23.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/480

tal-4 ta' Diċembru 2017

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar strumenti finanzjarji derivattivi li jaqdu biss skopijiet ta' ħħeġġjar, tul suffiċjenti ta' ħajjiet il-fondi ta' investiment Ewropej fuq terminu twil, kriterji ta' valutazzjoni tas-suq għal xerrejja potenzjali u l-valwazzjoni tal-assi li għandhom jiġu ċeduti, u t-tipi u l-karatteristiċi tal-faċilitajiet disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fondi ta' investiment Ewropej fuq terminu twil (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3), l-Artikolu 18(7), l-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 26(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex ikun żgurat approċċ komuni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/760, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-kriterji biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi li fihom l-użu ta' strumenti finanzjarji derivattivi jservi unikament finijiet ta' ħħeġġjar, iċ-ċirkostanzi li fihom il-ħajja ta' fondi ta' investiment Ewropej fuq terminu twil (“ELTIF”) titqies bħala twila biżżejjed, il-kriterji li għandhom jintużaw għal ċerti elementi tal-iskeda ddettaljata għad-disponiment ordnat tal-assi tal-ELTIF u l-faċilitajiet disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur.

(2)

Biex tiġi żgurata koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet li jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess faċli għal dawk id-dispożizzjonijiet, huwa xieraq li l-istandards tekniċi regolatorji kkonċernati jiġu adottati f'Regolament wieħed.

(3)

Fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom l-użu ta' strumenti finanzjarji derivattivi jservi unikament l-iskop li jiġu ħħeġġjati r-riskji inerenti għall-investimenti ta' ELTIF, huwa neċessarju li jitqiesu strumenti derivattivi finanzjarji li s-sottostanti tagħhom ikun jikkorrispondi mal-assi li l-ELTIF ikun investa fihom, u li l-esponimenti tagħhom ikunu maħsuba biex jiġu koperti, kif ukoll tranżazzjonijiet f'assi li, għalkemm ma jkunx l-istess bħal dawk li l-ELTIF ikun investa fihom, ikunu jirrigwardaw l-istess klassi ta' assi. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, meta ma jkunx disponibbli strument finanzjarju derivattiv biex jiġi ħħeġġjat esponiment ta' element speċifiku bħala tip ta' derivattiv apposta, iżda pjuttost bħala element fost elementi oħra inklużi f'indiċi li huwa s-sottostanti ta' strument finanzjarju derivattiv. Barra minn hekk, l-użu ta' strumenti finanzjarji derivattivi jista' f'xi każijiet jikkostitwixxi strateġija ta' ħħeġġjar biss jekk isir f'kombinazzjoni ma' negozju f'xi assi, liema tip ta' strateġija jenħtieġ li ma tiġix ipprojbita. Sabiex ikun żgurat li l-użu ta' strumenti finanzjarji derivattivi jaqdi biss l-iskop li jiġu ħħeġġjati r-riskji inerenti għall-investimenti tal-ELTIF, il-maniġer tal-ELTIF għandu jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jiżgura li l-istrumenti finanzjarji derivattivi użati effettivament inaqqsu r-riskju rilevanti fil-livell tal-ELTIF u jkunu wkoll effiċjenti f'kundizzjonijiet tas-suq taħt stress. It-tnaqqis tar-riskju għandu jkun verifikabbli permezz tal-użu ta' sistemi adegwati tal-ġestjoni tar-riskji li jidentifikaw ir-riskju maħsub biex jiġi mitigat u l-mod li bih id-derivattiv itaffi dan ir-riskju.

(4)

F'sitwazzjonijiet fejn ELTIF jinvesti f'assi li jkollhom profili ta' maturità differenti, il-ħajja tal-ELTIF għandha tiġi stabbilita b'referenza għal dak l-assi individwali fil-portafoll tal-ELTIF li jkollu l-itwal orizzont tal-investiment b'kunsiderazzjoni għal-likwidità ta' dak l-assi.

(5)

Il-valutazzjoni tas-suq għal xerrejja potenzjali li għandhom jiġu inklużi fl-iskeda għad-disponiment ordnat tal-assi tal-ELTIF għandha tqis ir-riskji tas-suq inkluż jekk ix-xerrejja potenzjali humiex tipikament dipendenti fuq il-ksib ta' self minn partijiet terzi, jekk hemmx ir-riskju ta' nuqqas ta' likwidità tal-assi qabel il-bejgħ, jekk hemmx riskji assoċjati ma' bidliet leġiżlattivi, bħal riformi fiskali, jew bidliet politiċi u jekk hemmx riskju ta' deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika fis-suq li huwa rilevanti għall-assi tal-ELTIF. L-ebda valutazzjoni speċifika ta' dawk ir-riskji ma għandha tintalab skont dan ir-Regolament għall-assi oħra għajr assi ta' investiment eliġibbli billi l-assi msemmija fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), huma mistennija li jkunu likwidi fin-natura tagħhom.

(6)

Il-valwazzjoni tal-assi li għandhom jiġu inklużi fl-iskeda għad-disponiment ordnat tal-assi tal-ELTIF għandha ssir f'mument fiż-żmien li jkun qrib biżżejjed tal-bidu tal-perjodu tad-disponiment tal-assi. Madankollu, jekk l-ELTIF ikun wettaq stima skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) f'mument li jkun qrib biżżejjed tal-bidu tal-perjodu ta' disponiment tal-assi, valutazzjoni addizzjonali ma tkunx meħtieġa. Minkejja dan, it-tlestija tal-iskeda għad-disponiment ordnat tal-assi tal-ELTIF għandha tibda hekk kif ikun xieraq u ferm qabel iż-żmien allokat għad-divulgazzjoni tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF.

(7)

Il-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli għal investituri fil-livell tal-konsumatur f'kull Stat Membru fejn jitwettqu l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni mill-maniġer tal-ELTIF jistgħu jitwettqu minn entità waħda jew aktar wiċċ imb'wiċċ, bit-telefon jew elettronikament, li tista' tkun il-maniġer tal-ELTIF jew entità oħra suġġetta għal regolamentazzjoni li tirregola l-kompiti fdati lilha mill-maniġer tal-ELTIF.

(8)

Sabiex jiġi evitat kull tfixkil potenzjali tas-suq, huwa neċessarju li l-ELTIFs li ġew awtorizzati qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-maniġers tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti li jinsabu f'dan ir-Regolament.

(9)

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tul suffiċjenti tal-ħajja tal-ELTIF jenħtieġ li jiġu applikati biss minn ELTIFs li jippreżentaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament billi, skont ir-Regolament (UE) 2015/760, it-tul tal-ħajja tal-ELTIF irid jiġi stabbilit saż-żmien meta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF issir għand l-awtorità kompetenti tal-ELTIF.

(10)

Sabiex tingħata l-possibilità lill-awtoritajiet kompetenti u l-maniġers tal-ELTIFs awtorizzati skont ir-Regolament (UE) 2015/760 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jinsabu f'dan ir-Regolament, id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Ir-rekwiżit dwar it-tul suffiċjenti tal-ħajja tal-ELTIF huwa meqjus bħala ssodisfat skont dan ir-Regolament mill-ELTIFs diġà awtorizzati skont ir-Regolament (UE) 2015/760 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(11)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(12)

L-ESMA organizzat konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Derivattivi għall-iħħeġġjar

1.   Iċ-ċirkostanzi li fihom l-użu ta' strumenti finanzjarji derivattivi għandu jitqies li jservi biss l-iskop li jiġu ħħeġġjati r-riskji inerenti għal investimenti oħrajn tal-fond ta' investiment Ewropew fuq terminu twil (“ELTIF”) kif imsemmi fl-Artikolu 9(2)(d) tar-Regolament (UE) 2015/760 huma ssodisfati meta dawn jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

2.   Strument finanzjarju derivattiv għandu jintuża biss biex jiġu ħħeġġjati r-riskji li jirriżultaw minn esponimenti għal assi msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2015/760.

L-iskop li jiġu ħħeġġjati r-riskji tal-valuta li jirriżultaw minn esponimenti għal assi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jitqies li ġie ssodisfat meta l-użu ta' dak l-istrument finanzjarju derivattiv jirriżulta fi tnaqqis verifikabbli u li jista' jitkejjel oġġettivament ta' dawk ir-riskji fuq il-livell tal-ELTIF.

Fejn l-istrumenti finanzjarji derivattivi biex jiħħeġġjaw ir-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni għall-assi msemmijin fl-ewwel subparagrafu ma jkunux disponibbli, jistgħu jintużaw strumenti derivattivi finanzjarji b'sottostanti tal-istess klassi ta' assi.

3.   L-użu ta' strumenti derivattivi finanzjarji bl-għan li jipprovdu redditu għall-ELTIF ma għandux jitqies li jservi l-iskop li jiġu ħħeġġjati r-riskji.

4.   Il-maniġer tal-ELTIF għandu jieħu l-passi raġonevoli kollha biex jiżgura li l-istrumenti finanzjarji derivattivi użati biex jiġu ħħeġġjati r-riskji inerenti għal investimenti oħrajn tal-ELTIF inaqqsu r-riskji fuq il-livell tal-ELTIF f'konformità mal-paragrafu 2, inkluż f'kundizzjonijiet ta' stress fis-suq.

Artikolu 2

Tul suffiċjenti ta' ħajjet l-ELTIF

Għall-fini tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2015/760, il-ħajja tal-ELTIF għandha titqies bħala twila biżżejjed biex tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja ta' kull assi individwali tal-ELTIF, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ELTIF jallinja d-data ta' tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, mad-data ta' tmiem l-orizzont tal-investiment tal-assi individwali fil-portafoll tal-assi tal-ELTIF li jkollu l-itwal orizzont ta' investiment fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF għand l-awtorità kompetenti tal-ELTIF;

(b)

kull investiment magħmul minn ELTIF wara l-awtorizzazzjoni tiegħu bħala ELTIF ma jkollux orizzont ta' investiment residwu li jaqbeż il-bqija tal-ħajja tal-ELTIF fil-waqt meta jsir l-investiment.

Artikolu 3

Il-kriterji għall-valutazzjoni tas-suq għal xerrejja potenzjali

Għall-fini tal-Artikolu 21(2)(a) tar-Regolament (UE) 2015/760, il-maniġer ta' ELTIF għandu jivvaluta l-elementi kollha li ġejjin b'rabta ma' kull assi li l-ELTIF jinvesti fih:

(a)

jekk ikunx preżenti fis-suq xerrej potenzjali wieħed jew aktar;

(b)

jekk il-maniġer tal-ELTIF, ibbażat fuq valutazzjoni mwettqa b'kapaċità, kura u diliġenza dovuta fiż-żmien tat-tlestija tal-iskeda, jistenniex lix-xerrejja potenzjali jkunu jiddependu minn finanzjament estern għax-xiri tal-assi rilevanti;

(c)

fejn ma jkunx hemm xerrejja potenzjali għal assi, it-tul ta' żmien li x'aktarx ikun meħtieġ biex jinstab xerrej wieħed jew aktar għal dak l-assi;

(d)

il-profil tal-maturità speċifiku tal-assi;

(e)

jekk il-maniġer tal-ELTIF, ibbażat fuq valutazzjoni mwettqa b'kapaċità, kura u diliġenza dovuta fi żmien it-tlestija tal-iskeda, jistenniex li jimmaterjalizzaw ir-riskji li ġejjin:

(i)

riskju marbut ma' bidliet leġiżlattivi li jistgħu jaffettwaw is-suq għal xerrejja potenzjali;

(ii)

riskju politiku li jista' jaffettwa s-suq għal xerrejja potenzjali;

(f)

Il-valutazzjoni tal-maniġer ta' jekk l-elementi elenkati fil-punti (a) u (b) jistgħux jiġu affettwati ħażin matul il-perjodu tad-disponiment mill-kundizzjonijiet ekonomiċi ġenerali fis-suq jew fis-swieq rilevanti għall-assi.

Artikolu 4

Il-kriterji għall-valwazzjoni tal-assi li għandhom jiġu ċeduti

1.   Għall-fini tal-Artikolu 21(2)(c) tar-Regolament (UE) 2015/760, il-valwazzjoni tal-assi li kellhom ikunu ċeduti għandha tikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

(a)

hija għandha tibda hekk kif ikun xieraq u ferm qabel l-iskadenza għad-divulgazzjoni tal-iskeda ddettaljata għad-disponiment ordnat tal-assi tal-ELTIF lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF;

(b)

hija għandha tiġi konkluża mhux aktar minn sitt xhur qabel id-data tal-għeluq imsemmija fil-punt (a).

2.   Stimi magħmula skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/61/UE jistgħu jitqiesu jekk valwazzjoni tkun ġiet konkluża mhux iktar minn sitt xhur qabel id-data tal-għeluq imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Speċifikazzjonijiet dwar il-faċilitajiet disponibbli għal investituri fil-livell tal-konsumatur

1.   Għall-fini tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2015/760, il-maniġer tal-ELTIF għandu jistabbilixxi faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jipproċessaw l-ordnijiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur ta' abbonament, riakkwist u rimbors relatati mal-unitajiet jew l-ishma tal-ELTIF, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIF;

(b)

jipprovdu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mir-rimbors;

(c)

jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni relatata mal-eżerċizzju min-naħa tal-investituri fil-livell tal-konsumatur tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fl-ELTIF fl-Istat Membru fejn l-ELTIF huwa kkummerċjalizzat;

(d)

jagħmlu dawn li ġejjin disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur għall-ispezzjoni u biex jiksbu kopji:

(i)

ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-ELTIF;

(ii)

L-aktar rapport annwali riċenti tal-ELTIF;

(e)

jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni rilevanti għall-kompiti li jwettqu f'mezz durabbli kif definit fl-Artikolu 2(1)(m) tad-Direttiva 2009/65/KE.

2.   Il-maniġer tal-ELTIF għandu jiżgura li l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2015/760 ikollhom l-infrastruttura teknika li ġejja:

(a)

huma jwettqu l-kompiti tagħhom fil-lingwa uffiċjali jew fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-ELTIF ikun ikkummerċjalizzat;

(b)

huma jwettqu l-kompiti tagħhom personalment, bit-telefon jew elettronikament.

3.   Il-maniġer ta' ELTIF għandu jiżgura li l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2015/760 ikunu tat-tipi li ġejjin u jkollhom il-karatteristiċi tekniċi li ġejjin:

(a)

ikunu mwettqa minn entità waħda jew aktar li huma jew il-maniġer tal-ELTIF jew entità terza soġġetta għar-regoli li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu;

(b)

fejn il-faċilitajiet ikunu mwettqa minn entità terza, din tal-aħħar tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha rilevanti mingħand il-maniġer tal-ELTIF.

(c)

fejn il-faċilitajiet ikunu mwettqa minn entità terza, il-ħatra tal-entità tiġi evidenzjata permezz ta' kuntratt bil-miktub. Il-kuntratt bil-miktub għandu jispeċifika liema mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ma jitwettqux mill-maniġer tal-ELTIF.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

ELTIFs awtorizzati skont ir-Regolament (UE) 2015/760 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

ELTIFs awtorizzati skont ir-Regolament (UE) 2015/760 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 3, 4 u 5 ta' dan ir-Regolament minn 1 ta’ Mejju 2019.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98.

(2)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS)(ĠU L 301, 17.11.2009, p. 32).

(3)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).