|
29.3.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 91/27 |
DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-21 ta’ Marzu 2012
li temenda Deċiżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral
(BĊE/2012/4)
(2012/180/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti f’Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) (minn hawn ’il quddiem id-“Dokumentazzjoni Ġenerali”). |
|
(2) |
Il-BĊNi m’għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw bħala kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bonds tal-bank eliġibbli ggarantiti minn Stat Membru taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali jew minn Stat Membru li l-valutazzjoni tal-kreditu tiegħu ma tissodisfax il-limitu ta’ referenza tal-Eurosistema biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit minimu tiegħu għal standards ta’ kreditu għoljin. |
|
(3) |
Miżura bħal din tista’ tiġi applikata b’mod temporanju. Din il-miżura għandha għalhekk tkun introdotta billi tiġi emendata d-Deċìżjoni BĊE/2011/25 tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l- eliġibbiltà tal-kollateral, (2) |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emenda
L-Artikolu 4a li ġej huwa mdaħħal fid-Deċiżjoni BĊE/2011/25:
“Artikolu 4a
Aċċettazzjoni ta’ ċerti bonds tal-bank iggarantiti mill-gvern
1. Il-BĊNi m’għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bonds tal-bank eliġibbli li huma ggarantiti minn Stat Membru taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, jew minn Stat Membru li l-valutazzjoni tal-kreditu tiegħu ma tikkonformax mal-limitu ta’ referenza tal-Eurosistema biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit minimu tiegħu għal standards ta’ kreditu għoljin għal emittenti u garanti ta’ assi negozjabbli skont Taqsimiet 6.3.1 u 6.3.2 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali.
2. Il-BĊNi għandhom jinformaw lill-Kunsill Governattiv meta jiddeċiedu li ma jaċċettawx it-titoli deskritti fil-paragrafu 1 bħala ‘kollateral’.”
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2012.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta’ Marzu 2012.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI