European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/3377

31.5.2024

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Ivvutaw għal Unjoni Ewropea magħquda, demokratika, kompetittiva, sostenibbli u soċjali

(C/2024/3377)

Relaturi: Christa SCHWENG (Grupp I)

Cinzia DEL RIO (Grupp II)

Ioannis VARDAKASTANIS (Grupp III)

Bażi legali

Artikolu 52(4) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Riżoluzzjoni

Adozzjoni fil-plenarja

20.3.2024

Sessjoni plenarja Nru

586

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

140/00/05

Ivvutaw għal Unjoni Ewropea magħquda, demokratika, kompetittiva, sostenibbli u soċjali

Lejliet l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, aħna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li nirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, nistiednukom, ċittadini tal-UE, biex tużaw id-dritt demokratiku tagħkom li tivvutaw.

Il-Parlament Ewropew huwa l-uniku korp tal-UE elett direttament, u jiddeċiedi b’mod konġunt il-liġijiet u l-baġit tal-Unjoni Ewropea. Huwa jaħtar ukoll b’mod konġunt il-Kummissarji Ewropej.

Meta tmorru tivvutaw f’Ġunju, intom, bħala ċittadini tal-UE, għandkom l-opportunità li teleġġu l-membri tal-Parlament Ewropew u tivvutaw għal integrazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha.

L-Unjoni Ewropea hija storja ta’ suċċess.

Għaddejna minn żminijiet diffiċli, iżda ħadd ma jista’ jiċħad li l-Unjoni Ewropea ggarantiet il-paċi, id-demokrazija, il-prosperità ekonomika u l-progress soċjali għall-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha.

Bis-saħħa tal-Unjoni, għandna l-libertà li naħdmu, nistudjaw u nagħmlu negozju fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Madankollu, għadna qed niffaċċjaw sfidi. It-tħassib l-aktar urġenti tagħna huwa ż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni, il-gwerer li qed iseħħu fil-viċinanzi tagħna, il-migrazzjoni, l-emerġenza klimatika, u l-ispazju ċiviku li qed jiċkien.

L-ebda pajjiż tal-UE ma jista’ jaffronta dawn l-isfidi waħdu. In-nazzjonaliżmu, il-populiżmu u s-soluzzjonijiet fil-livell ta’ stat individwali mhumiex it-tweġiba. Il-kollaborazzjoni, il-kooperazzjoni u l-konverġenza huma.

Huwa biss permezz ta’ Unjoni Ewropea magħquda, demokratika, kompetittiva, sostenibbli u soċjali li nistgħu nagħmlu progress reali f’dawn il-kwistjonijiet, u nreġġgħu lura l-inugwaljanzi u d-disparitajiet l-Istati Membri u bejniethom.

L-UE hija bbażata fuq il-valuri komuni tad-demokrazija, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni, l-istat tad-dritt, it-tolleranza, il-ġustizzja, in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni demokratika. Dawn il-valuri jeħtieġ li jissaħħu, jiġu difiżi u protetti kontinwament. Il-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom jiġu evitati akkost ta’ kollox.

Tgħallimna li l-paċi hija dejjiema biss f’ekonomiji u soċjetajiet ikkaratterizzati mill-koeżjoni territorjali u soċjali, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u minn standards għoljin ta’ ġustizzja soċjali. Għalhekk, l-UE jeħtiġilha tkun attur globali influwenti biex tipprevjeni u ssolvi l-kunflitti, tinvesti fil-multilateraliżmu u tibni paċi dejjiema.

Unjoni Ewropea b’saħħitha biss se tkun tista’ ssostni l-mudell ekonomiku u soċjali tagħha billi tiżgura – b’mod effettiv u ġust – is-sigurtà ekonomika u tal-ikel, il-kompetittività globali u t-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika, li se jittrasformaw il-mod kif ngħixu, nipproduċu, naħdmu u nikkunsmaw.

Ejjew nappoġġjaw Unjoni Ewropea li tpoġġi liċ-ċittadini KOLLHA fil-qalba tagħha, li tipprovdi opportunitajiet għal kulħadd u tippermettilhom jilħqu l-potenzjal tagħhom u jippromovu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ħajja ċivika, u fil-proċessi politiċi nazzjonali u Ewropej.

Ejjew nappoġġjaw Unjoni Ewropea estiża li tippermettilna ngħixu f’soċjetà paċifika u miftuħa, fejn l-ambjent huwa protett, fejn kull persuna hija rispettata, u fejn ilkoll inkunu magħquda permezz ta’ identità Ewropea b’għadd kbir ta’ kulturi.

Bħala membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, qed naħdmu flimkien għal UE li tagħti riżultati u tissodisfa b’mod aktar effettiv l-aspettattivi u l-ħtiġijiet ta’ kuljum taċ-ċittadini, tal-ħaddiema u tan-negozji tagħha.

Ejjew ningħaqdu flimkien u nivvutaw għal Unjoni Ewropea magħquda, demokratika, kompetittiva, sostenibbli u soċjali.

Il-vot tagħkom jgħodd.

Brussell, 20 ta’ Marzu 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3377/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)