European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1712

21.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1712

tal-20 ta’ Lulju 2026

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 fir-rigward tat-termini tal-awtorizzazzjoni tal-estratti rikki fil-luteina u tal-luteina/taż-żeaksantina mit-Tagetes erecta bħala addittivi tal-għalf għall-pollam (għajr dundjani) tas-simna u tal-bajd u għall-ispeċijiet ta’ pollam minuri tas-simna u tal-bajd u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1928 fir-rigward tat-termini tal-awtorizzazzjoni tal-estratt rikk fil-luteina tat-Tagetes erecta L. għad-dundjani tas-simna

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni u għall-modifika tagħha.

(2)

L-estratti rikki fil-luteina u tal-luteina/taż-żeaksantina mit-Tagetes erecta ġew awtorizzati għal 10 snin bħala addittivi tal-għalf għall-pollam (għajr dundjani) tas-simna u tal-bajd u għall-ispeċijiet ta’ pollam minuri tas-simna u tal-bajd bir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1097 (2). Barra minn hekk, preparat ta’ estratt rikk fil-luteina mit-Tagetes erecta L. kien awtorizzat għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għad-dundjani tas-simna bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1928 (3).

(3)

Fil-kuntest tat-tressiq tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ użu ġdid tal-addittiv tal-estratt rikk fil-luteina mit-Tagetes erecta fl-għalf għad-dundjani tas-simna f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, fl-opinjoni tagħha tat-18 ta’ Settembru 2024 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) qieset li l-proċess tal-manifattura u l-kompożizzjoni tal-addittiv ma nbidlux b’mod sostanzjali meta mqabbla mal-estratt rikk fil-luteina kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097. L-ewwel parti tal-proċess tal-manifattura, li hija simili għal dik użata għall-produzzjoni tal-estratt tal-luteina/taż-żeaksantina, kif imsemmi fl-opinjoni tal-Awtorità tat-3 ta’ April 2019 (5), hija l-estrazzjoni bl-eżan tal-petali tal-fjuri mnixxfa tal-Tagetes erecta. Fl-opinjoni tagħha tat-18 ta’ Settembru 2024 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-addittiv tal-estratt rikk fil-luteina, l-Awtorità rrakkomandat li jenħtieġ li l-preżenza tal-eżan fl-addittiv tkun taħt il-limitu ta’ 290 mg/kg tal-Linja Gwida tal-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar l-Armonizzazzjoni tar-Rekwiżiti Tekniċi għar-Reġistrazzjoni tal-Prodotti Mediċinali Veterinarji (VICH). Fil-laqgħa plenarja tagħha tal-Bord dwar l-Addittivi u l-Prodotti jew is-Sustanzi użati fl-Għalf tal-Annimali (“FEEDAP”) bejn l-24 u s-26 ta’ Ġunju 2025 (6), l-Awtorità ddikjarat li l-istess rakkomandazzjoni tapplika wkoll għall-estratt tal-luteina/taż-żeaksantina attwalment awtorizzat fl-Unjoni.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-addittivi tal-estratti rikki fil-luteina u tal-luteina/taż-żeaksantina mit-Tagetes erecta xorta jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjoni rigward il-limitu ta’ 290 mg/kg tal-eżan f’dawk l-addittivi tiġi riflessa fl-awtorizzazzjonijiet rispettivi mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097, u jenħtieġ li l-eżan jissemma bħala solvent użat fl-estrazzjoni matul il-proċess tal-manifattura. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 jiġi emendat kif xieraq.

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 jipprevedi wkoll li l-addittivi tal-estratt rikk fil-luteina u tal-luteina/taż-żeaksantina mit-Tagetes erecta jitħallew jiġu introdotti fis-suq u jintużaw bħala addittiv li jikkonsisti fi preparat, iżda l-kompożizzjoni ta’ dawn il-preparati bi żball ma ġietx speċifikata fit-termini tal-awtorizzazzjoni. Jenħtieġ li tiġi prevista deskrizzjoni aktar preċiża tal-addittivi awtorizzati bħala preparati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097, billi jiġi speċifikat li l-kompożizzjoni tal-addittivi tinkludi kontenut totali ta’ karotenojdi ta’ 0,5 % jew aktar, kif speċifikat fl-opinjoni tal-Awtorità tat-3 ta’ April 2019. Jixraq ukoll li jiġu indikati l-forom possibbli tal-preparati, li jistgħu jkunu likwidi jew solidi, minflok il-forma tas-sustanza attiva. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 jiġi kkoreġut kif xieraq.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 jipprevedi wkoll li jenħtieġ li t-taħlita tal-addittivi tal-estratt rikk fil-luteina u tal-luteina/taż-żeaksantina mit-Tagetes erecta ma’ karotenojdi u ma’ ksantofilli awtorizzati oħra ma taqbiżx il-kontenut massimu stabbilit għall-kategoriji tal-annimali korrispondenti. Jenħtieġ li dik id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-ksantofilli, f’konformità mar-rakkomandazzjoni fl-opinjoni tal-Awtorità tat-3 ta’ April 2019, peress li l-ksantofilli huma sottogrupp tal-karotenojdi. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 jiġi kkoreġut kif xieraq.

(7)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 ġie kkoreġut bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/420 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tiegħu. It-tmiem tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni nbidel bi żball għat-30 ta’ Settembru 2031, filwaqt li ma kellux jiġi mmodifikat. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 jiġi kkoreġut kif xieraq.

(8)

L-awtorizzazzjoni tal-addittiv tal-estratt rikk fil-luteina mit-Tagetes erecta bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1928 tipprevedi termini simili għall-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv u għalhekk jenħtieġ li tinkludi l-istess numru ta’ identifikazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1928 jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Fil-15 ta’ Jannar 2025, il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 aġġorna r-rapport dwar il-metodi ta’ analiżi tal-luteina. Il-metodu l-ġdid japplika wkoll għall-estratti rikki fil-luteina u tal-luteina/taż-żeaksantina mit-Tagetes erecta kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 jiġi emendat kif xieraq.

(10)

Billi r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-addittivi tal-estratti rikki fil-luteina u tal-luteina/taż-żeaksantina mit-Tagetes erecta, jixraq li jiġi previst perjodu tranżitorju biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom ħalli jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw minn dawk il-modifiki.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Korrezzjoni u emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097 huwa sostitwit bl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1928

Fl-ewwel kolonna tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1928, in-numru ta’ identifikazzjoni “2a161bii” huwa sostitwit b’“2a161b”.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-addittiv tal-għalf tal-estratt rikk fil-luteina mit-Tagetes erecta u tal-estratt rikk fil-luteina u tal-luteina/taż-żeaksantina mit-Tagetes erecta kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1097, u l-addittiv tal-għalf tal-estratt rikk fil-luteina mit-Tagetes erecta L., kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1928, u l-premixxeli li fihom dak l-addittiv, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel l-10 ta’ Frar 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel l-10 ta’ Awwissu 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmija fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel l-10 ta’ Awwissu 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel l-10 ta’ Awwissu 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1097 tal-24 ta’ Lulju 2020 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-estratti rikki tal-luteina u taż-żeaksantina mit-Tagetes erecta bħala addittivi tal-għalf għall-pollam (għajr dundjani) tas-simna u tal-bajd u għall-ispeċijiet ta’ pollam minuri tas-simna u tal-bajd (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 241, 27.7.2020, p. 23; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1097/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1928 tal-25 ta’ Settembru 2025 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparat tal-estratt rikk fil-luteina tat-Tagetes erecta L. bħala addittiv tal-għalf għad-dundjani tas-simna (ĠU L, 2025/1928, 26.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1928/oj).

(4)   EFSA Journal, 22(10), e9027. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.9027.

(5)   EFSA Journal 2019;17(5):5698. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5698.

(6)   Minutes of the 183rd Plenary meeting of 24-26 June 2025 of the Scientific Panel on Additives and Products or Substances used in animal feed.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimali

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg ta’ karotenojdi totali/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Koloranti. (ii) sustanzi li, meta jiġu mitmugħa lill-annimali, iżidu l-kuluri mal-ikel li joriġina mill-annimali

2a161b

Estratt rikk fil-luteina

Kompożizzjoni tal-addittiv:

Preparat tal-estratt rikk fil-luteina mit-Tagetes erecta L. b’karotenojdi totali ≥ 0,5 %

Benżen ≤ 2 mg/kg

Eżan ≤ 290 mg/kg

Forma solida jew likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

Luteina minn estratt saponifikat mit-Tagetes erecta L. (petali tal-fjuri mnixxfin) miksuba permezz tal-estrazzjoni bl-eżan u tas-saponifikazzjoni:

—

Karotenojdi totali (TC): ≥ 60 g/kg

—

Luteina ≥ 75 % tal-karotenojdi totali (TC)

—

Żeaksantina ≥ 4 % tal-karotenojdi totali (TC)

Formula kimika: C40H56O2

Numru CAS 127-40-2 (luteina)

Numru CAS 144-68-3 (żeaksantina)

Numru CoE: 494

Metodu analitiku  (1)

Biex jiġu ddeterminati l-luteina, iż-żeaksantina u l-karotenojdi totali fl-addittiv tal-għalf:

—

Kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja (HPLC) bi spettrofotometrija — il-monografija tal-FAO JECFA “Lutein from Tagetes erecta”, Combined Compendium of Food Additive Specifications

Biex jiġu ddeterminati l-karotenojdi totali (inkluż il-luteina) fil-premixxeli u fl-għalf kompost:

—

Kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja (HPLC) b’fażi inversa abbinata ma’ detezzjoni tal-UV — EN 17550

It-tiġieġ tas-simna u l-pollam minuri tas-simna

–

–

80

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, il-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana għandhom jiġu indikati.

2.

It-taħlita tal-estratt rikk fil-luteina ma’ karotenojdi awtorizzati oħra ma għandhiex taqbeż kontenut tal-karotenojdi totali ta’ 80 mg/kg ta’ għalf komplet.

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali u l-miżuri ta’ organizzazzjoni biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati jew jitnaqqsu għal-livell minimu permezz ta’ tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir personali protettiv, inkluż bi protezzjoni tal-għajnejn u tal-ġilda

16.8.2030

Tiġieġ tal-bajd u pollam minuri tal-bajd

–

–

80

2a161bi

Estratt tal-luteina/taż-żeaksantina

Kompożizzjoni tal-addittiv:

Preparat tal-estratt tal-luteina/taż-żeaksatina mit-Tagetes erecta L. b’karotenojdi totali ≥ 0,5 %

Benżen ≤ 2 mg/kg

Eżan ≤ 290 mg/kg

Forma solida jew likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

Estratt tal-luteina/taż-żeaksantina saponifikata/isomerizzata mill-petali tal-fjuri mnixxfin mit-Tagetes erecta L. miksuba permezz ta’ estrazzjoni, saponifikazzjoni u isomerizzazzjoni:

—

Karotenojdi totali (TC): ≥ 60 g/kg

—

Luteina ≥ 37 % tat-TC;

—

Żeaksantina ≥ 36 % tat-TC.

Numru CAS 127-40-2 (luteina)

Numru CAS 144-68-3 (żeaksantina)

Numru CoE: 494

Formula kimika: C40H56O2

Metodu analitiku  (1)

Biex jiġu ddeterminati l-luteina, iż-żeaksantina u l-karotenojdi totali fl-addittiv tal-għalf:

—

Kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja (HPLC) bi spettrofotometrija — il-monografija tal-FAO JECFA “Lutein from Tagetes erecta”, Combined Compendium of Food Additive Specifications

Biex jiġu ddeterminati l-karotenojdi totali (inkluż il-luteina) fil-premixxeli u fl-għalf kompost:

—

Kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja (HPLC) b’fażi inversa abbinata ma’ detezzjoni tal-UV — EN 17550

It-tiġieġ tas-simna u l-pollam minuri tas-simna

–

–

80

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, il-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana għandhom jiġu indikati.

2.

It-taħlita tal-estratt tal-luteina/taż-żeaksantina ma’ karotenojdi awtorizzati oħra ma għandhiex taqbeż kontenut tal-karotenojdi totali ta’:

a.

80 mg/kg ta’ għalf komplet għat-tiġieġ tas-simna, għall-pollam minuri tas-simna u għat-tiġieġ tal-bajd.

b.

50 mg/kg ta’ għalf komplet għall-pollam minuri tal-bajd.

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali u l-miżuri ta’ organizzazzjoni biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati jew jitnaqqsu għal-livell minimu permezz ta’ tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir personali protettiv, inkluż bi protezzjoni tal-għajnejn u tal-ġilda.

16.8.2030

Tiġieġ tal-bajd

–

–

80

Pollam minuri tal-bajd

–

–

50

(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1712/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)