Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑11 ta’ Ġunju 2026 (1)

Kawżi C‑631/24 P u C‑632/24 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Margrete Auken et (C‑631/24 P)

u

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Fabien Courtois et (C‑632/24 P)

“Appell – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4(1)(b) – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika speċifika – Regolament (UE) 2018/1725 – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni Ewropea u tal-moviment liberu ta’ din id-data – Artikolu 9(1)(b) – Neċessità li d-data tiġi trażmessa b’għan speċifiku ta’ interess pubbliku – Trażmissjoni li tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata u proporzjonalità ta’ din it-trażmissjoni – Dokumenti dwar il-kuntratti ta’ xiri minn qabel u dwar il-kuntratti ta’ xiri konklużi bejn il-Kummissjoni u kumpanniji farmaċewtiċi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Rifjut parzjali ta’aċċess – Annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni sa fejn din irrifjutat aċċess usa’, minn naħa, għad-dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interess iffirmati mill-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar għax-xiri ta’ vaċċini u, min-naħa l-oħra, għall-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens tal-kumpanniji farmaċewtiċi kkonċernati”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appelli tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Auken et vs Il‑Kummissjoni (T‑689/21, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza appellata”, EU:T:2024:476), kif ukoll Courtois et vs Il‑Kummissjoni (T‑761/21, iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza appellata”, EU:T:2024:477), li permezz tagħhom din annullat parzjalment, rispettivament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2022) 1038 final tal‑15 ta’ Frar 2022 meħuda skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2), li tagħti lil Margrete Auken et (iktar ’il quddiem l-“appellati”) aċċess parzjali għall-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem u għall-kuntratti konklużi bejn il-Kummissjoni u l-impriżi farmaċewtiċi kkonċernati għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-pandemija tal-COVID‑19 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”), kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2022) 1359 final tat‑28 ta’ Frar 2022, meħuda skont dan l-Artikolu 4, li tagħti lil Fabien Courtois et (iktar ’il quddiem l-“appellati”) aċċess parzjali għal ċerti dokumenti li jirrigwardaw ix-xiri ta’ vaċċini minn din l-istituzzjoni fil-kuntest ta’ din il-pandemija (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”), u l-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din l-aħħar deċiżjoni, ikkomunikata fil‑31 ta’ Marzu 2022.

2.        L-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni huwa rregolat mir-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li l-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni jaqa’ taħt ir-Regolament (UE) 2018/1725 (3), fejn dawn iż-żewġ atti għandhom jinqraw flimkien għall-finijiet tal-eżami ta’ dawn il-kawżi.

3.        Dawn il-kawżi jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, minn naħa, il-portata tas-setgħa tal-Kummissjoni li tirrifjuta lil persuni fiżiċi, billi tinvoka l-protezzjoni tad-data personali, l-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li, f’dan il-każ, ikun fihom l-ismijiet tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar, kompost minn uffiċjali tal-Kummissjoni u minn numru żgħir ta’ esperti tal-Istati Membri, għax-xiri ta’ vaċċini mingħand impriżi farmaċewtiċi, u, min-naħa l-oħra, il-portata tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ dawn l-impriżi fir-rigward tal-istipulazzjonijiet relatati mal-kumpens, mill-Istati Membri, tal-interessi potenzjali li normalment ikollhom jitħallsu mill-imsemmija impriżi fid-dawl tar-responsabbiltà tagħhom għall-vaċċini tagħhom.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 1049/2001

4.        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Għan”, jiddikjara, fil-paragrafu (a) tiegħu:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

(a)       li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u l-Kummissjoni [...] previsti fl-Artikolu 255 [KE] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

5.        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[...]

(b)      il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

[...]

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

B.      Ir-Regolament 2018/1725

6.        L-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/1725, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u regoli relatati mal-moviment liberu ta’ data personali bejniethom jew lil riċevituri oħra stabbiliti fl-Unjoni.

2.      Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.”

7.        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej, fil-punt 13 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(13)      ‘riċevitur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli tkunx parti terza jew le. [...]”

8.        L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-trażmissjonijiet ta’ data personali lir-riċevituri stabbiliti fl-Unjoni għajr l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni”, huwa redatt kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 sa 6 u 10, id-data personali għandha tiġi trażmessa biss lir-riċevituri stabbiliti fl-Unjoni għajr l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jekk:

[...]

(b)      ir-riċevitur jistabbilixxi li huwa neċessarju li d-data tiġi trażmessa għal fini speċifiku fl-interess pubbliku u l-kontrollur, meta jkun hemm kwalunkwe raġuni biex wieħed jassumi li l-interessi leġittimi tas-suġġett tat-data jistgħu jiġu ppreġudikati, jistabbilixxi li huwa proporzjonat li tiġi trażmessa d-data personali għal dak il-fini speċifiku, wara li jkun qies b’mod dimostrabbli d-diversi interessi li jkunu f’kunflitt.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

9.        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ippreżentati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 13 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punti 2 sa 17 tat-tieni sentenza appellata, jistgħu, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, jinġabru fil-qosor kif ġej, peress li l-kuntest huwa komuni għaż-żewġ kawżi.

A.      Il-kuntest komuni għaż-żewġ kawżi

10.      Fl‑14 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/521 (4), li permezz tiegħu attiva l-appoġġ ta’ emerġenza stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/369 (5), biex jippermetti lill-Unjoni, fi spirtu ta’ solidarjetà, tindirizza l-kriżi marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19, fid-dawl tat-tifqigħa rapida tal-virus u tan-natura tranżnazzjonali tal-effetti tiegħu, li wasslu għall-ħtieġa ta’ rispons globali.

11.      Fis‑17 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni intitolata “Strateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19” (6). Din l-istrateġija, li kellha l-għan li jiġu mħaffa l-iżvilupp, il-manifattura u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19, kienet tistrieħ fuq żewġ pilastri. L-ewwel pilastru kien intiż li jiggarantixxi produzzjoni suffiċjenti ta’ vaċċini fl-Unjoni u, għaldaqstant, provvista lill-Istati Membri permezz ta’ kuntratti ta’ xiri minn qabel konklużi ma’ produtturi ta’ vaċċini permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, hekk kif ġie attivat bir-Regolament 2020/521. It-tieni pilastru kien intiż għall-adattament tal-qafas regolatorju tal-Unjoni għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li kienet qed tiżvolġi f’dak il-mument u għall-applikazzjoni vantaġġuża tal-flessibbiltà regolatorja eżistenti f’dan il-kumment sabiex jiġu mħaffa l-iżvilupp, l-awtorizzazzjoni u d-disponibbiltà tal-vaċċini, b’osservanza tal-istandards ta’ kwalità, ta’ sigurtà u ta’ effikaċja applikabbli.

12.      F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni indikat li l-Istati Membri kellhom ikunu involuti fil-proċedura mill-bidu nett u li l-Istati Membri parteċipanti kollha kellhom ikunu rrappreżentati fi ħdan bord ta’ tmexxija, li jassistiha fl-aspetti kollha tal-kuntratti ta’ xiri minn qabel qabel ma jiġu ffirmati. Barra minn hekk, hija indikat ukoll li tim konġunt ta’ negozjar, kompost minnha stess u minn numru żgħir ta’ esperti tal-Istati Membri, kellu jkun inkarigat li bin-negozjar dawn il-kuntratti (iktar ’il quddiem it-“tim konġunt ta’ negozjar”), li kellhom jiġu konklużi f’isem l-Istati Membri parteċipanti kollha. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li hija kellha tkun responsabbli mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt f’isem l-Istati Membri u mill-ftehimiet ta’ xiri minn qabel konklużi.

13.      Skont il-Kummissjoni, il-qafas propost kellu jiġi analizzat bħala “polza ta’ assigurazzjoni”, li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ parti mir-riskju mill-industrija farmaċewtika lejn l-awtoritajiet pubbliċi, bil-korrispettiv li l-Istati Membri kienu żgurati li jgawdu minn aċċess ekwu u affordabbli għal vaċċin, fl-ipoteżi li dan kellu jinstab.

B.      Il-Kawża C‑631/24 P

14.      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Jannar 2021 indirizzata lill-Presidenta u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, l-appellati, Membri tal-Parlament Ewropew, talbu, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess “għad-diversi kuntratti – kuntratti ta’ xiri minn qabel – konklużi bejn il-Kummissjoni u l-kumpanniji farmaċewtiċi għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19” (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni inizjali 1”). Fiha ġie ppreċiżat li, sa fejn kienu jafu, kienu diġà ġew iffirmati kuntratti mal-kumpanniji AstraZeneca, Sanofi‑GSK, Johnson & Johnson, BioNTech‑Pfizer, CureVac u Moderna, b’tali mod li l-applikazzjoni kienet tirrigwarda dawn il-kuntratti kif ukoll dawk li setgħu jiġu konklużi wara li tkun saret l-applikazzjoni, b’mod partikolari dak previst ma’ Novavax.

15.      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Marzu 2021, id-Direttriċi Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tas-Saħħa u tas-Sigurtà tal-Ikel tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠ Santé”) informat lill-appellati li hija kienet identifikat tmien dokumenti li jikkorrispondu għall-applikazzjoni inizjali 1, jiġifieri sitt kuntratti ta’ xiri minn qabel u żewġ kuntratti ta’ xiri. Hija ppreċiżat li verżjoni redatta ta’ tlieta minn dawn il-kuntratti ta’ xiri minn qabel, jiġifieri dawk konklużi ma’ AstraZeneca, Sanofi‑GSK u CureVac, kienet ġiet ippubblikata fuq waħda mill-paġni tal-internet tal-Kummissjoni, u li l-eżami tad-dokumenti l-oħra kif ukoll il-konsultazzjonijiet mat-terzi kkonċernati kienu ser ikomplu bl-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-iżvelar tagħhom.

16.      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Ġunju 2021, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ Santé informat lill-appellati li kien ingħata aċċess parzjali, bi tweġiba għall-applikazzjoni inizjali 1, għal disa’ dokumenti identifikati bħala li jaqgħu taħt dik l-applikazzjoni, jiġifieri t-tmien dokumenti msemmija iktar ’il fuq kif ukoll kuntratt ta’ xiri addizzjonali konkluż ma’ Pfizer‑BioNTech. Hija indikat li l-verżjonijiet redatti ta’ dawn id-dokumenti kienu ġew ippubblikati fuq waħda mill-paġni tal-internet tagħha u li kienu ġew oskurati xi siltiet fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet, previsti, rispettivament, fl-Artikolu 4(1)(b), fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2), u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) (7), tar-Regolament Nru 1049/2001.

17.      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2021, l-appellati ppreżentaw applikazzjoni konfermatorja intiża sabiex il-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha dwar id-disa’ dokumenti identifikati u tawtorizza l-iżvelar tagħhom fl-intier tagħhom, bl-esklużjoni tas-siltiet li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu prevista fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja 1”). Fiha huma invokaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-prezzijiet indikati fil-kuntratti kollha ta’ xiri minn qabel konklużi kif ukoll il-verżjonijiet integrali tal-kuntratti ta’ xiri minn qabel konklużi ma’ AstraZeneca, Pfizer-BioNTech u Moderna kienu s-suġġett ta’ kxif ta’ informazzjoni fuq network soċjali u fil-mezzi tax-xandir, bejn Diċembru 2020 u April 2021. Fit‑13 ta’ Awwissu 2021, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni informa lill-appellati li huwa għadu ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb għall-applikazzjoni konfermatorja tagħhom. F’din id-data, l-assenza ta’ tweġiba għal din l-applikazzjoni nisslet deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, konformement mal-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament (8).

18.      Fil‑15 ta’ Frar 2022, u wara konsultazzjoni mal-impriżi farmaċewtiċi kkonċernati konformement mal-Artikolu 4(4) tal-istess regolament (iktar ’il quddiem l-“impriżi kkonċernati”), il-Kummissjoni adottat l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. Din indikat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni konfermatorja 1, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni kien wettaq eżami ġdid tat-tweġiba mogħtija għall-applikazzjoni inizjali mid-DĠ Santé u li, fi tmiem din, tlettax-il dokument ġew identifikati bħala li jaqgħu taħt it-talba għal aċċess għad-dokumenti, jiġifieri d-disa’ dokumenti msemmija iktar ’il fuq kif ukoll erba’ dokumenti addizzjonali.

19.      Permezz tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tat aċċess parzjali għad-dokumenti msemmija fil-punt 11 tal-ewwel sentenza appellata. Iktar preċiżament, hija tat aċċess parzjali usa’ għal uħud mid-dokumenti, żvelati preċedentement, kif ukoll aċċess parzjali għal dokumenti oħra, li kienu għadhom ma ġewx żvelati pubblikament, taħt forma redatta (9). Il-verżjonijiet redatti tal-imsemmija dokumenti kienu mehmuża mal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża.

20.      Fl-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eċċezzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati sabiex tiġġustifika l-aċċess parzjali biss għall-kuntratti inkwistjoni.

C.      Il-Kawża C‑632/24 P

21.      Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Mejju 2021 indirizzata lill-President tal-Kummissjoni kif ukoll permezz ta’ ittra elettronika tal-istess jum indirizzata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, żewġ avukati talbu, “f’isem u għan-nom tal-ewwel 86 000 firmatarju “https://dejavu/legal/”, li lilhom kienu jirrappreżentaw u li fosthom kien hemm ir-rikorrenti, l-aċċess, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001, għal ċertu numru ta’ dokumenti li jikkonċernaw ix-xiri, mill-Kummissjoni u f’isem l-Istati Membri, ta’ vaċċini fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni inizjali 2”). Din l-ittra kien fiha wkoll talba għal informazzjoni. B’mod partikolari, din l-applikazzjoni inizjali 2 kienet tirrigwarda l-ftehimiet ta’ xiri ffirmati mill-Kummissjoni mal-manifatturi tal-vaċċini, l-identità tar-rappreżentati tal-Unjoni li ħadu sehem fin-negozjati ma’ dawn il-manifatturi kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi diretti jew indiretti bejn dawn ir-rappreżentanti u l-imsemmija manifatturi u ġiet ifformulata fis-sens li kienet tirrigwarda d-dokumenti li ġejjin: l-ewwel nett, il-kuntratti kollha ffirmati mill-Kummissjoni taħt ir-Regolament 2020/521 u, b’mod partikolari, il-kuntratti ma’ Pfizer‑BioNTech, Moderna, Johnson & Johnson u Astrazeneca; it-tieni nett, il-lista, id-deċiżjonijiet ta’ ħata u l-identità kompleta tar-rappreżentanti tal-Unjoni fil-kuntest tan-negozjati tal-kuntratti (jiġifieri: isem, kunjom, rwol professjonali jew istituzzjonali), u, it-tielet nett, id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi diretti jew indiretti bejn ir-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq u l-produtturi, l-investituri u l-finanzjaturi tal-vaċċini u prodotti mediċinali oħra (10).

22.      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Lulju 2021, id-Direttriċi Ġenerali tad-DĠ Santé wieġbet għall-applikazzjoni inizjali 2 billi indikat li kienet identifikat 46 dokument li jikkorrispondu għall-imsemmija talba, jiġifieri erba’ kuntratti ta’ xiri minn qabel u tliet kuntratti ta’ xiri konklużi mill-Kummissjoni ma’ AstraZeneca, Pfizer‑BioNTech, Janssen u Moderna, 17‑il dokument imsejħa “Abbozzi ta’ memorandum ta’ qbil” (“draft term sheet”) u 22 dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interess. Hija indikat li kien ingħata aċċess parzjali għall-kuntratti ta’ xiri minn qabel u għall-kuntratti ta’ xiri msemmija iktar ’il fuq, li l-verżjonijiet tagħhom parzjalment redatti tagħhom kienu ġew ippubblikati fuq waħda mill-paġni tal-internet tal-Kummissjoni. Is-siltiet ġew oskurati fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kif ukoll mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet, previsti, rispettivament fl-Artikolu 4(1)(b), fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Allegatament, dawn is-siltiet jinkludu informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata, b’mod partikolari, mal-impriżi kkonċernati, mas-sottokuntratturi tagħhom u mal-kumpanniji relatati, inkluża data xjentifika dwar il-vaċċini, il-prezz, l-iskeda għad-distribuzzjoni tal-vaċċini, il-kapaċità ta’ produzzjoni, l-għarfien espert u l-involviment ta’ esperti u ta’ msieħba, l-istrateġiji kummerċjali u informazzjoni oħra ta’ valur kummerċjali. Kien ingħata wkoll aċċess parzjali għad-dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi, li minnhom kopja waħda biss intbagħtet lir-rikorrenti, fejn l-unika differenza f’dawn id-dokumenti kienet fir-rigward ta’ isem il-firmatarju, il-firma u d-data tal-firma. L-informazzjoni ġiet oskurata fuq il-bażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, prevista fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat li l-aċċess għas-17-il “Abbozzi ta’ memorandum ta’ qbil” kellu jiġi għalkollox irrifjutat fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi u mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet, previsti, rispettivament, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, u, fir-rigward ta’ sitta minn dawn l-“Abbozzi ta’ memorandum ta’ qbil”, ukoll fuq il-bażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

23.      Fit‑13 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti ressqu, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikazzjoni konfermatorja intiża sabiex il-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tad-dokumenti kollha li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat totalment jew parzjalment (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja 2”). Fl‑24 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni informat lill-appellati li hija għadha ma kinitx f’pożizzjoni li twieġeb għall-applikazzjoni konfermatorja. Fl-assenza ta’ tweġiba f’din id-data, inħolqot deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni konfermatorja 2 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda 2”), konformement mal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament.

24.      Fit‑28 ta’ Frar 2022 u wara konsultazzjoni mal-impriżi farmaċewtiċi kkonċernati konformement mal-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni kontenzjuża, meħuda skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni espliċita”), li ġiet ikkomunikata lill-appellati bl-Ingliż fl‑1 ta’ Marzu 2022. Il-Kummissjoni indikat li din il-komunikazzjoni kienet immotivata minn ħtiġijiet ta’ ħeffa u li ulterjorment kellha tiġi kkomunikata lilhom traduzzjoni bil-lingwa Franċiża.

25.      Fid-deċiżjoni espliċita, il-Kummissjoni rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni konfermatorja 2, is-Segretarjat Ġenerali kien wettaq eżami ġdid tat-tweġiba mogħtija għall-applikazzjoni inizjali 2 mid-DĠ Santé. B’konsegwenza ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-lista ta’ dokumenti li jaqgħu taħt it-talba għal aċċess għad-dokumenti ġiet emendata u estiża għal 66 dokument. F’termini konkreti, din il-bidla ssarrfet, minn naħa, fit-tħassir tas-17‑il dokument kollha li qabel kienu ġew identifikati mid-DĠ Santé bħala “abbozzi ta’ memorandum ta’ qbil”, li għalihom l-aċċess kien ġie għalkollox irrifjutat fit-tweġiba għat-talba inizjali 2, u, min-naħa l-oħra, fiż-żieda ta’ dokumenti ġodda, li għalihom ingħata aċċess parzjali, inklużi kuntratti ta’ xiri minn qabel, kuntratti ta’ xiri kif ukoll 31 ittra li juru korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Barra minn hekk, ingħata aċċess parzjali usa’ għall-erba’ kuntratti ta’ xiri minn qabel u għat-tliet kuntratti ta’ xiri li diġà kienu s-suġġett ta’ aċċess parzjali wara t-talba inizjali 2. Għalhekk, permezz tad-deċiżjoni espliċita, ingħata aċċess parzjali kemm għall-kuntratti ta’ xiri minn qabel kif ukoll għall-kuntratti ta’ xiri msemmija fil-punt 14 tat-tieni sentenza appellata u għad-dokumenti l-oħra wkoll msemmija f’dan il-punt 14.

26.      Fid-deċiżjoni espliċita, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu kienet tapplika għall-kuntratti kollha inkwistjoni kif ukoll għad-dokumenti l-oħra kollha elenkati fil-punti 14 u 15 iktar ’il fuq tat-tieni sentenza appellata. Barra minn hekk, hija qieset li, fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kienet applikabbli wkoll. Fil‑31 ta’ Marzu 2022, il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tad-deċiżjoni espliċita ġiet ikkomunikata lill-appellati.

IV.    Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

A.      Il-Kawża T‑689/21

27.      L-appellati ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma qajmu sitt motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi għal informazzjoni li ma taqax taħt din l-eċċezzjoni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward kif ukoll fuq applikazzjoni inkoerenti tal-imsemmija eċċezzjoni; it-tieni wieħed, fuq l-assenza ta’ ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali għal seba’ kategoriji ta’ stipulazzjonijiet; it-tielet wieħed, fuq applikazzjoni inkoerenti tar-Regolament Nru 1049/2001 li wasslet għal ksur tiegħu u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu l-Kummissjoni ma oskuratx, bl-istess mod, stipulazzjonijiet jew informazzjoni tal-istess natura, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward; ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward; il-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 42 tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 8 tal-imsemmi regolament, sa fejn, permezz tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni oskurat ċerta informazzjoni li hija kienet żvelat qabel, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

28.      Il-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat aċċess usa’, l-ewwel nett, għad-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” (“wilful misconduct”) fil-kuntratt ta’ xiri minn qabel konkluż bejnha u AstraZeneca kif ukoll “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” (“best reasonable efforts”) fil-kuntratt ta’ xiri minn qabel konkluż bejn il-Kummissjoni u Pfizer-BioNTech kif ukoll fil-kuntratt ta’ xiri konkluż bejnha u Pfizer-BioNTech; it-tieni nett, għall-istipulazzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid u, it-tielet nett, għall-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens fil-kuntratti ta’ xiri minn qabel u l-kuntratti ta’ xiri konklużi bejnha u l-impriżi kkonċernati għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19 fuq il-bażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

B.      Il-Kawża T‑761/21

29.      L-appellati ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda 2, tad-deċiżjoni espliċita u tal-verżjoni bil-lingwa Franċiża tad-deċiżjoni espliċita tal‑31 ta’ Marzu 2022. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma qajmu, essenzjalment, erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-natura inkompleta tal-lista tad-dokumenti identifikati bħala li jidħlu fil-kamp tat-talba għal aċċess għad-dokumenti; it-tieni wieħed, fuq l-inapplikabbiltà taż-żewġ eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika r-rifjut parzjali ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba; it-tielet wieħed, fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-aċċess sħiħ għad-dokumenti mitluba u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

30.      Permezz tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita 2 li tiċħad l-applikazzjoni konfermatorja 2. Hija annullat it-tieni deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat aċċess usa’, minn naħa, għad-dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interess iffirmati mill-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, min-naħa l-oħra, għall-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens fil-kuntratti ta’ xiri minn qabel u l-kuntratti ta’ xiri konklużi bejn il-Kummissjoni u l-impriżi kkonċernati għax-xiri ta’ dawn il-vaċċini kontra l-COVID‑19 fuq il-bażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

V.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

A.      Il-Kawża C‑631/24 P

31.      Insostenn tal-appell tagħha fir-rigward tal-ewwel sentenza appellata, il-Kummissjoni tinvoka erba’ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-oskuramenti tad-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” u “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” (punti 39 sa 46 ta’ dik is-sentenza); it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żnaturament tal-fatti li wasslu għall-konklużjoni li l-oskuramenti tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali dwar il-kumpens kienu illegali (punti 157 sa 171 tal-imsemmija sentenza); it-tielet wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament u fl-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-oskuramenti tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali dwar il-bejgħ mill-ġdid u d-donazzjonijiet (punti 179 sa 188 tal-istess sentenza), u, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ liġi minħabba li tqies li ġie stabbilit ksur tal-Artikolu 11(1) u tal-Artikolu 42 tal-Karta (punti 236 sa 238 u 240 tal-ewwel sentenza appellata).

32.      L-appellati jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

B.      Il-Kawża C‑632/24 P

33.      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żnaturament tal-provi fl-evalwazzjoni tan-neċessità tat-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni (punti 63 sa 92 tat-tieni sentenza appellata); it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) (b) tar-Regolament 2018/1725, flimkien mal-Artikolu 4(1) (b) tar-Regolament Nru 1049/2001 (punti 52 sa 92 ta’ din is-sentenza). It-tielet aggravju, dwar il-fondatezza tal-motivazzjoni tar-rifjut ta’ aċċess sħiħ għall-klawżoli kuntrattwali dwar il-kumpens (punti 154 sa 174 tal-imsemmija sentenza), huwa kompost minn tliet partijiet, jiġifieri żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tliet żnaturamenti tal-provi.

34.      L-appellati jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell kif ukoll it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-annullament tat-tieni sentenza appellata jew, sussidjarjament, tiċħad it-talba tal-Kummissjoni li tiddeċiedi r-rikors fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑761/21 u li terġa’ tibgħat dik il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, jew, ulterjorment, li tiċħad it-talba tal-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja intiża biex tiċħad hija stess ir-rikors fl-ewwel istanza fl-imsemmija kawża. Fi kwalunkwe każ, l-appellati jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad kull talba oħra tal-Kummissjoni, inkluż għall-ispejjeż, u tikkundannaha tħallas l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti minnhom, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

35.      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja nstemgħu fis-seduta, komuni għaż-żewġ kawżi, li nżammet fl‑4 ta’ Marzu 2026.

VI.    Analiżi

36.      Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-analiżi, minn naħa, tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑632/24 P u, min-naħa l-oħra, fuq l-analiżi tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑631/24 P kif ukoll tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑632/24 P, li ser jiġu eżaminati flimkien.

A.      Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑632/24 P

37.      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi qieset li hija kellha tagħti aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitti ta’ interess, inkluż għad-data personali tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar, u b’mod iktar speċifiku għall-ismijiet tagħhom.

1.      Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725

a)      L-argumenti tal-partijiet

38.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat bħala “fini speċifiku fl-interess pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, l-għan li jikkonsisti fil-verifika tal-imparzjalità tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar.

39.      Skont il-Kummissjoni, dan l-għan ma jistax jintrabat ma’ għan ta’ interess pubbliku. Fil-fatt, għalkemm l-imparzjalità tal-uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri taqa’ taħt l-interess pubbliku, il-verifika ta’ din l-imparzjalità minn “individwu kwalunkwe” li jitlob l-aċċess għad-dokumenti kkonċernati ma tissodisfax tali interess pubbliku iżda tissodisfa pjuttost l-interess individwali tiegħu, pereżempju sabiex jissodisfa l-kurżità tiegħu.

40.      Barra minn hekk, l-appellati ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ għan speċifiku ta’ interess pubbliku, li huwa ddikjarat fil-punt 71 tat-tieni sentenza appellata. Skont il-Kummissjoni, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali huwa ta’ portata tant ġenerali li jista’ japplika għal kull talba għall-iżvelar ta’ data personali ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura relatata mal-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID‑19. Għalhekk, fuq il-bażi ta’ dan ir-raġunament, għan speċifiku ta’ interess pubbliku huwa preżunt li ntwera għall-iżvelar, pereżempju, tal-ismijiet tal-uffiċjali tal-Kummissjoni li pparteċipaw fit-tfassil ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat adottata sabiex jiġu indirizzati l-effetti ta’ din il-pandemija. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725.

41.      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ċċitata fil-punt 72 tat-tieni sentenza appellata, li skontha n-natura ġenerali tal-ġustifikazzjoni tat-trasferiment ta’ data personali ma għandux inċidenza diretta fuq il-punt dwar jekk it-trasferiment huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-persuna li titlob l-iżvelar tad-data (11). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li din il-ġurisprudenza kienet tirrigwarda l-Artikolu 8(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (12), issostitwit bir-Regolament 2018/1725, liema dispożizzjoni kienet tirrikjedi biss li d-destinatarju tad-data personali “jistabbilixxi l-ħtieġa li jkollu dik id-data trasferita”. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-imsemmija ġurisprudenza ma tikkonċernax ġustifikazzjoni ġenerali u astratta għat-trażmissjoni tad-data personali, iżda ġustifikazzjoni speċifika dwar l-aġir tal-Membri tal-Parlament Ewropew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, din l-istituzzjoni tfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ma tistax torbot l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

42.      Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali injorat differenza sinjifikattiva bejn il-Kawża C‑632/24 P u dik li tat lok għas-sentenza ClientEarth (13), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725. Fil-fatt, b’differenza minn din l-aħħar kawża, l-appellati ma sostnewx li l-uffiċjali u l-aġenti tal-Kummissjoni li d-data personali tagħhom hija inkwistjoni kienu terzi li setgħu jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni minħabba rabtiet possibbli mal-ambjent industrijali. F’dan il-każ, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, għall-kuntrarju, innegozjaw direttament il-kuntratti mar-rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, mingħajr intervent ta’ terzi li setgħu kellhom tali rabtiet. Il-Qorti Ġenerali pprovat tiddistingwi ż-żewġ kawżi billi rrilevat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza ClientEarth, ir-rikorrenti f’dik il-kawża setgħu jipproduċu indizji li jippermettu li tiġi ddubitata l-imparzjalità tal-esperti kkonċernati peress li r-rikorrenti kienu jafu isem l-esperti. Madankollu, f’din il-kawża, l-esperti kienu ppubblikaw id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom, bil-konsegwenza li l-identità tagħhom kienet magħrufa. Barra minn hekk, it-tilwima ma kinitx tirrigwarda l-iżvelar ta’ dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interess. Il-Kummissjoni żżid li l-fatt li, fil-fehma tagħha, applikant jinsab, jew ma jinsabx, f’pożizzjoni li juri l-eżistenza ta’ għan speċifiku ta’ interess pubbliku ma jistax ikollu l-effett li jneħħi r-rekwiżit stess tan-natura speċifika ta’ tali għan.

43.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-iżvelar tal-ismijiet tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar kien neċessarju, fis-sens tal-Artikolu 9(1) (b) tar-Regolament 2018/1725. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrilevat, fil-punt 73 tat-tieni sentenza appellata, li “huwa biss li kieku kellhom il-kunjomijiet, l-ismijiet u l-karigi professjonali jew istituzzjonali tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar li r-rikorrenti [illum appellati] kienu jkunu jistgħu jivverifikaw li l-imsemmija membri ma kinux f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi”, mingħajr ma tesponi r-raġunijiet għalfejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jikkostitwixxi l-uniku mezz li jippermettilhom jivverifikaw l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi. Issa, kif tfakkar fil-punt 60 tat-tieni sentenza appellata, sabiex jissodisfa l-kundizzjoni ta’ “neċessità”, l-applikant għandu juri li t-trażmissjoni tad-data personali hija l-iktar miżura xierqa fost il-miżuri l-oħra possibbli sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnu u li hija proporzjonata għal dan l-għan.

44.      Il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, l-iżvelar ta’ din id-data personali lil membri tal-pubbliku neqsin minn kwalunkwe funzjoni uffiċjali ma huwiex neċessarju, peress li huwa biżżejjed li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaċċedu għaliha sabiex iwettqu l-verifiki meħtieġa. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-għan li tiġi vverifikata l-imparzjalità tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar kien diġà ntlaħaq permezz tal-iżvelar tal-verżjonijiet anonimizzati tad-dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interess, li kienu jippermettu lill-appellati jivverifikaw li l-aġenti tal-Kummissjoni kienu effettivament issodisfaw l-obbligi applikabbli fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura ta’ kuntratt pubbliku tal-Unjoni.

45.      L-appellati jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

b)      Evalwazzjoni

46.      Preliminarjament, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt l-eżami tar-relazzjoni eżistenti bejn ir-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001, fejn dan tal-aħħar ġie ssostitwit bir-Regolament 2018/1725, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-każ inkwistjoni, għandu jitfakkar li dawn ir-regolamenti huma intiżi li jilħqu għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż li jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-informazzjoni li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, huwa intiż li jiffaċilita kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti kif ukoll li jippromwovi prattiċi amministrattivi tajbin. It-tieni wieħed huwa intiż li jiżgura l-protezzjoni tal‑libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal‑ħajja privata tagħhom, waqt l-ipproċessar tad-data personali (14).

47.      Ir-Regolamenti Nri 1049/2001 u 2018/1725 ma jinkludux dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor. Bħala prinċipju għandha tiġi żgurata l‑applikazzjoni sħiħa tagħhom. L-unika rabta espliċita bejn dawn iż-żewġ regolamenti hija stabbilita fl‑Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprevedi eċċezzjoni għall‑aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar ikun jippreġudika l‑protezzjoni tal-ħajja privata jew tal-integrità tal-individwu, b’mod partikolari konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali (15).

48.      Barra minn hekk, kif tiddikjara l-premessa 5 tar-Regolament 2018/1725, kull darba li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament isegwu l-istess prinċipji bħad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 (16), dawn iż-żewġ ġabriet ta’ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod omoġenju, b’mod partikolari minħabba l-fatt li s-sistema tar-Regolament 2018/1725 għandha tinftiehem bħala ekwivalenti għal dik tar-Regolament 2016/679.

49.      F’dan il-kuntest, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, data personali għandha tiġi trażmessa lil destinatarji stabbiliti fl-Unjoni minbarra l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni biss jekk, skont l-ewwel kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, ir-“riċevitur [id-destinatarju] jistabbilixxi li huwa neċessarju li d-data tiġi trażmessa għal fini speċifiku fl-interess pubbliku”, kuntrarjament għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 (17).

50.      F’dan il-każ, l-appellati talbu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar. Fit-tieni deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonkludiet li, konformement mal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal din id-data personali ma setax jingħatalhom.

51.      Fl-appell tagħha fil-Kawża C‑632/24 P, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm l-imparzjalità tal-uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri taqa’ taħt l-interess pubbliku, il-verifika tagħha minn “kwalunkwe individwu” li jitlob l-aċċess għad-dokumenti kkonċernati ma tistax titqies li hija marbuta ma’ interess pubbliku, iżda pjuttost tissodisfa interess individwali tiegħu, pereżempju, sabiex jissodisfa l-kurżità tiegħu.

52.      Fil-fehma tiegħi, tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725 jirreferi għat-trażmissjoni ta’ data personali lil “riċevituri [destinatarji]”. Issa, il-punt 13 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi “riċevitur [destinatarju]” fis-sens li dan jista’ jkun persuna fiżika. Minn dan isegwi li l-imsemmi regolament ma jeskludix, bħala prinċipju, li “kwalunkwe individwu” jista’ jitlob il-komunikazzjoni ta’ tali data għall-finijiet tal-verifika tal-imparzjalità tal-uffiċjali tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, l-istess regolament jirrikonoxxi espliċitament il-possibbiltà għal kull persuna fiżika li jkollha aċċess għal data personali, sakemm hija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan l-Artikolu 9(1)(b). Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-aċċess għad-data personali neċessarja għal din il-verifika tal-imparzjalità tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar ma jistax jiġi rriżervat għall-awtoritajiet kompetenti biss.

53.      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-appellati wrew l-eżistenza ta’ għan speċifiku ta’ interess pubbliku. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-punt 71 tat-tieni sentenza appellata, li fiha l-Qorti Ġenerali tqis li t-trasparenza tal-proċess segwit mill-Kummissjoni matul in-negozjati mal-manifatturi tal-vaċċini kontra l-COVID‑19 u matul il-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni f’isem l-Istati Membri tista’ tikkostitwixxi għan speċifiku fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725, “sa fejn huwa probabbli li din tikkontribwixxi biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-istrateġija ta’ tilqim promossa minn din l-istituzzjoni u, konsegwentement, b’mod partikolari biex jiġi miġġieled it-tixrid ta’ informazzjoni falza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tan-negozjar u l-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet [...] b’mod partikolari billi tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jiżguraw li ma kien hemm ebda kunflitt ta’ interessi bejn il-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar u l-imsemmija manifatturi tal-vaċċini”.

54.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi. Fil-fatt, hekk kif irrilevat fil-punt 70 tat-tieni sentenza appellata, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li t-trasparenza tippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jingħataw leġittimità, effikaċja u responsabbiltà ikbar fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni f’sistema demokratika. Barra minn hekk, skont il-premessa 28 tar-Regolament 2018/1725 (18), għan speċifiku fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) ta’ dan ir-regolament jista’ jkollu x’jaqsam mat-trasparenza tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni. Issa, f’dan il-każ, dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza kien iktar u iktar neċessarju peress li kellhom jiġu adottati deċiżjonijiet urġenti sabiex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID‑19.

55.      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta liġi nazzjonali, billi tadotta l-prinċipju ta’ trasparenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi, tkun intiża li tiżgura l-prevalenza tal-interess pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku, li tiggarantixxi l-imparzjalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet u li tipprevjeni s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess kif ukoll il-ħolqien u ż-żieda tal-korruzzjoni fis-servizz pubbliku, tali għanijiet, sa fejn jikkonsistu fit-tisħiħ tal-garanziji ta’ integrità u ta’ imparzjalità tal-persuni fis-settur pubbliku li jieħdu deċiżjonijiet, fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur pubbliku, ikunu inkontestabbilment ta’ interess pubbliku u, konsegwentement, leġittimi. Fil-fatt, li jiġi żgurat li l-persuni fis-settur pubbliku li jieħdu deċiżjonijiet jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod imparzjali u oġġettiv, u li jiġi evitat li dawn ikunu influwenzati minn kunsiderazzjonijiet relatati ma’ interessi privati, huma intiżi biex tiġi żgurata t-tmexxija tajba tal-affarijiet pubbliċi u tal-beni pubbliċi (19).

56.      Bl-istess mod, fir-rigward tal-industrija farmaċewtika, l-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 (20) jiddikjara li, fil-kuntest tal-farmakoviġilanza, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, għandha tistabbilixxi u tmexxi portal web Ewropew dwar il-prodotti mediċinali għat-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali awtorizzati fl-Unjoni u li, permezz ta’ dan il-portal, din l-aġenzija għandha tagħmel pubbliku, tal-inqas, b’mod partikolari l-ismijiet tal-membri tal-kumitati msemmija fl-Artikolu 56(1)(a) u (aa) ta’ dan ir-regolament u dawk tal-membri tal-grupp ta’ koordinazzjoni, kif ukoll il-kwalifiki professjonali tagħhom u d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 63(2) tal-imsemmi regolament (21).

57.      Skont il-Kummissjoni, ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali huwa ta’ portata tant ġenerali li jista’ japplika għal kull talba għall-iżvelar ta’ data personali ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura relatata mal-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID‑19. Madankollu, jidhirli li l-Qorti Ġenerali esponiet suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, fil-punt 71 tat-tieni sentenza appellata, ir-raġunijiet għalfejn, fil-kuntest speċifiku ta’ din il-pandemija, l-appellati kienu wrew l-eżistenza ta’ għan speċifiku ta’ interess pubbliku.

58.      Fir-rigward tan-natura speċifika tal-għan ta’ interess pubbliku li għandu jintlaħaq, il-Kummissjoni ppreċiżat waqt is-seduta li, fil-kuntest tal-proċess ta’ negozjar tal-kuntratti mal-impriżi kkonċernati, it-tim konġunt ta’ negozjar kien iwieġeb għall-bord ta’ tmexxija (“steering board”), li kien inkarigat milli jieħu d-deċiżjonijiet inkwistjoni. Għalhekk hija sostniet li l-verifika tal-imparzjalità tal-uffiċjali li jkunu qed jintervjenu fuq livell tekniku ma kellhiex l-istess importanza bħal dik tal-persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet deċiżjonali jew ġerarkiji superjuri. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-rekwiżit ta’ imparzjalità jorbot lill-uffiċjali tal-Kummissjoni fl-istadji kollha tal-proċess deċiżjonali, inkluż meta jintervjenu fi ħdan korp li l-attività tiegħu essenzjalment huwa ta’ natura teknika.

59.      Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Lulju 2015, Dennekamp vs Il‑Parlament (22), imsemmija fil-punt 72 tat-tieni sentenza appellata, għandu jitfakkar li l-ġustifikazzjoni tat-trasferiment ta’ data personali tista’ tkun ta’ natura ġenerali, fis-sens li ma hijiex speċifika għal applikant speċifiku, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 li fih l-istrateġija ta’ vaċċinazzjoni kienet tirrigwarda liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

60.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li s-sentenza ClientEarth, li għaliha l-Qorti Ġenerali rreferiet fil-punti 90 u 91 tat-tieni sentenza appellata, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, ġaladarba l-appellati ma sostnewx li l-uffiċjali u l-aġenti tal-Kummissjoni li d-data personali tagħhom hija inkwistjoni jikkostitwixxu terzi li jistgħu jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni minħabba l-possibbiltà ta’ rabtiet mal-ambjenti industrijali. Madankollu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tat-tieni sentenza appellata, ir-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza ClientEarth kienu ġew informati bl-isem tal-esperti kkonċernati u kienu kisbu aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tagħhom, b’differenza għall-Kawża C‑632/24 P. Issa, minn naħa, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali, l-appellati ma kinux jafu l-identità tal-esperti maħtura mill-Istati Membri fi ħdan it-tim konġunt ta’ negozjar, bil-konsegwenza li dawn ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċu indizji li jippermettu li l-imparzjalità tagħhom titqiegħed f’dubju. Min-naħa l-oħra, fil-punt 58 tas-sentenza ClientEarth, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm ir-rikorrenti f’dik il-kawża kienu rċevew komunikazzjoni tal-isem, tal-bijografija u tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tal-esperti li fformulaw osservazzjonijiet dwar abbozz ta’ gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar id-dokumentazzjoni xjentifika li għandha tiġi mehmuża mal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-kisba tal-informazzjoni li kienet tippermettilhom jidentifikaw, għal kull waħda mill-osservazzjonijiet, liema mill-esperti esterni kienu l-awtur tagħhom, kienet neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata konkretament l-imparzjalità ta’ kull wieħed minn dawn l-esperti. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, essenzjalment, li anki l-komunikazzjoni tal-ismijiet tal-imsemmija esperti setgħet ma tkunx suffiċjenti skont l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725.

61.      Fir-rigward tan-neċessità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tal-iżvelar tal-ismijiet tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar, il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, premess li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva minnhom – li jimplika li jiġi eżaminat jekk dawn l-għanijiet jistgħux raġonevolment jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data (23).

62.      Skont il-Kummissjoni, l-iżvelar ta’ din id-data personali lil membri tal-pubbliku li ma għandhom ebda funzjoni uffiċjali ma huwiex neċessarju, peress li huwa biżżejjed li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaċċedu għaliha sabiex iwettqu l-verifiki meħtieġa. Madankollu, kif ġie espost fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725 jipprevedi espressament li persuni fiżiċi, inklużi membri tal-pubbliku, jistgħu jirċievu komunikazzjoni ta’ tali data, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. Il-Kummissjoni żżid li, fi kwalunkwe każ, peress li l-iżvelar tal-verżjonijiet anonimizzati tad-dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interess diġà ppermetta li jintlaħaq l-għan li tiġi vverifikata l-imparzjalità tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, qieset, fil-punt 73 tat-tieni sentenza appellata, li l-iżvelar tal-“kunjomijiet, l-ismijiet u l-karigi professjonali jew istituzzjonali tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar” kien neċessarju.

63.      Madankollu, il-Kummissjoni ma tispjegax kif l-iżvelar ta’ verżjonijiet anonimizzati tad-dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interess huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-eżami tal-imparzjalità tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar. Fil-fatt, bħala regola ġenerali, tali verżjonijiet anonimizzati ma jippermettux li ssir verifika esterna intiża sabiex tiġi eżaminata l-eżattezza u/jew il-kompletezza tal-informazzjoni li tinsab fihom. Barra minn hekk, dan l-approċċ jidher li jmur kontra s-sentenza ClientEarth, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li anki s-sempliċi komunikazzjoni tal-ismijiet tal-esperti kkonċernati u tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tagħhom ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata verifika konkreta tal-imparzjalità ta’ kull wieħed minn dawn l-esperti (24).

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.

2.      Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725

a)      L-argumenti tal-partijiet

65.      Il-Kummissjoni ssostni, permezz tal-ewwel ilment tagħha, li ċ-ċirkustanzi fattwali stabbiliti fit-tieni sentenza appellata juru li l-indħil li jirriżulta mill-iżvelar tad-data personali inkwistjoni huwa partikolarment gravi għall-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali nnifisha rrikonoxxiet, fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, il-kuntest partikolari li fih kellhom jaħdmu dawn il-membri, jiġifieri żmien ikkaratterizzat minn domanda kbira għall-vaċċini kontra l-COVID‑19 u, fl-istess ħin, minn nuqqas ta’ fiduċja ta’ wħud miċ-ċittadini tal-Unjoni fl-istrateġija ta’ tilqim promossa mill-Kummissjoni. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, f’dan il-punt 77, li l-espożizzjoni tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar għal kuntatti esterni mhux mitluba wara l-iżvelar tal-identità tagħhom ma kienx sempliċement ipotetiku. Il-Kummissjoni allegat li l-konsegwenzi, kemm gravi kif ukoll probabbli ħafna fuq il-ħajja privata tal-uffiċjali kkonċernati, li jirriżultaw mill-iżvelar lill-pubbliku inġenerali tal-identità tagħhom ma jistgħux jiġu ssottovalutati. Fil-fehma tagħha, tali żvelar jesponihom għal kuntatti esterni mhux mitluba, li ma jillimitawx ruħhom għal kuntatti ġurnalistiċi, iżda jistgħu jinkludu wkoll perikli għall-integrità fiżika tagħhom kif ukoll forom ta’ fastidju, b’mod partikolari min-naħa ta’ segwaċi ta’ “teoriji ta’ komplott”, li n-numru tagħhom ma huwiex negliġibbli fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

66.      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li, fil-punt 80 tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża kienet ħadet inkunsiderazzjoni r-rwol tekniku eżerċitat mill-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar fil-kuntest tal-proċess ta’ għoti ta’ kuntratti. Fil-fatt, dawn l-aġenti tas-servizz pubbliku la għandhom setgħa deċiżjonali fi ħdan l-istituzzjoni tagħhom, u lanqas funzjonijiet ġerarkiċi għolja, bil-konsegwenza li l-għan ta’ verifika tal-imparzjalità tagħhom għandu importanza limitata.

67.      Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-għan ta’ verifika tal-imparzjalità tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar kien diġà ntlaħaq permezz tal-komunikazzjoni tal-verżjonijiet anonimizzati tad-dikjarazzjonijiet ta’ assenza ta’ kunflitti ta’ interessi. L-iffirmar, mill-membri kollha ta’ dan it-tim, ta’ tali dikjarazzjonijiet jistabbilixxi, waħdu, l-osservanza tad-dmirijiet ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza li jaqgħu fuqhom. Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 84 tat-tieni sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li l-membri kollha tat-tim konġunt ta’ negozjar iffirmaw dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interess ma jippermettix liċ-ċittadini jiżguraw ruħhom, huma stess, li dawn il-membri wettqu l-missjoni tagħhom b’indipendenza totali. Il-Qorti Ġenerali tassumi b’mod żbaljat li kull ċittadin ikun f’pożizzjoni, fi kwalunkwe mument, li jaġixxi bħala “pulizija informali” inkarigat mill-investigazzjoni tal-imparzjalità tal-uffiċjali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tekniċi tagħhom. Madankollu, l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri jafdaw din il-missjoni lill-awtoritajiet kompetenti, bħall-istanzi dixxiplinari, l-awtoritajiet tal-pulizija u l-prosekuturi, li joffru garanziji xierqa fil-qasam tal-protezzjoni tad-data tal-persuni kkonċernati matul l-investigazzjoni, filwaqt li, għall-kuntrarju, ċittadin ordinarju ma jkunx f’pożizzjoni li jiżgura tali garanziji. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali missha kkonkludiet li l-indħil partikolarment gravi fil-ħajja privata tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar kellu jipprevali fuq l-għan, kif invokat mill-appellati, li tiġi vverifikata l-imparzjalità ta’ dawn il-membri.

68.      L-appellati jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

b)      Evalwazzjoni

69.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li appell nieqes minn struttura koerenti, li jillimita ruħu għal affermazzjonijiet ġenerali u li ma jinkludix indikazzjonijiet preċiżi dwar il-punti tad-deċiżjoni kontenzjuża li jkunu possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi, għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli (25).

70.      F’dan il-każ, nikkonstata li l-ewwel żewġ ilmenti mqajma mill-Kummissjoni, dwar il-gravità tal-indħil u n-natura limitata tal-importanza tal-għan speċifiku ta’ interess pubbliku, sempliċement ifakkru r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jikkontestawh u mingħajr ma jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tat-tieni sentenza appellata li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ ilmenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

71.      Fir-rigward tat-tielet ilment, dwar l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, il-Kummissjoni ssostni li l-għan ta’ verifika tal-imparzjalità tal-membri tat-tim konġunt ta’ negozjar diġà ntlaħaq permezz tal-komunikazzjoni tal-verżjonijiet anonimizzati tad-dikjarazzjonijiet ta’ assenza a’ kunflitt ta’ interess u li għandhom ikunu biss l-awtoritajiet kompetenti, bħall-istanzi dixxiplinari, l-awtoritajiet ta’ pulizija u l-prosekuturi, li jkollhom aċċess għad-data personali neċessarja għall-finijiet tal-verifiki dwar l-assenza ta’ kunflitt ta’ interess.

72.      B’dan il-mod, il-Kummissjoni tirriproduċi argumenti analogi għal dawk li hija invokat fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu miċħuda fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (26).

73.      Il-Kummissjoni tinvoka wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (27), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 83 tagħha, iddeċidiet li, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-gravità tal-indħil li jirriżulta mill-aċċess tal-pubbliku inġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu taqa’ bi prijorità fuq l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll fuq l-entitajiet, bħall-istabbilimenti ta’ kreditu jew l-istabbilimenti finanzjarji, li, minħabba l-attivitajiet tagħhom, jiġu imposti fuqhom obbligi speċifiċi f’dan il-qasam. Madankollu, din il-kawża tistrieħ fuq kuntest ġuridiku differenti inkwantu l-verifika konkreta tal-imparzjalità tal-uffiċjali tal-Kummissjoni tista’ ssir kemm mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll mill-pubbliku inġenerali.

74.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li t-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

75.      Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

76.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li t-tieni aggravju fil-Kawża C‑632/24 P jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

B.      Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑631/24 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑632/24 P

77.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li dan huwa intiż li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, bla ħsara għal sistema ta’ eċċezzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li, filwaqt li jidderogaw mill-prinċipju stabbilit f’dan l-artikolu, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. Fost dawn l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, hemm dik stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, li skontha l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-ħarsien ta’ “interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali”, sakemm ma’ jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. Meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li l-komunikazzjoni tiegħu tkun intalbet mingħandha, din l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament u invokata minn din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (28).

78.      F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet kontenzjużi jirriżulta li l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess sħiħ għall-istipulazzjonijiet dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-impriżi kkonċernati sabiex ma tirriskjax li tiżvela informazzjoni allegatament kummerċjalment sensittiva dwar ir-riskji identifikati li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni u dwar il-limiti finanzjarji aċċettati fir-rigward tal-imsemmija riskji mill-imsemmija impriżi (29).

79.      It-tieni aggravju fil-Kawża C‑631/24 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑632/24 P, li huma, essenzjalment, analogi, huma maqsuma fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-possibbiltà li jiġi adottat aġir strateġiku fir-rigward tal-impriżi kkonċernati; it-tieni waħda, fuq il-vantaġġ kompetittiv mogħti lill-kompetituri ta’ dawn l-impriżi, u, it-tielet waħda, fuq ir-riperkussjonijiet fuq ir-reputazzjoni tal-imsemmija impriżi.

1.      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-possibbiltà li jiġi adottat aġir strateġiku fir-rigward tal-impriżi kkonċernati

a)      L-argumenti tal-partijiet

80.      Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 157 sa 161 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punti 160 sa 164 tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv li hija ressqet fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li skontu għarfien preċiż tal-limiti tar-responsabbiltà tal-impriża kkonċernata jippermetti li jiġi adottat aġir strateġiku fir-rigward tagħha, sa fejn hija tista’ tiġi kkonfrontata bil-konsegwenzi ekonomiċi ta’ diversi azzjonijiet ġudizzjarji, mibdija b’mod abbużiv u mhux iġġustifikat, unikament bl-għan li tirċievi kumpens marbut mal-użu tal-vaċċin tagħha.

81.      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-kunsiderazzjoni fformulata mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 158 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 161 tat-tieni sentenza appellata (30), ma tqiegħedx inkwistjoni r-raġuni adottata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi biex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ żvelar usa’ tal-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens tal-impriżi kkonċernati, jiġifieri l-użu li rikorrent jista’ jagħmel minn dawn l-istipulazzjonijiet fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, u dan indipendentement mill-fatt li l-imsemmija stipulazzjonijiet jiddistingwu lilhom infushom mir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-kontraent.

82.      It-tieni nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 159 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 162 tat-tieni sentenza appellata (31) hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u hija manifestament żbaljata. Fil-fehma tagħha, l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati jinsabu fil-ħtieġa li tiġi evitata żieda fl-azzjonijiet għad-danni diretti kontrihom. Anki jekk jitqies li l-interess inkwistjoni huwa limitat għas-sempliċi għan li jiġu evitati tali azzjonijiet, dawn il-punti tas-sentenzi appellati ma jispjegawx ir-raġunijiet għalfejn tali interess ma jistħoqqlux protezzjoni. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċitata fit-tieni sentenza ta’ kull wieħed mill-imsemmija punti jirrigwarda konsegwenzi possibbli fir-rigward tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ azzjoni legali, filwaqt li l-kawżi preżenti ma jirrigwardawx biss il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ tali azzjoni, iżda wkoll l-effetti relatati mar-reputazzjoni tal-manifattur fil-każ ta’ żieda fil-kontenzjuż (32).

83.      It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-punt 160 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 163 tat-tieni sentenza appellata (33) huma wkoll żbaljati u jiżnaturaw il-kontenut tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fil-fatt, hija indikat b’mod ċar, f’dawn id-deċiżjonijiet, li għarfien preċiż tal-limiti tar-responsabbiltà tal-kontraent huwa ta’ natura li jiffavorixxi aġir strateġiku kontra l-impriżi kkonċernati.

84.      L-appellati jsostnu li l-ewwel parti ta’ dawn il-motivi għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata. L-appellati jesponu li din l-ewwel parti hija infondata.

b)      Evalwazzjoni

85.      Preliminarjament, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aċċess għal informazzjoni kummerċjali sensittiva, dwar l-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni, għall-ammonti tal-bejgħ tagħhom, għas-sehem tagħhom mis-suq jew għar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ dawn l-impriżi, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (34).

86.      Fir-rigward tal-punt 158 tal-ewwel sentenza appellata u tal-punt 161 tat-tieni sentenza appellata, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati, li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 85/374 (35), u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi ta’ kumpens previsti għall-benefiċċju ta’ dawn l-impriżi, li jikkonsistu fir-rimbors, mill-Istati Membri tal-imsemmija impriżi, tas-somom li dawn jistgħu jiġu kkundannati jħallsu lil terzi fuq il-bażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom.

87.      F’dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti Ġenerali, fil-punti ċċitati iktar ’il fuq tas-sentenzi appellati, irrilevat ġustament li l-preżentata ta’ azzjonijiet għal kumpens tista’ toħloq spejjeż għolja għall-impriżi kkonċernati, inkluż meta dawn l-azzjonijiet jiġu sussegwentement miċħuda bħala infondati, xorta jibqa’ l-fatt li l-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens ma humiex ta’ natura li jbiddlu l-kundizzjonijiet li fihom terzi potenzjalment leżi minn vaċċin difettuż jistgħu jeżerċitaw rikorsi għad-danni kontra dawn l-impriżi. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-kumpens isseħħ biss fi stadju ulterjuri, ladarba r-responsabbiltà tal-impriża kkonċernata tkun ġiet stabbilita minħabba n-natura difettuża tal-prodott inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-danni mħallsa lill-vittmi għandhomx, finalment, jiġu rrimborsati minn Stat Membru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi qieset li d-dritt tat-terzi għal azzjoni legali jibqa’ indipendenti kemm mill-eżistenza kif ukoll mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens. Din il-konstatazzjoni waħedha hija biżżejjed, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi miċħuda l-ewwel parti ta’ dawn l-aggravji.

88.      Fir-rigward tal-punti 159 u 160 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll tal-punti 162 u 163 tat-tieni sentenza appellata, nosserva li dawn huma esposti għal finijiet ta’ kompletezza, kif jixhed l-użu tal-frażi “barra minn hekk”. Għaldaqstant, l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni kontra dawn il-punti tas-sentenzi appellati għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

89.      Fi kwalunkwe każ, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sempliċi allegazzjoni mhux issostanzjata dwar riskju ġenerali ta’ użu abbużiv ma tistax twassal sabiex data li tinsab f’dokument li għalih intalab l-aċċess titqies li taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fl-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni oħra dwar in-natura, is-suġġett u l-portata ta’ din id-data, li tista’ tispjega lill-qorti tal-Unjoni l-mod kif l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika konkretament b’mod raġonevolment prevedibbli l-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati mill-imsemmija data (36). Issa, f’dan il-każ, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq riskju ta’ żieda fil-kontenzjuż fil-każ ta’ żvelar sħiħ tal-klawżola ta’ kumpens ma jidhirx li ġie ssostanzjat u, konsegwentement, huwa ta’ natura ipotetika (37).

90.      Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel parti ta’ dawn l-aggravji tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment ineffettiva.

2.      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-vantaġġ kompetittiv mogħti lill-kompetituri tal-impriżi kkonċernati

a)      L-argumenti tal-partijiet

91.      Il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 162 sa 166 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punti 165 sa 169 tat-tieni sentenza appellata, it-tieni motiv invokat fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li skontu l-iżvelar sħiħ tal-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens, u b’mod iktar partikolari dawk li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet preċiżi li fihom huwa eskluż kumpens mill-Istat Membru, jiżvela neċessarjament lill-kompetituri tal-impriża kkonċernata, inklużi dawk li ma jipproduċux vaċċini, il-“punti dgħajfa” tal-kopertura tar-responsabbiltà tagħha u b’hekk jagħtihom vantaġġ kompetittiv li jista’ jiġi sfruttat, pereżempju, f’reklami u f’reklamar komparattiv.

92.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punt 163 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 166 tat-tieni sentenza appellata, li l-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens kienu jaqgħu taħt id-“dominju pubbliku” qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi (38).

93.      Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-punt 164 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 167 tat-tieni sentenza appellata, li skonthom il-kuntratti kollha inkwistjoni jinkludu stipulazzjoni dwar il-kumpens li telenka, “b’mod globalment simili”, is-sitwazzjonijiet speċifiċi prinċipali li fihom il-kumpens tal-impriża kkonċernata mill-Istat Membru huwa eskluż, jikkostitwixxu semplifikazzjoni eċċessiva u s-sors ta’ konklużjoni żbaljata, meta mqabbla mal-kontenut tal-klawżoli deskritti fil-punt 155 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 158 tat-tieni sentenza appellata.

94.      Fir-rigward tal-punt 165 tal-ewwel sentenza appellata u tal-punt 168 tat-tieni sentenza appellata, il-Kummissjoni tallega li l-konklużjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hija wkoll żbaljata. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-argumenti li hija diġà invokat fl-ewwel żewġ partijiet ta’ dawn l-aggravji. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-fatti peress li, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-vantaġġ kompetittiv deskritt mill-Kummissjoni huwa mhux biss dak tal-operaturi li kkonkludew kuntratti magħha stess, iżda wkoll dak tal-kompetituri l-oħra tagħhom.

95.      L-appellati jsostnu li t-tieni parti ta’ dawn l-aggravji għandha tiġi miċħuda.

b)      Evalwazzjoni

96.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens kienu jaqgħu taħt id-“dominju pubbliku”, nikkonstata li l-Kummissjoni stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, filwaqt li, ħlief fil-każ fejn appellat jinvoka żnaturament tal-fatti, li ma huwiex il-każ hawnhekk, l-argumenti dwar il-fatti mqajma minnha għandhom jitqiesu li huma inammissibbli (39).

97.      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ikklassifikat bħala “globalment simili” l-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens li jinsabu fid-diversi kuntratti, nirrileva li dan l-argument jikkonċerna wkoll l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, tali argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 164 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 167 tat-tieni sentenza appellata ma jidhirx li jikkontradiċi dak espost fil-punt 155 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 158 tat-tieni sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali osservat li l-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet huma “globalment simili fil-ftehimiet inkwistjoni” fir-rigward tas-sitwazzjonijiet preċiżi li fihom ġie miftiehem li l-kumpens mill-Istat Membru ma huwiex applikabbli.

98.      It-tielet nett, fir-rigward tal-punt 165 tal-ewwel sentenza appellata u tal-punt 168 tat-tieni sentenza appellata, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dawn l-aggravji għandhom jiġu miċħuda, fejn għalhekk il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab f’dawn il-punti ma hijiex ta’ natura żbaljata. Min-naħa l-oħra, il-punt 2.1.4 tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża u l-punt 2.2.4 tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża (40) kienu jsemmu l-“kompetituri li l-kuntratti tagħhom ma fihomx klawżola ta’ kumpens”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Issa, mill-punt 162 tal-ewwel sentenza appellata u mill-punt 165 tat-tieni sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali indikat li t-tieni raġuni indikata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi għar-rifjut ta’ żvelar sħiħ tal-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens kienet tagħmel riferiment għall-kompetituri tal-impriża kkonċernata, inklużi dawk li ma jipproduċux vaċċini. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali korrettament ħadet ir-raġuni tal-Kummissjoni inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, fil-punt 165 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 168 tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li l-impriżi kkonċernati kollha kienu jibbenefikaw, għal raġuni identifikata u leġittima, minn stipulazzjoni dwar il-kumpens, id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kien fihom ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li, fil-każ ta’ żvelar usa’ tal-istipulazzjoni dwar il-kumpens, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari billi jingħata vantaġġ kompetittiv lil dawn l-impriżi bejniethom, kien, fid-data tal-adozzjoni tagħha, raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Permezz tal-użu tal-kliem “bejniethom”, il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati u l-impriżi farmaċewtiċi l-oħra, fosthom dawk li ma kinux jipproduċu vaċċini li jissodisfaw l-argument tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-fatti sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha.

99.      Għalhekk, jien tal-opinjoni li t-tieni parti ta’ dawn l-aggravji għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

3.      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ir-riperkussjonijiet fuq ir-reputazzjoni tal-impriżi kkonċernati

a)      L-argumenti tal-partijiet

100. Il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tat-tielet raġuni invokata fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, jiġifieri li għarfien preċiż tal-limiti tar-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq ir-reputazzjoni tagħhom fost il-konsumaturi u l-imsieħba kummerċjali potenzjali tagħhom, il-Qorti Ġenerali ċaħditha fil-punt 168 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 171 tat-tieni sentenza appellata, billi rreferiet għall-istess argumenti bħal dawk esposti, rispettivament, fil-punti 163 sa 165 u fil-punti 166 sa 168 ta’ dawn is-sentenzi. Skont il-Kummissjoni, tali riferiment, ifformulat f’termini daqstant ġenerali, imur kontra l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Qorti Ġenerali.

101. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha kif ukoll il-kuntest li fih ġew adottati d-deċiżjonijiet kontenzjużi, billi eskludiet li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess ma kinux atti unilaterali tal-Kummissjoni iżda kuntratti kummerċjali, li seta’ kien fihom informazzjoni kunfidenzjali kemm dwar l-impriżi kkonċernati kif ukoll dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, u li dawn il-kuntratti kellhom l-għan speċifiku li jirregolaw l-obbligi reċiproċi bejn il-partijiet kontraenti fir-rigward tal-kunsinna ta’ prodott kummerċjali lill-Istati Membri.

102. L-appellati jqisu li l-ewwel parti ta’ dawn l-aggravji għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata. L-appellati jikkontestaw l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

b)      Evalwazzjoni

103. Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenzi appellati relatata mar-riperkussjonijiet fuq ir-reputazzjoni tal-impriżi kkonċernati mal-konsumaturi u mal-imsieħba kummerċjali potenzjali tagħhom, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u individwali r-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża, peress li l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li din tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (41).

104. Issa, mill-punt 168 tal-ewwel sentenza appellata u mill-punt 171 tat-tieni sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali qieset li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq ir-riperkussjonijiet fuq ir-reputazzjoni tal-impriżi kkonċernati kien infondat, sa fejn dan kien jistrieħ fuq l-istess raġunijiet relatati mar-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali bħal dawk diġà invokati fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dawn l-aggravji. Għalhekk, il-motivazzjoni f’dawn il-punti tippermetti, suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, li jsiru magħrufa r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument. Għaldaqstant l-imsemmi punti ma humiex ivvizzjati minn motivazzjoni insuffiċjenti.

105. Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet preżentazzjoni inkompleta tal-fatti rilevanti, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest jew in-natura kummerċjali tal-kuntratti inkwistjoni, il-Kummissjoni ma identifikat ebda silta mis-sentenzi appellati li fiha l-Qorti Ġenerali għamlet tali żnaturament. Għalhekk, din l-allegazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, nikkonstata li, fil-punt 106 tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi, il-kuntratti inkwistjoni kienu ta’ importanza ċerta, li setgħu kienu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali sensittiva relatata mal-impriżi kkonċernati u mar-relazzjonijiet tagħhom ta’ negozju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 ta’ din is-sentenza. Fil-punt 33 tal-ewwel sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għall-istess ġurisprudenza.

106. Għaldaqstant, inqis li t-tielet parti ta’ dawn l-aggravji għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

107. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li t-tieni aggravju fil-Kawża C‑631/24 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑632/24 P huma parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

VII. Konklużjoni

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju fil-Kawża C‑631/24 P kif ukoll it-tieni u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑632/24 P.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).


4      Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 tal‑14 ta’ April 2020 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369 u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu filwaqt li jqis it-tifqigħa tal-COVID‑19 (ĠU 2020, L 117, p. 3).


5      Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal‑15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU 2016, L 70, p. 1).


6      COM(2020) 245 final.


7      Skont din id-dispożizzjoni, l-aċċess għal dokument, miktub minn istituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn istituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku ogħla fl-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.


8      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Proċessar ta’ applikazzjonijiet konfermatorji” jiddikjara, fil-paragrafu 3 tiegħu, li “[n]uqqas mill-istituzzjoni li twieġe[b] fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE”.


9      Ara, għal preżentazzjoni iktar iddettaljata tad-dokumenti kkonċernati, il-punt 12 tal-ewwel sentenza appellata.


10      Ara, għal preżentazzjoni iktar iddettaljata tal-applikazzjoni inizjali 2, il-punt 7 tat-tieni sentenza appellata.


11      Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Lulju 2015, Dennekamp vs Il‑Parlament (T‑115/13, EU:T:2015:497, punt 61).


12      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50).


13      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth u PAN Europe vs EFSA (C‑615/13 P, iktar ’il quddiem is-sentenza “ClientEarth”, EU:C:2015:489).


14      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 49).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 57).


16      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


17      Skont din id-dispożizzjoni “[a]pplikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument. L-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni”.


18      Skont din il-premessa, “[m]eta r-riċevituri [destinatarji] stabbiliti fl-Unjoni għajr l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jkunu jixtiequ li tintbagħtilhom id-data personali tagħhom mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni, jenħtieġ li dawk ir-riċevituri juru li jew it-trażmissjoni tad-data lil dawn ir-riċevituri hija neċessarja għat-twettiq tal-kompitu tagħhom imwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lilhom. Inkella, jenħtieġ li dawk ir-riċevituri juru li huwa neċessarju li tiġi trażmessa d-data għall-ilħuq ta’ fini speċifiku fl-interess pubbliku u jenħtieġ li l-kontrollur jistabbilixxi jekk ikunx hemm raġuni biex wieħed jassumi li l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu ppreġudikati. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-kontrollur iqis b’mod dimostrabbli d-diversi interessi f’kunflitt sabiex tiġi vvalutata l-proporzjonalità tat-trażmissjoni tad-data rikjesta. Il-fini speċifiku fl-interess pubbliku jista’ jkollu x’jaqsam mat-trasparenza tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.”


19      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punti 74 sa 76).


20      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229, rettifika fil-ĠU 2023, L 92, p. 31), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1027/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 316, p. 38).


21      L-aħħar paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li “[m]embri tal-Bord Amministrattiv, membri tal-kumitati, relaturi u esperti li jipparteċipaw f’laqgħat jew fi gruppi ta’ ħidma ta’ l-Aġenzija, f’kull laqgħa, għandhom jiddikjaraw kull interess speċifiku li jista’ jkun ikkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fir-rigward tal-punti fuq l-aġenda. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku” (korsiv miżjud minni).


22      T‑115/13, EU:T:2015:497, punt 61.


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Landeshauptstadt Wiesbaden (C‑61/22, EU:C:2024:251, punti 83 u 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex (C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punti 54 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara l-punti 62 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912.


28      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Il‑Kummissjoni vs Pollinis France (C‑726/22 P, EU:C:2025:17, punti 61 sa 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara l-punt 146 tal-ewwel sentenza appellata u l-punt 150 tat-tieni sentenza appellata.


30      F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, anki jekk il-fatt li kumpannija tkun esposta għal azzjonijiet għal kumpens jista’ mingħajr dubju jkollu bħala konsegwenza li jkun hemm spejjeż għoljin, kemm f’termini ta’ riżorsi ekonomiċi, ta’ żmien jew ta’ persunal, inkluż fil-każ fejn tali azzjonijiet jiġu sussegwentement miċħuda bħala infondati, id-dritt tat-terzi potenzjalment leżi minn vaċċin difettuż li jippreżentaw rikorsi għad-danni kontra l-impriżi kkonċernati huwa bbażat fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 210, p. 29), fejn dan id-dritt għal azzjoni legali huwa indipendenti mill-eżistenza u mill-kontenut tal-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens.


31      Il-Qorti Ġenerali qieset, f’dawn il-punti, li l-interess tal-impriżi kkonċernati li jevitaw azzjonijiet għal kumpens, fil-każ li dawn ikunu effettivament ipproduċew u qiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni vaċċin difettuż, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “interess kummerċjali” u, fi kwalunkwe każ, ma jikkostitwixxix interess li jistħoqqlu protezzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt li għandha kull persuna li titlob kumpens għad-dannu li jkun ikkawżalha prodott difettuż.


32      F’dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li “ix-xewqa li jevitaw li jiġu esposti għal spejjeż ogħla relatati ma’ proċedura ġudizzjarja ma tikkostitwixxix interess protett skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2019, Intercept Pharma u Intercept Pharmaceuticals vs EMA, T‑377/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:456, punti 55 u 56).


33      Skont dawn il-punti, id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma fihom ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-iżvelar usa’ tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-impriżi kkonċernati jista’ jkun ir-raġuni għalfejn ġew ippreżentati rikorsi kontra dawn tal-aħħar.


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva 85/374, moqrija fid-dawl tal-ewwel premessa tagħha, jistabbilixxu l-prinċipju ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija tal-produttur li l-bażi tiegħu hija d-difett fil-prodott, iddefinit, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bħala nuqqas ta’ sigurtà ta’ dan il-prodott – sigurtà li l-konsumatur ikun leġittimament intitolat li jistenna fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Sanofi Pasteur, C‑338/24, EU:C:2026:248, punt 29).


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Intercept Pharma u Intercept Pharmaceuticals vs EMA (C‑576/19 P, EU:C:2020:873, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


37      Għalhekk, fil-kuntest tal-appell tagħha fil-Kawża C‑631/24 P, il-Kummissjoni ssostni li pprovdiet ċifri fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża li tat lok għall-ewwel sentenza appellata. Madankollu, mis-silta msemmija f’din ir-risposta jirriżulta li l-Kummissjoni sempliċement affermat li r-“riskju ta’ tilwima ta’ daqs kbir imressqa minn konsumaturi kontra produtturi ta’ vaċċini ma huwiex astratt u li, fid-dawl tal-fatt li, attwalment, iktar minn 70 % tal-Ewropej (jiġifieri 447.2 miljun persuna) irċevew mill-inqas doża waħda ta’ vaċċin, dan ir-riskju jikkonsisti f’konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi ħafna għal kontraent wieħed”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


38      Skont dawn il-punti tas-sentenzi appellati, ir-raġuni għalfejn l-istipulazzjonijiet dwar il-kumpens ġew integrati fil-kuntratti inkwistjoni, jiġifieri li jiġu kkumpensati r-riskji sostnuti mill-impriżi kkonċernati marbuta mat-tqassir tat-terminu għall-iżvilupp tal-vaċċini, kienet taqa’ taħt id-dominju pubbliku qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.


39      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Anglo Austrian AAB vs BĊE u Far-East (C‑579/22 P, EU:C:2024:731, punt 120 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


40      Dawn il-punti kienu jiddikjaraw li “l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar il-kumpens, b’mod partikolari dawk li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet eżatti li fihom il-fornitur ma jistax jirrikorri għall-kumpens, jiżvela inevitabbilment lill-kompetituri tal-fornitur – jiġifieri l-kumpanniji farmaċewtiċi kollha, inklużi dawk li ma jipproduċux vaċċini – id-‘dgħufijiet’ fil-kopertura tar-responsabbiltà potenzjali tiegħu u jipprovdilhom vantaġġ kompetittiv li huma jistgħu jisfruttaw iktar ’il quddiem (f’reklami, reklamar komparattiv, eċċ.). Evidentement, dan huwa l-każ għall-kompetituri li l-kuntratti tagħhom huma nieqsa minn klawżola ta’ kumpens, iżda li l-kopertura tagħhom permezz ta’ assigurazzjoni ġenerali fil-każ ta’ responsabbiltà għal prodotti difettużi hija fid-dominju pubbliku”.


41      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, EUIPO vs Indo European Foods (C‑801/21 P, EU:C:2024:528, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).