|
5.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 301/64 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tad-9 ta’ Lulju 2019
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Kroazja għall-2019 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Kroazja għall-2019
(2019/C 301/11)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2019 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Qieset kif dovut il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta’ Novembru 2018, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Kroazja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. |
|
(2) |
Ir-rapport tal-pajjiż tal-2019 għall-Kroazja ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Huwa vvaluta l-progress tal-Kroazja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 (3), is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Kroazja lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-27 ta’ Frar 2019. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Kroazja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi marbuta ma’ livelli għolja ta’ dejn pubbliku, privat u estern f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali baxx. Madankollu, l-iżbilanċi naqsu f’dawn l-aħħar snin appoġġjati minn tkabbir nominali robust u minn politika fiskali prudenti. Il-pożizzjoni netta negattiva esterna kienet qed titjieb minħabba bilanċi pożittivi kontinwi tal-kont kurrenti. Id-dejn pubbliku naqas b’mod sinifikanti mill-ogħla livell tiegħu fl-2015. It-tnaqqis tad-dejn tas-settur privat għadu għaddej, għalkemm il-pass tiegħu hu mistenni li jonqos hekk kif it-tkabbir tal-kreditu u l-investiment jirkupraw. Is-settur finanzjarju huwa kkapitalizzat sew u profittabbli, iżda s-sehem ta’ self improduttiv, għalkemm qed jonqos, għadu għoli. L-azzjoni ta’ politika ġiet intensifikata, iżda l-implimentazzjoni bir-reqqa tal-miżuri strutturali tibqa’ kruċjali għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-ekonomija. Minkejja xi progress, għad hemm kwistjonijiet dwar il-kompletezza, il-preċiżjoni u l-iskedi ta’ statistika ekonomika u finanzjarja tal-gvern. |
|
(3) |
Fit-18 ta’ April 2019, il-Kroazja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2019 u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2019. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. |
|
(4) |
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relevanti għall-pajjiż sa ċertu punt ġew indirizzati waqt l-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn jeħtieġ li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru biex jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba. |
|
(5) |
Bħalissa l-Kroazja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn. Filwaqt li jibda minn bilanċ pożittiv ġenerali tal-gvern ta’ 0,2 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2018, il-Programm ta’ Konverġenza għall-2019 jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora għal – 0,3 % tal-PDG fl-2019, u mbagħad jitjieb gradwalment għal bilanċ pożittiv ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2022. Abbażi tal-bilanċ strutturali kkalkolat mill-ġdid (5), l-objettiv baġitarju fuq terminu medju — li nbidel minn defiċit strutturali ta’ 1,75 % tal-PDG fl-2019 għal 1 % tal-PDG fl-2020 — huwa ppjanat li se jkompli jinqabeż matul il-perjodu kollu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Konverġenza għall-2019, il-proporzjon ta’ dejn tal-gvern għall-PDG huwa mistenni jonqos minn 71,6 % tal-PDG fl-2019 għal 68,5 % fl-2020 u jkompli jonqos għal 62 % fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Madankollu, il-miri baġitarji previsti jidhru kawti. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika se jilħaq 0,1 % u 0,5 % tal-PDG fl-2019 u l-2020, rispettivament. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali għandu jilħaq – 0,8 % tal-PDG fl-2019 u – 0,5 % tal-PDG fl-2020, filwaqt li jibqa’ jissupera l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Il-Kroazja hija prevista li tikkonforma mar-regola tad-dejn fl-2019 u l-2020. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Kroazja hija mistennija tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2019 u l-2020. |
|
(6) |
F’Diċembru 2018, il-Parlament Kroat adotta l-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali. Dan għandu l-għan li jsaħħaħ it-twaqqif u l-mandat tal-Kummissjoni għall-Politika Fiskali u li jistabbilixxi regoli fiskali numeriċi, inkluż regola ta’ bilanċ baġitarju strutturali. F’Marzu 2019, il-mandat tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat issaħħaħ permezz tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ sanzjonar għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu u permezz ta’ twessigħ tal-ambitu tal-awditi tiegħu. Il-qafas fiskali se jkompli jissaħħaħ bl-adozzjoni tal-Att dwar il-Baġit emendat. Dan huwa mistenni li jtejjeb l-ippjanar baġitarju, il-ġbir ta’ data fiskali u l-kriterji għall-ħruġ ta’ garanziji tal-gvern. |
|
(7) |
Il-frammentazzjoni territorjali tal-amministrazzjoni pubblika tal-Kroazja taffettwa l-effiċjenza tagħha u taggrava d-differenzi reġjonali. Ħafna gvernijiet żgħar lokali spiss ma jkollhomx riżorsi finanzjarji u amministrattivi adegwati biex jipprovdu s-servizzi li jaqgħu taħt il-mandat tagħhom. Dan joħloq differenzi kbar fil-forniment ta’ servizz pubbliku fil-Kroazja bejn unitajiet lokali li huma finanzjarjament u amministrattivament b’saħħithom u dawk li huma dgħajfa. Fil-livell tal-gvern ċentrali, l-awtoritajiet ħadu passi lejn is-simplifikazzjoni tas-sistema kkumplikata tal-aġenziji statali, iżda l-qafas legali li jintroduċi livell ogħla ta’ omoġeneità fis-sistema kollha għadu pendenti. Huwa ppjanat li r-responsabbiltajiet tal-uffiċċji fergħat tal-amministrazzjoni ċentrali li joperaw fil-livell lokali jiġu devoluti lill-amministrazzjoni tal-kontej. |
|
(8) |
Is-sistema tal-kura tas-saħħa akkumulat dejn ulterjuri fl-2018, li joħloq riskju għall-finanzi pubbliċi. Il-finanzjament tas-sistema jiddependi mill-kontribuzzjonijiet tal-popolazzjoni li taħdem u t-trasferimenti tal-baġit tal-istat, għalkemm dawn tal-aħħar kienu konsistentement taħt il-kopertura sħiħa tal-ispejjeż. Is-sitwazzjoni finanzjarja tas-sistema tal-kura tas-saħħa mistennija titjieb minħabba ż-żieda fil-primjum tal-assigurazzjoni tas-saħħa introdott fl-2019 u d-dazji tas-sisa fuq it-tabakk f’Diċembru 2018. L-integrazzjoni funzjonali kontinwa tal-isptarijiet u l-azzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-kura primarja jistgħu iwasslu għal aktar effiċjenza fl-infiq, iżda l-implimentazzjoni miexja bil-mod. |
|
(9) |
Il-qafas tal-iffissar tal-pagi ma għandux konsistenza bejn l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi, li jaffettwa l-ugwaljanza fit-trattament u jxekkel il-kontroll ċentrali fuq il-kont tal-pagi pubbliċi. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-istabbiliment tal-pagi għall-impjegati taċ-ċivil ġiet posposta bosta drabi. L-għan tal-liġi huwa li tinkiseb armonizzazzjoni akbar fl-amministrazzjoni pubblika permezz tal-introduzzjoni ta’ grilji komuni tal-pagi u ta’ koeffiċjenti ta’ kumplessità tal-impjiegi, abbażi ta’ deskrizzjonijiet tax-xogħol u oqfsa ta’ kompetenza aktar konsistenti. Il-Kroazja għandha qafas ta’ djalogu soċjali, iżda l-metodi u l-proċeduri ta’ ħidma jeħtieġ li jitjiebu għal djalogu soċjali ġenwin. Il-frammentazzjoni tat-trade unions iddgħajjef ukoll l-effettività tad-djalogu soċjali. |
|
(10) |
Fl-2018, ir-rata tal-qgħad kompliet tonqos b’ħeffa. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas ukoll b’mod konsiderevoli, iżda għadu għoli. Madankollu, ir-rati tal-attività u tal-impjiegi fil-Kroazja għadhom baxxi, u l-irtirar bikri u r-responsabbiltajiet ta’ kura għandhom rwol importanti fl-inattività. L-aċċess għall-impjieg jeħtieġ jitjieb, pereżempju billi jiġu antiċipati u pprovduti l-ħiliet xierqa. Ħafna muturi ta’ inattività għadhom preżenti u l-miżuri attwali biex jgħinu lin-nies jidħlu fis-suq tax-xogħol jidhru li mhumiex biżżejjed. Il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol tibqa’ limitata u l-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi, is-servizzi soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra hija dgħajfa. Pakkett importanti ta’ riformi tas-sistema tal-pensjonijiet daħal fis-seħħ fl-2019. L-objettivi ewlenin tar-riforma huma tlieta: i) li jiġu indirizzati l-inkonsistenzi fit-tfassil, li rriżultaw fi trattament inġust ta’ ċerti gruppi ta’ pensjonanti; ii) li tittejjeb l-adegwatezza tas-sistema tal-pensjonijiet billi tiġi estiża l-ħajja tax-xogħol; u iii) li jissaħħu l-istruttura istituzzjonali u l-prestazzjoni tat-tieni pilastru tal-pensjonijiet. |
|
(11) |
Id-differenzi soċjoekonomiċi huma fattur determinanti importanti tal-kisbiet edukattivi fil-Kroazja. Il-pajjiż għandu prestazzjoni aktar baxxa mill-medja tal-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni, b’mod partikolari l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, il-ħiliet bażiċi, il-livell edukattiv terzjarju, il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim, u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Il-Kroazja qed timplimenta r-riforma kurrikulari bħala proġett pilota, iżda r-riforma se tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha biss jekk tkun implimentata bis-sħiħ u akkumpanjata minn taħriġ ta’ għalliema. |
|
(12) |
Minkejja qgħad relattivament għoli, in-nuqqas ta’ ħaddiema qed jaffettwa xi setturi tal-ekonomija, l-aktar minħabba li hemm nuqqas ta’ ħiliet. It-titjib tal-ħiliet diġitali jista’ jżid il-produttività u jnaqqas xi lakuni fil-ħiliet. Ir-rilevanza limitata għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tikkontribwixxi għal rata baxxa ta’ impjiegi fost il-gradwati. Il-parteċipazzjoni tal-istudenti fi programmi li jinkludu tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol hija baxxa. L-istabbiliment ta’ Ċentri Reġjonali ta’ Kompetenzi u l-programm sperimentali fl-edukazzjoni doppja għandu jtejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet. Il-parteċipazzjoni fi programmi ta’ edukazzjoni għall-adulti, offruta bħala parti minn miżuri biex jgħinu lin-nies isibu xogħol jew taħriġ, hija baxxa. Dan huwa speċjalment minnu għal dawk l-aktar fil-bżonn ta’ edukazzjoni, bħal persuni bi kwalifiki baxxi u persuni qiegħda. |
|
(13) |
Il-proporzjon tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali qed jonqos, iżda jibqa’ ogħla mill-medja tal-Unjoni. Dan ir-riskju jikkonċerna prinċipalment lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità. Il-kapaċità tal-benefiċċji soċjali biex jitnaqqas il-faqar għadha dgħajfa meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni. L-awtoritajiet ħadu passi biex itejbu r-reġistrazzjoni tal-benefiċċji soċjali pprovduti fil-livell lokali billi jarmonizzaw il-klassifikazzjoni tagħhom. Dan għandu jirriżulta f’ħarsa ġenerali aħjar lejn il-benefiċċji pprovduti fit-territorju, li mbagħad jistgħu jintużaw biex itejbu l-effettività tas-sistema tal-protezzjoni soċjali biex jintlaħqu dawk l-aktar fil-bżonn. |
|
(14) |
In-netwerk tat-trasport huwa żbilanċjat, bl-infrastruttura ferrovjarja waqgħet lura b’mod sinifikanti, b’riżultat li s-servizz huwa ta’ kwalità baxxa u jeżistu ostakli għall-mobbiltà tal-ħaddiema. It-trasport pubbliku fil-bliet iżgħar huwa nieqes minn infrastruttura adegwata. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport bit-triq żdiedu b’mod sinifikanti matul l-aħħar ħames snin. Is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport huwa ferm taħt il-mira ta’ 10 % għall-2020. Hemm bżonn ta’ sforzi u investimenti addizzjonali biex jitnaqqas b’mod effettiv il-proporzjon għoli ta’ karozzi li jaħdmu bil-fjuwils fossili, biex tiġi promossa l-intermodalità u b’mod aktar ġenerali jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li qed jiżdiedu mis-settur tat-trasport. |
|
(15) |
L-intensità għolja tal-enerġija tal-Kroazja tista’ titnaqqas permezz ta’ investimenti fl-effiċjenza enerġetika u sistemi intelliġenti tal-enerġija. Attenzjoni partikolari tista’ twassal għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fil-bini u titjib fl-effiċjenza enerġetika tan-netwerks tat-tisħin distrettwali. Investimenti fl-enerġija mir-riħ u mix-xemx ukoll għandhom potenzjal konsiderevoli, kif għandhom potenzjal is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ. Il-promozzjoni tagħhom tkun tippermetti wkoll lill-gżejjer tal-Kroazja biex iżidu l-awtosuffiċjenza fl-enerġija, f’konformità mal-inizjattiva “Enerġija Nadifa għall-gżejjer tal-UE”. Barra minn hekk, il-Kroazja hija partikolarment vulnerabbli għar-riskji klimatiċi, speċjalment l-għargħar u n-nirien fil-foresti. |
|
(16) |
L-investimenti jistgħu wkoll jippromwovu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Huma meħtieġa biex jappoġġjaw il-ġbir separat tal-iskart u r-riċiklaġġ bħala alternattivi għar-rimi fil-miżbliet, jiżviluppaw alternattivi għall-materja prima u jżidu d-domanda għal kontenut riċiklat u jżidu l-għarfien pubbliku dwar il-prattiki u l-imġiba sostenibbli tal-konsum. Barra minn hekk, huwa meħtieġ ukoll investiment sinifikanti biex jiġi żgurat il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi f’agglomerazzjonijiet b’ekwivalenza ta’ popolazzjoni ta’ aktar minn 2 000 ruħ. L-investiment fin-netwerks tal-ilma jista’ jnaqqas it-tnixxija tal-ilma tax-xorb u jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità li mhumiex issodisfati. |
|
(17) |
Il-kapaċitajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati jeħtieġu investiment biex isaħħu l-prestazzjoni tal-innovazzjoni u jrawmu t-tkabbir tal-produttività, li qed jiġi mfixkel minn politiki ta’ riċerka u innovazzjoni li huma frammentati u ineffiċjenti. L-istrateġija ta’ “speċjalizzazzjoni intelliġenti” (RIS3) tal-Kroazja għall-perjodu bejn l-2016 u l-2020 għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni, tegħleb il-frammentazzjoni fis-sistema u tiżgura li l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ikunu organizzati madwar prijoritajiet ekonomiċi ewlenin, iżda l-implimentazzjoni tagħha hija mistennija li tkompli taċċellera. L-investiment jista’ jappoġġa l-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji, sabiex jippermetti t-trasferiment tat-teknoloġija u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka filwaqt li jista’ jsaħħaħ il-governanza. |
|
(18) |
Il-miżuri biex tittejjeb il-governanza korporattiva fl-intrapriżi tal-Istat bil-mod għamlu progress. Ġie adottat Kodiċi ta’ Governanza Korporattiva ġdid u ngħataw mandat l-ippjanar u prestazzjoni ta’ nofs it-terminu. Madankollu, it-taħlita tal-preżenza qawwija ta’ intrapriżi tal-Istat f’ħafna setturi u l-profittabbiltà baxxa tagħhom u l-produttività dgħajfa jibqgħu jkunu ta’ piż fuq l-ekonomija. Fl-2018, il-lista tal-kumpaniji ta’ interess speċjali kompliet titnaqqas u issa aktar kumpaniji huma formalment eliġibbli għall-bejgħ, iżda ma hemm l-ebda strateġija ta’ privatizzazzjoni ċara fis-seħħ. L-isforzi tal-awtoritajiet jidhru li jiffukaw fuq it-tneħħija tal-istokk kbir li fadal ta’ ishma minoritarji u l-attivazzjoni ta’ assi mhux produttivi. Huwa meqjus li l-korruzzjoni hija mifruxa u qed tikber. Hemm nuqqas ta’ għodod effettivi li jipprevjenu u jissanzjonaw il-korruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali. Għad hemm il-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ sanzjoni għal persuni maħtura għal kumpaniji amministrattivi lokali. |
|
(19) |
Rekwiżiti amministrattivi u leġiżlattivi eċċessivi u taxxi parafiskali (mhux tat-taxxa) huma ta’ piż fuq in-negozji, partikolarment dawk iżgħar. L-identifikazzjoni tal-piż amministrattiv tlestiet, li jippermetti lill-awtoritajiet jipproċedu bl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvataġġ ġustifikati. It-tnaqqis fil-ħlasijiet parafiskali kien għadu lura. L-għadd kbir ta’ servizzi professjonali regolati żżejjed ixekkel il-kompetizzjoni. Sar progress f’ċerti setturi, b’mod partikolari fis-servizzi tat-taxi, iżda għad hemm restrizzjonijiet eċċessivi għal ħafna professjonijiet ekonomikament importanti. |
|
(20) |
Minkejja l-progress li sar, il-kawżi pendenti sostanzjali u l-proċedimenti fit-tul fil-qrati ċivili u kummerċjali jnaqqsu ċ-ċertezza legali, filwaqt li l-ineffiċjenzi fil-ġustizzja kriminali jfixklu l-ġlieda kontra r-reati ekonomiċi u finanzjarji. Il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura kompliet tmur għall-agħar. L-emendi għal-liġi dwar il-Kunsill Ġudizzjarju tal-Istat ġew adottati fl-2018. Bl-eċċezzjoni tal-Qorti Kummerċjali Għolja, it-tnaqqis kontinwu b’lura kien dovut prinċipalment għal tnaqqis fl-għadd ta’ kawżi pendenti. Il-Komunikazzjoni elettronika qed tiġi ttestjata f’xi qrati iżda għad trid tiġi estiża għall-livell nazzjonali. |
|
(21) |
Il-programmazzjoni tal-fondi tal-Unjoni għall-perjodu 2021-2027 tista’ tgħin biex jiġu indirizzati xi wħud min-nuqqasijiet identifikati fir-rakkomandazzjonijiet u b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż tal-2019. Dan ikun jippermetti li l-Kroazja tagħmel l-aħjar użu minn dawk il-fondi fir-rigward tas-setturi identifikati, filwaqt li jitqiesu d-differenzi reġjonali. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi huwa fattur importanti għas-suċċess ta’ dawn l-investimenti. L-istruttura istituzzjonali għall-akkwist pubbliku jenħtieġ li tissaħħaħ biex ittejjeb il-konformità u tippermetti l-akkwist strateġiku biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika u jiġi żgurat infiq pubbliku effiċjenti. |
|
(22) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Kroazja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2019, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kroazja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Kroazja, iżda anki l-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni. Dan jirrifletti l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. |
|
(23) |
Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2019 u huwa tal-opinjoni (6) li l-Kroazja hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. |
|
(24) |
Fid-dawl tal-analiżi profonda tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2019 u l-Programm ta’ Konverġenza għall-2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu magħmula skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) ta’ hawn taħt. Il-politiki fiskali msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jikkontribwixxu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mad-dejn għoli tal-gvern, |
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja tieħu azzjoni fl-2019 u fl-2020 biex:
1.
Issaħħaħ il-qafas baġitarju u l-monitoraġġ ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti fuq livell ċentrali u lokali. Tnaqqas il-frammentazzjoni territorjali tal-amministrazzjoni pubblika u tissimplifika d-distribuzzjoni funzjonali tal-kompetenzi.
2.
Twettaq ir-riforma tal-edukazzjoni u ttejjeb kemm l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha u l-kwalità tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol. Tikkonsolida l-benefiċċji soċjali u ttejjeb il-kapaċità tagħhom biex tnaqqas il-faqar. Issaħħaħ il-miżuri u l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol u l-koordinazzjoni tagħhom mas-servizzi soċjali. F’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, tintroduċi oqfsa armonizzati tal-iffissar tal-pagi madwar l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi.
3.
Tiffoka l-politika ekonomika, marbuta mal-investiment, fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-trasport urban u ferrovjarju sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura ambjentali, filwaqt li tqis id-disparitajiet reġjonali. Iżżid il-kapaċità tal-amministrazzjoni biex tfassal u timplimenta proġetti u politiki pubbliċi.
4.
Ittejjeb il-governanza korporattiva fl-intrapriżi tal-Istat u tintensifika l-bejgħ ta’ tali intrapriżi u assi mhux produttivi. Ittejjeb il-prevenzjoni u s-sanzjonar tal-korruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali. Tnaqqas it-tul tal-proċedimenti tal-qorti u ttejjeb il-komunikazzjoni elettronika fil-qrati. Tnaqqas l-imposti parafiskali l-aktar ta’ piż u r-regolamentazzjoni eċċessiva fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
M. LINTILÄ
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) ĠU L 320, 10.9.2018, p. 44.
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(5) Il-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku nett għal miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.
(6) Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.