtoritajiet kompetenti konċernati, minn meta l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ issir taf jew kienet avżata bil-miktub mill-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni jew transitu bil-vjeġġ illegali u tiġi informata bir-raġuni(jiet) għalih. Tali avviż jista’ jirriżulta minn informazzjoni preżentata lill-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni jew transitu inter alia minn awtoritajiet kompetenti oħrajn.

[…]

3.      Jekk ir-responsabbiltà tal-vjeġġ illegali hija tad-destinatarju, l-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni għandha tiżgura li l-iskart in kwistjoni jiġi rkuprat jew mormi b’mod ambjentalment san:

(a)      mid-destinatarju; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

(b)      mill-awtorità kompetenti nnifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha.

[…]”

4.        L-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Nuqqas ta’ ftehim dwar kwistjonijiet ta’ klassifikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ u tad-destinazzjoni ma jistgħux jaqblu dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-iskart notifikat kif elenkat fl-Anness III, IIIA, IIIB jew IV, l-iskart għandu jitqies bħala elenkat fl-Anness IV.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

5.        Matul l‑2015 sal-2019, l-awtoritajiet Pollakki kkonstataw il-preżenza ta’ skart li huma qiesu li kien suġġett għal “vjeġġ illegali”, fis-sens tal-punt 35 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2026, imwettaq mill-Ġermanja, lejn sitt siti li jinsabu fil-Polonja, jiġifieri: is-sit Nru 1 (Tuplice), is-sit Nru 2 (Stary Jawor), is-sit Nru 3 (Sobolew), is-sit Nru 4 (Gliwice), is-sit Nru 5 (Sarbia) u s-sit Nru 6 (Bzowo).

6.        Wara talbiet għat-teħid lura tal-iskart inkwistjoni, ifformulati mill-awtoritajiet Pollakki lill-awtoritajiet Ġermaniżi, li ma rċevew ebda tweġiba għaliha, ir-Repubblika tal-Polonja, fis‑26 ta’ Lulju 2023, ressqet ilment lill-Kummissjoni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE, li bih talbitha toħroġ opinjoni motivata minħabba li r-rifjut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tieħu lura dan l-iskart kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni (3).

7.        Wara li eżaminat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u wara li semgħet lil din tal-aħħar kif ukoll lir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni, fit‑18 ta’ Ottubru 2023, ħarġet opinjoni motivata li fiha hija:

–        l-ewwel nett, qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet, minn naħa, naqset mill-obbligu tagħha li tieħu lura fi żmien 30 jum l-iskart li l-vjeġġ tiegħu lejn is-sit Nru 1 kien sar illegalment (4) u, min-naħa l-oħra, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha b’rabta mal-irkupru tal-iskart ikklassifikat taħt l-entrata 17 08 02 fir-rigward tal-vjeġġ organizzat minn żewġ impriżi Ġermaniżi lejn is-sit Nru 2 (5);

–        it-tieni nett, tikkonkludi li ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ilmenti l-oħra relatati mas-siti Nri 2 sa 6; u,

–        it-tielet nett, tiċħad l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 u tal-Artikolu 4(3) TUE.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

8.        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Novembru 2023, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 259 TFUE. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ vjeġġi illegali ta’ skart lejn il-Polonja, u tikkundanna lil dan l-Istat Membru għall-ispejjeż.

9.        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2024, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tar-Repubblika tal-Polonja (6).

10.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

 Analiżi

11.      Ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem tliet ilmenti kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażati fuq il-fatt li din tal-aħħar, l-ewwel nett, kisret l-obbligu tagħha ta’ teħid lura tal-iskart li l-vjeġġ tiegħu sar illegalment skont ir-Regolament Nru 1013/2006 (7), it-tieni, li kisret l-obbligu tagħha li tqis l-iskart bħala skart elenkat fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament (8), u, it-tielet, li kisret l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali billi naqset milli tieħu miżuri intiżi li jiċċaraw il-fatti relatati mal-vjeġġ illegali tal-iskart (9).

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ teħid lura ta’ skart li l-vjeġġ tiegħu sar illegalment

 Osservazzjonijiet preliminari

12.      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolament Nru 1013/2006, billi ma ħaditx lura l-iskart inkwistjoni (10).

13.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, nixtieq nenfasizza li, konformement mal-Artikolu 191(2) TFUE, il-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent għandha timmira għal protezzjoni ta’ livell għoli, billi tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni. Trid tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, fuq il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn u fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (11). Minn dawn il-prinċipji, fil-fehma tiegħi, jirriżulta li l-impriżi li jipproduċu l-iskart huma suġġetti għal responsabbiltà ikbar meta jagħmlu vjeġġi tal-iskart barra mill-Istat Membru li fih ġie prodott.

14.      Fuq din il-bażi, ir-Regolament Nru 1013/2006 jsegwi, b’mod partikolari, l-għan tal-immaniġġar ambjentalment san tal-iskart, kif iddefinit fil-punt 8 tal-Artikolu 2 tiegħu (12), li jimplika wkoll, kif jirriżulta mill-punt 34 tal-Artikolu 2 tiegħu, li l-vjeġġ tal-iskart għandu jsir biss għall-finijiet tal-irkupru jew tar-rimi tiegħu (13).

15.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jirregola, essenzjalment, il-proċeduri ta’ vjeġġi, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-“proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel” għall-vjeġġi ta’ skart iddestinat għar-rimi u ta’ diversi kategoriji ta’ skart iddestinati għall-irkupru, kif ukoll, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-proċedura “ta’ informazzjoni”, irregolata mill-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, li tillimita ruħha, fir-rigward ta’ vjeġġi oħra ta’ skart (ta’ kwantità ta’ iktar minn 20 kg), li jagħmlu parti mil-lista “ekoloġika” tal-iskart (14), għall-istabbiliment ta’ formola u għall-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-persuna li torganizza l-vjeġġ u d-destinatarju f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-iskart (15), liema dokumenti għandhom jiġu mfassla skont l-istruzzjonijiet tal-formola li tinsab fl-Anness VII tal-istess regolament (iktar ’il quddiem il-“formola tal-Anness VII”).

16.      Fil-każ ta’ vjeġġ illegali ta’ skart, kif iddefinit fil-punt 35 tal-Artikolu 2) tar-Regolament Nru 1013/2006 (16), l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, jekk dan il-vjeġġ illegali jitwettaq minn min jikkomunika, l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ għandha tiżgura li l-iskart jittieħed lura f’terminu li bħala prinċipju huwa ta’ 30 jum jew fi żmien kwalunkwe terminu ieħor li jista’ jiġi stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, li jibda jgħodd mill-jum li fih hija tkun saret taf bih jew ġiet informata b’dan mill-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni.

17.      It-tieni, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (17). L-istess prinċipji japplikaw meta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi ppreżentat minn Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 259 TFUE (18). Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-provi prodotti mir-Repubblika tal-Polonja, kif ukoll fid-dawl tal-prinċipji tal-amministrazzjoni libera tal-provi u tal-libertà tal-prova, kif minquxa fil-ġurisprudenza tal-Qorti (19).

18.      F’dan il-każ, mill-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja jirriżulta li l-iskart inkwistjoni allegatament ġie ttrasferit mill-Ġermanja għall-Polonja fil-kuntest tal-proċedura ta’ informazzjoni, minbarra l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1013/2006, f’dak li jirrigwarda kemm il-kategorija ta’ skart li kien ikun jista’ jsir vjeġġ tagħha skont din il-proċedura kif ukoll l-awtorizzazzjonijiet miżmuma mill-impriżi inkarigati mill-ipproċessar tiegħu. Fir-rigward tas-sit Nru 1, peress li l-eżistenza ta’ vjeġġi illegali hija rrikonoxxuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kawża tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk dan l-Istat Membru kisirx it-terminu għat-teħid lura ta’ dan l-iskart, filwaqt li, fir-rigward tas-siti Nri 2 sa 6, għandha tiġi eżaminata l-eżistenza stess tal-vjeġġi illegali allegati imputabbli lill-impriżi Ġermaniżi kkonċernati. Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nanalizza dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet separatament.

 Fuq is-sit Nru 1 (Tuplice)

19.      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kisret l-obbligu tagħha ta’ teħid lura, f’terminu ta’ 30 jum, ta’ madwar 20 000 tunnellata ta’ skart ta’ gagazzi taż-żingu li l-vjeġġ tagħhom sar illegalment (20).

20.      Il-partijiet, kif ukoll il-Kummissjoni, jirrikonoxxu li l-iskart ikkonċernat kien is-suġġett ta’ vjeġġ illegali (21) u jaqblu fuq il-fatt li t-teħid lura ta’ dan l-iskart tlesta f’Diċembru 2024 (22).

21.      Qabelxejn, inqis li għandhom jiġu miċħuda l-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li r-rikors huwa inammissibbli jew li ma għadx għandu skop, minħabba li t-teħid lura tal-iskart, fil-frattemp, tlesta. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu interstatali bbażat fuq l-Artikolu 259 TFUE, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru konvenut kif kienet fil-mument meta l-Kummissjoni ġiet adita minn qabel, kif previst fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu (23). F’dan il-każ, f’din id-data, it-terminu għal teħid lura kien skada sew (24).

22.      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jimponu fuq il-kumpannija li minnha oriġinaw il-vjeġġi li tieħu lura l-iskart inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja. Hija ssostni wkoll li t-teħid lura ta’ tali kwantità ta’ skart kien jeħtieġ diversi xhur, minħabba limitazzjonijiet loġistiċi u n-neċessità li tiġi organizzata proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt konformi mar-regoli tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ 30 jum previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1013/2006ma japplikax.

23.      F’dan ir-rigward, nosserva li l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament ma jipprevedi l-ebda eċċezzjoni jew raġuni li tippermetti l-interruzzjoni tat-terminu inkwistjoni, inkluż minħabba l-volum ta’ skart, bl-unika possibbiltà offruta f’dan ir-rigward tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ terminu alternattiv mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati (25). Fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ konformità mat-terminu, fil-kuntest ta’ dewmien, bħal f’dan il-każ, ta’ kważi għaxar snin, ma jistax jiġi ġġustifikat minn raġunijiet loġistiċi, u lanqas mir-raġuni li l-ammont tal-iskart kien jeħtieġ l-organizzazzjoni ta’ proċedura Ewropea ta’ sejħa għall-offerti (26).

24.      It-tieni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni l-eżistenza, matul il-proċedura prekontenzjuża, ta’ ftehim bejn il-partijiet skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 li jkun opportun li jistennew l-eżitu tal-proċeduri legali qabel ma jittieħed lura l-iskart inkwistjoni kkonċernat, madankollu, dan huwa kkontestat mill-awtoritajiet Pollakki (27). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-korrispondenza skambjata bejn l-awtoritajiet Pollakki u Ġermaniżi, li fiha tal-ewwel ħabbru d-deċiżjoni li jistennew l-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji li kienu għaddejjin u l kienu se joqogħdu lura milli jitolbu lil dawn tal-aħħar jieħdu lura l-iskart qabel it-tmiem tal-proċeduri (28).

25.      Din il-korrispondenza turi, fil-fehma tiegħi, li l-awtoritajiet Pollakki ma wrewx l-intenzjoni li jressqu l-kwistjoni immedjatament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan b’hekk jista’ jiġi dedott li, għal ċertu żmien, huma stennew l-iżviluppi tal-proċeduri pendenti fil-Ġermanja. Madankollu, minn dawn l-iskambji ma jirriżultax b’mod inekwivoku li dawn l-awtoritajiet aċċettaw li jistennew sat-tmiem ta’ dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, mhux iktar tard mis-seduta tagħhom fl‑20 ta’ Settembru 2023 quddiem il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Pollakki kienu indikaw b’mod ċar li tali ftehim ma kienx jeżisti. Għaldaqstant, inqis li l-eżistenza ta’ ftehim li huwa opportun li jistennew l-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja, kif invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma hijiex stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-ewwel ilment jintlaqa’ fir-rigward tas-sit Nru 1 (Tuplice).

 Fuq is-siti Nri 2 sa 6

27.      Fir-rigward tas-siti Nri 2 sa 6, ir-Repubblika tal-Polonja tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kisret id-dispożizzjonijiet dwar it-teħid lura tal-iskart li l-vjeġġ tiegħu kien sar illegalment (29), filwaqt li din tal-aħħar tikkontesta din l-akkuża billi tirrifjuta l-proprju eżistenza ta’ vjeġġi illegali imputabbli lill-kumpanniji Ġermaniżi kkonċernati (30).

28.      Fill-kontinwazzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet -punti li ġejjin ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina flimkien is-sitwazzjonijiet li jippreżentaw xebh, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kategorija tal-iskart suġġett għall-vjeġġi.

–       Fuq is-siti Nru 2 (Stary Jawor) u Nru 3 (Sobolew)

29.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, bejn April u Settembru 2018, l-awtoritajiet Pollakki sabu, waqt spezzjonijiet fis-siti Nri 2 u 3 (31), rispettivament, 1 156 u 1 039 tunnellata ta’ skart (32) li kienu s-suġġett ta’ vjeġġi illegali (33) minn kumpanniji Ġermaniżi (34). Minflok l-iskart tal-konkos (entrata 17 01 01 (35)) (iktar ’il quddiem “skart tal-konkos”) iddikjarat fil-formoli tal-Anness VII, dawn l-impriżi kienu bagħtu fil-vjeġġi, skont il-proċedura ta’ informazzjoni, skart imħallat tal-kostruzzjoni li fih il-ġibs (iktar ’il quddiem “skart tal-ġibs”) (36) mhux kopert mil-lista “ekoloġika” , għal operazzjonijiet ta’ rkupru li l-impriżi destinatarji lanqas kellhom l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għalihom (37). Barra minn hekk, f’xi każijiet, l-iskart suġġett għall-vjeġġi, filwaqt li kien ikklassifikat, mill-kumpanniji Ġermaniżi tad-dispaċċ, bħala skart tal-ġibs, xorta waħda kien ġie ttrasferit lil impriżi Pollakki li ma kellhomx permess sabiex jirkupraw dan l-iskart (38).

30.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa opportun li ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-eżistenza tal-vjeġġi ta’ skart kontenzjużi u dik tar-responsabbiltà tal-impriżi Ġermaniżi kkonċernati.

31.      Fir-rigward tal-eżistenza tal-vjeġġi (illegali jew le) ta’ skart inkwistjoni, għandha ssir distinzjoni, sussegwentement, bejn il-vjeġġi ta’ skart ikklassifikat bħala skart tal-konkos u dawk ikklassifikati bħala skart tal-ġibs.

32.      Fl-ewwel lok, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-biċċa l-kbira tad-dokumenti li jikkonċernaw dawn il-kumpanniji – b’mod partikolari l-kuntratti tat-trasport u l-formoli tal-Anness VII – isemmu vjeġġi ta’ skart tal-konkos (39). Madankollu, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dawn il-vjeġġi fil-fatt jaħbu vjeġġi ta’ skart tal-ġibs, li jintwera prinċipalment mir-riżultati tal-ispezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet Pollakki, li kkonstataw, fis-siti kkonċernati, il-preżenza ta’ skart tal-ġibs, flimkien ma’ skart tal-konkos jew taħlita tat-tnejn.

33.      Jidhirli li s-sempliċi skoperta ta’ skart tal-ġibs fis-siti tal-installazzjonijiet ikkontrollati mill-awtoritajiet Pollakki tikkostitwixxi, ċertament, indizju li kien hemm vjeġġi ta’ skart differenti minn dak kopert mill-awtorizzazzjonijiet ta’ rkupru li ġew ittrasferiti lejn dawn is-siti. Madankollu, dan il-fatt ma jistabbilixxix, waħdu, li dan l-iskart kien effettivament ġej mill-vjeġġi kontenzjużi. Fil-fatt, dawn il-vjeġġi kienu akkumpanjati minn formoli tal-Anness VII u minn dokumenti oħra ta’ trasport konkordanti, li fir-rigward tagħhom jirriżulta li l-iskart kkonċernat intbagħat u ġie rċevut bħala skart tal-konkos. Ebda element ma juri li l-imsemmija vjeġġi ħbew kategoriji oħra ta’ skart, iktar u iktar peress li, kif tirrikonoxxi r-Repubblika tal-Polonja stess, instab ukoll skart tal-konkos fis-siti inkwistjoni.

34.      Fit-tieni lok, huwa wkoll paċifiku bejn il-partijiet li ċerti vjeġġi ta’ skart ġew ikklassifikati mill-impriżi kkonċernati bħala skart tal-ġibs.

35.      Fir-rigward tas-sit Nru 2, dawn kienu, l-ewwel nett, vjeġġi bejn, minn naħa, il-kumpanniji Ġermaniżi tad-dispaċċ ALBA Seehausen u Altmärkische, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kumpannija Pollakka destinatarja Bravet. Madankollu, ma huwiex stabbilit li dawn il-vjeġġi kienu s-suġġett ta’ talba għal teħid lura. Fil-fatt, id-dokumenti relatati mat-talbiet għat-teħid lura tal-iskart imsemmija mir-Repubblika tal-Polonja ma jsemmux tali vjeġġi (40).

36.      It-tieni, il-partijiet jaqblu dwar l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ vjeġġi ta’ skart tal-ġibs bejn il-kumpannija Ġermaniża tad-dispaċċ Parentin u l-kumpannija Pollakka destinatarja Bravet. Madankollu, la l-formoli tal-Anness VII ffirmati mill-partijiet ikkonċernati u lanqas dokumenti oħra relatati magħhom ma jirreferu għal tali vjeġġi. Għalhekk ma hemmx prova tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt (41).

37.      It-tielet, il-partijiet jirrikonoxxu wkoll l-eżistenza ta’ vjeġġi ta’ skart, irreġistrat bħala skart tal-ġibs, imwettqa mill-kumpanniji Ġermaniżi tad-dispaċċ Drekopf u Recom lejn l-installazzjonijiet tal-kumpannija Pollakka destinatarja Bravet. Madankollu, skont il-provi prodotti mir-Repubblika tal-Polonja, l-awtoritajiet Pollakki ma ressqux talba għal teħid lura, peress li dan l-iskart kien imħallat ma’ skart ieħor fis-sit Nru 2 b’tali mod li ma kienx għadu possibbli, fil-fehma tagħhom, li tiġi ddeterminata l-provenjenza tal-iskart għal kull waħda mill-impriżi kkonċernati (42).

38.      Fir-rigward tas-sit Nru 3, il-vjeġġi ta’ skart iddikjarati bħala ġibs kienu jikkonċernaw vjeġġi bejn il-kumpannija Ġermaniża tad-dispaċċ Parentin u l-kumpannija Pollakka destinatarja PPH LWN, li madankollu ma ssemmewx qabel ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika tal-Polonja u, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma kinux is-suġġett ta’ talba għal teħid lura mill-awtoritajiet Pollakki (43).

39.      Bħala konklużjoni, inqis li l-eżistenza ta’ vjeġġi illegali ta’ skart, li fir-rigward tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija obbligata tiżgura t-teħid lura, ma hijiex stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt, u li għalhekk l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud fir-rigward tas-siti Nri 2 u 3.

40.      Dan premess, ser nipproċedi wkoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, għall-eżami tal-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-impriżi Ġermaniżi kkonċernati fir-rigward tal-vjeġġi ta’ skart iddikjarat bħala skart tal-ġibs, lejn installazzjonijiet li ma għandhomx l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-irkupru tiegħu.

41.      F’dan ir-rigward, il-partijiet ma jaqblux dwar ir-responsabbiltà tal-produttur tal-iskart jew tal-organizzatur tal-vjeġġ tiegħu fir-rigward tal-legalità tal-operazzjonijiet ta’ rkupru mwettqa fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni tal-iskart meta, minn naħa, l-impriża destinatarja tal-iskart jew l-amministratur tal-faċilità ta’ rkupru ma jkollhiex awtorizzazzjoni valida għat-trattament ta’ dan l-iskart jew li, min-naħa l-oħra, l-iskart suġġett għal vjeġġ leġittimament ma jiġix irkuprat b’mod korrett fil-pajjiż tad-destinazzjoni. Il-kwistjoni tirrigwarda, b’mod partikolari, il-portata tal-firma tal-impriża destinatarja fuq il-formola tal-Anness VII jew tad-dikjarazzjoni tagħha fil-kuntratt mal-organizzatur tal-vjeġġ li għandha l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa.

42.      F’dan il-każ, il-partijiet jirrikonoxxu li l-impriżi destinatarji tal-iskart ma kellhomx awtorizzazzjonijiet għall-irkupru tal-iskart tal-ġibs (44). Barra minn hekk, fir-rigward tas-sit Nru 2, naqbel mar-Repubblika tal-Polonja li l-awtorizzazzjoni tal-kumpannija Pollakka destinatarja Bravet għall-“ġbir” ta’ skart tal-ġibs, kif iddefinit fil-punt 10 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 (45), lanqas ma timplika l-possibbiltà ta’ “ħżin preliminari” ta’ dan l-iskart, kif previst fl-operazzjoni ta’ rkupru R 13 (46). Tabilħaqq, għalkemm it-termini ta’ dawn id-definizzjonijiet jistgħu joħolqu konfużjoni, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħżin ta’ skart”, li tikkorrispondi għall-operazzjoni ta’ rkupru R 13 fl-Anness II ta’ din id-direttiva espliċitament teskludi “ħżin temporanju” fis-sens tal-Artikolu 3(10), tal-imsemmija Direttiva.

43.      Għaldaqstant, sa fejn l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni ma jkoprux l-operazzjonijiet ta’ rkupru (R 5 jew R 13) li għalihom sar il-vjeġġ tal-iskart, għandu jiġi eżaminat jekk l-impriżi Ġermaniżi li organizzaw il-vjeġġ jistgħux jinżammu responsabbli għal dan il-vjeġġ, b’mod partikolari meta l-impriża destinatarja ta’ dan l-iskart kienet iddikjarat, fuq il-formola tal-Anness VII (il-kaxxi 13 u 14) fil-kuntest tal-kuntratt mal-organizzatur tal-vjeġġ, li għandha fil-pussess tagħha l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa (47).

44.      F’dan ir-rigward, jidher evidenti li, jekk jintwera li l-kumpanniji kienu jafu bl-assenza tal-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mill-kumpanniji destinatarji jew bid-devjazzjoni illegali tal-iskart lejn siti oħra, huma għandhom jinżammu responsabbli għall-vjeġġi illegali. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ prova ta’ tali għarfien, għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu ta’ diliġenza impost fuqhom fir-rigward tal-illegalitajiet inkwistjoni.

45.      B’mod ġenerali, inqis li, fid-dawl tal-obbligu ta’ diliġenza ikbar impost fuq il-kunsinnatur tal-iskart fil-kuntest ta’ vjeġġ ta’ skart barra mill-Istat Membru fejn dan jiġi prodott (48), dan ma jistax jadotta attitudni passiva fir-rigward tal-eżistenza tal-awtorizzazzjonijiet meħtieġa min-naħa tad-destinatarju. Fi kliem ieħor, kuntrarjament għall-pożizzjoni sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kunsinnatur tal-iskart ma jistax sempliċement jikkonkludi kuntratt ta’ vjeġġ ta’ skart u jimla l-formola tal-Anness VII. Mingħajr ma jiġu imposti fuqu obbligi eċċessivament onerużi, huwa madankollu meħtieġ li wieħed jistenna li dan il-kunsinnatur jitlob li tiġi kkomunikata lilu kopja tal-awtorizzazzjonijiet rilevanti, mingħajr madankollu ma jkun obbligat li jwettaq verifiki fil-fond, bħal investigazzjonijiet jew verifiki dwar il-validità ta’ dawn id-dokumenti, kompetenza li hija esklużivament tal-awtoritajiet pubbliċi (49).

46.      F’dan il-każ, fir-rigward tal-iskart ittrasportat lejn is-sit Nru 2, nirrileva li Bravet, il-kumpannija Pollakka li tamministra dan is-sit, kienet ippreżentat lill-impriżi Ġermaniżi tad-dispaċċ, minn naħa, ALBA Seehausen u Altmärkische (50) u, min-naħa l-oħra, Drekopf u Recom (51), l-awtorizzazzjonijiet tagħha ta’ ġbir ta’ skart li jaqa’ taħt l-entrati 17 01 01 u 17 08 02, kif ukoll ta’ rkupru ta’ skart li jaqa’ taħt l-entrat 17 01 01 biss (u mhux taħt l-entrata 17 08 02). Minkejja dawn l-elementi, dawn l-impriżi organizzaw vjeġġi, għal operazzjonijiet ta’ rkupru R 13, ta’ skart li jaqa’ taħt l-entrata 17 08 02.

47.      Għaldaqstant, u mingħajr preġudizzju għall-ispjegazzjonijiet żviluppati fil-punti 35 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-impriżi Ġermaniżi kkonċernati jidhru li huma responsabbli, sa fejn huma kienu jafu bis-sitwazzjoni tal-impriża destinatarja fil-mument tal-mili tal-formola tal-Anness VII.

48.      Min-naħa l-oħra, minn naħa, ma naqbilx mal-argument imqajjem mir-Repubblika tal-Polonja li l-kumpanniji Ġermaniżi huma responsabbli wkoll għall-motiv li l-kumpanniji Ġermaniżi tad-dispaċċ ALBA Seehausen u Altmärkische kienu indikaw biss, bħala impjant ta’ rkupru fil-kaxxa 7 tal-formoli tal-Anness VII tagħhom, il-kumpannija Pollakka destinatarja Bravet, filwaqt li, fir-rigward ta’ vjeġġ imwettaq għal impjant intermedjarju, huma kellhom ukoll isemmu l-impjant ta’ rkupru mhux intermedju.  Fil-fatt, peress li l-kaxxa 7 tal-formola tal-Anness VII tikkonċerna biss l-“impjant ta’ rkupru”, l-indikazzjoni tal-impjant li, skont dak indikat fil-kaxxa 8, huwa obbligat iwettaq operazzjoni ta’ rkupru R 13 hija għalhekk suffiċjenti, anki jekk din l-operazzjoni tal-aħħar timplika ħażna ta’ skart qabel operazzjoni oħra ta’ rkupru (bl-esklużjoni tal-ħażna temporanja, qabel il-ġbir, fis-sit ta’ produzzjoni tal-iskart) (52).

49.      Min-naħa l-oħra, lanqas ma naqbel mal-pożizzjoni sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-obbligu espliċitu li jiġu indikati l-impjanti mhux intermedji previst mir-Regolament il-ġdid (UE) Nru 2024/1157 juri li din l-indikazzjoni hija meħtieġa biss mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament (53).

50.      Fir-rigward tal-vjeġġi ta’ skart lejn is-sit Nru 3, huwa paċifiku bejn il-partijiet li PPH LWN, il-kumpannija Pollakka li tamministra dan is-sit, ma kellhiex l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa fir-rigward taż-żoni speċifiċi fejn l-iskart kellu jitbattal.

51.      F’dan ir-rigward, jidhirli li, għalkemm għandha tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ obbligu ta’ diliġenza ikbar fir-rigward tal-impriża produttriċi jew tad-dispaċċ tal-iskart (54), madankollu ma jistax jiġi rikjest li din l-impriża tkun informata u jkollha twieġeb għall-post eżatt tal-ħatt, fi ħdan l-impjant ta’ trattament debitament identifikat fid-dokumenti rilevanti, fejn l-iskart ser jiġi ddepożitat. Tali rekwiżit jeċċedi l-kamp tal-kontroll tagħha, peress li din il-kwistjoni taqa’ esklużivament taħt ir-responsabbiltà tal-operatur tal-impjant tat-trattament (55).

–       Fuq is-siti Nri 4 (Gliwice) u 5 (Sarbia)

52.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, bejn Frar u Mejju 2018, dawn l-awtoritajiet sabu, waqt spezzjonijiet fis-siti Nri 4 u 5 (56), rispettivament, 1,300 u 8,700 tunnellata ta’ skart li kienu s-suġġett ta’ vjeġġi illegali (57) minn impriżi Ġermaniżi (58). Għall-kuntrarju ta’ dak li kien indikat fil-formoli tal-Anness VII, li semmew skart tal-plastik u tal-lastku (taħt l-entrata 19 12 04) (iktar ’il quddiem “skart tal-plastik”), dawn l-impriżi kienu, bħala parti mill-proċedura ta’ informazzjoni, ittrasferixxew skart mhux kopert mil-lista “ekoloġika” għal operazzjonijiet ta’ rkupru.

53.      B’mod partikolari, l-iskart skopert fis-sit Nru 4 kien jikkonsisti minn skart tal-imballaġġ kompost ta’ prodotti tal-ikel tal-plastik u ta’ materjali oħra (iktar ’il quddiem l-“iskart muniċipali mħallat”) (59), prodott mill-impriża Ġermaniża Wurzer u ttrasferit lil Gliwice abbażi ta’ sensiela ta’ kuntratti (60). L-iskart skopert fis-sit Nru 5 kien jikkonsisti minn skart ikkompressat f’balal imdawrin bil-wajer, li ma jaqa’ taħt l-ebda entrata identifikabbli (61), li parti sinjifikattiva tiegħu kellha skrizzjonijiet u barcodes li jiċċertifikaw l-oriġini Ġermaniża tagħhom, prodotti minn Lobbe u Böhme (62), u li, għalkemm formalment maħsuba għal-lokalità ta’ Chełmek, kienu fir-realtà ġew ittrasferiti lejn Sarbia, wara “newtralizzazzjoni” tad-dokumenti tat-trasport (63). Barra minn hekk, l-impriża destinatarja tal-iskart ittrasferit lejn is-sit Nru 4 kienet taġixxi biss bħala sensar (64) u kellha biss awtorizzazzjoni għall-ġbir tal-iskart tal-plastik, filwaqt li l-impriża destinatarja tal-iskart ittrasferit lejn is-sit Nru 5 ma kellhiex awtorizzazzjoni għall-irkupru ta’ dan l-iskart (65).

54.      Madankollu, fir-rigward tas-sit Nru 4, jidher mill-provi prodotti mir-Repubblika tal-Polonja (formoli tal-Anness VII, dokumenti tat-trasport imsejħa “dokumenti CMR” u biljetti tal-użin) li l-iskart prodott minn Wurzer kien ikklassifikat bħala skart tal-plastik li jaqa’ taħt il-lista “ekoloġika” u ġie ttrasferit lill-impriża Pollakka Marko, li kienet awtorizzata twettaq operazzjonijiet ta’ rkupru għal dan l-iskart u rrikonoxxiet li rċevietu fis-sit ta’ Jawiszowice (u mhux fis-sit ta’ Gliwice) (66). Id-dokumenti tat-trasport ippreżentati mir-Repubblika tal-Polonja, relatati mal-vjeġġi lil Gliwice, jikkonċernaw biss operazzjonijiet li jinvolvu l-kumpanniji Pollakki Marko, bħala kunsinnatur , u A&P, bħala destinatarja (67). Anki jekk wieħed jippreżumi li, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, it-teħid tar-responsabbiltà minn Marko tal-iskart mill-Ġermanja kien fittizju, billi l-vjeġġi ġew ittrasportati direttament minn Wurzer lejn Gliwice (68), din iċ-ċirkustanza ma tidhirx mid-dokumenti mfassla mill-kumpanniji Ġermaniżi fl-oriġini tal-vjeġġi u, fuq kollox, ma tistax tiġi attribwita direttament lilhom. Tali ċirkustanza taqa’, jekk huwa l-każ, taħt ir-responsabbiltà tal-impriżi Pollakki kkonċernati. Barra minn hekk, il-provi l-oħra tar-Repubblika tal-Polonja lanqas ma huma deċiżivi f’dan ir-rigward (69). Minbarra dan, ir-rikors ma huwiex ċar dwar l-ammont ta’ skart attribwibbli għaż-żewġ kumpanniji Ġermaniżi inkwistjoni.

55.      Fir-rigward tas-sit Nru 5, id-dokumenti kollha (b’mod partikolari l-formoli tal-Anness VII) li jistgħu jiġu assoċjati mal-kumpanniji Lobbe u Böhme kienu jikkonċernaw vjeġġi ta’ skart tal-plastik magħmula lill-impriżi Pollakki Havel (minn Lobbe u Böhme) kif ukoll minn Recovery (minn Böhme) f’Chełmek (70). Barra minn hekk, il-provi prodotti mir-Repubblika tal-Polonja (71) ċertament turi l-preżenza, fis-sit ta’ Sarbia, ta’ skart li jista’ jiġi assoċjat mal-impriżi Ġermaniżi Lobbe u Böhme, li seta’ ġie ddevjat mid-destinazzjoni uffiċjali tiegħu u ttrasportat direttament mill-Ġermanja lejn Sarbia. Madankollu, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dawn il-vjeġġi kienu organizzati, awtorizzati jew saħansitra tressqu għall-għarfien tagħhom. Tabilħaqq, b’mod partikolari fir-rigward tal-ordnijiet tat-trasport skambjati bejn l-impriżi Pollakki u li jinkludu “ordni ta’ newtralizzazzjoni” (72), ma jistax jiġi eskluż li d-devjazzjoni ta’ dan l-iskart inħbiet minn dawn il-kumpanniji Ġermaniżi u hija r-responsabbiltà unika tal-kumpanniji Pollakki inkwistjoni (73). Fuq kollox, il-provi prodotti mir-Repubblika tal-Polonja ma jagħmluhiex possibbli li tiġi stabbilita bi preċiżjoni suffiċjenti l-kwantità ta’ skart li kieku kien jiġi ttrasferit mill-kumpanniji Ġermaniżi kkonċernati lejn is-sit inkwistjoni, fejn ġiet ikkonfermata wkoll il-preżenza ta’ skart mill-Polonja u minn pajjiżi oħra. Tali ċirkustanzi ma jippermettux li l-iskart inkwistjoni jiġi individwalizzat u b’hekk iwaqqfuh milli jiġi rkuprat fil-kuntest ta’ vjeġġi illegali allegati (74).

–       Fuq is-sit Nru 6 (Bzowo)

56.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, bejn April u Settembru 2017, dawn l-awtoritajiet sabu, waqt spezzjonijiet fis-sit Nru 6 (75), 600 tunnellata ta’ skart muniċipali mħallat (76) li kienu s-suġġett ta’ vjeġġi illegali (77) minn kumpanniji Ġermaniżi (78). Dan l-iskart ma jaqax taħt il-lista “ekoloġika” u l-impriża Pollakka destinatarja ma għandhiex awtorizzazzjoni għall-irkupru tiegħu.

57.      F’dan ir-rigward, jidhirli li l-provi prodotti mir-Repubblika tal-Polonja (79) juru, minn naħa, il-preżenza probabbli, fil-maħżen, ta’ skart muniċipali mħallat mill-Ġermanja, u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ awtorizzazzjoni għall-irkupru ta’ dan l-iskart kif ukoll l-assenza ta’ impjant adegwat fis-sit ta’ Bzowo (80).

58.      Madankollu, ma hemm l-ebda prova li tistabbilixxi involviment dirett tal-impriżi Ġermaniżi kkonċernati f’dawn il-vjeġġi (81). B’mod partikolari, id-dokumenti tat-trasport li jistgħu jiġu assoċjati mal-kumpanniji Ġermaniżi kkonċernati ma jsemmux l-imsemmija vjeġġi (82). Għalkemm huwa minnu li waħda minn dawn il-formoli tal-Anness VII, mimlija mill-kumpannija Vorberg Recycling, ma kien fiha ebda indikazzjoni dwar l-impjant ta’ rkupru (83), ma jidhirlix li dan l-element jista’ jkun biżżejjed, waħdu, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kumpannija inkwistjoni, fid-dawl ukoll tal-fatt li dan id-dokument juri d-dispaċċ ta’ skart tal-plastik (u mhux ta’ skart muniċipali mħallat, kif ikkonstatat mill-awtoritajiet Pollakki fis-sit inkwistjoni) kif ukoll tal-assenza ta’ informazzjoni dwar in-natura tal-iskart preżenti f’dan is-sit (84).

 Konklużjoni fuq l-ewwel ilment

59.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li jintlaqa’ l-ewwel ilment fir-rigward tad-dewmien tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fit-teħid lura tal-iskart relatat mas-sit Nru 1. Min-naħa l-oħra, nipproponi li dan l-ilment jiġi miċħud fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru għat-teħid lura tal-iskart ittrasferit lejn is-siti Nri 2 sa 6.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ trattament tal-iskart

60.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkonformatx mal-obbligu tagħha li tittratta l-iskart skopert fis-siti Nri 3 sa 6 bħala skart li jinsab fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1013/2006, u dan minkejja l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ u tad-destinazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu. Minn dan hija tiddeduċi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament.

61.      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni lment, huwa ċar li, skont l-ilment ippreżentat lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja invokat dan l-ilment biss fir-rigward tas-sit Nru 5 (85). Għalhekk inqis li l-imsemmi lment huwa inammissibbli fir-rigward tas-siti Nri 3, 4 u 6.

62.      Fi kwalunkwe każ, kif ser nispjega fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istess ilment huwa wkoll infondat fir-rigward tas-siti kollha invokati mir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tat-tieni lment.

63.      Fir-rigward tal-mertu tat-tieni lment, infakkar li, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1013/2006, jekk l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ u tad-destinazzjoni ma jilħqux ftehim dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart ikkomunikat (86) bħala skart elenkat fil-lista “ekoloġika” (Annessi III, IIIA, IIIB) jew fl-Anness IV, dak l-iskart għandu jitqies bħala skart elenkat fl-Anness IV (87).

64.      Qabelxejn, fil-fehma tiegħi, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li n-nuqqas ta’ qbil inkwistjoni jista’ jirrigwarda biss il-“klassifikazzjoni” tal-iskart u mhux l-eżistenza stess ta’ vjeġġ illegali ta’ skart, inkluża l-identifikazzjoni tal-awtur ta’ tali vjeġġ.

65.      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni, jidher li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Nuqqas ta’ ftehim dwar kwistjonijiet ta’ klassifikazzjoni”, jirregola, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, tliet sitwazzjonijiet speċifiċi, jiġifieri, l-ewwel nett, nuqqas ta’ qbil dwar il-klassifikazzjoni tal-oġġett tal-vjeġġ bħala skart jew le, it-tieni, nuqqas ta’ qbil, bħal f’dan il-każ, dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart ikkomunikat bħala skart li jinsab fil-lista “ekoloġika” jew le u, it-tielet, nuqqas ta’ qbil dwar il-klassifikazzjoni tal-operazzjoni ta’ trattament tal-iskart li hija kkomunikata. B’hekk, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ vjeġġ illegali fl-ebda mument ma hija indirizzata.

66.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan imfittex mill-istess dispożizzjoni, jidhirli li din hija intiża sabiex issolvi impass proċedurali fir-rigward tat-trattament tal-materjal li huwa s-suġġett ta’ vjeġġ, u mhux sabiex tiddeċiedi minn qabel il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ tali vjeġġ.

67.      Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ vjeġġ, jiġifieri dik inkwistjoni f’dan il-każ, taqa’ taħt ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-amministrazzjoni u tal-libertà tal-prova, u mhux taħt preżunzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1013/2006. F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru li jkun ippreżenta r-rikors li jistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li jipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma jkunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq kwalunkwe preżunzjoni.

68.      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, jew l-Istat Membru rikjedenti, ma jistgħux sempliċement jinvokaw il-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament, u lanqas ma jistgħu jibbażaw ruħhom biss fuq il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ kunsinna u ta’ destinazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ vjeġġ illegali ta’ skart, sabiex minn dan jiddeduċu li vjeġġ ta’ skart għandu jkun suġġett għall-proċedura ta’ komunikazzjoni u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel.

69.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li t-tieni lment jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali

70.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE sa fejn naqset milli tieħu miżuri intiżi li jiċċaraw il-fatti madwar il-vjeġġi illegali ta’ skart lejn is-siti kkonċernati u li jippermettu, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-Regolament Nru 1013/2006. Hija tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ewwel nett, talli adottat attitudni purament passiva matul l-iskambji, kif jixhdu n-nuqqas ta’ risposta jew ir-risposta tardiva tal-awtoritajiet Ġermaniżi għal ċerti ittri mibgħuta mill-awtoritajiet Pollakki, it-tieni, talli sempliċement irrinvijat il-fajl fuq livell reġjonali meta saret talba lill-awtoritajiet federali minħabba nuqqas ta’ tweġiba mill-awtoritajiet reġjonali kompetenti, it-tielet, talli rrifjutat li tipparteċipa fi spezzjonijiet konġunti, u, ir-raba’, talli ma pproċedietx bit-tkomplija tal-iskart fir-rigward tas-sit Nru 1 (Tuplice) għal tmien snin.

71.      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tielet ilment, li dwaru r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tesprimi riżervi, ser nillimita ruħi sempliċement sabiex nikkonstata li, fl-ilment tagħha ppreżentat quddiem il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja qajmet, għalkemm b’mod ġenerali ħafna, ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

72.      Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 4(3) TUE, li hija kkontestata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fid-dawl tal-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-proċedura ta’ vjeġġi ta’ skart (88), inqis li l-eżistenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati fir-Regolament Nru 1013/2006 ma tipprekludix li, fir-rigward ta’ aspetti li ma humiex espliċitament irregolati minn dan ir-regolament, jista’ japplika l-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri stabbilit f’din l-Artikolu 4(1) (89).

73.      F’dan ir-rigward, fir-rigward tas-sit Nru 1 (Tuplice), nirrileva li permezz tat-tielet ilment tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(3) TUE, ir-Repubblika tal-Polonja tirreferi, essenzjalment, għall-istess aġir bħal dak li jikkostitwixxi l-ksur tat-terminu għat-teħid lura tal-iskart previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006. Issa, peress li dan il-ksur ġie invokat u kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel ilment, dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka wkoll il-ksur ta’ dan l-Artikolu 4(3), li jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura iktar ġenerali (90).

74.      Fir-rigward tal-mertu tat-tielet ilment, dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni allegat tal-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward tal-awtoritajiet Pollakki, nikkonstata li, minkejja l-kumplessità tal-fajls relatati mas-siti kkonċernati u d-diverġenzi kbar bejn il-partijiet fir-rigward tal-parti l-kbira tal-informazzjoni u tal-provi skambjati matul il-proċedura, dawn madankollu kkooperaw bl-għan li jfittxu soluzzjonijiet, mingħajr ma’ dawn il-passi kienu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, irnexxew.

75.      Qabelxejn, ma jidhirlix li l-awtoritajiet Ġermaniżi, billi ma tawx segwitu għad-diversi talbiet għal teħid lura magħmula mill-awtoritajiet Pollakki, kisru l-Artikolu 4(3) TUE, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li, minn naħa, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkooperaw mal-awtoritajiet Pollakki, b’mod partikolari billi wettqu kontrolli fuq il-kumpanniji li, skont dawn tal-aħħar, kienu ssuspettati li bdew il-vjeġġi illegali ta’ skart (91), u, li, min-naħa l-oħra, il-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ teħid lura (92).

76.      Sussegwentement, il-fatt enfasizzat mir-Repubblika tal-Polonja li, f’ċerti każijiet, l-awtoritajiet federali Ġermaniżi bagħtu lura il-fajl lill-awtoritajiet reġjonali kkonċernati ma jikkostitwixxix, fih innifsu, il-prova ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ dawn tal-ewwel, fid-dawl tal-kompetenzi tat-tieni fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart (93).

77.      Fl-aħħar nett, l-assenza allegata ta’ rieda tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jieħdu sehem fi spezzjonijiet konġunti, fir-rigward tas-siti Nri 5 u 6, kien iġġustifikat min-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata dwar in-natura u l-provenjenza tal-iskart. Din is-sitwazzjoni tista’, fil-fehma tiegħi, tispjega b’mod leġittimu nuqqas ta’ qbil mal-awtoritajiet Pollakki, iżda lanqas ma hija biżżejjed, madankollu, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

78.      Bħala konklużjoni, jidher li l-awtoritajiet Ġermaniżi rrispondew għat-talbiet u għas-solleċitazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Pollakki u wettqu l-investigazzjonijiet tagħhom stess fil-konfront tal-produtturi tal-iskart Ġermaniżi indikati minn dawn tal-aħħar. Għalkemm huwa minnu li kien hemm dewmien diversi drabi fir-risposti għat-talbiet u s-solleċitazzjonijiet tagħhom, dan id-dewmien affettwa liż-żewġ partijiet, b’tali mod li ma tistax tiġi attribwita esklużivament lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja xi attitudni “passiva”.

79.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li t-tielet ilment jiġi miċħud.

 Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

–        tilqa’ l-ewwel ilment tar-rikors relatat mas-sit Nru 1 (Tuplice), u,

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46 u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart”).


3      Dan jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1013/2006, kif ukoll l-Artikolu 4(3) TUE. Skont ir-rikors, l-ilment kien jirrigwarda wkoll il-vjeġġi ta’ skart lejn is-sit Nru 7 (Babin), li ma huwiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.


4      L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2), moqrija flimkien mal-punt 35)(e) u (g)(iii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006.


5      L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2), moqrija flimkien mal-punt 35(g)(iii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006.


6      Il-Kummissjoni ssostni t-talbiet tar-rikors, sa fejn dawn jirrigwardaw il-ksur imsemmi fil-kuntest tal-opinjoni motivata tagħha.


7      L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2), moqrija flimkien mal-punt 35(a), (b), (e) u (g)(i) u (iii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006.


8      Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1013/2006.


9      Artikolu 4(3) TUE


10      L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2), moqrija flimkien mal-punt 35)(a), (b), (e) u (g)(i) u (iii) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.


11      B’mod iktar partikolari, skont il-prinċipju tal-korrezzjoni fis-sors jew tal-prossimità, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tinkoraġġixxi r-rimi jew l-irkupru tal-iskart kemm jista’ jkun qrib il-post tal-produzzjoni, peress li r-regoli dwar il-vjeġġ tal-iskart għandhom, f’dan ir-rigward, natura eċċezzjonali, li teħtieġ interpretazzjoni stretta. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Iskart”), u l-premessa 20 tar-Regolament Nru 1013/2006. Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑297/08, EU:C:2010:115, punti 64 sa 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 1013/2006, huwa importanti li jiġu organizzati u rregolati s-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati, protetti u mtejba l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Nutrivet, C‑69/15, EU:C:2016:425, punt 32).


13      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Naturvårdsverket (Trattament tal-iskart wara t-teħid lura) (C‑221/24 u C‑222/24, EU:C:2025:818, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Il-lista ta’ skart suġġett għar-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006 hija intitolata, fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, “skart ‘ekoloġiku’ elenkat [lista ekoloġika tal-skart]”.


15      Konformement mal-Artikolu 3(15) tad-Direttiva 2008/98, “irkupru” tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qiegħed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. L-Anness II ta’ din id-direttiva jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru, inklużi l-operazzjonijiet R 5 (“Riċiklaġġ/riklamazzjoni [irkupru] ta’ materjali inorganiċi oħra”) u R 13 (“Ħżin ta’ skart sa meta ssir waħda mill-operazzjonijiet enumerati minn R 1 sa R 12 (ħlief il-ħżin temporanju, sakemm isir il-ġbir, fuq is-sit fejn jiġi prodott l-iskart)”).


16      Essenzjalment, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi, b’mod partikolari, “vjeġġ illegali” bħala kwalunkwe vjeġġ ta’ skart li ma kienx suġġett għall-proċedura ta’ komunikazzjoni u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel (il-każ previst fil-punti (a) u (b)), li jkollu bħala riżultat l-irkupru jew ir-rimi bi ksur tal-leġiżlazzjoni rilevanti (il-każ previst fil-punt (e)), jew li kien suġġett għall-proċedura ta’ informazzjoni għal skart mhux elenkat fl-Annessi III, IIIA jew B, jew imwettqa skont modalitajiet li ma humiex speċifikati fil-formola li jinsabu fl-Anness VII (il-każijiet previsti fil-punti (g), (i) u (iii)).


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑399/17, EU:C:2019:200, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, Prete, L., Infringement Proceedings in EU Law, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2017, p. 191.


19      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex (C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Fis-sens tal-punt 35)(e) u (g)(iii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006.


21      L-iskart prodott mill-kumpannija Ġermaniża Befesa Zinc Freiberg GmbH intbagħat lejn il-Polonja, matul il-perijodu minn Novembru 2013 sa Ġunju 2015, minn kumpannija Ġermaniża oħra, jiġifieri Mineral Projekt Gesellschaft fur Planung und Konstruktion GmbH, taħt l-entrata 10 05 01, bil-għan li jiġi suġġett għall-operazzjonijiet ta’ rkupru R 13 u R 5. Dan l-iskart intbagħat lill-kumpannija Pollakka POO RYNIED S.C., indikata fil-formola li tinsab fl-Anness VII tar-Regolament Nru 1013/2006bħala d-destinatarja ta’ dan l-iskart għall-irkupru tiegħu. Madankollu, din tal-aħħar ma kellhiex awtorizzazzjoni sabiex twettaq dan l-irkupru u sussegwentement ittrasferixxiet l-iskart lill-kumpannija EURO-TOR RECYCLING sp. z o.o.. Din tal-aħħar kellha biss awtorizzazzjoni għall-irkupru ta’ parti mill-vjeġġ u, barra minn hekk, ma kinitx imsemmija fil-formola tal-Anness VII.


22      L-awtoritajiet Ġermaniżi inizjalment kienu imponew it-teħid lura tal-iskart mill-kumpannija inkarigata mill-organizzazzjoni tal-vjeġġ, u sussegwentement, wara li din falliet, stiednu lill-produttur tal-iskart jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż tat-teħid lura tiegħu.


23      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja (Minjiera ta’ Turów) (C‑121/21, EU:C:2022:74, punt 49). Fil-fatt, is-sitwazzjoni hija differenti minn dik ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, li fir-rigward tiegħu minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


24      Sussidjarjament, nirrileva li dan it-terminu jkun inqabeż ukoll jekk titqies bħala dies a quo d-data tal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, kif issostni din tal-aħħar fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


25      Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel ir-Regolament Nru 1013/2006, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal‑1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176), kien jipprevedi, fl-Artikolu 26(2), l-istess perijodu f’termini kważi identiċi, jiġifieri “fi żmien 30 jum minn meta l-awtorità kompetenti tkun ġiet infurmata dwar it-traffiku illegali jew fi żmien perijodu ieħor skond kif jista’ jkun miftiehem mill-awtorità kompetenti konċernata” (ara wkoll, bi kliem simili ħafna, l-Artikolu 14(2) tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi fi, lejn u mill-Komunità tal‑10 ta’ Ottubru 1990, COM(90) 415 final).


26      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 32(2)(c) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), huwa possibbli li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel għal kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, ta’ provvista u ta’ servizzi “sa fejn huwa strettament neċessarju fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza kbira dovuti għal avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti mill-awtorità kontraenti, il-limiti ta’ żmien għal proċeduri miftuħa jew ristretti jew kompetittivi bin-negozjar ma jistgħux jiġu rispettati”.


27      Infakkar li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 ma jikkundizzjonax tali ftehim għal formalità partikolari.


28      Dawn huma siltiet minn ittra ddatata d‑19 ta’ Jannar 2021 (Anness B.6) u messaġġ elettroniku ddatat it‑2 ta’ Mejju 2023 (Anness B.7) mibgħuta mill-awtoritajiet Pollakki lill-awtoritajiet Ġermaniżi. L-ewwel waħda kienet tgħid dan li ġej: “[p]lease inform the Chief Inspector of Environmental Protection what measures have been taken and whether the approximate date of return the waste to Germany is already known”. [“[j]ekk jogħġbok informa lill-Ispettur Kap tal-Protezzjoni Ambjentali liema miżuri ttieħdu u jekk id-data approssimattiva tar-ritorn tal-iskart lejn il-Ġermanja hijiex diġà magħrufa” (traduzzjoni libera)]. It-tieni waħda kienet ifformulata kif ġej: “[...] could you provide current stage of the case? Has the court already issued a ruling on the case?” [“[...] tista’ tgħidli x’inhu l-istadju attwali tal-każ? Il-qorti diġà ħarġet deċiżjoni dwar il-każ?” (traduzzjoni libera)]. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba twettaq stħarriġ fattwali skont il-prinċipju tal-libertà tal-prova, konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      L-irkupru ta’ dan l-iskart fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 ikun meħtieġ, f’ċerti każijiet, jekk l-impriżi Ġermaniżi jkunu għamlu vjeġġi tal-imsemmi skart bħala skart li jidher fil-lista “ekoloġika” (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet), bl-użu tal-proċedura ta’ informazzjoni, filwaqt li l-istess skart, li ma jkunx elenkat f’din il-lista, kellu jiġi ttrasportat skont il-proċedura ta’ komunikazzjoni minn qabel u kunsens bil-miktub (ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet). F’każijiet oħra, dan it-teħid lura jkun meħtieġ minħabba li l-kumpanniji Pollakki destinatarji tal-iskart ma kellhomx l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għat-trattament ta’ dan l-iskart.


30      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma huwiex stabbilit li saru vjeġġi kontenzjużi illegali, u lanqas li eventwali vjeġġi illegali jistgħu jiġu imputati lill-kumpanniji Ġermaniżi kkonċernati. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-pożizzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ parti mill-vjeġġi relatati mas-sit Nru 2.


31      Ara, rispettivament, l-Annessi A.14 u A.29 (minuti tal-kontrolli mwettqa fuq dawn is-siti mill-awtoritajiet Pollakki).


32      Fir-rigward tas-sit Nru 3, ir-Repubblika tal-Polonja tindika, fir-rikors tagħha, kwantità ta’ 3 360 tunnellata, u, fir-replika tagħha, kwantità ta’ 1 039 tunnellata. Waqt is-seduta, hija ppreċiżat li din kienet stima approssimattiva.


33      Fis-sens tal-punt 35(e) u (g)(iii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006 fir-rigward tas-sit Nru 2, kif ukoll fis-sens tal-punt 35(a), (b), (e) u (g)(i) u (iii) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tas-sit Nru 3.


34      It-vjeġġi ta’ skart lejn is-sit Nru 2 jikkonċernaw, minn naħa, il-kumpanniji Ġermaniżi produtturi jew tad-dispaċċ ALBA Niedersachsen-Anhalt GmbH (stabbilita fi Braunschweig, il-Ġermanja), ALBA Niedersachsen-Anhalt GmbH (stabbilita f’Seehausen, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem “ALBA Seehausen”), Altmärkische Entsorgung und Transport GmbH (iktar ’il quddiem “Altmärkische”), Schutt-Karl GmbH, Parentin GmbH, Drekopf Recyclingzentrum Leipzig GmbH (iktar ’il quddiem “Drekopf”), kif ukoll Recom Entsorgung (iktar ’il quddiem “Recom”), u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija Pollakka destinatarja Bravet sp. Z o.o. Il-vjeġġi ta’ skart lejn is-sit Nru 3 jikkonċernaw il-kumpannija Ġermaniża tad-dispaċċ Parentin u l-kumpannija Pollakka destinatarja PPH LWN sp. Z o.o.


35      Nirreferi, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, għall-Katalgu ta’ Skart Ewropew (KSE) u għall-klassifikazzjoni li huwa jistabbilixxi, kif imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat‑3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabilixxi lista ta’ skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 151). Din id-deċiżjoni ġiet emendata, fl-aħħar lok, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 370, p. 44, rettifika fil- ĠU 2017, L 40, p. 78).


36      B’mod iktar preċiż, skart li jaqa’ taħt l-entrata 17 08 02, jiġifieri “materjali tal-kostruzzjoni ibbażati fuq il-ġibs minbarra dawk imsemmija fl-entrata 17 08 01” (din l-aħħar entrata tirrigwarda “materjali tal-kostruzzjoni bbażati fuq il-ġibs kontaminati b’sustanzi perikolużi”).


37      Il-kumpannija Pollakka Bravet, destinatarja tal-iskart tal-vjeġġi lejn is-sit Nru 2, għandha awtorizzazzjoni għall-irkupru (operazzjonijiet R 5) tal-iskart tal-konkos u għall-ġbir tagħhom, iżda mhux għall-irkupru, tal-iskart tal-ġibs. Min-naħa l-oħra, il-kumpannija Pollakka PPH LWN, destinatarja tal-iskart tal-vjeġġi lejn is-sit Nru 3, ma għandhiex awtorizzazzjoni la għall-ġbir u lanqas għall-irkupru (operazzjonijiet R 5) ta’ dan l-iskart, tal-inqas fiż-żona fejn dan tħatt.


38      Il-kumpanniji Ġermaniżi kkonċernati, konxji mill-assenza ta’ awtorizzazzjoni, huma konsegwentement responsabbli għal dawn il-vjeġġi illegali.


39      Dan huwa l-każ, minn naħa, għall-vjeġġi kollha ta’ skart attribwiti mir-Repubblika tal-Polonja lill-impriżi ALBA Braunschweig u Schutt-Karl, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għal parti mill-vjeġġi ta’ skart attribwiti minn dan l-Istat Membru lill-impriżi ALBA Seehausen, Altmärkische, Parentin, Drekopf u Recom.


40      Ara l-messaġġ elettroniku tal‑11 ta’ Jannar 2019 (Anness A.24) u l-ittra tal‑5 ta’ Marzu 2019 (Anness A.25). F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ma għamlet ebda osservazzjoni addizzjonali fir-replika tagħha.


41      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-pożizzjoni sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, is-sempliċi fatt li nstab skart tal-ġibs fis-sit Nru 2 ma jippermettix li jintwera b’mod suffiċjenti fid-dritt li dan l-iskart kien ġej mill-kumpannija Ġermaniża tad-dispaċċ Parentin.


42      Fil-fatt, fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet Ġermaniżi rigward dawn il-vjeġġi, l-awtoritajiet Pollakki ppreċiżaw, fil-messaġġ elettroniku tagħhom tal‑11 ta’ Jannar 2019 (Anness A.24), miktub bl-Ingliż: “Normally in this situation we would request for take back but the waste has been mixed together with other plasterboard waste that was already deposited on the land. Therefore it is impossible to distinguish which waste came from which company. I do not know whether take-back in this situation is possible”. [“Normalment f’din is-sitwazzjoni nitolbu sabiex nieħdu lura iżda l-iskart kien tħallat ma’ skart ieħor tal-plasterboard li diġà kien ddepożitat fuq l-art. Għaldaqstant huwa impossibbli li wieħed jiddistingwi liema skart ġie minn liema kumpannija. Ma nafx jekk it-teħid lura f’din is-sitwazzjoni huwiex possibbli” (traduzzjoni libera)]. Dawn l-awtoritajiet talbu wkoll l-opinjoni tal-interlokuturi tagħhom dwar din is-sitwazzjoni (“[p]lease let me know your views on this”) [“jekk jogħġbok għarrafni bil-fehma tiegħek dwar dan is-suġġett”] u stiednu lil dawn tal-aħħar sabiex jinformaw lill-kumpanniji Ġermaniżi kkonċernati (jiġifieri Drekopf u Recom) li l-kumpannija Pollakka destinatarja Bravet ma setgħetx tittratta l-iskart taħt l-entrata 17 08 02 u li l-vjeġġi sussegwenti ta’ dan l-iskart kellhom jiġu mblukkati. L-ittra tal‑5 ta’ Marzu 2019 (Anness A.25), fit-traduzzjoni bl-Ingliż ippreparata mill-imsemmija awtoritajiet, irrimarkat li t-trasporti inkwistjoni “were mixed with each other and with the waste already on the site, which made it impossible to distinguish between them and take-back was not possible” [“kienu mħallta ma’ xulxin u mal-iskart li kien diġà fis-sit, u dan għamilha impossibbli li wieħed jiddistingwi bejniethom u t-teħid lura ma kienx possibbli” (traduzzjoni libera)]. Fir-replika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ppreċiżat li l-iskart inħatt u tqassam fis-sit Nru 2 permezz ta’ bulldozer.


43      Fil-fatt, dawn il-vjeġġi, iddikjarati bħala vjeġġi ta’ skart tal-ġibs fil-formoli tal-Anness VII, ma ssemmewx la fl-ewwel talba ta’ teħid lura tal-iskart mibgħuta mill-awtoritajiet Pollakki (Anness A.35) u lanqas fil-korrispondenza sussegwenti (Annessi A.36 sa A.44). Fir-replika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ppreċiżat li din iċ-ċirkustanza kienet tqajmet sabiex turi li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-kumpannija Ġermaniża tad-dispaċċ Parentin, din tal-aħħar ma kinitx tibgħat biss skart tal-konkos, iżda wkoll skart tal-ġibs. Waqt is-seduta, hija għamlet riferiment għall-messaġġ elettroniku tal‑11 ta’ Jannar 2024 (Anness A.24) (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


44      B’mod partikolari, jidher mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kumpannija Pollakka Bravet, destinatarja tal-iskart ittrasferit għas-sit Nru 2, kellha awtorizzazzjoni għall-ġbir u l-irkupru (operazzjonijiet R 5) tal-iskart tal-konkos kif ukoll għall-ġbir, iżda mhux għall-irkupru, tal-iskart tal-ġibs (ara l-Annessi A.15, A.17 u B.12), u li l-kumpannija Pollakka PPH LWN, destinatarja tal-iskart ittrasferit għas-sit Nru 3, kellha awtorizzazzjoni għall-ġbir tal-iskart tal-konkos (f’ċerti żoni), iżda mhux għall-irkupru ta’ dan l-iskart (l-Anness A.30).


45      Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, il-“ġbir” huwa ddefinit bħala l-“ġbir ta’ l-iskart, inkluż l-għażla preliminari u l-ħżin preliminari ta’ l-iskart għall-finijiet tat-trasport lejn impjant tat-trattament ta’ l-iskart”. Il-premessa 15 tad-Direttiva 2008/95 tenfasizza li “[j]eħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-ħażna preliminari ta’ l-iskart sakemm jinġabar, il-ġbir ta’ l-iskart u l-ħażna ta’ l-iskart sakemm jiġi ttrattat” u li “[s]tabbilimenti jew impriżi li jipproduċu l-iskart matul l-attivitajiet tagħhom m’għandhomx jitqiesu bħala involuti fl-immaniġġar ta’ l-iskart u suġġetti għall-awtorizzazzjoni biex jaħżnu l-iskart tagħhom sakemm dan jinġabar”. Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tippreċiża, b’mod partikolari, li “[l]-ħażna preliminari ta’ l-iskart fid-definizzjoni ta’ ġbir hija mifhuma bħala attività ta’ ħażna sakemm jinġabar ġewwa faċilitajiet fejn jitbattal l-iskart sabiex tkun tista’ ssir il-preparazzjoni tiegħu għal trasport ulterjuri għall-irkupru jew ir-rimi x’imkien ieħor”. Din il-premessa żżid li “[d]-distinzjoni bejn il-ħażna preliminari ta’ skart sakemm jinġabar u l-ħażna ta’ skart sakemm jiġi ttrattat għandha ssir, b’kont meħud ta’ l-objettiv ta’ din id-Direttiva, skond it-tip ta’ skart, id-daqs u l-perijodu ta’ żmien tal-ħażna u l-objettiv tal-ġbir”.


46      L-Anness II tad-Direttiva 2008/98 jiddefinixxi l-operazzjoni ta’ rkupru R 13 bħala “[ħ]żin ta’ skart sa meta ssir waħda mill-operazzjonijiet enumerati minn R 1 sa R 12 (ħlief il-ħżin temporanju, sakemm isir il-ġbir, fuq is-sit fejn jiġi prodott l-iskart)”. Barra minn hekk, in-nota ta’ qiegħ il-paġna relatata ma’ din id-definizzjoni tippreċiża li “‘[ħ]żin temporanju’ tfisser ħżin preliminari skond il-punt (j) ta’ l-Artikolu 3” ta’ din id-direttiva (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet). F’dan il-każ, jidher li l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-kumpannija Pollakka destinatarja Bravet għall-“ġbir” tal-iskart (Annessi A.17 u B.12) ma ssemmix l-operazzjonijiet ta’ rkupru R 13 u, fi kwalunkwe każ, tiddeskrivi l-metodu tal-ġbir, fil-punt 2, 3)(a), bħala operazzjoni li biha l-iskart jiġi, b’mod partikolari, “maħżun għal ċertu perijodu ta’ żmien sakemm tinġabar kwantità suffiċjenti, imbagħad jiġi ttrasferit permezz ta’ vjeġġ lil detentur ieħor tal-iskart bl-awtorizzazzjoni xierqa għall-immaniġġjar tal-iskart”. Din id-definizzjoni tikkorrispondi, fil-fehma tiegħi, għal dik ta’ “ġbir” fis-sens tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 2008/98 hija differenti minn dik ta’ “ħżin” kif prevista fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ rkupru R 13.


47      Għalhekk tqum il-kwistjoni tat-tqassim tar-riskju bejn, minn naħa, il-kumpanniji produtturi jew tad-dispaċċ tal-iskart u, min-naħa l-oħra, il-kumpanniji destinatarji ta’ dan l-iskart, fil-każ ta’ informazzjoni ineżatta li tinsab fil-formola tal-Anness VII jew fid-dokumenti l-oħra relatati mal-vjeġġ tiegħu.


48      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      F’dan ir-rigward, ma naqbilx bis-sħiħ mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha li, essenzjalment, l-organizzaturi huma responsabbli biss meta jkollhom “aċċess faċli” għall-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet meta jimlew il-formola tal-Anness VII. Fil-fatt, dan l-approċċ jidhirli li huwa vag u ristrett wisq fir-rigward tar-responsabbiltà tal-produttur jew tal-kunsinnaturi tal-iskart li, għalkemm ma huwiex obbligat iwettaq kontrolli dwar l-awtentiċità tad-dokumenti meħtieġa (l-eventwali falsifikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti hija, evidentement, ir-responsabbiltà unika tal-impriża li pprovdiethom), ma jistax jillimita ruħu biss għad-dikjarazzjonijiet tad-destinatarju, iżda huwa obbligat jadotta approċċ proattiv li jikkonsisti, bħala minimu, f’li jitlob kopja tal-awtorizzazzjoni li għandu d-destinatarju (ħlief jekk, pereżempju, tali kopja diġà tkun ġiet ipprovduta lilu fl-okkażjoni ta’ vjeġġi preċedenti). Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tippreċiża s-sitwazzjonijiet konkreti li fihom jista’ jiġi stabbilit li impriża għandha “aċċess faċli” għall-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet, li jiddependi minn ċirkustanzi fattwali ħafna drabi indipendenti mir-rieda ta’ din il-kumpannija u li, għaldaqstant, ma humiex deċiżivi fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-diliġenza tagħha. Dan l-approċċ relattivament strett fir-rigward tal-produttur jew tal-kunsinnatur tal-iskart huwa wkoll ibbażat, fil-fehma tiegħi, minn naħa, fuq l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/98, li jipprovdi li, meta jsir vjeġġ ta’ skart, għal finijiet ta’ trattament preliminari, mill-produttur jew mid-detentur oriġinali lil negozjant, stabbiliment jew impriża li jwettqu operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart jew minn kollettur tal-iskart, ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ operazzjoni sħiħa ta’ rkupru jew ta’ rimi ma tinħelisx, bħala regola ġenerali, u, min-naħa l-oħra, fuq il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1013/2006, li skontha, fid-dawl tar-responsabbiltà tal-produtturi tal-iskart għall-immaniġġar ambjentalment san tal-iskart, huma għandhom, sa fejn ikun possibbli, jimlew huma stess id-dokumenti ta’ komunikazzjoni u ta’ moviment dwar il-vjeġġi ta’ skart. Ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 78).


50      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Huwa minnu li l-formola tal-Anness VII tirreferi għall-istruzzjonijiet li jinsabu fl-Anness I C tar-Regolament Nru 1013/2006 u li l-punt 21 ta’ dan l-anness jippreċiża, b’mod partikolari, li, f’dak li jirrigwarda l-kaxxa relatata mal-impjant ta’ rkupru, “it-tagħrif korrispondenti dwar il-faċilità jew il-faċilitiajiet sussegwenti, fejn tista’ sseħħ/jistgħu jseħħu kwalunkwe operazzjoni R12/R13 [...] sussegwenti għandu jingħata”. Madankollu, nirrileva, minn naħa, li dawn l-istruzzjonijiet jikkonċernaw id-dokumenti ta’ komunikazzjoni u japplikaw biss b’mod anċillari għad-dokumenti tal-proċedura ta’ komunikazzjoni. Ir-rekwiżit li jiġu indikati l-faċilitajiet ta’ rkupru mhux intermedji huwa previst biss fl-Artikolu 15(a) ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-Kapitolu I tiegħu, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ komunikazzjoni u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel u mhux għal dik ta’ informazzjoni (id-dispożizzjoni inkwistjoni tippreċiża li: “[f]ejn vjeġġ ta’ skart huwa destinat għal operazzjoni ta’ rkupru jew rimi temporanju, l-impjanti kollha fejn ikunu previsti operazzjonijiet sussegwenti ta’ rkupru u rimi temporanju u kif ukoll mhux temporanju għandhom ikunu indikati fid-dokument ta’ komunikazzjoni flimkien ma’ l-operazzjoni inizjali temporanja ta’ rkupru jew rimi.”). Min-naħa l-oħra, nosserva li l-istruzzjonijiet dwar il-proċedura ta’ informazzjoni ma jinkludux il-preċiżazzjoni inkluża fit-tieni paragrafu tal-punt 5 tal-Anness II tal-imsemmi regolament, dwar l-informazzjoni dwar il-komunikazzjoni, li tipprovdi li “[j]ekk l-iskart ikun ddestinat għal operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ rimi temporanju, għandha tiġi indikata informazzjoni simili dwar l-impjanti kollha fejn ikunu previsti operazzjonijiet susseguenti, ta’ rimi jew ta’ rkupru temporanji jew mhux temporanji”. L-assenza ta’ din il-preċiżazzjoni fl-istruzzjonijiet dwar il-proċedura ta’ informazzjoni twassalni sabiex nikkonkludi li r-rekwiżiti relatati magħha huma inqas stretti minn dawk li jirrigwardaw il-proċedura ta’ komunikazzjoni u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel fir-rigward tal-indikazzjoni tal-impjanti ta’ rkupru.


53      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 dwar vjeġġi ta’ skart, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-[Regolament Nru 1013/2006] (ĠU 2024, L 1157, rettifika fil-ĠU L, 2025/90042). L-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament il-ġdid jipprevedi, għall-ewwel darba u b’mod espliċitu, li “[m]eta vjeġġ ikun destinat għal irkupru interim, il-faċilità fejn ikun previst l-irkupru interim jew mhux interim direttament wara l-irkupru interim inizjali, u l-kodiċijiet-R ta’ dawk l-operazzjonijiet, għandhom jiġu indikati wkoll fid-dokument tal-Anness VII flimkien mal-irkupru interim inizjali, kif ukoll, meta prattikabbli, il-faċilitajiet fejn ikun previst irkupru sussegwenti interim jew mhux interim u l-kodiċijiet-R tal-operazzjonijiet ta’ rkupru relatati”. Fil-fehma tiegħi, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax neċessarjament li l-indikazzjoni ta’ impjanti sussegwenti, meta vjeġġ ikun intiż għal irkupru intermedjarju (prevista f’“meta prattikabbli”), ma hix obbligatorja qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, jiġifieri fil‑21 ta’ Mejju 2026. Fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni f’dan is-sens fil-premessi jew fix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni tal-istess regolament, l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tabilħaqq tiġi interpretata bħala li tippreċiża obbligu diġà previst, għalkemm mhux identifikat espliċitament, fir-Regolament Nru 1013/2006.


54      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 u l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Barra minn hekk, anki minn perspettiva purament fattwali, nistaqsi dwar il-mod kif il-kunsinnatur, li normalment jirrikorri għal impriża ta’ trasport terza sabiex iwettaq it-trasport lejn l-impjant ta’ rkupru, jista’ jkollu xi kontroll fuq il-post eżatt, ġewwa l-impjant ta’ rkupru, fejn l-iskart jinħatt, jew anki għarfien biss, tal-post eżatt,


56      Ara, rispettivament, l-Annessi A.48 u A.61 (minuti tal-kontrolli mwettqa fuq dawn is-siti mill-awtoritajiet Pollakki).


57      Fis-sens tal-punt 35(a), (b), (e) u (g)(i) u (iii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006.


58      Il-vjeġġi tal-iskart lejn is-sit Nru 4 jikkonċernaw, minn naħa, il-produttur Ġermaniż Wurzer Wertstoff GmbH (iktar ’il quddiem “Wurzer”), l-esportatur Ġermaniż Trade & Service GmbH, u, min-naħa l-oħra, l-intermedjarji Pollakki Inter-Nicco sp. z o.o. sp. k.u F.H.U. Marko (iktar ’il quddiem “Marko”), kif ukoll id-destinatarji Pollakki Ekobiopell Invest sp. Z o.o. (iktar ’il quddiem “Ekobiopell”) u A&P sp. z o.o., filwaqt li l-vjeġġi tal-iskart lejn is-sit Nru 5 jikkonċernaw, minn naħa, il-kunsinnaturi Ġermaniżi Böhme GmbH (iktar ’il quddiem “Böhme”) u Lobbe RSW GmbH (iktar ’il quddiem “Lobbe”) u, min-naħa l-oħra, id-destinatarji Pollakki Havel Investment sp. Z o.o. (iktar ’il quddiem “Havel”) u Recovery Green Recycling sp. Z o.o. (iktar ’il quddiem “Recovery”), fl-artijiet ta’ RS Robert Szymkowicz (iktar ’il quddiem “Szymkowicz”). Fir-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssemmi l-kodiċi ta’ impriża Ġermaniża oħra li l-identià ma hijiex ippreċiżata, iżda titlob biss it-teħid lura tal-iskart li jikkonċerna lil Lobbe u Böhme. Hija tirreferi wkoll, fir-replika tagħha, għal vjeġġ ta’ skart allegatament illegali provenjenti mill-kumpanniji Ġermaniżi PB Solutions GmbH, Borchers Kreislaufwirtschaft GmbH u ALBA Recycling GmbH, mingħajr madankollu ma tipprovdi provi suffiċjenti li juru l-involviment ta’ dawn il-kumpanniji fil-vjeġġi ta’ skart lejn is-sit Nru 5. Barra minn hekk, il-vjeġġi ta’ skart allegatament imputabbli għall-imsemmija kumpanniji lanqas ma jissemmew fl-Anness C.2, li jinkludi sunt tal-informazzjoni u tal-provi li jinsabu fl-ilment dwar il-vjeġġi allegatament illegali ta’ skart, inkluż lejn is-sit Nru 4.


59      B’mod iktar preċiż, skart li jaqa’ taħt l-entrata 19 12 12, jiġifieri “skart ieħor (li jinkludi taħlitiet ta’ materjali) minn trattament mekkaniku ta’ skart minbarra dak imsemmi f’19 12 11” (din l-aħħar entrata tirrigwarda “skart ieħor (li jinkludi taħlitiet ta’ materjali) mit-trattament mekkaniku ta’ skart li jkun fih sustanzi perikolużi”)”.


60      Würzer kienet ittrasferixxiet l-iskart permezz tal-organizzatur Trade & Service, li kkonkluda kuntratt ta’ vjeġġi ta’ skart ma’ Inter-Nicco. Din tal-aħħar imbagħad allegatament ttrasportat l-iskart, fuq bażi ta’ kuntratt ta’ senserija ma’ Marko, lejn impjant f’Gliwice, operat mill-kumpanniji Ekobiopell u A&P, li magħhom Marko kienet iffirmat kuntratti ta’ vjeġġi ta’ skart.


61      Fil-fatt, dan l-iskart tal-plastik huwa kkontaminat minn materjali oħra, b’tali mod li ma jaqax taħt l-entrata tal-iskart tal-plastik.


62      Ara, rigward l-involviment ta’ kumpanniji oħra, kif invokat mir-Repubblika tal-Polonja, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Ladarba l-vjeġġi daħlu fit-territorju Pollakk, il-formoli tal-Anness VII inizjali ġew issostitwiti b’formoli ġodda tal-Anness VII li jindikaw lil “Spółdzielnia Socjalna „PLUS” Żagań bħala l-kumpannija inkarigata mill-vjeġġ, u “Sarbia 36” bħala d-destinatarja. Barra minn hekk, l-ordnijiet u l-fatturi tat-trasport juru l-lokalitajiet Ġermaniżi fejn huma stabbiliti Lobbe u Böhme, bħala l-post tat-tagħbija, u Sarbia, bħala l-post tal-ħatt.


64      L-iskart inkwistjoni ġie ttrasferit inizjalment lil din l-impriża f’Jawiszowice, imbagħad sussegwentement lejn destinatarji oħra f’Gliwice.


65      Barra minn hekk, dan l-iskart ma ġiex ittrasportat lejn il-faċilità ta’ rkupru identifikata fid-dokumenti tat-trasport u fil-formoli tal-Anness VII, iżda direttament lil Sarbia, fejn ma kienet teżisti ebda faċilità ta’ rkupru, abbażi, barra minn hekk, minn dokumenti ta’ vjeġġ iffalsifikati.


66      Ara l-Anness B.20.


67      Ara l-Anness A.59 (dokumenti dwar il-kunsinna tal-iskart mill-Ġermanja lejn Gliwice).


68      Fil-fatt, skont id-dokumenti prodotti mir-Repubblika tal-Polonja (bħal fatturi, ordnijiet ta’ trasport, dokumenti CMR, biljetti tal-użin u formoli tal-Anness VII, ara, f’dan ir-rigward, l-Anness A.59), jidher probabbli li ċerti vjeġġi ta’ skart saru direttament mill-Ġermanja lejn Gliwice.


69      B’mod partikolari, it-testimonjanzi tas-sewwieqa miġbura bħala parti minn investigazzjoni kriminali (Anness A.58) u d-dikjarazzjoni tar-rappreżentant ta’ Marko (Anness A.56). Bl-istess mod, ir-ritratti meħuda waqt l-ispezzjoni, li juru skart minn prodotti Ġermaniżi (u Awstrijaki), ma humiex, waħedhom, biżżejjed biex ir-responsabbiltà għal dan l-iskart tiġi attribwita lill-kumpanniji Ġermaniżi kkonċernati (Anness A.48). Barra minn hekk, il-fatt li l-kumpanniji A&P u Ekobiopell ma għandhom l-ebda awtorizzazzjoni għat-trattament tal-iskart ma jistax iwassal għal responsabbiltà min-naħa tal-kumpanniji Ġermaniżi responsabbli għal dan l-iskart, fl-assenza ta’ rabta diretta bejn il-kumpanniji Pollakki u Ġermaniżi involuti.


70      Il-formoli tal-Anness VII, mimlija miż-żewġ kumpanniji Ġermaniżi kkonċernati, jikklassifikaw l-iskart bħala skart tal-plastik li jaqa’ taħt il-lista “ekoloġika” u jindikaw, minn naħa, lil Lobbe bħala organizzatur tal-vjeġġ, kif ukoll lil Havel lejn Chełmek bħala destinatarju u impjant ta’ rkupru, kif ukoll, min-naħa l-oħra, lil Böhme bħala organizzatur tal-vjeġġ, lil Recovery bħala destinatarju, u lil Havel bħala l-impjant ta’ rkupru.


71      Għandu jsir referiment partikolari għall-ispezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Pollakki (Anness A.61) u għar-riżultati tal-investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Reġjonali tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Tarnów (Anness A.67).


72      Din l-“ordni ta’ newtralizzazzjoni” kienet, essenzjalment, tikkonsisti fis-sostituzzjoni tad-dokumenti oriġinali (b’mod partikolari l-formoli tal-Anness VII) b’dokumenti ffalsifikati. Pereżempju, ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva riferiment addizzjonali fil-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn il-kumpanniji Pollakki Karol u Hunters Investment, li jgħid li “huwa essenzjali li s-sewwieq ma jispeċifikax id-destinazzjoni tal-merkanzija waqt it-tagħbija” (ara l-Anness A.66).


73      Fil-fatt, ma teżisti ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li l-kumpanniji Ġermaniżi setgħu kienu jafu b’din id-devjazzjoni, li hija prinċipalment ir-responsabbiltà tal-kumpanniji Pollakki. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tagħmel riferiment għal formola tal-Anness VII (Anness A.70) li jingħad li turi l-eżistenza ta’ kooperazzjoni bejn Lobbe u Logistics Hunters, kumpannija allegatament responsabbli għall-vjeġġ tal-iskart direttament mill-Ġermanja lejn Sarbia. Madankollu, dan id-dokument, bħall-formoli l-oħra tal-Anness VII disponibbli, fil-verità jirrigwarda vjeġġ ta’ skart lejn l-impjant ta’ Havel f’Chełmek. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar kemm l-iskart inkwistjoni seta’ jiġi kklassifikat taħt l-entrata 19 12 04 (korrispondenti għall-entrata B 3010 tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu pprovat f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal‑1 ta’ Frar 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301), fid-dawl tal-livell ta’ impurità tiegħu, ma hijiex determinanti. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirlix li huwa stabbilit li dan l-iskart qabeż il-livell ta’ impurità awtorizzat mid-definizzjoni tal-entrata B 3010 tal-Konvenzjoni ta’ Basel, kif interpretata fid-dawl tad-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Frequently Asked Questions (FAQs) on Regulation (EC) 1013/2006 on shipments of waste”, li huwa disponibbli, bl-Ingliż, fl-indirizz li ġej: https://ec.europa.eu/environment/pdf/waste/shipments/faq.pdf.


74      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja sempliċement ittenni fir-replika tagħha li l-kwantità ta’ skart preżenti f’Sarbia kienet stmata li hija madwar 8 700 tunnellata, li l-maġġoranza tagħhom kienu ta’ oriġini Ġermaniża.


75      Ara l-Annessi A.72 (minuti tal-ispezzjoni mwettqa fuq is-sit mill-awtoritajiet Pollakki) u A.73 (ritratti meħuda f’dan is-sit).


76      Skart muniċipali mħallat, li jaqa’ taħt l-entrata 19 12 12 (madwar 70 % ta’ dan l-iskart), ikkontaminat b’materjali organiċi, u skart tal-plastik ieħor, li jaqa’ taħt l-entrata 19 12 04 (madwar 30 % tal-imsemmi skart), li fih kontaminant minerali.


77      Fis-sens tal-punt 35 tal-Artikolu 2(a), (b), (e) u (g)(i) u (iii) tar-Regolament Nru 1013/2006.


78      Il-vjeġġi ta’ skart lejn is-sit inkwistjoni jikkonċernaw, minn naħa, l-impriżi Ġermaniżi Lobbe, Vorberg Recycling GmbH, WAZ Werstoff-Aufberentulgs-Zentrum GmbH u TAK GmbH, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-impriża Pollakka Ecomed Adam Macech, li hija inkwilina ta’ maħżen f’Bzowo.


79      B’mod partikolari, huma rilevanti l-ispezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Pollakki u r-riżultati ta’ investigazzjoni kriminali mwettqa mill-Uffiċċju Reġjonali tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Tarnów (ara l-Anness A.74, l-ittra ta’ dan tal-aħħar).


80      Ara l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Ecomed Adam Macech għall-ġbir ta’ skart tal-plastik (Anness A.72, p. 3042).


81      Per eżempju, ir-ritratti meħuda fis-sit Nru 6 (Annessi A.72 u A.73), li juru skart b’tikketti bin-numru tal-identifikazzjoni ta’ Lobbe (10999), żgur jikkonfermaw li skart minn dik il-kumpannija kien preżenti f’dak is-sit, iżda ma jurux, bil-livell legali meħtieġ, li dik l-impriża kienet involuta fit-trasport tiegħu. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li kienet ġiet informata bit-trasport, huwa wkoll possibbli li l-kumpanniji Pollakki kkonċernati kienu organizzaw il-vjeġġi illegali mingħajr ebda involviment tal-istess impriża.


82      Pereżempju, l-elementi fil-formoli tal-Anness VII li jistgħu jiġu assoċjati ma’ Lobbe kienu jikkonċernaw biss vjeġġi ta’ skart tal-plastik taħt l-entrata 19 12 04 lejn Havel Investment f’Chełmek (ara l-Anness B.33).


83      Ara l-Anness A.74 (id-dokumenti tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Tarnów), b’mod partikolari p. 3146.


84      Barra minn hekk, ma jidhirlix, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, li s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Nutrivet (C‑69/15, EU:C:2016:425, punti 37 u 38) hija rilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, f’din il-kawża, ġie stabbilit li d-dokumenti ta’ akkumpanjament inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jindikaw kumpannija differenti minn dik li għaliha kienu fil-fatt maħsuba l-vjeġġi ta’ skart inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita fi Stat Membru ieħor, li kienet imsemmija bħala impjant ta’ rkupru, minkejja li ma kinitx tinsab fil-pajjiż ta’ destinazzjoni indikat f’dawn id-dokumenti.


85      Ara l-punt 214 tal-ilment (Annessi A.81 u B.5). Għal din ir-raġuni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan l-ilment sa fejn huwa invokat fir-rigward tas-siti Nri 3, 4 u 6, filwaqt li r-Repubblika tal-Polonja, waqt li tirrikonoxxi li l-ilment tagħha kien jirreferi biss għas-sit Nru 5, issostni li r-riferiment għas-siti Nri 3, 4 u 6, fir-rikors, ma jikkostitwixxix estensjoni tat-tieni lment, iżda biss preċiżazzjoni dwaru. Ara, f’dan is-sens, Prete, L., Infringement Proceedings in EU Law, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2017, p. 203.


86      Għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 tuża l-espressjoni “notifikat”, jidhirli li din tapplika wkoll għall-iskart inizjalment suġġett għall-proċedura ta’ informazzjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni differenti twassal għar-riżultat paradossali li din id-dispożizzjoni tkun applikabbli (u, għalhekk, toħloq obbligu ta’ komunikazzjoni) biss meta l-iskart ikun diġà ġie kkomunikat. L-interpretazzjoni li nipproponi, min-naħa l-oħra, tidher koerenti mal-kuntest li fih taqa’ l-imsemmija dispożizzjoni, li tinsab fil-Kapitolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali”, kif ukoll mal-għan tagħha, li jikkonsisti preċiżament f’li jiġu solvuti d-diverġenzi ta’ opinjoni bejn l-awtoritajiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament.


87      Fi kliem ieħor, l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 jistabbilixxi klassifikazzjoni sussidjarja tal-iskart fil-każ ta’ diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn l-awtoritajiet ikkonċernati, li jwasslu għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ komunikazzjoni u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Dan l-approċċ huwa konformi mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, peress li jiżgura l-ogħla livell ta’ sorveljanza u kontroll skont dak ir-regolament. Minn dan isegwi li l-proċedura ta’ komunikazzjoni u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel għandha titqies bħala l-proċedura prestabbilita sabiex jiġu żgurati sorveljanza u kontroll ottimali tal-vjeġġi ta’ skart fi ħdan l-Unjoni sabiex jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Il-proċedura ta’ informazzjoni, min-naħa l-oħra, hija xierqa biss għall-iskart li jeħtieġ livell iktar baxx ta’ sorveljanza u ta’ kontroll.


88      Dan l-Istat Membru jikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 4(3) TUE f’dan il-każ, minħabba li r-Regolament Nru 1013/2006 jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u għalhekk jikkostitwixxi lex specialis.


89      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE huwa distint minn nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi speċifiċi li fihom dan jimmanifesta ruħu. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkonstatat biss sa fejn jirrigwarda aġir distint minn dak li jikkostitwixxi l-ksur ta’ dawn l-obbligi speċifiċi (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).


90      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti għal dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, Il‑Latvja vs L‑Isvezja (Sistemi ta’ garanzija tad-depożiti), C‑822/21, EU:C:2024:373, punti 99 u 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


91      Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażati fuq l-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Kummissjoni, li ma għandhiex setgħat investigattivi proprji f’dan il-qasam, tiddependi ħafna fuq l-elementi pprovduti mill-eventwali lanjanti, korpi privati jew pubbliċi attivi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll minn dan l-Istat Membru stess, u huma primarjament l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu l-verifiki neċessarji fuq il-post, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, konformement mad-dmir ta’ kull Stat Membru li jiffaċilita l-kompitu ġenerali tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (C‑140/14, EU:C:2015:501, punti 40 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata)). L-istess prinċipju japplika, b’analoġija, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq l-Artikolu 259 TFUE.


92      Ara l-analiżi tiegħi fl-ewwel ilment fir-rigward tas-siti Nri 2 sa 6.


93      Tabilħaqq, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, inklużi dawk li jirriżultaw mill-organizzazzjoni federali tiegħu, sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ konformità mal-obbligi u l-iskadenzi preskritti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑383/00, EU:C:2002:289, punt 20)), l-uniku każ, invokat mill-awtoritajiet Pollakki f’dan ir-rigward, relatat mas-sit Nru 3, ikkonkluda, wara diversi skambji (Annessi A.37, A.39 u A.40), b’risposta ta’ rifjut mill-awtoritajiet kompetenti (Anness A.44).