European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2155

24.10.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2155

tat-23 ta’ Ottubru 2025

li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-arranġamenti ddettaljati relatati mad-dikjarazzjoni ta’ konformità u mal-verifika mill-awditur indipendenti u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/879

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2024/573 jippermetti l-introduzzjoni fis-suq ta’ tagħmir tar-refriġerazzjoni u tal-arja kondizzjonata, pompi tas-sħana u inalaturi b’doża mkejla ċċarġjati minn qabel bl-idrofluworokarburi, jekk l-idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodotti jew fit-tagħmir ikunu meqjusin fis-sistema tal-kwoti msemmija fil-Kapitolu IV ta’ dak ir-Regolament. Meta l-manifatturi u l-importaturi jintroduċu fis-suq prodotti jew tagħmir iċċarġjat minn qabel, huma jridu, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2024/573, jiddokumentaw il-konformità ma’ dak ir-rekwiżit u jfasslu dikjarazzjoni ta’ konformità dwar dan.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/879 (2) jistabbilixxi l-arranġamenti ddettaljati relatati mad-dikjarazzjoni ta’ konformità meta t-tagħmir tar-refriġerazzjoni, tal-arja kondizzjonata u tal-pompi tas-sħana ċċarġjat minn qabel bl-idrofluworokarburi jiġi introdott fis-suq u mal-verifika ta’ din id-dikjarazzjoni minn awditur indipendenti.

(3)

Huma u jfasslu d-dikjarazzjonijiet ta’ konformità u d-dokumentazzjoni, huwa meħtieġ li jkunu previsti għażliet differenti li jirriflettu modi differenti li l-manifatturi u l-importaturi għandhom biex jiżguraw il-konformità.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2024/573 inkluda l-inalaturi b’doża mkejla fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti u tat-tagħmir imsemmija fl-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, huwa meħtieġ li dan it-tip ġdid ta’ prodott jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/879. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu introdotti għadd ta’ bidliet biex jiġu allinjati mar-Regolament (UE) 2024/573.

(5)

Sabiex tintwera l-konformità mas-sistema tal-kwoti msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2024/573, l-importaturi u l-manifatturi jeħtieġ jipprovdu tipi differenti ta’ dokumenti li jirriflettu t-tipi differenti ta’ attivitajiet imwettqa minn dawn l-impriżi. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi stabbilita lista ta’ dokumenti li l-importaturi u l-manifatturi jenħtieġ li jżommu.

(6)

Sabiex tingħata gwida għall-verifika minn parti terzi tad-dikjarazzjoni ta’ konformità u tad-dokumentazzjoni sottostanti meħtieġa skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2024/573, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika minn awditur indipendenti jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 26(7) ta’ dak ir-Regolament.

(7)

Sabiex jingħata biżżejjed żmien lill-importaturi u lill-manifatturi biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda, dan ir-Regolament jipprevedi li d-dikjarazzjonijiet ta’ konformità stabbiliti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/879 jibqgħu validi sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(8)

Minħabba d-diversi bidliet li jridu jsiru, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/879 jitħassar u jiġi sostitwit fl-interess taċ-ċarezza. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-referenzi għal dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, stabbiliti bl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2024/573,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dikjarazzjoni ta’ konformità

1.   L-importaturi u l-manifatturi tat-tagħmir tar-refriġerazzjoni u tal-arja kondizzjonata, tal-pompi tas-sħana u tal-inalaturi b’doża mkejla ċċarġjat minn qabel bl-idrofluworokarburi (“il-prodotti jew it-tagħmir”) għandhom ifasslu d-dikjarazzjoni ta’ konformità msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/573 billi jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tiġi ffirmata minn rappreżentant legali tal-manifattur jew tal-importatur tal-prodotti jew tat-tagħmir.

2.   Dikjarazzjoni ta’ konformità tista’ tirreferi biss għal awtorizzazzjoni jew delega ta’ awtorizzazzjoni jekk tali awtorizzazzjoni jew delega tkun inħarġet f’konformità mal-Artikolu 21(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2024/573, rispettivament.

Artikolu 2

Dokumentazzjoni

1.   Għal kull introduzzjoni fis-suq fl-Unjoni, il-manifatturi tal-prodotti jew tat-tagħmir iċċarġjat minn qabel bl-idrofluworokarburi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni li ġejja msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/573:

(a)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità;

(b)

lista li tidentifika l-prodotti jew it-tagħmir, u t-tip ta’ idrofluworokarburi li jinsabu fihom u l-kwantità totali tagħhom f’kilogrammi għal kull tip;

(c)

f’każ li l-idrofluworokarburi jkunu ġew fornuti lill-manifattur, in-nota tal-kunsinna jew il-fattura għall-idrofluworokarburi korrispondenti li jkunu ġew introdotti fis-suq fl-Unjoni;

(d)

f’każ li l-manifattur ikun importa u rrilaxxa għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni l-idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodotti jew fit-tagħmir qabel ma jkunu ġew iċċarġjati, id-dokumenti doganali rilevanti li juru li l-kwantità ta’ idrofluworokarburi li tinsab fil-prodotti jew fit-tagħmir tkun ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni;

(e)

f’każ li l-manifattur ikun importa l-idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodotti jew fit-tagħmir, iżda dawn ma jkunux ġew irrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni qabel ma jkunu ġew iċċarġjati, prova li jkun hemm konformità mal-proċeduri doganali rilevanti għar-rilaxx tal-kwantitajiet rilevanti ta’ idrofluworokarburi għaċ-ċirkolazzjoni libera meta dak il-prodott jew it-tagħmir jiġi introdott fis-suq;

(f)

f’każ li l-manifattur ikun ipproduċa l-idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodott jew fit-tagħmir u jkun iċċarġjahom minn qabel fil-prodott jew fit-tagħmir fl-Unjoni, dokument li juri l-kwantità ta’ idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodott jew fit-tagħmir.

Il-lista msemmija fil-punt (b) mhijiex meħtieġa jekk il-manifattur ikun jista’ juri li l-idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodotti jew fit-tagħmir kienu ġew introdotti fis-suq qabel l-iċċarġjar.

2.   L-importaturi tal-prodotti jew tat-tagħmir iċċarġjat minn qabel bl-idrofluworokarburi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni li ġejja msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/573 għal kull prodott jew tagħmir kopert b’dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni:

(a)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità;

(b)

lista li tidentifika l-prodotti jew it-tagħmir irrilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera li tipprovdi t-tagħrif li ġej:

(i)

it-tagħrif dwar il-mudell;

(ii)

l-għadd ta’ unitajiet għal kull mudell;

(iii)

l-identifikazzjoni tat-tip ta’ idrofluworokarburi li jinsabu f’kull mudell;

(iv)

il-kwantità ta’ idrofluworokarburi f’kull unità mqarrba għall-eqreb gramma;

(v)

il-kwantità totali ta’ idrofluworokarburi f’kilogrammi u f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2;

(c)

id-dikjarazzjoni doganali relatata mar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti jew tat-tagħmir fl-Unjoni;

(d)

f’każ li l-idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodott jew fit-tagħmir iċċarġjat minn qabel bl-idrofluworokarburi jkunu diġà ġew introdotti fis-suq fl-Unjoni, u wara jkunu ġew esportati u ċċarġjati fil-prodott jew fit-tagħmir barra l-Unjoni, nota tal-kunsinna jew fattura, kif ukoll dikjarazzjoni mill-impriża li tkun introduċiet l-idrofluworokarburi fis-suq, li tiddikjara li l-kwantità ta’ idrofluworokarburi tkun ġiet irrappurtata jew se tiġi rrappurtata bħala kwantità introdotta fis-suq fl-Unjoni u li din ma kinitx u mhix se tiġi rrappurtata bħala kwantità fornuta direttament għall-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 16(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/573 skont l-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament;

(e)

f’każ li kemm il-prodotti jew it-tagħmir iċċarġjat minn qabel kif ukoll l-idrofluworokarburi li jinsabu fihom ikunu ġew introdotti fis-suq fl-Unjoni mill-impriża, u wara jkunu ġew esportati barra l-Unjoni, u mbagħad importati mill-ġdid fl-Unjoni mingħajr ma jiżdiedu l-idrofluworokarburi, nota tal-kunsinna jew fattura, kif ukoll dikjarazzjoni mill-impriża li tkun introduċiet l-idrofluworokarburi fis-suq, li tiddikjara li l-kwantità ta’ idrofluworokarburi tkun ġiet irrappurtata jew se tiġi rrappurtata bħala kwantità introdotta fis-suq fl-Unjoni u li din ma kinitx u mhix se tiġi rrappurtata bħala kwantità fornuta direttament għall-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 16(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/573 skont l-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 3

Verifika

1.   L-awditur indipendenti msemmi fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2024/573 għandu jikkonferma l-veraċità tar-rapport ippreżentat minn impriża skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2024/573 u jivverifika d-dokumentazzjoni u d-dikjarazzjonijiet ta’ konformità li ġejjin tal-importatur tal-prodotti jew tat-tagħmir:

(a)

il-konsistenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità u d-dokumenti relatati mar-rapporti ppreżentati skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2024/573;

(b)

l-akkuratezza u l-kompletezza tat-tagħrif li jinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ konformità u fid-dokumenti relatati abbażi tar-rekords tal-impriża tat-tranżazzjonijiet rilevanti tan-negozju;

(c)

f’każ li importatur tal-prodotti jew tat-tagħmir jirreferi għal awtorizzazzjoni jew delega maħruġa f’konformità mal-Artikolu 21(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2024/573, rispettivament, id-disponibbiltà ta’ biżżejjed awtorizzazzjonijiet jew delegi billi titqabbel id-data fil-Portal tal-gassijiet F imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2024/573 ma’ dokumenti li jixhdu li l-prodotti jew it-tagħmir ġie introdott fis-suq;

(d)

f’każ li l-idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodotti jew fit-tagħmir ikunu ġew introdotti fis-suq fl-Unjoni, u wara jkunu ġew esportati u ċċarġjati fil-prodott jew fit-tagħmir barra l-Unjoni, l-eżistenza ta’ dikjarazzjoni mill-impriża li introduċiet l-idrofluworokarburi fis-suq f’konformità mal-Artikolu 2(2), il-punt (d), li tkopri l-kwantitajiet rilevanti;

(e)

f’każ li kemm il-prodotti jew it-tagħmir iċċarġjat minn qabel kif ukoll l-idrofluworokarburi li jinsabu fihom ikunu ġew introdotti fis-suq fl-Unjoni, u wara jkunu ġew esportati, u mbagħad importati mill-ġdid fl-Unjoni, l-eżistenza ta’ dikjarazzjoni mill-impriża li introduċiet l-idrofluworokarburi fis-suq f’konformità mal-Artikolu 2(2), il-punt (e), li tkopri l-kwantitajiet rilevanti.

2.   L-awditur indipendenti għandu joħroġ dokument ta’ verifika bis-sejbiet tiegħu wara li jagħmel il-verifika f’konformità mal-paragrafu 1. Dan id-dokument ta’ verifika għandu jinkludi dikjarazzjoni dwar il-livell ta’ akkuratezza tad-dokumentazzjoni u d-dikjarazzjonijiet ta’ konformità rilevanti kif ukoll dwar il-veraċità tar-rapport ippreżentat minn impriża skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2024/573.

L-awditur indipendenti għandu jippreżenta d-dokument ta’ verifika lill-Kummissjoni permezz tal-Portal tal-gassijiet F.

Artikolu 4

Tħassir

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/879 jitħassar. Ir-referenzi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni mħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 5

Dispożizzjoni tranżizzjonali

Id-dikjarazzjonijiet ta’ konformità stabbiliti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/879, fil-verżjoni fis-seħħ fil-jum qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom jibqgħu validi sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/879 tat-2 ta’ Ġunju 2016 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-arranġamenti ddettaljati marbutin mad-dikjarazzjoni ta’ konformità meta t-tagħmir tar-refriġerazzjoni, tal-arja kondizzjonata u tal-pompi tas-sħana ċċarġjat bl-idrofluworokarburi jitqiegħed fis-suq u mal-verifika ta’ din id-dikjarazzjoni minn awditur indipendenti (ĠU L 146, 3.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/879/oj).


ANNESS I

Dikjarazzjoni ta’ konformità f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Aħna [daħħal isem il-kumpanija, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT u għall-importaturi tal-prodotti jew tat-tagħmir daħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-Portal tal-gassijiet F] niddikjaraw, u responsabbli għal dan aħna biss, li meta nintroduċu fis-suq prodotti jew tagħmir iċċarġjat minn qabel, li nkunu importajna jew immanifatturajna fl-Unjoni, l-idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodotti jew fit-tagħmir ikunu meqjusin fis-sistema tal-kwoti msemmija fil-Kapitolu IV ta’ dak ir-Regolament (UE) 2024/573 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill peress li:

[jekk jogħġbok immarka l-għażla jew l-għażliet rilevanti; għażla waħda jew iktar minn dawn t’hawn taħt jagħtuk kopertura taħt is-sistema tal-kwoti]

☐ A

aħna għandna awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-kwota, jew awtorizzazzjonijiet delegati. Tali awtorizzazzjonijiet jew awtorizzazzjonijiet delegati jkunu waslu f’konformità mal-Artikolu 21(2) u (3), rispettivament, tar-Regolament (UE) 2024/573 wara li jkunu ġew irreġistrati fil-Portal tal-gassijiet F imsemmi fl-Artikolu 20 ta’ dak ir-Regolament u jkopru l-kwantità sħiħa ta’ idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodott jew fit-tagħmir li għandu jiġi rrilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera.

☐ B

[għall-importaturi tal-prodotti jew tat-tagħmir biss] l-idrofluworokarburi li jinsabu fil-prodott jew fit-tagħmir ikunu ġew introdotti fis-suq fl-Unjoni, u wara jkunu ġew esportati u ċċarġjati fil-prodott jew fit-tagħmir barra l-Unjoni, u l-impriża li tkun introduċiet l-idrofluworokarburi fis-suq fl-Unjoni tkun għamlet dikjarazzjoni li tiddikjara li l-kwantità ta’ idrofluworokarburi tkun ġiet irrappurtata jew se tiġi rrappurtata bħala kwantità introdotta fis-suq fl-Unjoni u li din ma kinitx u mhix se tiġi rrappurtata bħala kwantità fornuta direttament għall-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 16(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/573 skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/573.

☐ C

[għall-prodotti jew għat-tagħmir immanifatturat fl-Unjoni] l-idrofluworokarburi ċċarġjati fil-prodott jew fit-tagħmir ġew introdotti fis-suq minn produttur jew importatur tal-idrofluworokarburi soġġett għall-Artikolu 16[(1) tar-Regolament (UE) 2024/573; jew [għall-prodotti jew għat-tagħmir importat fl-Unjoni] il-prodott jew it-tagħmir u l-idrofluworokarburi li jinsabu fihom kienu ġew introdotti fis-suq tal-Unjoni qabel u l-prodott jew it-tagħmir kien ġie esportat flimkien mal-idrofluworokarburi li jinsabu fih.

[isem u pożizzjoni tar-rappreżentant legali]

[firma tar-rappreżentant legali]

[data]


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/879

Dan ir-Regolament

l-Artikolu 1(1)

l-Artikolu 1(1)

l-Artikolu 1(2)

–

l-Artikolu 1(3)

l-Artikolu 1(2)

l-Artikolu 2(1)

l-Artikolu 2(1)

l-Artikolu 2(2), il-punti (a)-(d)

l-Artikolu 2(2), il-punti (a)-(d)

–

l-Artikolu 2(2), il-punt (e)

l-Artikolu 3(1), il-punti (a)-(d)

l-Artikolu 3(1), il-punti (a)-(d)

–

l-Artikolu 3(1), il-punt (e)

l-Artikolu 3(2)

l-Artikolu 3(2)

–

l-Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu

l-Artikolu 4

–

–

l-Artikolu 4

l-Artikolu 5

l-Artikolu 5


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2155/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)