|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/914 |
23.4.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/914
tal-21 ta’ April 2026
li jemenda l-Annessi V, XIII u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Botswana, għall-Kanada, għar-Renju Unit u għall-Istati Uniti fil-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti annimali u prodotti li joriġinaw mill-annimali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 230(1), l-Artikolu 232(1), il-punt (b) u l-Artikolu 232(3), il-punt (b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi jew territorji jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-pajjiżi terzi jew it-territorji kkonċernati jkunu elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li l-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, territorji, jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, iridu jkunu konformi magħhom biex jidħlu fl-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi tal-pajjiżi terzi, tat-territorji jew taż-żoni tagħhom li minnhom hu permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Dawk il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw dawk il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(4) |
B’mod aktar partikolari, l-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati. |
|
(5) |
Fit-2 ta’ April 2026, il-Botswana infurmat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer (FMD) fl-istabbiliment tal-annimali bovini ta’ Ramatlabama fir-reġjun ta’ Barolong, fid-Distrett tan-Nofsinhar tal-Botswana, li ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet kompetenti fl-1 ta’ April 2026 permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR u AC-ELISA). Dak l-istabbiliment jinsab fiż-żona tal-kontroll 11 tal-mard veterinarju ddeżinjata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Botswana fejn tinsab ukoll l-unika biċċerija elenkata tal-UE approvata għad-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk ta’ ċerti ungulati u li ma għandha l-ebda miżura tal-kontroll tal-moviment fis-seħħ jew ostaklu fiżiku maż-żoni tal-kontroll 12 u 13 tal-mard veterinarju. |
|
(6) |
Barra minn hekk, wara n-notifika immedjata ta’ tifqigħa tal-FMD fir-reġjun ta’ Barolong, fid-Distrett tan-Nofsinhar tal-Botswana, ippreżentata lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) mid-Delegat tal-Botswana, il-WOAH issospendiet l-istatus ta’ “żona ħielsa mill-FMD fejn it-tilqim mhuwiex ipprattikat” taż-żona li tikkonsisti miż-żoni tal-kontroll 3c (Dukwi), 4b, 5, 6a, 8, 9, 10, 11, 12 u 13 tal-mard veterinarju ddeżinjati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Botswana, kif rikonoxxut mill-Assemblea Dinjija tad-Delegati f’termini tar-Riżoluzzjoni Nru 13 f’Mejju 2025, b’effett mill-31 ta’ Marzu 2026. |
|
(7) |
Il-lista tal-pajjiżi terzi jew tat-territorji, jew taż-żoni tagħhom stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 tispeċifika li d-dħul fl-Unjoni miż-żoni BW-1, li jikkonsistu miż-żoni tal-kontroll 4b, 5, 8 u 9 tal-mard veterinarju, BW-2, li jikkonsistu miż-żoni tal-kontroll 10, 11 u 13 tal-mard veterinarju, BW-3, li jikkonsistu minn żona tal-kontroll 12 tal-mard veterinarju, u BW-5, li jikkonsistu minn żona tal-kontroll 6a tal-mard veterinarju, fil-Botswana ta’ konsenji ta’ laħam frisk ta’ ċerti ungulati, hu awtorizzat. |
|
(8) |
Minħabba r-riskju tal-introduzzjoni tal-FMD fl-Unjoni permezz ta’ konsenji ta’ laħam frisk ta’ ċerti ungulati mill-Botswana u filwaqt li jitqies b’mod partikolari l-Artikolu 124, il-punt (c), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 li jipprojbixxi l-ġarr ta’ annimali mill-istabbilimenti tal-oriġini tagħhom lejn il-biċċerija tramite żoni mhux elenkati għad-dħul fl-Unjoni, id-dħul fl-Unjoni miż-żoni BW-1, BW-2, BW-3 u BW-5 fil-Botswana ta’ tali konsenji jenħtieġ li ma jibqax jiġi awtorizzat. |
|
(9) |
Barra minn hekk, l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxu l-listi tal-pajjiżi terzi, tat-territorji jew taż-żoni tagħhom, li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni, rispettivament, ta’ konsenji tal-pollam u ta’ prodotti ġerminali tal-pollam, u ta’ laħam frisk tal-pollam u għasafar tal-kaċċa. |
|
(10) |
Fis-16 ta’ April 2026, il-Kanada nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-HPAI fil-pollam fil-provinċja ta’ Saskatchewan, li ġiet ikkonfermata fit-13 ta’ April 2026 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(11) |
Fit-12 ta’ April 2026 u l-15 ta’ April 2026, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar tliet tifqigħat ġodda tal-HPAI fil-pollam fl-kontej ta’ Cambridgeshire u Lincolnshire, l-Ingilterra, li ġew ikkonfermati fil-11 ta’ April 2026 u l-14 ta’ April 2026 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(12) |
Fit-2 ta’ April 2026 u s-16 ta’ April 2026, l-Istati Uniti nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar 14-il tifqigħa ġdida tal-HPAI fil-pollam fl-istati ta’ Arkansas, Indiana, Pennsylvania u South Dakota, li ġew ikkonfermati bejn il-31 ta’ Marzu 2026 u l-14 ta’ April 2026 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(13) |
Wara dawk it-tifqigħat riċenti tal-HPAI, l-awtoritajiet veterinarji tal-Kanada, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti nnotifikaw l-istabbiliment ta’ żoni ristretti ta’ mqar 10km madwar l-istabbilimenti affettwati u l-implimentazzjoni ta’ politika tal-qerda biex jikkontrollaw il-preżenza tal-HPAI u jillimitaw it-tixrid ta’ dik il-marda. |
|
(14) |
Il-Kanada, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti ssottomettew informazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorji rispettivi tagħhom u l-miżuri li ħadu biex jevitaw aktar tixrid tal-HPAI wara dawk it-tifqigħat riċenti tal-HPAI. |
|
(15) |
L-informazzjoni pprovduta mill-Kanada, mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti ġiet evalwata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fiż-żoni bir-restrizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet veterinarji tal-Kanada, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti, jixraq jiġi sospiż id-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa miż-żoni kkonċernati mit-tifqigħat il-ġodda f’dawk il-pajjiżi terzi, biex jitħares l-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu d-dati meta ġew ikkonfermati t-tifqigħat. Għalhekk, l-entrati għall-Kanada, għar-Renju Unit u għall-Istati Uniti fit-tabelli stabbiliti fit-Taqsima B tal-Parti 1 u fil-Parti 2 tal-Anness V, u fit-tabella stabbilita fit-Taqsima B tal-Parti 1 tal-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq. |
|
(16) |
Barra minn hekk, il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti pprovdew informazzjoni aġġornata lill-Kummissjoni b’rabta mas-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorji rispettivi tagħhom fir-rigward ta’ tifqigħat preċedenti tal-HPAI li wasslu għas-sospensjoni tad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u ta’ laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa, kif stabbilit fit-tabella fit-Taqsima B tal-Parti 1 tal-Anness V, u fit-Taqsima B tal-Parti 1 tal-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404. |
|
(17) |
B’mod partikolari, fit-13 ta’ April 2026, il-Kanada ssottomettiet informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-miżuri li ħadet fir-rigward ta’ tifqigħa tal-HPAI fil-pollam fil-provinċja ta’ Alberta, li kienet ġiet ikkonfermata fil-21 ta’ Novembru 2025 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(18) |
Fl-14 ta’ April 2026, ir-Renju Unit issottometta informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-miżuri li ħa fir-rigward ta’ tifqigħa tal-HPAI fil-pollam fil-kontea ta’ Yorkshire, l-Ingilterra, li ġiet ikkonfermata fit-3 ta’ Marzu 2026 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(19) |
Fid-9 ta’ April 2026, l-Istati Uniti ssottomettew informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-miżuri li ħadu b’rabta ma’ tifqigħat tal-HPAI fil-pollam fl-istati ta’ Colorado, Florida, Idaho, North Carolina, Pennsylvania, South Dakota u Washington, li ġew ikkonfermati bejn l-20 ta’ Ottubru 2025 u t-3 ta’ Marzu 2026 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(20) |
Il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti informaw lill-Kummissjoni li, wara dawk it-tifqigħat preċedenti tal-HPAI, kienu implimentaw politika tal-qerda biex jikkontrollaw u jillimitaw it-tixrid ta’ dik il-marda, u kienu lestew it-tindif u d-diżinfettar meħtieġa wara l-implimentazzjoni tal-politika tal-qerda fl-istabbilimenti tal-pollam infettati. |
|
(21) |
Il-Kummissjoni evalwat l-informazzjoni sottomessa mill-Kanada, mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti f’dak ir-rigward u jidhrilha li dawn taw garanziji xierqa li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali li kienet wasslet għas-sospensjoni tad-dħul ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u ta’ laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa fl-Unjoni miż-żoni affettwati, kif stabbilit fit-tabella fit-Taqsima B tal-Parti 1 tal-Anness V, u fit-tabella fit-Taqsima B tal-Parti 1 tal-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, ma għadhiex toħloq theddida għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni u li għaldaqstant jenħtieġ li jiġi awtorizzat mill-ġdid id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-konsenji miż-żoni affettwati tal-Kanada, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti, li minnhom kien ġie sospiż id-dħul fl-Unjoni. Għalhekk, l-entrati għall-Kanada u għall-Istati Uniti f’dawk it-tabelli ta’ dawk l-Annessi jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq. |
|
(22) |
Filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni tal-FMD fil-Botswana u t-tifqigħat il-ġodda tal-HPAI fil-Kanada, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti, u biex ikun evitat kull tfixkil bla bżonn fil-kummerċ mal-Kanada, mar-Renju Unit u mal-Istati Uniti, l-emendi li jridu jsiru fl-Annessi V, XIII u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru effettivi b’urġenza. |
|
(23) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi V, XIII u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).
ANNESS
L-Annessi V, XIII u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
L-Anness V huwa emendat kif ġej:
|
|
2) |
fl-Anness XIII, l-entrati għall-Botswana huma sostitwiti b’dan li ġej:
|
|
(3) |
fl-Anness XIV, fil-Parti 1, it-Taqsima B hija emendata kif ġej:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/914/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)