Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2026 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Settur tal-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-elettriku – Riforma tal-iskema ta’ appoġġ għall-koġenerazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Miżuri mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat – Kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ imposta obbligatorja”

Fil-Kawża C‑242/24 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑3 ta’ April 2024,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar, C.‑M. Carrega u C. Kovács, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Condinanzi (Relatur), N. Jääskinen u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2025,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Jannar 2024, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑409/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:34), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3918 final tat‑3 ta’ Ġunju 2021 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat SA.56826 (2020/N) – Il-Ġermanja – Riforma 2020 tal-iskema ta’ appoġġ għall-koġenerazzjoni u għall-għajnuna mill-Istat SA.53308 (2019/N) – Il-Ġermanja – Modifika tal-iskema ta’ appoġġ lill-impjanti eżistenti ta’ koġenerazzjoni tas-sħana u tal-elettriku (Artikolu 13 tal-Gesetz zur Neuregelung des Kraft-Wärme-Kopplungsgesetzes (il-Liġi li tirriforma l-Liġi dwar il-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku) tal‑21 ta’ Diċembru 2015 (BGBl. 2015 I, p. 2498, iktar ’il quddiem il-“KWKG tal‑2016”)) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonstatat li diversi miżuri (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”) maħsuba sabiex jappoġġjaw il-produzzjoni tal-elettriku mill-impjanti ta’ koġenerazzjoni tas-sħana u tal-elettriku (combined heat and power, iktar ’il quddiem iċ-“CHP”) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kontenzjuża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kontenzjuża huma mfissra fil-punti 2 sa 26 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din is-sentenza, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

 Il-miżuri kontenzjużi u l-finanzjament tagħhom

3        Fit‑28 ta’ Jannar 2019 u fit‑23 ta’ Settembru 2020, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkomunikaw lill-Kummissjoni sensiela ta’ miżuri li emendaw il-KWKG tal‑2016, li wħud minnhom reġgħu ġew emendati f’Diċembru 2020. Dawn l-emendi, flimkien, u l-miżuri inklużi fihom jikkorrispondu għal-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ għaċ-CHP li ilha fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2021 (iktar ’il quddiem il-“KWKG tal‑2020”), li magħhom żdiedet l-aħħar emenda dwar il-limitu massimu tal-imposta affavur tal-produtturi tal-idroġenu, kif previst fl-Artikolu 27 tal-KWKG tal‑2020.

4        Il-KWKG tal‑2020 għandha l-għan li, b’mod partikolari, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent billi żżid il-produzzjoni netta tal-elettriku CHP qabel l‑2025.

5        Għal dan il-għan, hija tipprevedi sensiela ta’ miżuri ta’ appoġġ, l-ewwel nett, għall-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti CHP effiċjenti ħafna li ġew mibnija, immodernizzati u mtejba dan l-aħħar, it-tieni, għan-networks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali effiċjenti fl-użu tal-enerġija, it-tielet, għall-installazzjonijiet għall-ħżin tas-sħana u tal-kesħa, ir-raba’, għall-produzzjoni tal-elettriku fi impjanti CHP eżistenti, effiċjenti ħafna u li jaħdmu bil-gass, fis-settur tat-tisħin distrettwali (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP”). Il-ħames, il-KWKG tal‑2020 tipprevedi wkoll miżura ta’ appoġġ għas-settur tal-manifattura tal-gass industrijali li fih il-produzzjoni tal-idroġenu tikkostitwixxi l-maġġor parti tal-valur miżjud totali.

6        Dawn id-diversi miżuri, li jikkostitwixxu l-miżuri kontenzjużi, jieħdu l-forma jew ta’ primjum, li jista’, f’ċerti każijiet, ikun akkumpanjat minn bonus, li jiżdied mad-dħul mill-bejgħ bil-prezz tas-suq tal-elettriku prodott, jew, fil-każ biss tas-settur tal-manifattura ta’ gassijiet industrijali, li fih il-produzzjoni tal-idroġenu tikkostitwixxi l-maġġor parti tal-valur miżjud totali, ta’ limitu massimu tal-ammont tal-imposta li jista’ jiġi rkuprat mingħand il-produtturi tal-idroġenu mill-ġesturi ta’ network.

7        L-appoġġ jingħata jew permezz ta’ sejħiet għal offerti organizzati mir-regolatur nazzjonali, jiġifieri l-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“BNetzA”), jew direttament bis-saħħa tal-KWKG tal‑2020. F’dan il-każ tal-aħħar, il-benefiċjarji ta’ dan l-appoġġ huma intitolati li jirċevuh jekk kemm‑il darba jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà, billi jressqu talba vverifikata mill-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (l-Uffiċċju Federali tal-Ekonomija u tal-Kontroll tal-Esportazzjonijiet, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“BAFA”). Jekk il-benefiċjarji jissodisfaw dawn il-kriterji kollha, il-BAFA għandu joħroġ awtorizzazzjoni li tikkonferma l-eliġibbiltà tagħhom.

8        Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP ġie deskritt mill-Qorti Ġenerali kif ġej.

9        Minn naħa, kull ġestur ta’ network ta’ distribuzzjoni jew ta’ trażmissjoni huwa legalment obbligat iħallas lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP konnessi man-network tiegħu l-ammonti previsti fil-KWKG tal‑2020 u dawn il-benefiċjarji għandhom id-dritt li jirċevuhom (iktar ’il quddiem l-“appoġġ KWKG”).

10      B’mod partikolari, il-ġesturi ta’ network ta’ distribuzzjoni għandhom iħallsu l-appoġġ KWKG għall-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni f’impjanti ta’ koġenerazzjoni effiċjenti ħafna li ġew mibnija, immodernizzati u mtejba dan l-aħħar, kif ukoll f’impjanti ta’ koġenerazzjoni eżistenti u totalment iddeprezzati, effiċjenti ħafna u li jaħdmu bil-gass.

11      Il-ġesturi ta’ network ta’ trażmissjoni għandhom iħallsu l-appoġġ KWKG għall-kostruzzjoni u għall-estensjoni ta’ networks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali effiċjenti fl-użu tal-enerġija, kif ukoll għall-kostruzzjoni u għat-titjib ta’ installazzjonijiet għall-ħżin tas-sħana u tal-kesħa.

12      Sabiex kull ġestur ta’ network jkun jista’ jiġi kkumpensat għall-piż finanzjarju addizzjonali li jirriżulta mill-obbligi tiegħu taħt il-KWKG tal‑2020, din tal-aħħar waqqfet mekkaniżmu li permezz tiegħu dan il-piż jinqasam b’mod ġust bejn il-ġesturi ta’ network —ta’ distribuzzjoni jew ta’ trażmissjoni—approporzjon tal-konsum tal-klijenti konnessi man-network tagħhom, u sussegwentement jiġi kkumpensat.

13      B’hekk, fl-ewwel lok, il-ġesturi ta’ network ta’ trażmissjoni għandhom jirrimborsaw lill-ġesturi ta’ network ta’ distribuzzjoni l-ammont totali li dawn tal-aħħar ikunu ħallsu lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP.

14      Fit-tieni lok, il-ġesturi ta’ network ta’ trażmissjoni għandhom jikkalkolaw l-ammont totali tal-pagamenti li huma jkunu għamlu, rispettivament, lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP u lill-ġesturi ta’ network ta’ distribuzzjoni, kif indikat fil-punti 11 u 13 ta’ din is-sentenza. Imbagħad, dan l-ammont totali jiġi diviż bil-konsum totali tal-elettriku.

15      Ir-riżultat ta’ din l-operazzjoni jirrappreżenta l-ispiża medja għal kull kilowatt-siegħa (kWh) ta’ elettriku għall-miżuri kontenzjużi. Il-ġesturi ta’ network ta’ distribuzzjoni huma obbligati jħallsu lill-ġesturi ta’ network ta’ trażmissjoni somma li tikkorrispondi għal din l-ispiża medja għal kull kWh ta’ elettriku li huma jkunu ddistribwixxew lill-klijenti finali (iktar ’il quddiem l-“imposta KWKG”).

16      L-ammont tal-imposta KWKG jiġi kkalkolat kull sena mill-ġesturi ta’ network ta’ trażmissjoni skont il-metodoloġija prevista fil-KWKG tal‑2020 u taħt il-kontroll tal-BAFA u tal-BNetzA. Dan l-ammont huwa rrappreżentat bi prezz uniformi għal kull kWh ta’ elettriku kkonsmat, suġġett għar-rata mnaqqsa li minnha jibbenefikaw ċerti kategoriji ta’ utenti.

17      Min-naħa l-oħra, il-ġesturi ta’ network għandhom id-dritt, mingħajr ma l-liġi tobbligahom jagħmlu dan, li jgħaddu l-imposta KWKG fil-kalkolu tat-tariffi ta’ network li huma jiċċarġjaw lill-klijenti tagħhom għal kull KWh ta’ elettriku pprovdut fil-Ġermanja permezz tan-network tal-elettriku. B’deroga, il-ġesturi ta’ network ta’ trażmissjoni għandhom id-dritt li jitolbu imposta KWKG imnaqqsa għall-konsumaturi l-kbar tal-enerġija, bħall-produtturi tal-idroġenu.

18      Il-KWKG tal‑2020 tipprevedi limitu annwali baġitarju ta’ EUR 1.8 biljun għall-finanzjament tal-miżuri kontenzjużi u, għalhekk, għall-imposta KWKG totali.

 Id-Deċiżjoni kontenzjuża

19      Fit‑3 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża.

20      Il-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, billi kkonstatat li dawn kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat. B’mod partikolari, fil-punti 220 u 221 ta’ din id-deċiżjoni, minn naħa, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kienu ffinanzjati mid-dħul minn kontribuzzjoni obbligatorja de jure imposta mill-Istat, ġestita u allokata skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-miżura dwar il-limitu massimu tal-imposta KWKG affavur tal-produtturi tal-idroġenu kienet tikkostitwixxi rinunzja għal riżorsi tal-Istat.

21      Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri kontenzjużi kienu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, hekk li hija ddeċidiet li ma tqajjem ebda oġġezzjoni.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Lulju 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet azzjoni għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn fiha ġie kkonstatat li l-miżuri kontenzjużi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Insostenn ta’ din l-azzjoni, hija qajmet motiv wieħed, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-impriżi kkonċernati mill-miżuri inkwistjoni kienu jibbenefikaw minn għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

23      Fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 38, 39 u 42), qieset li jistgħu jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn naħa, fondi ffinanzjati minn taxxa jew minn imposti obbligatorji oħra taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali u ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, somom li jibqgħu f’kull ħin taħt kontroll pubbliku u, għalhekk, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, billi dawn iż-żewġ kriterji jikkostitwixxu kriterji alternattivi tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

24      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 41 sa 118 tas-sentenza appellata, jekk il-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kinux iffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, fit-tieni lok, eżaminat, fil-punti 119 sa 126 ta’ din is-sentenza, jekk il-limitu massimu tal-imposta KWKG affavur tal-produtturi tal-idroġenu kienx iffinanzjat minn tali riżorsi.

25      Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP, il-Qorti Ġenerali eżaminat, l-ewwel nett, fil-punti 56 sa 90 tas-sentenza appellata, jekk l-appoġġ KWKG jew l-imposta KWKG kinux jikkostitwixxu taxxa jew imposta obbligatorja oħra, fis-sens tal-ewwel wieħed mill-kriterji msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza. It-tieni, fil-punti 91 sa 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk l-ammonti tal-appoġġ KWKG jew tal-imposta KWKG baqgħux f’kull ħin taħt kontroll pubbliku, fis-sens tat-tieni wieħed minn dawn il-kriterji. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 101 sa 117 ta’ din is-sentenza, ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160).

26      Fl-ewwel lok, sa fejn għandu x’jaqsam l-ewwel wieħed mill-imsemmija kriterji, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li fondi għandhom jitqiesu bħala “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk dawn ikunu joriġinaw minn kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat u jekk ikunu ġestiti u mqassma skont din il-liġi.

27      Qabelxejn, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li applikat din il-ġurisprudenza għal dan il-każ, qieset, b’mod partikolari, li l-pagamenti obbligatorji magħmula mill-ġesturi ta’ network lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP, jiġifieri l-pagamenti li saru fi stadju li ġie identifikat bħala l-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista tal-elettriku, kienu jikkonċernaw biss l-allokazzjoni tal-fondi skont il-liġi sa fejn dawn il-ġesturi kienu legalment obbligati jagħtu appoġġ finanzjarju lil dawn il-benefiċjarji. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-pagamenti ma kienu jagħtu ebda indikazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi użati mill-ġesturi ta’ network. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, li kellhom l-imsemmija pagamenti jitqiesu bħala taxxa jew imposta obbligatorja oħra, jiġri li l-finanzjament tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP jitħawwad mal-għoti tal-fondi lill-benefiċjarji ta’ dawn tal-aħħar.

28      Imbagħad, fil-punti 68 sa 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għażlet is-sitwazzjoni f’dan il-każ, li fiha l-ġesturi ta’ network ma għandhom ebda obbligu legali li jgħaddu l-imposta KWKG lill-klijenti downstream tagħhom, jiġifieri fi stadju li hija identifikat bħala t-“tieni livell” tal-katina ta’ provvista tal-elettriku, minn dik imsemmija mill-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex issostni li l-fondi użati mill-ġesturi ta’ network għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom ta’ ħlas lejn il-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kellhom oriġini statali.

29      Barra minn hekk, fil-punti 71 u 72 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat f’liema mument u minn min saret il-ġestjoni tal-fondi.

30      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 73 sa 77 tal-istess sentenza, li l-possibbiltà, għall-ġesturi ta’ network, li jgħabbu lill-klijenti tagħhom bil-piż tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kienet biżżejjed sabiex jiġi eskluż li dawn il-ġesturi huma l-“aħħar debituri ta’ dan il-piż” u, konsegwentement, li huma suġġetti għal kontribuzzjoni obbligatorja fid-dritt.

31      Fit-tieni lok, sa fejn għandu x’jaqsam it-tieni wieħed mill-kriterji msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-kontroll pubbliku kontinwu fuq is-somom inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx ivverifikat fid-Deċiżjoni kontenzjuża jekk dan kienx issodisfatt, iżda li tali fatt ma kienx jikkostitwixxi żball ta’ liġi, billi ż-żewġ kriterji inkwistjoni kienu alternattivi għal xulxin. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, li dan it-tieni kriterju ma kienx issodisfatt f’dan il-każ.

32      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 101 sa 117 tas-sentenza appellata, li kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet eskludiet, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP ma kinux jikkostitwixxu “sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet”, fis-sens ta’ din is-sentenza.

33      Billi kkonkludiet li l-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP ma kinux iffinanzjati minn riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 119 sa 126 tas-sentenza appellata, li l-limitu massimu tal-imposta KWKG affavur tal-produtturi tal-idroġenu lanqas ma seta’ jitqies bħala rinunzja ta’ riżorsi tal-Istat.

34      Abbażi ta’ din il-motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-uniku motiv tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża.

 It-talbiet tal-partijiet

35      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat, u

–        sussidjarjament:

–        tannulla s-sentenza appellata inkwantu din tikkonċerna l-miżuri msemmija fil-premessa 198(a) sa (d) tad-Deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri l-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP;

–        tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat, u

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

36      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

37      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament għamlet il-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti.

38      Dan l-aggravju huwa magħmul minn żewġ partijiet li jikkonċernaw, l-ewwel waħda, żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-piż finanzjarju tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP, u, it-tieni waħda, in-nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160).

 Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

 L-argumenti tal-partijiet

39      Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta qieset li l-piż finanzjarju tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP li tgħabbew bih il-ġesturi ta’ network ta’ distribuzzjoni ma jikkostitwixxix taxxa jew imposta obbligatorja oħra fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li, għalhekk, ma ġewx immobilizzati riżorsi tal-Istat f’dan il-każ.

40      Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq tliet evalwazzjonijiet, kollha vvizzjati bi żball ta’ liġi.

41      Fl-ewwel lok, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 65 sa 70 u 89 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, kien importanti li l-użu tal-fondi ma jitħawwadx mal-oriġini tagħhom. B’hekk, il-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ imposta obbligatorja għandha tingħażel mill-persuna debitriċi tal-għajnuna, li, f’din il-kapaċità, tħallas lill-benefiċjarju l-ammonti korrispondenti għal tali imposta. Peress li, fil-fehma tagħha, f’dan il-każ, persuna waħda għandha dawn iż-żewġ kwalitajiet, billi kull operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni huwa l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-imposta KWKG, kif ukoll il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-appoġġ KWKG lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kien hemm ebda riżorsi tal-Istat.

42      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma hemm xejn fl-Artikolu 107(1) TFUE, u lanqas fil-ġurisprudenza li fuqha qagħdet il-Qorti Ġenerali, li jiġġustifika l-ħtieġa ta’ relazzjoni trijangolari bejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-imposta, il-persuna responsabbli għall-għoti tal-għajnuna u l-benefiċjarju ta’ din tal-aħħar. Fil-fehma tagħha, hija biss l-eżistenza ta’ imposta obbligatorja li hija determinanti.

43      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 71, 72 u 88 tas-sentenza appellata, li hija – il-Kummissjoni – ma kinitx uriet li l-fondi ġġenerati mill-imposta KWKG kienu nġabru u ġew ġestiti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, din kienet kundizzjoni addizzjonali għal dik tal-eżistenza ta’ imposta obbligatorja.

44      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma huwiex meħtieġ li jiġu ssodisfatti kriterji oħra, bħal dawk tal-ġestjoni u tat-tqassim tal-fondi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi s-sempliċi kwalità ta’ taxxa jew ta’ imposta obbligatorja hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat u dan peress li taxxa tista’ tinġabar ukoll minn entitajiet privati. F’dan il-każ, hemm inkwistjoni, fil-fehma tal-Kummissjoni, obbligu ta’ ħlas impost unilateralment mil-liġi fuq kategorija speċifika ta’ persuni u, għaldaqstant, taxxa jew imposta obbligatorja.

45      Ir-referenza, fil-punt 35 tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), għall-fatt li l-ammonti “jkunu amministrati u mqassma konformement ma’ din il-liġi” torbot mal-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza u dawk inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02, EU:C:2004:448), u tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL‑ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348), li fihom l-awtoritajiet pubbliċi sempliċement għamlu obbligatorja imposta introdotta u ġestita minn assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat għal grupp ta’ entitajiet legali wkoll irregolati mid-dritt privat. Dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli ma’ dik f’dan il-każ, billi, fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa l-Istat Ġermaniż li introduċa l-appoġġ KWKG u li ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex “jiġġestixxi u jqassam” l-ammonti korrispondenti skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, billi ma qablitx ma’ dan, għamlet ukoll żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti.

46      Sussidjarjament, il-Kummissjoni żżid tgħid li, fi kwalunkwe każ, dawn l-ewwel żewġ evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq żball ieħor, li sar fil-punti 71 u 72 tas-sentenza appellata, inkwantu din tal-aħħar qieset b’mod żbaljat li l-mekkaniżmu għat-tqassim tal-piż finanzjarju bejn il-ġesturi ta’ network ma setax jitqies bħala “ġestjoni tal-fondi” minħabba li dan il-mekkaniżmu kien jipprevedi biss kumpens għal dan il-piż bejn ġesturi ta’ network.  Fil-verità, minn naħa, il-piż finanzjarju fuq il-ġesturi ta’ network ta’ distribuzzjoni ma rriżultax, fil-fehma tagħha, mill-ħlas tal-appoġġ KWKG, liema ħlas ġie rrimborsat mill-ġesturi ta’ network ta’ trażmissjoni, iżda mill-pagament tal-imposta KWKG li l-ġesturi ta’ network ta’ distribuzzjoni kellhom iħallsu lill-ġesturi ta’ network ta’ trażmissjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali injorat ir-rwol tal-BAFA u tal-BNetzA fil-għażla tal-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP u fl-iffissar tal-ammont tal-pagamenti kif titlob il-liġi. Għalhekk, tali mekkaniżmu jippermetti li “jiġi ġestit u mqassam” il-piż finanzjarju tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP.

47      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 73 sa 76 tas-sentenza appellata, li hija – il-Kummissjoni – ma kinitx uriet li l-ġesturi ta’ network ta’ distribuzzjoni kienu effettivament suġġetti għal imposta obbligatorja, billi dawn tal-aħħar kellhom il-possibbiltà li jgħaddu l-imposta lill-klijenti tagħhom.

48      Issa, skont il-Kummissjoni, is-sempliċi possibbiltà li l-ispejjeż addizzjonali jiġu mgħoddija lil terzi hija ineffettiva għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, kif jirriżulta, fil-fehma tagħha, mis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 65 sa 71).

49      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-argumenti kollha insostenn tal-ewwel parti tal-aggravju uniku għandhom jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li jkunu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri, li jkun hemm intervent mill-Istat jew “permezz ta’ riżorsi tal-Istati”, li dan l-intervent ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li l-imsemmi intervent jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li l-istess intervent joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 146, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Sa fejn għandha x’taqsam l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala intervent mill-Istat jew bħala għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” jekk, minn naħa, il-miżura tingħata direttament jew indirettament permezz ta’ dawn ir-riżorsi u, min-naħa l-oħra, il-miżura tkun imputabbli lil Stat Membru (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 147, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Sa fejn għandha x’taqsam, b’mod iktar speċifiku, il-kundizzjoni li l-vantaġġ jingħata “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, stabbilixxiet żewġ kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit li fondi li permezz tagħhom jingħata vantaġġ tariffarju, taħt leġiżlazzjoni nazzjonali, jikkostitwixxu “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 148, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      B’hekk, fl-ewwel lok, il-fondi ffinanzjati minn taxxa jew minn imposti obbligatorji oħra taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali u ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxu “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 148, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-fatt li l-piż finanzjarju ta’ tali imposta jinġarr fil-fatt minn kategorija ddefinita ta’ persuni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-fondi li jirriżultaw minn din l-imposta għandhom in-natura ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Huwa meħtieġ ukoll li l-imsemmija imposta tkun obbligatorja taħt id-dritt nazzjonali (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 36).

54      Fit-tieni lok, il-fatt li s-somom jibqgħu f’kull ħin taħt kontroll pubbliku u, għalhekk, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 148, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Il-kriterji msemmija fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxu kriterji alternattivi li jippermettu li jiġi stabbilit li miżura tingħata “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 151, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56      Dan ifisser li n-natura statali tar-riżorsi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ żewġ kundizzjonijiet alternattivi li jikkonċernaw, il-waħda, l-eżistenza ta’ piż obbligatorju fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali u, l-oħra, il-kontroll pubbliku fuq il-ġestjoni tas-sistema u, b’mod partikolari, fuq il-fondi jew il-ġesturi ta’ dawn il-fondi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑790/21 P u C‑791/ P, EU:C:2024:792, punt 152).

57      Issa, mill-punt 93 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ikkontestat fl-istadju tal-appell, jirriżulta li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni sempliċement applikat l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji. Madankollu, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat, fil-punti 56 sa 90 tas-sentenza appellata, dan l-ewwel kriterju, evalwat, fil-punti 91 sa 100 ta’ din is-sentenza, jekk it-tieni wieħed mill-kriterji msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza kienx issodisfatt f’dan il-każ, iżda qieset li ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma kien issodisfatt. Madankollu, billi l-ewwel parti tal-aggravju uniku tikkonċerna biss l-analiżi li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 65 sa 89 tas-sentenza appellata, huwa biss inkwistjoni, taħt din il-parti, l-ewwel wieħed mill-imsemmija kriterji.

58      Sa fejn għandu x’jaqsam l-argument magħmul insostenn tal-imsemmija parti, fl-ewwel lok, inkwantu l-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, permezz tal-ewwel ilment tagħha, li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi, fil-punti 65 sa 70 u 89 tas-sentenza appellata, meta qieset li l-identifikazzjoni ta’ riżorsi tal-Istat teħtieġ l-eżistenza ta’ “relazzjoni trijangolari” bejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-imposta obbligatorja, il-persuna responsabbli għall-għoti tal-għajnuna u l-benefiċjarju ta’ din tal-aħħar, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għalkemm dawn it-termini ntużaw mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, dawn ma ġewx irriprodotti mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti kkontestati tas-sentenza appellata. Konsegwentement, din il-kritika hija fattwalment infondata.

59      Madankollu, permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-eżistenza ta’ imposta obbligatorja hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset li l-allokazzjoni obbligatorja ta’ fondi li tgawdi kategorija ta’ operaturi ekonomiċi privati affavur ta’ kategorija oħra ta’ operaturi ekonomiċi privati ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-involviment ta’ riżorsi tal-Istat.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret il-ġurisprudenza mfissra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza li tgħid li, sabiex fondi jitqiesu bħala “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, b’mod partikolari, joriġinaw minn taxxi jew minn imposti obbligatorji oħra taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

61      Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li applikat dan il-prinċipju għal dan il-każ, qieset, fil-punti 67 u 70 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-obbligu impost fuq il-ġesturi ta’ network li jħallsu l-appoġġ KWKG lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kien biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposta obbligatorja oħra li tista’ tikkostitwixxi l-involviment ta’ riżorsi tal-Istat. Hija ppreċiżat li din iċ-ċirkustanza tippermetti biss li tiġi kkonstatata allokazzjoni tal-fondi konformi mal-liġi, mingħajr ma tagħti indikazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi użati mill-ġesturi ta’ network sabiex jeżegwixxu l-obbligi tagħhom. Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza, għall-kriterju tar-riperkussjoni fuq terz tal-piż finanzjarju li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-fondi sabiex tiġi identifikata l-provenjenza tal-fondi kkonċernati u, konsegwentement, jekk ġewx involuti riżorsi tal-Istat jew le.

62      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma huwiex biżżejjed, sabiex jiġi kkonstatat l-involviment ta’ riżorsi tal-Istat, li l-ġesturi ta’ network jgħaddu lill-klijenti finali tagħhom, fil-prezz tal-bejgħ tal-elettriku, l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-obbligu tagħhom li jixtru l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bit-tariffi stabbiliti mil-liġi, meta dan il-kumpens ikun jirriżulta biss minn prassi u mhux minn obbligu legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 70 u 71, kif ukoll tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 37).

63      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ piż obbligatorju mgħobbi mill-konsumaturi finali tal-elettriku fit-“tieni livell” tal-katina ta’ provvista tal-elettriku li jiffinanzja l-fondi użati għall-għoti ta’ appoġġ fl-“ewwel livell” ta’ din il-katina ġiet, essenzjalment, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, meħuda inkunsiderazzjoni kontinwament fil-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, fis-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 66), tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 22 sa 24), tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 64 sa 71), tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 57 u 64), tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 30, 36 u 37), tas‑7 ta’ Marzu 2024, Fallimento Esperia u GSE (C‑558/22, EU:C:2024:209, punti 76 u 77), tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 178), kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2024, WEPA Hygieneprodukte et vs Il‑Kummissjoni (C‑795/21 P u C‑796/21 P, EU:C:2024:807, punt 124).

64      Il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza tirrifletti l-fatt li huwa neċessarju, sabiex l-appoġġ mogħti lill-benefiċjarju jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, li dan l-appoġġ jiggrava fuq il-baġit tal-Istat, u dan jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta diretta biżżejjed bejn, minn naħa, l-imsemmi appoġġ u, min-naħa l-oħra, tnaqqis fl-imsemmi baġit, jew saħansitra riskju ekonomiku konkret biżżejjed ta’ piżijiet li jiggravaw fuq dan tal-aħħar. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, sa fejn għandhom x’jaqsmu entitajiet distinti mill-awtorità pubblika suġġetti għal obbligu li jixtru l-elettriku, li l-element deċiżiv, f’dan ir-rigward, huwa l-fatt li tali entitajiet huma awtorizzati mill-Istat jamministraw riżorsa tal-Istat, u mhux li dawn huma sempliċement marbuta b’obbligu li jixtru permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:20019:268, punti 58 sa 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Dan ifisser li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe riperkussjoni obbligatorja fuq il-klijenti finali tal-piż finanzjarju li jikkorrispondi għal spiża addizzjonali dovuta mill-ġesturi ta’ network fuq il-prezz tal-bejgħ tal-elettriku, la jista’ jitqies li l-fondi li jiffinanzjaw din l-ispiża addizzjonali joriġinaw minn taxxa jew minn imposta obbligatorja oħra u lanqas, għalhekk, li dawn jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

66      F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 60 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex qiegħda tikkontesta li l-ġesturi ta’ network ta’ distribuzzjoni, filwaqt li huma obbligati li jħallsu l-appoġġ KWKG lill-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni, għandhom id-dritt li jgħaddu l-piż finanzjarju li jirriżulta minnha – li jikkorrispondi għall-imposta KWKG – lill-klijenti finali tagħhom, iżda ma humiex legalment obbligati li jagħmlu dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kienu jimplikaw l-involviment ta’ riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

67      Konsegwentement, l-argumenti insostenn tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-Kummissjoni, immirati lejn il-punti 65 sa 70 u 89 tas-sentenza appellata, ma humiex fondati.

68      Fit-tieni lok, sa fejn għandu x’jaqsam it-tieni lment magħmul mill-Kummissjoni, immirat lejn il-punti 71, 72 u 88 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li ma huwiex biżżejjed, sabiex fondi jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, li dawn jiġu ffinanzjati minn taxxa jew minn imposti obbligatorji oħra taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi dawn il-fondi għandhom ukoll jiġu ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa ineffettiv.

69      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza li għaliha l-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet fil-punti 57 u 64 tas-sentenza appellata, il-kriterju tal-ġestjoni u tat-tqassim tal-fondi kkonċernati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa addizzjonali għal dak li dawn il-fondi għandhom joriġinaw minn taxxa jew minn imposti obbligatorji oħra. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinterpreta ħażin il-punt 35 tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), meta ssostni li r-referenza għall-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji hija maħsuba biss sabiex tagħżel is-sitwazzjoni li kienet inkwistjoni f’din is-sentenza minn dawk li kienu inkwistjoni fis-sentenzi msemmija fil-punt 45ta’ din is-sentenza, billi ma tirriżulta ebda limitazzjoni bħal din mill-imsemmija sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023. Barra minn hekk, l-imsemmi kriterju ġie stabbilit bħala kriterju awtonomu sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunux involuti riżorsi tal-Istat jew le, li huwa addizzjonali għal dak tal-oriġini tal-fondi kkonċernati, kif jirriżulta mis-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (173/73, EU:C:1974:71, punt 35).

70      Issa, mill-punti 58 sa 66 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-fondi li jiffinanzjaw il-miżuri kontenzjużi ma jikkostitwixxux imposta obbligatorja.

71      Konsegwentement, anki li kellu jitqies li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju li l-fondi ffinanzjati minn imposta obbligatorja għandhom jiġu ġestiti u mqassma skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tali żball ma jaffettwax il-fondatezza tal-konstatazzjoni li, f’dan il-każ, ma hemmx imposta bħal din.

72      Huma wkoll ineffettivi, għall-istess raġunijiet, l-argumenti magħmula sussidjarjament mill-Kummissjoni u mfissra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li jgħidu li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali applikat ħażin il-kriterju li jeżiġi li l-fondi jiġu ġestiti u mqassma skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

73      Fit-tielet lok, sa fejn għandu x’jaqsam it-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni, li jikkonċerna l-punti 73 sa 76 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-analiżi tal-ewwel ilment ta’ din il-parti tal-aggravju uniku jirriżulta li r-riperkussjoni obbligatorja tal-piż finanzjarju tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kienet rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk kienx hemm riżorsi tal-Istat jew le. B’mod partikolari, mill-punt 62 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni tinterpreta ħażin is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268) meta ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-imsemmija sentenza, li s-sempliċi possibbiltà li l-ispejjeż addizzjonali jiġu mgħoddija lil terzi ma għandha ebda effett fuq il-kwistjoni jekk humiex involuti riżorsi tal-Istat jew le. Konsegwentement, dan l-ilment huwa infondat.

74      Fid-dawl tal-premess, l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-appell għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

 L-argumenti tal-partijiet

75      Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, imqajma sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 101 sa 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160).

76      L-ewwel nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, permezz ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tqis li huma biss il-każijiet li fihom l-Istat jintervjeni billi jirregola l-prezzijiet tas-suq – pereżempju billi jiffissa prezzijiet minimi jew irregolati jew volumi minimi ta’ xiri – li ma jinvolvux riżorsi tal-Istat. Issa, f’dan il-każ, il-KWKG tal-2020 ma tipprevedix tali regolamentazzjoni tal-prezzijiet. Fil-fatt, il-ġesturi ta’ network huma obbligati jħallsu l-appoġġ KWKG lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP konnessi man-network tagħhom, indipendentement minn jekk dawn tal-aħħar jixtrux elettriku jew le. B’hekk, l-Istat jimponi obbligi ta’ ħlas dirett bejn partijiet privati, mingħajr ma dawn l-obbligi huma bbażati fuq xi relazzjoni kuntrattwali.

77      It-tieni, fil-fehma tal-Kummissjoni, interpretazzjoni wiesgħa tal-eċċezzjoni prevista f’din il-ġurisprudenza twassal sabiex Stat Membru, li jimponi obbligi ta’ ħlas fuq operaturi ekonomiċi privati, ikun jista’ jippromwovi kwalunkwe settur industrijali jew kwalunkwe impriża partikolari.

78      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza, li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑11 ta’ Awwissu 1995, Dubois u Général cargo services (C‑16/94, EU:C:1995:268, punti 15 u 21), li tikkonċerna l-kunċett ta’ “taxxa”, fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE. Hija tqis li minnha jista’ jiġi dedott li l-fattur deċiżiv huwa dak jekk il-ħlas ikunx jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ servizz partikolari, effettivament u individwalment ipprovdut lill-operatur ekonomiku – li jekk ikun il-każ, dan il-ħlas ma jaqax fl-iskop tal-kunċett ta’ “taxxa” – jew jekk dan ikunx jintuża sabiex jiffinanzja l-qadi ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku – li jekk dan ikun il-każ, dan il-ħlas jaqa’ fl-iskop tal-imsemmi kunċett. F’tali kuntest, l-oriġini privata tar-riżorsi, li fuqha tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali, ma hijiex rilevanti, billi kull forma ta’ imposta tinvolvi riżorsi privati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), li, fil-fehma tagħha, ġiet interpretata ħażin mill-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata, u s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Fallimento Esperia u GSE (C‑558/22, EU:C:2024:209), li tikkonferma li s-sitwazzjoni ta’ “obbligu ta’ xiri” għandha tingħażel minn dik li fiha l-Istat jimponi obbligu ta’ ħlas, liema obbligu huwa, fir-realtà, imposta obbligatorja.

79      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar din il-parti tal-aggravju uniku, għandu jitfakkar li, fil-punt 59 tas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-obbligu, impost fuq impriżi privati ta’ provvista tal-elettriku, li jixtru bi prezzijiet minimi fissi l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma jwassal għal ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi ta’ l-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku. Fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, hija ddeduċiet, essenzjalment, li fin-nuqqas ta’ tali trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, il-fatt li l-obbligu ta’ xiri huwa impost mil-liġi u jagħti vantaġġ inkontestabbli lil ċerti impriżi, ma jistax jagħtih in-natura ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

81      B’hekk, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, essenzjalment, fil-punti 105 sa 108 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qalitx li regolamentazzjoni tal-prezzijiet imposta mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru biss hija eskluża milli tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Fir-realtà, hija sempliċement qalet li l-fatt li impriżi privati ta’ provvista tal-elettriku huma obbligati li jixtru bi prezzijiet minimi ffissati l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat meta dan l-obbligu ma jkun iwassal għal ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku.

82      Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, EU:C:2001:160), il-ħlas li rriżulta mid-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-prezz minimu impost mil-liġi ma kienx iffinanzjat minn riżorsi tal-Istat, iżda kien kopert mir-riżorsi finanzjarji tal-impriżi ta’ provvista tal-elettriku inkwistjoni, billi dan il-piż kien maqsum biss bejn dawn l-impriżi u l-operaturi privati ta’ networks tal-elettriku upstream.

83      Issa, minn analiżi tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju uniku jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-istess japplika f’dan il-każ.

84      Dan ifisser li l-Qorti Ġenerali lanqas ma għamlet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), kellha tistabbilixxi, indipendentement mill-fatt jekk il-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kinux jikkostitwixxu miżura ta’ “sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet” jew le, li l-vantaġġ affavur tal-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri ma kienx mogħti mill-ġesturi ta’ network, li huma entitajiet privati, permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma għamlet żball meta kkonkludiet, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li, billi l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li wieħed mill-kriterji alternattivi msemmija fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza kien issodisfatt, il-ġesturi ta’ network jużaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom sabiex jagħtu s-somom previsti fil-KWKG tal‑2020 lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160).

85      It-tieni, minn dan jirriżulta li l-ilment dwar in-neċessità li allegata eċċezzjoni li tirriżulta minn din il-ġurisprudenza tiġi interpretata b’mod restrittiv, huwa wkoll infondat. Fil-fatt, kif jirriżulta diġà mill-punt 80 ta’ din is-sentenza, fis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), il-Qorti tal-Ġustizzja ma introduċietx eċċezzjoni iżda sempliċement interpretat l-Artikolu 107(1) TFUE u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit stabbilit f’din id-dispożizzjoni li, kif tfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” tippreżupponi, b’mod partikolari, intervent mill-Istat jew “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”.

86      Issa, inkwantu l-Kummissjoni tqis li din l-interpretazzjoni tagħmilha possibbli għal Stat Membru, li jimponi obbligi ta’ ħlas fuq operaturi ekonomiċi privati, li jippromwovi kwalunkwe settur industrijali jew kwalunkwe impriża partikolari, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, id-distinzjoni magħmula f’din id-dispożizzjoni bejn l-“għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha mogħtija mill-Istat jikkostitwixxu għajnuna, sew jekk iffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat u sew jekk le, iżda hija tfittex biss li tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ organu pubbliku jew privat, maħtur jew imwaqqaf minn dan l-Istat sabiex tiġi ġestita l-għajnuna (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 58, kif ukoll tas‑27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea, C‑179/20, EU:C:2022:58, punt 91).

87      Fl-aħħar nett, sa fejn għandha x’taqsam ir-rilevanza tal-ġurisprudenza li fuqha tibbaża ruħha l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fis-sentenza tal‑11 ta’ Awwissu 1995, Dubois u Général cargo services (C‑16/94, EU:C:1995:268), il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha mistoqsija mhux dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE, iżda dwar jekk piż impost fuq il-merkanzija minħabba l-fatt li hija taqsam il-fruntiera jaqax jew le fl-iskop tal-projbizzjoni prevista fl-artikoli tat-Trattat KE li ġew issostitwiti bl-Artikoli 28 u 30 TFUE. Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar japplikaw għal “taxxa ta’ tranżitu” maħsuba sabiex tikkumpensa impriża privata għall-ispejjeż sostnuti fil-qadi ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku, f’dan il-każ, la l-appoġġ KWKG u lanqas l-imposta KWKG ma huma maħsuba, fl-ewwel livell tal-katina ta’ provvista tal-elettriku, sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż sostnuti fil-qadi ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku. Għaldaqstant, huwa għalxejn li l-Kummissjoni tinvoka l-imsemmija sentenza sabiex tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta din tal-aħħar qieset li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

88      It-tieni, sa fejn għandha x’taqsam is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 108 u 109 tal-konklużjonijiet tiegħu, din is-sentenza ma fiha ebda motiv sabiex jitqies li hija biss l-eżistenza ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-suq li sseħħ fil-kuntest ta’ tranżazzjoni bejn individwi li tiġġustifika l-konstatazzjoni li ma hemm ebda involviment ta’ riżorsi tal-Istat.

89      It-tielet, l-istess japplika sa fejn għandha x’taqsam is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Fallimento Esperia u GSE (C‑558/22, EU:C:2024:209). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 74 sa 77 ta’ dik is-sentenza, huwa minħabba li entità ekwivalenti għall-Istat kienet tixtri ċ-ċertifikati ħodor żejda inkwistjoni fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, billi tuża d-dħul minn komponent tariffarju impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-konsumaturi tal-elettriku u mħallas lill-imsemmija entità sabiex jinxtraw dawn iċ-ċertifikati, li seta’ jiġi kkonstatat l-involviment ta’ riżorsi tal-Istat.

90      Fid-dawl tal-premess, it-tieni parti tal-aggravju uniku hija wkoll infondata, hekk li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

92      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 138 ta’ dawn ir-regoli, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplikaw għall-proċedura ta’ appell, il-parti sokkombenti għandha tbati l-ispejjeż, jekk kemm‑il darba dawn ikunu ntalbu.

93      Billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u billi l-aggravju uniku ta’ din tal-aħħar ma ntlaqax, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dan l-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dan l-appell.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.