European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2680

11.10.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2680

tat-8 ta’ Ottubru 2024

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1778 u li tawtorizza lill-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, persuna taxxabbli li twettaq forniment taxxabli ta’ merkanzija jew is-servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli biex tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1778 (2) awtorizzat lill-Ġermanja biex tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2024, miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tinnomina l-persuna taxxabbli li tirċievi trasferimenti tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Att dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Fjuwils (BEHG) bħala responsabbli għall-ħlas tal-VAT (il-“miżura speċjali”).

(3)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Frar 2024, il-Ġermanja talbet l-estensjoni tal-miżura speċjali u b’hekk awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2024 (“it-talba”).

(4)

F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittra bid-data tas-27 ta’ Marzu 2024. Permezz tal-ittra bid-data tat-2 ta’ April 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, is-sitwazzjoni fattwali li ġġustifikat l-applikazzjoni tal-miżura speċjali ma nbidlitx. Il-Ġermanja ressqet lill-Kummissjoni, flimkien mat-talba, rapport dwar l-esperjenza pożittiva ġenerali fl-applikazzjoni tal-miżura speċjali li juri li l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fit-trasferiment tal-kwoti tal-emissjonijiet skont il-BEHG wera l-valur tiegħu fil-prattika. Il-miżura speċjali hija komponent importanti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, li l-importanza tagħha hija mistennija li tkompli tikber fis-snin li ġejjin minħabba kundizzjonijiet tas-suq li qed jinbidlu.

(6)

Għalhekk, jixraq li l-miżura speċjali tiġi estiża. L-estensjoni tal-miżura speċjalijenħtieġ li tkun limitata biż-żmien biex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tagħha. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżura speċjali tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026.

(7)

Jekk il-Ġermanja tkun tixtieq testendi dik il-miżura speċjali lil hinn mill-2026, jenħtieġ li tressaq rapport lill-Kummissjoni, inkluż rieżami tal-miżura speċjali flimkien mat-talba għal estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2026. Dak ir-rapport jenħtieġ li jinkludi valutazzjoni tal-impatt tal-miżura speċjali fuq il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u l-għadd ta’ negozjanti u tranżazzjonijiet milquta minn dik il-miżura.

(8)

Il-miżura speċjali mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(9)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1778 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1778 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżura speċjali prevista f’din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2026 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi valutazzjoni tal-miżura speċjali u tal-impatt tagħha fuq il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u l-għadd ta’ negozjanti u tranżazzjonijiet milquta minn dik il-miżura.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

VARGA M.


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1778 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 117).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2680/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)