|
22.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 83/65 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/663
tal-20 ta’ Marzu 2023
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-Ftehim Rivedut tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fis-17 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (“il-Maċedonja ta’ Fuq”) applikat għall-adeżjoni għall- Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-GPA Rivedut”) tal-Organizazzjoni ta’ Kummerċ Dinji (WTO), li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ April 2014. |
|
(2) |
L-impenji tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar il-kopertura huma stabbiliti fl-offerta finali tagħha, kif imressqa lill-Partijiet għall-GPA Rivedut (“il-Partijiet”) fit-13 ta’ Settembru 2022 u kkoreġuta fis-27 ta’ Settembru 2022. |
|
(3) |
L-offerta finali tal-Maċedonja ta’ Fuq hija sodisfaċenti u ma teħtieġx l-introduzzjoni ta’ riżervi speċifiċi fir-rigward tal-Maċedonja ta’ Fuq. It-termini tal-adeżjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-GPA Rivedut, kif riflessi fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, ser jitqiesu fid-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kumitat tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Kumitat GPA”) dwar l-adeżjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq. |
|
(4) |
L-Artikolu XXII 2 tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi jipprovdi li kull Membru tad-WTO jista’ jaderixxi għall-GPA Rivedut skont termini li għandhom jiġu miftiehma bejn dak il-Membru u l-Partijiet, filwaqt li dawk it-termini għandhom jiġu stabbiliti f’deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA. |
|
(5) |
L-adeżjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-GPA Rivedut hija mistennija li tkun ta’ kontribut pożittiv għal aktar ftuħ internazzjonali tas-swieq tal-akkwist pubbliku. |
|
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-GPA b’rabta mal-adeżjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-GPA Rivedut, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) għandha tkun li tiġi approvata l-adeżjoni tar-Reppublika tal-Maċedonja ta’ Fuq (“il-Maċedonja ta’ Fuq”) għall-Ftehim tad-WTO Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-GPA Rivedut”), soġġetta għall-modifiki fl-iskeda tal-Unjoni Ewropea wara l-adeżjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-GPA Rivedut kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
P. KULLGREN
ANNESS
MODIFIKI FL-ISKEDA TAL-UE WARA L-ADEŻJONI TAR-REPUBBLIKA TAL-MAĊEDONJA TA’ FUQ GĦALL-FTEHIM RIVEDUT TAD-WTO DWAR L-AKKWISTI PUBBLIĊI MILL-GVERN
Mal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (“il-Maċedonja ta’ Fuq”) għall-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-GPA Rivedut”), il-punt 1 tat-taqsima 2 (“L-awtoritajiet kontraenti tal-Gvern Ċentrali tal-Istati Membri tal-UE”) tal-Anness 1 tal-Appendiċi I tal-GPA Rivedut għall-Unjoni Ewropea għandu jaqra kif ġej:
|
“1. |
Għall-oġġetti, is-servizzi, il-fornituri u l-provdituri tas-servizzi tal-Liechtenstein, tal-Iżvizzera, tal-Iżlanda, tan-Norveġja, tan-Netherlands fir-rigward ta’ Aruba, tar-Renju Unit u tal-Maċedonja ta’ Fuq, l-akkwist tal-awtoritajiet kontraenti tal-gvernijiet ċentrali kollha tal-Istati Membri tal-UE. Il-lista ta’ hawn taħt hija indikattiva.” |
Mal-adeżjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-Ftehim GPA Rivedut, it-taqsima 2 tal-Anness 6 tal-Appendiċi I għall-Unjoni Ewropea għandha taqra kif ġej:
|
“2. |
Meta jingħataw mill-entitajiet tal-Anness 1 u 2, il-konċessjonijiet ta’ xogħlijiet ikunu inklużi fil-qafas tar-reġim tat-trattament nazzjonali għall-provdituri tas-servizzi ta’ kostruzzjoni tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja, tan-Netherlands għan-nom ta’ Aruba, tal-Iżvizzera, tal-Montenegro, tar-Renju Unit u tal-Maċedonja ta’ Fuq, sakemm il-valur tagħhom ikun daqs jew jaqbeż il-5 000 000 SDR u għall-provdituri tas-servizz ta’ kostruzzjoni tal-Korea; sakemm il-valur tagħhom ikun daqs jew jaqbeż il-15 000 000 SDR.” |