9.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/24


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/5/UE

tat-8 ta’ Frar 2010

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex l-akrolein ikun inkuż bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Awwissu 2006, ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Baker Petrolite, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE, biex is-sustanza attiva akrolein tiddaħħal fl-Anness I għall-użu fi prodotti tat-tip 12, is-sustanzi kontra t-tajn (“slimicides”), kif iddefinit fl-Anness V għad-Direttiva 98/8/KE. L-akrolein ma kienx imqiegħed fis-suq fid-data msemmija fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 98/8/KE bħala sustanza attiva ta' prodott bijoċidali.

(2)

Wara li wettaq evalwazzjoni, fis-16 ta' Marzu 2009 ir-Renju Unit ressaq ir-rapport tiegħu lill-Kummissjoni, flimkien ma' rakkomandazzjoni.

(3)

Saret reviżjoni tar-rapport mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fis-17 ta' Settembru 2009, u s-sejbiet tar-reviżjoni ġew inkorporati fir-rapport ta' valutazzjoni.

(4)

Mill-eżamijiet li saru jidher li l-prodotti bijoċidali li jintużaw bħala sustanzi kontra t-tajn u li jkun fihom l-akrolein jistgħu jkunu mistennija jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għaldaqstant huwa f'loku li l-akrolein jiddaħħal fl-Anness I.

(5)

L-użijiet potenzjali ma ġewx evalwati kollha fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk l-użi jew ix-xenarji ta' esponiment u dawk ir-riskji għall-kompartimenti u l-popolazzjonijiet li ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju li saret fil-livell tal-Unjoni, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli.

(6)

Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport ta' valutazzjoni, huwa xieraq li jkun rikjest li, fil-livell tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti, jiġu applikati miżuri għat-taffija tar-riskji għall-prodotti li jkun fihom l-akrolein u li jintużaw bħala sustanzi kontra t-tajn.

(7)

B'mod partikolari, huwa xieraq li jkun rikjest li l-prodotti maħsuba għall-użu industrijali jew professjonali jintużaw flimkien mat-tagħmir protettiv personali xieraq u li jkunu stabbiliti proċeduri sikuri tal-operat bħall-użu tal-monitoraġġ tal-arja u taż-żoni tal-esklużjoni, sakemm ma jistax jintwera li r-riskji għall-utenti industrijali jew għal dawk professjonali jistgħu jitnaqqsu b'mezzi oħra.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġu llimitati r-riskji għall-ambjent marittimu, minħabba li matul l-evalwazzjoni ġew identifikati riskji mhux aċċettabbli għal dan il-kompartiment. Għalhekk, ċerti kundizzjonijiet għandhom ikunu imposti mill-awtoritajiet kompetenti meta jkunu qed jawtorizzaw il-prodott bijoċidali, bħall-kundizzjoni li dawn jiżguraw li jsir monitoraġġ tal-ilma mormi, u jekk meħtieġ, li dan jiġi ttrattat qabel ma jintrema, sakemm ma jkunx jista’ jintwera li r-riskji għall-ambjent ikunu jistgħu jitnaqqsu b'mezzi oħra.

(9)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli taż-żmien qabel ma sustanza attiva tiddaħħal fl-Anness I sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva.

(10)

Għaldaqstant, id-Direttiva 98/8/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandu jiġi emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Awwissu 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati bit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, it-8 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.


ANNESS

L-entrata li ġejja għas-sustanza akrolein għandha tiddaħħal fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE:

Nru

Isem Komuni

Isem IUPAC

Numri ta’ Identifikazzjoni

Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq

Data tal-inklużjoni

Data ta' skadenza għall-konformità mal-Artikolu 16(3)

(ħlief għall-prodotti li fihom iktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom id-data ta' skadenza għall-konformità mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Data ta’ skadenza tal-inklużjoni

Tip ta’ prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi (*1)

“30

Akrolein

Acrylaldehyde

Nru tal-KE: 203-453-4

Nru tal-CAS: 107-02-8

913 g/kg

l-1 ta’ Settembru 2010

Mhux applikabbli

il-31 ta’ Awwissu 2020

12

Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott tkun qed tiġi vvalutata skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, fejn ikun rilevanti għall-prodott partikolari, il-popolazzjonijiet li jistgħu jkunu esposti għall-prodott u l-użu jew ix-xenarji ta’ esponiment li ma jkunux ġew indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju li tkun saret fil-livell tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Għandu jsir monitoraġġ tal-ilmijiet mormija li jkun fihom l-akrolein qabel ma jintremew, sakemm ma jkunx jista’ jintwera li r-riskji għall-ambjent jistgħu jitnaqqsu b'mezzi oħra. Fejn meħtieġ minħabba r-riskji għall-ambjent marittimu, l-ilmijiet mormija għandhom jinżammu f’tankijiet jew ġibjuni xierqa jew għandhom jiġu ttrattati kif suppost qabel ma jintremew.

(2)

Il-prodotti awtorizzati għall-użu industrijali u/jew professjonali għandhom jintużaw flimkien ma' tagħmir protettiv personali xieraq, u għandhom jiġu stabbiliti proċeduri sikuri tal-operat, sakemm fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jkunx jista’ jintwera li r-riskji għall-utenti industrijali u/jew għal dawk professjonali jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli b’mezzi oħra.”


(*1)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm