Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑11 ta’ Ġunju 2026 (1)

Kawża C‑354/25 [Waisrinter] (i)

R. SpA

vs

Bundesrepublik Deutschland,

fil-preżenza ta’:

A. AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill- Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Direttiva 2001/83/KE – Titolu V – Artikolu 63(3) – Rekwiżiti tal-ittikkettjar – Lingwa – Eżenzjonijiet”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) tirrigwarda l-kwistjoni dwar fejn għandha tiġi stabbilita linja ta’ demarkazzjoni bejn il-moviment liberu ta’ prodotti mediċinali u l-protezzjoni tal-pazjenti permezz ta’ regoli ta’ ttikkettjar. Hija bbażata fuq kwistjoni sempliċi: meta importatur parallel ma jkunx jista’ jittikkettja mill-ġdid prodott mingħajr ma jagħmel ħsara lill-imballaġġ primarju tiegħu, it-tikketta xorta għandha tkun suġġetta għar-rekwiżiti tal-lingwa nazzjonali skont id-Direttiva 2001/83/KE? (2)

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 63(1) u (3) tad-Direttiva 2001/83 jipprovdi:

“1.      Id-dettalji għall-ittikkettjar elenkati fl-Artikoli 54, 59 u 62 għandhom jidhru f’lingwa uffiċjali jew f’lingwi uffiċjali tal-Istat Membru, fejn il-prodott mediċinali jkun tqiegħed fis-suq, kif speċifikat, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, minn dak l-Istat Membru.

[…]

3.      Meta l-prodott mediċinali ma jkunx maħsub biex jitwassal direttament lill-pazjent, jew meta jkun hemm problemi serji fir-rigward tad-disponibbiltà tal-prodott mediċinali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, skont il-miżuri li jqisu meħtieġa biex tiġi ssalvagwardjata is-saħħa tal-bniedem, jagħtu eżenzjoni mill-obbligu li ċerti dettalji għandhom jidhru fuq l-ittikkettjar u fil-fuljett tal-pakkett. Jistgħu jagħtu wkoll eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-obbligu li l-ittikkettjar u l-fuljett tal-pakkett iridu jkunu f’lingwa uffiċjali jew f’lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott mediċinali jkun tqiegħed fis-suq, kif speċifikat, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, minn dak l-Istat Membru.”

B.      Id-dritt Ġermaniż

3.        Skont l-Artikolu 10(1) tal-Gesetz über den Verkehr mit Arzneimitteln (Arzneimittelgesetz – AMG) (il-Liġi Ġermaniża dwar il-Prodotti Mediċinali, iktar ’il quddiem l-“AMG”), il-prodotti lesti jistgħu jitqiegħdu fis-suq skont l-AMG biss jekk ċerti dettalji obbligatorji jitwaħħlu bil-lingwa Ġermaniża fuq il-kontenituri u, jekk ikun il-każ, fuq l-imballaġġ ta’ barra, b’mod li jkunu jinftiehmu mill-pubbliku. Dawn id-dettalji huma, tal-inqas, l-isem tal-prodott mediċinali segwit minn indikazzjoni tal-qawwa u tal-forma farmaċewtika tiegħu u, fejn ikun applikabbli, dikjarazzjoni li tgħid li huwa intiż għat-trabi, għat-tfal jew għall-adulti, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx diġà tinsab f’ismu, l-identifikazzjoni tal-lott, bit-taqsira “Ch.-B.” jekk il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq f’lottijiet, jew bid-data tal-manifattura jekk il-prodott mediċinali ma jkunx jista’ jitqiegħed fis-suq f’lottijiet, il-kontenut skont il-piż, il-volum nominali jew in-numru ta’ unitajiet, il-metodu ta’ amministrazzjoni u d-data tal-iskadenza bl-indikazzjoni “uża sa”.

4.        It-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG tinkludi lista iqsar ta’ dettalji obbligatorji, b’mod partikolari, għall-kontenituri b’volum nominali li ma taqbiżx l-10 ml.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

5.        R. SpA hija kumpannija inkorporata taħt id-dritt Taljan li għandha l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal prodott mediċinali li jingħata biss b’riċetta tat-tabib u li huwa indikat għat-trattament ta’ kanċer avvanzat tal-prostata (iktar ’il quddiem, il-“prodott mediċinali ta’ referenza”).

6.        Dan il-prodott mediċinali huwa pprovdut bħala soluzzjoni għal injezzjoni, ikkummerċjalizzat f’żewġ kaxxi termoplastiċi, kull waħda ssiġillata b’film tal-plastik u li fiha siringa waħda, biż-żewġ konteniturimagħluqa f’kaxxa tal-kartun. Waħda mis-siringi fiha solvent u l-oħra fiha sustanza attiva fil-forma ta’ trab.

7.        Sabiex tiġi ppreparata s-soluzzjoni għall-injezzjoni, is-siringi jiġu invitati flimkien u l-likwidu tal-ewwel siringa jiġi injettat fit-tieni waħda. Il-prodott mediċinali ta’ referenza jintuża darba biss u, skont l-informazzjoni li tinsab fil-fuljett tal-pakkett, is-soluzzjoni ta’ injezzjoni għandha tiġi ppreparata u użata immedjatament wara l-ftuħ tat-trej.

8.        Fl-2009, A. AG applikat mal-Bundesinstitut für Arzneimittel und Medizinprodukte (l-Istitut Federali tad-Drogi u tal-Apparat Mediku, iktar ’il quddiem il-“BfArM”) għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali li għandu jiġi importat fil-Ġermanja mill-Italja, b’mod parallel mal-prodott mediċinali ta’ referenza. L-awtorità kompetenti laqgħet din l-applikazzjoni f’Lulju 2010.

9.        Barra minn hekk, fl‑2012, A. iddikjarat l-intenzjoni tagħha li timporta dan il-prodott b’mod parallel mal-prodott mediċinali ta’ referenza, fil-Ġermanja mill-Polonja u r-Rumanija. F’Lulju 2014, din il-kumpannija talbet lill-BfArM għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott mediċinali, mill-ġdid b’mod parallel mal-prodott mediċinali ta’ referenza.

10.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-BfArM ġedded l-awtorizzazzjoni tiegħu għall-importazzjoni parallela ta’ dan il-prodott mediċinali, bla ħsara, madankollu, għal kjarifika dwar l-informazzjoni li għandha tidher fuq il-kontenituri tas-siringa. B’mod partikolari, ġie ppreċiżat li, peress li l-ftuħ tal-kontenituri termoplastiċi jaffettwa l-istabbiltà tal-prodott mediċinali, l-importatur parallel ma għandux jiftaħ kontenituri termoplastiċi sabiex jittikkettja s-siringi kif jeżiġi l-Artikolu 10(8) tal-AMG.

11.      Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-prodott mediċinali u ż-żewġ siringi jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod affidabbli, id-deċiżjoni kkontestata obbligat lill-importatur parallel, permezz ta’ kampjuni ddokumentati, sabiex jiġi vverifikat li, bħala prinċipju, tal-inqas dan li ġej jiġi indikat fl-ittikettar, b’karattri Rumani, : l-isem tal-prodott mediċinali u l-qawwa tiegħu; l-ittra A jew B fuq is-siringa; sabiex issir distinzjoni ċara bejn iż-żewġ siringi, l-identifikazzjoni tal-lott u d-data tal-iskadenza tal-prodott mediċinali.

12.      Kif tistqarr il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), il-qorti tar-rinviju, is-siringi ma kellhom ebda informazzjoni bil-lingwa Ġermaniża. L-ex detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq Ġermaniża, il-predeċessur fit-titolu ta’ R (iktar ’il quddiem id-“detentur oriġinali”), għalhekk ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-BfArM, li ċaħdu permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2015.

13.      Sussegwentement, id-detentur inizjali ppreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja), u allega n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-ittikkettjar previsti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG.

14.      Dan ir-rikors ġie ddikjarat inammissibbli minħabba li R. ma kellhiex locus standi, peress li ma kienet ġarrbet ebda ksur tad-drittijiet tagħha minħabba l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi dwar l-ittikkettjar tal-prodotti mediċinali. Ġie ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Ġermanja). R., li fil-frattemp kienet kisbet l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq mingħand id-detentur inizjali, kompliet il-proċedura ta’ appell.

15.      Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, din il-qorti ċaħdet l-appell mis-sentenza tal-ewwel istanza, billi ddikjaratu ammissibbli iżda infondat. Hija qieset li ma kienx neċessarju li tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx illegali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti dwar l-ittikkettjar, peress li din ma kinitx taffettwa d-drittijiet tar-rikorrenti; ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG kif ukoll fl-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2001/83 ma kinux intiżi sabiex jipproteġu lid-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali ta’ referenza fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, iżda biss sabiex jinformaw u jipproteġu lill-pazjenti.

16.      R. għalhekk ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi (Revision) quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan l-appell, hija ssostni, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali u tikser id-drittijiet tagħha, sa fejn din id-deċiżjoni ġeddedt l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali importat mill-Italja, mill-Polonja u mir-Rumanija anki għalkemm l-ittikkettjar ta’ dan il-prodott mediċinali ma huwiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG.

17.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta minn A., l-importatur parallel, tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija legali. Skont dan l-Istat Membru, il-BfArM kellu d-dritt, fl-interess tal-moviment liberu tal-merkanzija, li jippermetti lill-importatur parallel, f’każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati u, minkejja r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 10(8) tal-AMG, li ma jwaħħalx fuq l-imballaġġ primarju informazzjoni bil-lingwa Ġermaniża. Dan huwa partikolarment hekk meta, bħal f’dan il-każ, il-ftuħ tat-kontenituri termoplastiċi jaffettwa l-istabbiltà tal-prodott mediċinali.

18.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-allegat ksur tar-rekwiżiti nazzjonali fil-qasam tal-ittikkettjar, jiġifieri dawk previsti fl-Artikolu 10(1) u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG, jirrendi illegali t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali importat b’mod parallel jekk dawn ir-rekwiżiti japplikaw dawn il-prodotti biss. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jittrasponu l-Artikolu 54, l-Artikolu 55(3) u l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fl-ewwel lok, jekk dawn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva humiex applikabbli għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali importat b’mod parallel jew għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

19.      B’hekk, fil-każ li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu applikabbli, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-awtorità kompetenti, (f’dan il-każ il-BfArM), huwiex iġġustifikat, l-ewwel, li jeżenta totalment lill-importatur parallel mill-obbligu li jinkludi ċerti dettalji fuq l-imballaġġ primarju u, it-tieni, li jeżenta lil dan l-importatur parallel mill-obbligu, fir-rigward ta’ uħud minn dawn id-dettalji u ċerti dettalji oħrajn, li jittikkettja l-imballaġġ primarju bil-lingwa tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, f’dan il-każ il-lingwa Ġermaniża, il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni domanda, li tirrigwarda kemm il-portata tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, li ma ġietx trasposta fid-dritt nazzjonali, kif ukoll l-effett dirett tiegħu. Skont din il-qorti, peress li l-BfArM ta eżenzjoni totali mill-obbligu li jiġu inklużi ċerti elementi, din l-eżenzjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. L-eżenzjoni tal-użu tal-lingwa Ġermaniża għad-dettalji l-oħra tista’, konsegwentement, tkun ibbażata fuq it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

20.      Jekk madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet ma jistgħux japplikaw, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex konformi mar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, li jinsabu fl-Artikoli 34 u 36 TFUE, li importatur parallel ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem ikun meħtieġ li jittikkettja l-imballaġġ primarju biex jinkludi ċerti dettalji minimi bil-lingwa tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, meta dan l-ittikkettjar jaffettwa l-istabbiltà ta’ dan il-prodott mediċinali.

21.      Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Marzu 2025, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2025, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar previsti fl-Artikolu 54, fl-Artikolu 55(3) u fl-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem japplikaw għal prodott mediċinali li fir-rigward tiegħu tkun inħarġet awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq fi Stat Membru u li l-importazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi importazzjoni parallela meta mqabbla ma’ prodott mediċinali diġà awtorizzat f’dan it-tieni Stat Membru?

2.      L-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott mediċinali ma huwiex intiż li jiġi pprovdut direttament lill-pazjent jekk jiġi kklassifikat bħala prodott mediċinali suġġett għal preskrizzjoni medika?

3.      L-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandu effett dirett, b’tali mod li operatur ekonomiku li jixtieq jimporta fil-Ġermanja prodott mediċinali li joriġina minn Stat Membru ieħor jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni quddiem il-qrati Ġermaniżi kontra l-konvenuta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ma ttrasponietx din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħha jew li ma ttrasponiethiex b’mod komplet?

4.      L-Artikolu 34 u l-Artikolu 36 TFUE jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġu l-ittikkettjar tal-imballaġġ primarju b’ċerti indikazzjonijiet minimi fil-lingwa tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, għal prodott mediċinali importat b’mod parallel, meta l-ittikkettjar mill-ġdid tal-imballaġġ primarju tal-prodott mediċinali importat b’mod parallel, sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar, ma jkunx possibbli minħabba dannu sostanzjali għas-sostenibbiltà tiegħu?”

22.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn R., il-BfArM, A. u l-Kummissjoni Ewropea. R., A., il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fid‑19 ta’ Marzu 2026.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      L-għan tad-Direttiva 2001/83

23.      Id-Direttiva 2001/83 hija eżempju klassiku ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tas-suq intern, kif muri b’mod ċar mill-premessi ta’ din id-direttiva. Bdiet mill-premessa li, għalkemm l-għan essenzjali ta’ kull leġiżlazzjoni li tirregola l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu ta’ prodotti mediċinali huwa s-salvagwardja tas-saħħa pubblika (3), dan l-għan għandu jintlaħaq b’mezzi li ma jfixklux l-iżvilupp tal-industrija farmaċewtika u lanqas il-kummerċ ta’ prodotti mediċinali fi ħdan l-Unjoni .(4) Qabel ma ġiet adottata d-Direttiva 2001/83, il-kummerċ fi prodotti mediċinali fl-Unjoni ġie mfixkel minn disparitajiet bejn ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-prodotti mediċinali (5) u dawn id-disparitajiet affettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (6). Sabiex jitneħħew dawn l-ostakoli, ġie deċiż li d-dispożizzjonijiet rilevanti jiġu approssimati (7).

24.      Il-bażi legali għal dan kienet l-Artikolu 114 TFUE, li jipprovdi li (8), sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 TFUE, il-leġiżlatura tal-Unjoni tista’, fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (9), tadotta miżuri ta’ armonizzazzjoni “bil-ħsieb li [jistabbilixxu] jew li [jassiguraw] l-funzjonament tas-suq intern,”. Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta din id-dispożizzjoni bħala li teżiġi li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni “effettivament” “[i]tejbu” l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (10).

25.      Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni għandhom l-għan li jallinjaw il-livelli nazzjonali ta’ protezzjoni (f’dan il-każ, is-saħħa) ma’ livell ta’ protezzjoni tal-Unjoni; dan huwa preċiżament l-għan tal-armonizzazzjoni. Ir-raġuni wara l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ prodotti mediċinali hija għalhekk li għandhom jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi għall-operaturi ekonomiċi, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw liberament l-attivitajiet tagħhom, fil-limiti, ovvjament, tar-regoli adottati mil-leġiżlatura tal-Unjoni. Il-grad ta’ protezzjoni fil-livell tal-Unjoni għandu, min-naħa tiegħu, ikun għoli, kif jirriżulta mill-Artikolu 114(3) TFUE (11).

26.      Il-prodotti mediċinali ma humiex prodotti bħal oħrajn u l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq ta’ tali prodotti jeżiġu li s-saħħa pubblika tittieħed inkunsiderazzjoni fl-istadji kollha. Għalhekk, il-premessa 2 tad-Direttiva 2001/83 tikkonferma li l-għan essenzjali mfittex minn din id-direttiva huwa l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

2.      It-Titolu V tad-Direttiva 2001/83: regoli dwar l-ittikkettjar u l-fuljetti tal-pakkett

27.      Huwa f’dan l-isfond li għandhom jiġu eżaminati r-regoli dwar l-ittikkettjar u l-fuljetti tal-pakkett li jinsabu fit-Titolu V tad-Direttiva 2001/83.

28.      It-Titolu V tad-Direttiva 2001/83 jirregola l-ittikkettjar u l-fuljetti tal-pakkett. Id-dispożizzjonijiet li fih huma intiżi sabiex jiżguraw li l-informazzjoni essenzjali dwar prodott mediċinali tingħata f’forma standardizzata u li tinftiehem. L-istruttura ġenerali tat-Titolu V tirrifletti bilanċ bejn uniformità u adattabbiltà: id-direttiva tispeċifika d-dettalji obbligatorji, iżda tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ manuvra biex jiddeterminaw ir-regoli tal-lingwa u, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-eżenzjonijiet.

29.      L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2001/83 jistabbilixxi d-dettalji obbligatorji li għandhom jidhru fuq l-imballaġġ ta’ barra jew, fin-nuqqas ta’ imballaġġ ta’ barra, fuq l-imballaġġ primarju. Dawn id-dettalji huma elenkati b’mod eżawrjenti u jinkludu, inter alia, l-isem tal-prodott; il-qawwa u l-forma farmaċewtika tiegħu; is-sustanza attiva; il-kontenut bil-piż; volum jew numru; il-metodu ta’ amministrazzjoni u, jekk meħtieġ, ir-rotta ta’ amministrazzjoni, id-data tal-iskadenza; prekawzjonijiet speċjali ta’ kif jinħażen; twissijiet; id-detentur ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq; in-numru tal-lott u, f’ċerti ċirkostanzi, l-istruzzjonijiet għall-użu. Id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura l-identifikazzjoni immedjata tal-prodott u sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ użu ħażin.

30.      Skont l-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2001/83, mill-inqas ċertu numru ta’ dettalji għandhom jidhru fuq l-unitajiet żgħar ta’ imballaġġ primarju li fuqhom ma jistgħux jidhru d-dettalji previsti fl-Artikoli 54 u 62 tagħha.

31.      L-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jirregola s-sistema tal-lingwa għall-informazzjoni meħtieġa mit-Titolu V. Ir-regola prinċipali, li tinsab fl-ewwel paragrafu, hija li d-dettalji li jidhru fuq l-ittikkettjar u l-fuljett tal-pakkett għandhom jidhru f’lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq. Din id-dispożizzjoni tippermetti wkoll li jkun hemm iktar minn lingwa waħda, sakemm l-istess informazzjoni tiġi pprovduta f’kull waħda minnhom.

32.      Ir-rekwiżiti tal-lingwa huma intrinsikament marbuta mal-għan tas-saħħa pubblika tad-Direttiva 2001/83, peress li, sabiex tkun utli, l-informazzjoni dwar l-ippakkjar għandha tinftiehem bl-istess mod mill-pazjenti u mill-professjonisti tas-saħħa.

33.      Imbagħad l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 jippreċiża li, meta l-prodott mediċinali ma jkunx intiż li jiġi pprovdut direttament lill-pazjent jew meta jkun hemm problemi serji fir-rigward tad-disponibbiltà tal-prodott mediċinali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, bla ħsara għall-miżuri li huma jqisu neċessarji sabiex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-bniedem, jagħtu eżenzjoni mill-obbligu li ċertu dettalji jiġu inklużi fuq it-tikketta u fuq il-fuljett tal-pakkett. Huma jistgħu wkoll jeżentaw kompletament jew parzjalment mill-obbligu li l-ittikkettjar u l-fuljett tal-pakkett jinkitbu f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Istat Membru fejn il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq, kif speċifikat, għall-finijiet tad-direttiva, minn dak l-Istat Membru.

34.      Il-punt essenzjali inkwistjoni f’din il-kawża huwa r-relazzjoni bejn iż-żewġ sentenzi tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83.

35.      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jidhru li huma bbażati fuq il-premessa (12), li taqbel magħha R, li Stat Membru jista’ jinvoka t-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri jagħti eżenzjoni mill-obbligu ta’ ttikkettjar f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq, unikament jekk il-kundizzjonijiet tal-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (il-prodott mediċinali ma jkunx intiż li jingħata direttament lill-pazjent jew ikun hemm problemi serji fir-rigward tad-disponibbiltà tiegħu).

36.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma u f’dan ir-rigward naqbel mal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni u mill-Gvern Ġermaniż. Il-pożizzjoni tiegħi hija r-riżultat ta’ analiżi ta’ din id-dispożizzjoni, tat-termini tagħha l-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet imfittxija mill-att li minnu hija tagħmel parti (13).

37.      L-ewwel, jekk wieħed jeżamina l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, l-użu tat-terminu “wkoll” jindika li din id-dispożizzjoni hija klawżola awtonoma fis-sens li tista’ tiġi invokata flimkien ma’ jew bħala żieda mad-dispożizzjoni li tinsab fl-ewwel sentenza ta’ dan l-paragrafu. Kieku dan ma kienx il-każ, il-kelma “wkoll” ma kienx ikollha sinjifikat legali.

38.      It-tieni, mhux biss l-istruttura tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, iżda wkoll l-ispirtu u l-għan tiegħu jsostnu l-interpretazzjoni li, skont it-tieni sentenza ta’ dak l-artikolu, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr kundizzjonijiet oħra, jipprevedu li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jagħtu eżenzjoni mill-obbligu tal-ittikkettjar, sakemm tiġi osservata l-konformità mal-għan ġenerali ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex minn din id-direttiva. Sabiex jiġu rrikonċiljati l-moviment liberu tal-prodotti farmaċewtiċi mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa fir-rigward tar-rekwiżiti tal-lingwa. Dan il-każ inkunsiderazzjoni huwa eżempju perfett: kieku ma tingħatax eżenzjoni, ma jkun hemm l-ebda importazzjoni parallela tal-prodott inkwistjoni, peress li l-imballaġġ primarju jkollu jinqered. Din is-sitwazzjoni tmur direttament kontra l-prinċipju fundamentali tal- moviment liberu tal-merkanzija.

39.      It-tielet, l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 ssostni l-interpretazzjoni tiegħi.

40.      Din id-dispożizzjoni ġiet emendata diversi drabi matul is-snin u l-formulazzjoni tagħha kif ukoll il-kuntest tagħha li fih topera għaddew minn grad ta’ evoluzzjoni.

41.      Inizjalment, l-Istati Membri ma kellhomx kompetenza ġenerali biex jagħtu derogi mir-rekwiżit tal-lingwa. Fil-fatt, kienet teżisti biss sentenza waħda li kienet tipprevedi l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-obbligu li ċerti dettalji jiġu inklużi fil-fuljett  u mill-ħtieġa li dan il-fuljett (14) ikun ifformulat bil-lingwa jew bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru, għall-prodotti li ma humiex intiżi li jitwasslu lill-pazjent sabiex jamministrahom lilu nnifsu (15). Din il-formulazzjoni ġiet emendata fl-2004 biex tirreferi għal prodotti li ma humiex maħsuba biex jitwasslu direttament lill-pazjent (16).

42.      Fl-2010, l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 inqasam f’żewġ sentenzi: l-ewwel sentenza kienet tirrigwarda biss id-dettalji li kellhom jidhru fuq it-tikketta u fuq il-fuljett tal-pakkett. Hawnhekk, żdiedet possibbiltà oħra li tingħata eżenzjoni: meta jkun hemm problemi serji fir-rigward tad-disponibbiltà tal-prodott mediċinali. Fl-istess ħin, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni kienet tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jagħtu eżenzjoni totali jew parzjali mill-obbligu tal-ittikkettjar u tal-fuljett tal-pakkett bil-lingwa jew bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq (17).

43.      . Din id-diviżjoni f’żewġ sentenzi tindikali li d-dettalji li għandhom jidhru fuq it-tikketta huma rregolati b’mod eżawrjenti mill-ewwel sentenza, filwaqt li t-tieni sentenza tinkludi l-kundizzjonijiet kollha ta’ eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-lingwa. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija, fil-fehma tiegħi, indikazzjoni ta’ evoluzzjoni, fis-sens li, b’suq intern iktar integrat, l-Istati Membri saru iktar kunfidenti fir-rigward tad-deroga mir-rekwiżiti tal-lingwa f’ċirkustanzi speċifiċi.

44.      L-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 jipprevedi għalhekk żewġ sitwazzjonijiet distinti u indipendenti li fihom awtorità kompetenti tista’, sa ċertu punt, teskludi r-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti mediċinali.

45.      Imfisser fit-terminoloġija u skont il-loġika tas-suq intern, l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83, billi jistabbilixxi rekwiżiti tal-lingwa, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-prodotti mediċinali. L-Artikolu 63(3) ta’ din id-direttiva jtaffi, sa ċertu punt, din ir-restrizzjoni billi jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jnaqqsu r-rekwiżiti tal-ittikkettjar, li mbagħad jiffavorixxi u jiffaċilita l-moviment liberu tal-prodotti mediċinali. Din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-Istati Membri jintroduċu rekwiżiti addizzjonali u, konsegwentement, joħolqu restrizzjonijiet ġodda għall-moviment liberu tal-prodotti mediċinali.

46.      Dan kollu jfisser li l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2001/83 huwa intiż sabiex isolvi, fil-kuntest tat-Titolu V, it-tensjoni sottostanti l-istrument kollu, jiġifieri l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ ta’ prodotti mediċinali filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa importanti li wieħed jinnota li meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkollhom is-setgħa li jagħtu eżenzjonijiet, dawn għandhom ikunu ggwidati minn dawn iż-żewġ objettivi. Fi kliem ieħor, eżenzjoni – li, min-natura tagħha stess, spiss tiffaċilita l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni – għandha dejjem tibqa’ ankrata fi u ġġustifikata mill-għan ta’ saħħa pubblika mfittex mid-Direttiva 2001/83. L-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi għalhekk illustrazzjoni partikolarment ċara tal-bilanċ li għandu jintlaħaq bejn l-interessi kummerċjali u dawk tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 63(3) ta’ din id-direttiva hija wkoll neċessarja sabiex jiġi ggarantit li din id-dispożizzjoni tibqa’ kompatibbli mal-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 34 et seq. TFUE.

47.      Fi kliem ieħor, u skont it-terminoloġija tal-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandu jingħata t-tikketta (18)Öffnungsklausel, “klawżola ta’ ftuħ”: fir-rigward tas-sitwazzjonijiet deskritti f’din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatura tal-Unjoni ma għandhiex ir-risposta finali u globali. Huma l-Istati Membri li għandhom japplikaw din id-dispożizzjoni, skont il-loġika ġenerali ta’ din id-direttiva u tat-Trattat FUE. F’dan il-kuntest, dan huwa l-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 34 et seq. TFUE, li għandu jiġi osservat.

48.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (u mhux l-Istati Membri b’mod ġenerali) li jistgħu jagħtu eżenzjoni. Għalija dan ifisser li l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jittrasponu din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom, u dan qatt ma jagħti lill-awtoritajiet is-setgħa li jidderogaw mir-rekwiżiti tal-lingwa ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 63(1) tagħha. (19)

3.      Il-fenomenu tal-importazzjonijiet paralleli

49.      Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid tensjoni permanenti fil-qalba tas-suq intern: kif jista’ jiġi rrikonċiljat il-moviment liberu tal-merkanzija mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-proprjetà industrijali fis-settur farmaċewtiku. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża sa fejn ir-regoli armonizzati fil-qasam tal-ittikkettjar u tal-imballaġġ tal-prodotti mediċinali, kif jinsabu fit-Titolu V tad-Direttiva 2001/83, japplikaw għall-attivitajiet tal-importaturi paralleli.

50.      Il-kummerċ parallel fil-prodotti mediċinali huwa konsegwenza diretta tad-disparitajiet fil-prezzijiet li jippersistu bejn l-Istati Membri, li ħafna drabi jirriżultaw minn politiki nazzjonali diverġenti dwar is-sigurtà soċjali u l-politika tal-prezzijiet. Filwaqt li dan il-kummerċ jiffavorixxi l-kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn l-operaturi ekonomiċi, li huwa għan kompatibbli mal-istabbiliment ta’ suq intern (20), dan jopera f’ambjent irregolat ħafna li fih l-Istati Membri ġeneralment jinvokaw is-sigurtà tal-pazjenti. B’mod ġenerali, fid-dritt tal-Unjoni, l-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali jikkostitwixxu “fenomenu mixtieq” (21).

51.      Dan iwassalna għall-kwistjoni ta’ din il-kawża, ikkaratterizzata mill-fatt li ma huwiex l-Istat Membru inkwistjoni, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jrid jimpedixxi l-importazzjoni parallela ta’ prodott mediċinali, iżda d-detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq innifsu.

B.      L-ewwel domanda

52.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar previsti fl-Artikolu 54, fl-Artikolu 55(3) u fl-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83 japplikawx għal prodott mediċinali li għalih inħarġet awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq fi Stat Membru u meta l-importazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi importazzjoni parallela fir-rigward ta’ prodott mediċinali diġà kopert minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq f’dan it-tieni Stat Membru.

53.      Jiena tal-fehma li r-risposta għad-domanda hija “iva”: ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar tad-Direttiva 2001/83 japplikaw għall-importaturi paralleli.

54.      Ikun hemm importazzjoni parallela ta’ prodott mediċinali meta prodott mediċinali legalment imqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru jiġi importat fi Stat Membru ieħor minn operatur li ma huwiex id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, meta l-prodott mediċinali importat ikun suffiċjentement simili għal prodott diġà awtorizzat fl-Istat ta’ importazzjoni sabiex ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat hemmhekk fil-kuntest ta’ proċedura semplifikata ta’ importazzjoni parallela pjuttost milli awtorizzazzjoni ġdida ta’ tqegħid fis-suq.

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sitwazzjoni li fiha prodott mediċinali li jibbenefika minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq fi Stat Membru jiġi importat fi Stat Membru ieħor fejn prodott mediċinali essenzjalment simili jkun diġà s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tikkostitwixxi importazzjoni parallela ta’ prodott mediċinali (22).

56.      L-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali huma biss marġinalment irregolati mid-Direttiva 2001/83, għas-sempliċi raġuni li din tgħodd, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, “għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem maħsuba li jitqiegħdu fis-suq fl-Istati Membri” (23).

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet b’mod kostanti li “d-Direttiva 2001/83 ma tistax tiġi applikata għal prodott mediċinali li jibbenefika minn ATS fi Stat Membru u li l-importazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi importazzjoni parallela meta mqabbla ma’ prodott mediċinali li diġà jibbenefika minn ATS f’dan it-tieni Stat Membru, peress li dan il-prodott mediċinali importat ma jistax, f’tali każ, jitqies li tqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fl-Istat Membru tal-importazzjoni. Tali sitwazzjoni hija, għalhekk, koperta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija” (24).

58.      F’dan l-istadju hija meħtieġa ċerta kawtela. Jidhirli li huwa inkonċepibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-silta ċċitata fil-punt preċedenti u, kuntrarjament għal dak li jista’ jkun qari intuwittiv ta’ “d-Direttiva 2001/83 tistax tiġi applikata għal”, li hija intiża li tfisser li l-importazzjonijiet paralleli ma jaqgħux, fiċ-ċirkustanzi kollha, taħt id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2001/83. Kieku dan kien il-każ, taħt l-Artikolu 76(3) ta’ din id-direttiva, ir-rekwiżit ta’ notifika fir-rigward ta’ distributur, li jimporta prodott mediċinali li ġej minn Stat Membru ieħor iżda li ma huwiex id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, ma jagħmilx sens.

59.      Minflok, u skont kemm l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u ta’ A kif ukoll dawk tal-Gvern Ġermaniż, jiena nifhem is-silta bħala li tirreferi prinċipalment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/83 dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq (25).

60.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi il-metodi ta’ interpretazzjoni tradizzjonali li nistgħu nistrieħu fuqhom sabiex jiġi evalwat jekk ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ din id-direttiva japplikawx għall-importazzjonijiet paralleli. F’dan ir-rigward, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

61.      L-ewwel, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu V tad-Direttiva 2001/83, xejn ma jissuġġerixxi li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-importazzjonijiet paralleli. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu jirreferu għal “prodotti mediċinali” fl-intier tagħhom, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra dwar l-oriġini tagħhom jew l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tagħhom.

62.      It-tieni, l-għan tad-Direttiva 2001/83, li, skont il-premessa 2 tagħha, tinkludi l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jimplika li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li huma intiżi li jevitaw li l-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali joħolqu riskju addizzjonali għas-saħħa pubblika huma applikabbli għall-importazzjonijiet paralleli inkwistjoni. Importazzjoni parallela għandha għalhekk, bħala prinċipju, tissodisfa l-istess rekwiżiti bħal prodott mediċinali awtorizzat, inkluż fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-użu sigur tiegħu li tidher fuq l-imballaġġ.

63.      It-tielet, naqbel mal-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju (26) li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-ittikkettjar tad-Direttiva 2001/82 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (27) għall-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali veterinarji tista’ tiġi trasposta għad-Direttiva 2001/83. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ importazzjoni parallela ta’ prodott mediċinali veterinarju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/82 dwar il-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ma japplikawx; dan ma huwiex il-każ tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, xejn ma jiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet stretti, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-pussess, il-ħruġ, l-ittikkettjar u l-avviżi ta’ informazzjoni kif ukoll il-farmakoviġilanza, li jagħmlu parti mis-sistema koerenti ta’ miżuri stabbiliti minn din id-direttiva sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, fil-każ ta’ importazzjonijiet paralleli. Għall-kuntrarju, kieku dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx fil-każ ta’ importazzjonijiet paralleli, ikun jeżisti riskju li l-operaturi tas-settur tal-prodotti mediċinali veterinarji jevitaw l-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/82 billi jipproċedu għal importazzjoni parallela ta’ dawn il-prodotti mediċinali (28).

64.      Dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-annimali għandu a fortiori jkun meħtieġ għall-bnedmin.

65.      L-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti farmaċewtiċi għalhekk jokkupaw spazju ibridu. F’ċerti każijiet, dawn huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/83 filwaqt li, f’oħrajn, huma suġġetti għar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija skont l-Artikolu 34 et seq. TFUE.

66.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-rekwiżiti tal-ittikkettjar previsti fl-Artikolu 54, fl-Artikolu 55(3) u fl-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83 japplikaw għal prodott mediċinali li għalih inħarġet awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq fi Stat Membru u li l-importazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi importazzjoni parallela fir-rigward ta’ prodott mediċinali diġà kopert minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq f’dan it-tieni Stat Membru.

C.      It-tieni domanda

67.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li prodott mediċinali ma huwiex intiż li jiġi pprovdut direttament lill-pazjent, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jkun suġġett għal preskrizzjoni medika.

68.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf sa fejn, fir-rigward tal-importazzjoni parallela ta’ prodott mediċinali, l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 jippermetti lill-awtorità kompetenti, permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva, li tillimita r-rekwiżiti tal-ittikkettjar f’isem il-prodott mediċinali, għan-numru tal-lott u għad-data tal-iskadenza.

69.      Qabelxejn nippreċiża li l-qorti tar-rinviju tqis li, anki jekk l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 ma ġiex traspost fid-dritt nazzjonali (29), l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddetermina l-portata ta’ din id-dispożizzjoni (30) fil-kuntest tat-tielet domanda, qabel ma tindirizza l-kwistjoni tal-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni.

70.      Bħala konsegwenza tal-analiżi li esponejt iktar ’il fuq, it-tieni domanda hija ipotetika, peress li l-qorti tar-rinviju mhux ser ikollha bżonn risposta għal din id-domanda sabiex tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Dan għaliex, kif spjegajt iktar ’il fuq, iż-żewġ sentenzi tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 jikkostitwixxu raġunijiet awtonomi għall-għoti ta’ eżenzjonijiet.

71.      Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nindirizza fil-qosor id-domanda tal-qorti tar-rinviju, li nemmen għandha tingħata risposta li “le”: il-provvista diretta lil pazjent hija kompletament differenti mill-kwistjoni ta’ riċetta medika.

72.      “Riċetta mediċinali” hija ddefinita fl-Artikolu 1(19) tad-Direttiva 2001/83 bħala kull riċetta medika maħruġa minn persuna professjonali kkwalifikata biex tagħmel dan (31). B’kuntrast, ma teżistix definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “jitwassal direttament lill-pazjent”.

73.      Barra minn hekk, l-Artikolu 54(n) tad-Direttiva 2001/83 jispeċifika li l-ittikkettjar ta’ prodott mediċinali li “mhux bir-riċetta” għandu jinkludi indikazzjoni tal-għan maħsub tiegħu. Kieku l-intenzjoni kienet li ssir l-istess fl-Artikolu 63(3) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatura kienet tuża l-istess formulazzjoni, iktar u iktar peress li din id-dispożizzjoni sempliċement tidderoga mill-Artikolu 54 tagħha. Madankollu, dan ma għamlitux.

74.      Għaldaqstant, inqis li l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 ma għandux jiġi interpretat fis-sens li prodott mediċinali ma huwiex intiż li jiġi pprovdut direttament lill-pazjent, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jkun suġġett għal preskrizzjoni medika.

D.      It-tielet domanda

75.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandux effett dirett, fis-sens li operatur ekonomiku li jixtieq jimporta prodott mediċinali fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor jistax jinvoka din id-dispożizzjoni quddiem il-qrati nazzjonali.

76.      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li hija trid tivverifika jekk A, l-intervenjenti fil-kawża prinċipali, tistax tinvoka d-dispożizzjoni inkwistjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, konvenuta fil-kawża prinċipali (32).

77.      Ir-risposta għal din id-domanda hija “le”.

78.      Skont ġurisprudenza stabbilita, kull meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom kontra Stat Membru quddiem il-qrati tiegħu, meta dan l-Istat Membru jkun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt domestiku fit-termini stabbiliti jew meta dan ikun naqas milli jimplimenta d-direttiva b’mod korrett (33).

79.      Kif rajna iktar ’il fuq, l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2001/83 jipprevedi l-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jadottaw miżuri. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk suġġetta għall-kundizzjoni li jingħataw miżuri addizzjonali minn Stat Membru għall-implimentazzjoni tagħha. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 63(3) (34) ta’ din id-direttiva ma tħalli ebda dubju f’dan ir-rigward.

80.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 ma għandux effett dirett. Operatur ekonomiku li jixtieq jimporta prodott mediċinali fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor ma jistax jistrieħ fuq din id-dispożizzjoni quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-ewwel Stat Membru.

E.      Ir-raba’ domanda

81.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-ittikkettjar tal-imballaġġ primarju ta’ prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem importat permezz tal-kummerċ parallel jinkludi ċerta informazzjoni fil-lingwa tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, meta l-ittikkettjar mill-ġdid jaffettwa sostanzjalment l-istabbiltà ta’ dan il-prodott mediċinali.

82.      Abbażi tal-analiżi tiegħi esposta iktar ’il, f’dan l-istadju se nkun pjuttost fil-qosor, dwar ir-raġunijiet għaliex nemmen li r-risposta hija “iva”.

83.      Mill-bidu għandu jitfakkar li, bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, l-Artikoli 34 u 36 TFUE huma applikabbli għall-kawża prinċipali fis-sens li eżenzjoni mogħtija skont id-dispożizzjoni tal-ewwel għandha tkun konformi mal-aħħar żewġ dispożizzjonijiet.

84.      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi l-ittikkettjar bil-lingwa ta’ Stat Membru, mingħajr eċċezzjoni, inkluż meta l-ittikkettjar mill-ġdid ma jkunx possibbli mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà tal-prodott mediċinali, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

85.      Restrizzjoni bħal din tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, iżda għandha, fi kwalunkwe każ, tkun neċessarja u proporzjonata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ hawnhekk. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jista’ jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li ma tipprevedi ebda eċċezzjoni, ma tissodisfax il-kriterju ta’ proporzjonalità.

86.      Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, l-impossibbiltà de facto li jiġu importati prodotti mediċinali fil-Ġermanja b’mod parallel ma hijiex neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, peress li l-ittikkettjar fuq l-imballaġġ ta’ barra u l-fuljett fil-pakkett it-tnejn li huma disponibbli bil-Ġermaniż. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża jkollha l-effett li l-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali fil-Ġermanja jkunu impossibbli, li madankollu ma huwiex neċessarju fil-każijiet kollha sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tas-saħħa.

87.      Għaldaqstant nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-ittikkettjar tal-imballaġġ primarju ta’ prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem importat permezz tal-kummerċ parallel jinkludi ċerta informazzjoni fil-lingwa tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, meta l-ittikkettjar mill-ġdid jaffettwa sostanzjalment l-istabbiltà ta’ dan il-prodott mediċinali.

V.      Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej:

1.      L-Artikolu 54, l-Artikolu 55(3) u l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, kif emendata bid-Direttiva 2012/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti fl-ittikkettjar li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal prodott mediċinali li għalih inħarġet awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq fi Stat Membru u li l-importazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi importazzjoni parallela fir-rigward ta’ prodott mediċinali diġà kopert minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq f’dan it-tieni Stat Membru.

2.      L-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83

għandu jiġi interpretat bħala li ma għandux effett dirett. Operatur ekonomiku li jixtieq jimporta prodott mediċinali fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor ma jistax jistrieħ fuq din id-dispożizzjoni quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-ewwel Stat Membru.

3.      L-Artikoli 34 u 36 TFUE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-ittikkettjar tal-imballaġġ primarju ta’ prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem importat permezz tal-kummerċ parallel jinkludi ċerta informazzjoni fil-lingwa tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, meta l-ittikkettjar mill-ġdid jaffettwa sostanzjalment l-istabbiltà ta’ dan il-prodott mediċinali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69.), kif emendata mid-Direttiva 2012/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li temenda d-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward tal-farmakoviġilanza (ĠU 2012 L 299, p. 1; iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2001/83”).


3      Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2001/83.


4      Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2001/83.


5      Dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu sustanzi jew taħlitiet ta’ sustanzi li huma ikel, għalf tal-annimali jew preparazzjonijiet tat-twaletta.


6      Ara l-premessa 4 tad-Direttiva 2001/83.


7      Ara l-premessa 5 tad-Direttiva 2001/83. Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Gintec (C‑374/05, EU:C:2007:654, punt 19).


8      Ara l-Artikolu 114(1) TFUE.


9      Il-leġislatura għandha tikkonsulta wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.


10      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punti 83 et seq.); tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 24); tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha fil-qasam tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumaturi, għandha tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Parlament u il-Kunsill se jfittxu wkoll li jilħqu dan l-għan.


12      Ara l-punt 21 tat-talba għal rinviju għal deċiżjoni preliminari.


13      Hawnhekk nibbaża ruħi fuq l-approċċ ta’ interpretazzjoni standard tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12), u tal‑5 ta’ Marzu 2026, Erdrich Umformtechnik (C‑828/24, EU:C:2026:154, punt 24).


14      Inizjalment, l-ittikkettjar ma ssemmiex.


15      Skont l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, fil-verżjoni oriġinali tiegħu tal-2001, “[l]-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżentaw tikketti u fuljetti fil-pakkett għall-prodotti mediċinali speċifiċi mill-obbligu li xi dettalji għandhom jidhru u li l-fuljett jkun fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru fejn il-prodott ikun imqiegħed fis-suq, meta l-prodott ma jkunx maħsub biex jingħata lill-pazjent biex jamministrah lilu nnifsu”.


16      Ara l-punt 48 tal-Artikolu 1 tad-Id-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li temenda d-Direttiva 2001/83 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 34, p. 262). L-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 ġie ifformulat hekk, “Meta l-prodott ma jkunx maħsub biex jitwassal direttament lill-pazjent, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu eżenzjoni mill-obbligu li ċerti dettalji għandhom jidhru fuq l-ittikkettjar u fil-fuljett tal-pakkett u li l-fuljett għandu jkun fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru li fih il-prodott jitqiegħed fis-suq.”


17      Ara l-punt 19 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/84/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 2010 li temenda, fir-rigward tal-farmakoviġilanza, id-Direttiva 2001/83 (ĠU 2010 L 348, p. 74, rettifiki fil-ĠU 2011, L 276, p. 63 u fil-ĠU 2011, L 21, p. 8), li jipprovdi li l-Artikolu 63(3) ġie ssostitwit bit-test li ġej: “Meta l-prodott mediċinali ma jkunx maħsub li jitwassal direttament lill-pazjent, jew fejn hemm problemi serji fir-rigward tad-disponibbiltà tal-prodott mediċinali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, soġġetti għall-miżuri li jqisu meħtieġa għas-salvagwardja tas-saħħa tal-bniedem, jipprovdu eżenzjoni għall-obbligu li ċerti deskrizzjonijiet għandhom jidhru fuq it-tikketta u fil-folja tal-pakkett. Dawn jistgħu wkoll jagħtu eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-obbligu li t-tikketta u l-folja tal-pakkett tkun bil-lingwa uffiċjali jew bil-lingwi tal-Istat Membri li fih il-prodott mediċinali tqiegħed fis-suq”.


18      Il-logħob bil-kliem hu intenzjonat.


19      Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias (C‑66/22, EU:C:2023:1016, punti 50 sa 58, b’mod partikolari l-punt 53).


20      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Ferring (C‑172/00, EU:C:2002:86, punt 44).


21      Kif jintqal fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Ferring (C‑172/00, EU:C:2002:86, punt 45).


22      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Delfarma (C‑488/20, EU:C:2021:956, punt 29).


23      Il-korsiv huwa tiegħi.


24      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2019, Delfarma (C‑387/18, EU:C:2019:556, punt 19), u tat‑8 ta’ Ottubru 2020, kohlpharma (C‑602/19, EU:C:2020:804, punt 25). L-istess japplika għall-prekursur tad-Direttiva 2001/83, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1999, Rhône-Poulenc Rorer u May & Baker (C‑94/98, EU:C:1999:614, punt 27).


25      Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Novembru 1996, Smith & Nephew u Primecrown (C‑201/94, EU:C:1996:432, punt 21), il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-prekursur tad-Direttiva 2001/83, irreferiet speċifikament għall-proċedura ta’ ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq.


26      Ara l-punt 14 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


27      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 3.


28      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Audace et (C‑114/15, EU:C:2016:813, punt 56).


29      Din il-qorti tirreferi għal traspożizzjoni parzjali ta’ din id-dispożizzjoni permezz tal-Artikolu 10(1)(a) tal-AMG fl-2020, u għalhekk qabel id-deċiżjoni kkontestata.


30      Jiġifieri l-qorti tar-rinviju.


31      L-Artikolu 71 tad-Direttiva 2001/83 jispeċifika s-sitwazzjonijiet li fihom il-prodotti mediċinali għandhom ikunu suġġetti għal preskrizzjoni medika.


32      Ara l-punt 25 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


33      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr (C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Golfclub Schloss Igling (C‑488/18, EU:C:2020:1013, punt 26),


34      “L-awtoritajiet kompetenti jistgħu […]”. Enfasi miżjuda.