|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2219 |
9.9.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2219
tas-6 ta’ Settembru 2024
li jittermina r-rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament anti-dumping bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Miżuri fis-seħħ
|
(1) |
Fit-18 ta’ Ottubru 2018, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”). Id-dazju anti-dumping varja bejn EUR 42,73 għal kull unità u EUR 61,76 għal kull unità. L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”. |
|
(2) |
Wara kontestazzjoni mressqa minn China Rubber Industry Association u China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters, fl-4 ta’ Mejju 2022 il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenza tagħha fil-Kawżi T-30/19 u T-72/19 (3) (“is-sentenza tal-Qorti”), annullat ir-Regolament oriġinali fir-rigward ta’ diversi produtturi esportaturi. |
|
(3) |
Wara s-sentenza tal-Qorti, il-Kummissjoni reġgħet fetħet l-investigazzjoni u fl-4 ta’ April 2023, il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq diversi produtturi esportaturi permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/737 (4) (“it-Tieni Regolament”). |
|
(4) |
Id-dazji anti-dumping attwalment fis-seħħ ivarjaw bejn EUR 0 għal kull unità u EUR 35,74 għal kull unità. GITI Tire (Anhui) Company Ltd.; GITI Tire (Fujian) Company Ltd.; GITI Tire (Hualin) Company Ltd. u GITI Tire (Yinchuan) Company Ltd. huma attwalment soġġetti għal dazju anti-dumping ta’ EUR 35,74 għal kull unità. |
1.2. Talba għal rieżami interim parzjali limitat għad-dumping
|
(5) |
Fis-16 ta’ Awwissu 2021, il-GITI Group (“l-applikant”) ressaq talba għal bidla fl-isem li kienet tikkonċerna lill-produttur esportatur GITI Tire (Anhui) Company Ltd. L-applikant talab biex l-isem GITI Tire (Anhui) Company Ltd. jinbidel għal GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. fir-Regolament oriġinali peress li dan tal-aħħar kien ħa f’idejh l-operazzjonijiet ta’ dak tal-ewwel. Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jimla kwestjonarju stabbilit għal bidla fl-isem. L-applikant ippreżenta t-tweġiba għall-kwestjonarju sal-iskadenza stabbilita għal dak il-għan. |
|
(6) |
L-applikant spjega li f’April 2021 kien iddeċieda li jirristruttura xi wħud mill-operazzjonijiet tiegħu fiċ-Ċina, b’mod partikolari billi jgħaqqad tliet kumpaniji f’GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd: GITI Tire (Anhui) Company Ltd.; GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. u Anhui GITI Tire Retreading Company Ltd. |
|
(7) |
Wara aktar skambji, il-Kummissjoni infurmat lill-applikant li t-talba għal bidla fl-isem ma kinitx il-proċedura xierqa li għandha tiġi segwita sabiex jiġi vvalutat il-proċess ta’ ristrutturar deskritt mill-applikant, li permezz tiegħu l-produttur esportatur GITI Tire (Anhui) Company Ltd. b’kodiċi addizzjonali TARIC C332 jiġi kkanċellat fi tmiem il-proċess ta’ fużjoni. Il-Kummissjoni spjegat li biex jiġi vvalutat il-proċess ta’ ristrutturar se tkun meħtieġa investigazzjoni ta’ rieżami interim. |
|
(8) |
Fit-8 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11 tar-Regolament anti-dumping bażiku mill-GITI Group (“l-applikant”). It-talba kienet li jiġi eżaminat jekk ir-ristrutturar tal-GITI Group jenħtieġx li jirriżulta fil-kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dumping għall-applikant u biex l-isem tal-produttur esportatur GITI Tire (Anhui) Company Ltd. jinbidel għal GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. GITI. |
1.3. Bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat għad-dumping
|
(9) |
Wara li ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li kien hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat fl-ambitu għall-eżami tad-dumping sa fejn kien ikkonċernat l-applikant, fil-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11 tar-Regolament anti-dumping bażiku permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) (“in-Notifika ta’ Bidu”). |
1.4. Rieżami ta’ skadenza parallel
|
(10) |
Fl-20 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni kienet bdiet rieżami ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-RPĊ skont l-Artikolu 11 tar-Regolament anti-dumping bażiku. Ir-rieżami ta’ skadenza ntalab mill-Coalition Against Unfair Tyres Imports, assoċjazzjoni ad hoc ta’ produtturi Ewropej f’isem l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament anti-dumping bażiku. L-investigazzjoni taħt ir-rieżami ta’ skadenza għadha għaddejja. |
1.5. Investigazzjoni
|
(11) |
L-investigazzjoni relatata mar-rieżami interim parzjali limitat għad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). |
|
(12) |
Il-Kummissjoni infurmat lill-applikant, lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lill-industrija tal-Unjoni bil-bidu tal-investigazzjoni tar-rieżami interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjoni tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-GITI Group sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha. Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, il-Kummissjoni qablet mal-proposta tal-applikant li juża t-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarji ppreżentati fl-ambitu tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza. Waslu tweġibiet fi żmien l-iskadenza stipulata għal dan il-għan. |
2. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
2.1. Prodott ikkonċernat
|
(14) |
Il-prodott taħt rieżami huwa l-istess bħal fir-Regolament oriġinali u fit-tieni Regolament, jiġifieri ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 4011 20 90 u ex 4012 12 00 (il-kodiċi TARIC 4012 12 00 10) u li joriġinaw mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”). |
2.2. Prodott simili
|
(15) |
Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, il-prodott ikkonċernat u l-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi u użi bażiċi. |
|
(16) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma simili fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament anti-dumping bażiku. |
3. IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKOSTANZI MIBDULA
|
(17) |
Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament anti-dumping bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iċ-ċirkostanzi li fuq il-bażi tagħhom ġew stabbiliti l-miżuri attwali nbidlux b’mod sinifikanti u jekk dan it-tibdil kienx ta’ natura dejjiema. |
|
(18) |
L-applikant irrapporta li f’Ġunju 2023, GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd., li tinsab ħdejn GITI Tire (Anhui) Company Ltd., kienet lestiet l-assorbiment ta’ tliet kumpaniji oħra tal-GITI Group, jiġifieri: (i) GITI Tire (Anhui) Company Ltd.; (ii) Anhui Prime Cord Fabrics Company Ltd. u (iii) Anhui GITI Tire Retreading Company Ltd. Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni kienet investigat dawn il-kumpaniji kollha minbarra Anhui GITI Tire Retreading Company Ltd. GITI Tire (Anhui) Company Ltd. kienet waħda mill-produtturi esportaturi filwaqt li GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. u Anhui Prime Cord Fabrics Company Ltd. ipprovdew il-materjali tal-input. Fuq il-bażi tal-evidenza ppreżentata mill-applikant, il-kumpanija fuża li tirriżulta se tkompli fil-biċċa l-kbira twettaq l-istess attivitajiet ta’ produzzjoni u provvista bħall-kumpaniji investigati oriġinarjament. L-applikant irrapporta wkoll bidliet korporattivi oħra li jaffettwaw diversi kumpaniji fil-GITI Group. Il-bidliet jinvolvu l-aktar (i) bidliet fil-livell tal-attività tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi u tal-fornituri tal-materjal tal-input u (ii) bidliet korporattivi żgħar. |
|
(19) |
Fl-investigazzjoni oriġinali, il-valur normali ġie kkalkulat fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar il-prezz u l-kost mill-pajjiż analogu magħżul u ma kienx jiddependi fuq il-prezzijiet jew il-kostijiet domestiċi Ċiniżi. Għalhekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li r-ristrutturar intern u l-bidliet korporattivi rrapportati l-oħra tal-GITI Group fiċ-Ċina huma ta’ xi rilevanza. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-kanali tal-bejgħ inbidlu b’mod sinifikanti, u għalhekk il-prezz tal-esportazzjoni, billi l-grupp għadu qed jesporta permezz tan-negozjant relatat tiegħu u l-ispejjeż tal-bejgħ dirett ta’ GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. u GITI Tire (Anhui) Company Ltd. huma l-istess għax jinsabu ħdejn xulxin. Għalhekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-bidliet irrapportati fir-ristrutturar u l-bidliet korporattivi minuri l-oħra biddlu ċ-ċirkostanzi fir-rigward tad-dumping u li modifika tal-miżuri anti-dumping tkun iġġustifikata fuq dik il-bażi. |
|
(20) |
Fid-dawl tal-fużjoni deskritta hawn fuq, l-applikant talab li r-referenzi għal GITI Tire (Anhui) Company Ltd. jinbidlu għal GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. fit-tieni Regolament. L-evidenza ppreżentata mill-applikant turi li l-assorbiment ta’ GITI Tire (Anhui) Company Ltd. ġie ffinalizzat mis-6 ta’ Lulju 2023, il-jum meta GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. kisbet il-liċenzja tan-negozju l-ġdida tagħha, wara li ppreżentat applikazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti fl-20 ta’ Ġunju 2023. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/737 jiġi emendat biex jirrifletti l-akkwist tal-attivitajiet tal-produzzjoni ta’ GITI Tire (Anhui) Company Ltd. minn GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. u li tattribwixxi l-kodiċi TARIC addizzjonali C332 lil GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. |
|
(21) |
L-applikant ingħata l-opportunità jikkummenta dwar dan ir-Regolament. L-applikant argumenta kontra li tiġi tterminata l-investigazzjoni għal żewġ raġunijiet. |
|
(22) |
L-ewwel argument tal-applikant kien li l-Kummissjoni kienet talbet lill-applikant jitlob rieżami interim sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkalkula mill-ġdid il-marġni tad-dumping fid-dawl tal-bidliet korporattivi li l-GITI Group kellu l-intenzjoni li jwettaq. Fir-rigward ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni kienet infurmat lill-GITI Group li, abbażi tal-informazzjoni riċevuta f’dak l-istadju, il-proċedura ta’ bidla fl-isem mitluba inizjalment ma dehritx li kienet xierqa biex jiġu analizzati l-bidliet korporattivi intenzjonati. Il-Kummissjoni kienet infurmat lill-applikant li jkun meħtieġ li jintalab rieżami interim ladarba l-bidliet korporattivi jiġu implimentati b’mod effettiv. Madankollu, il-Kummissjoni ma indikatx li l-kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dumping ikun meħtieġ. L-iskop tar-reviżjoni interim kien li jiġi vvalutat jekk il-bidliet korporattivi kinux qegħdin jagħtu lok għal kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dumping. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dawk il-bidliet ma kinux jiġġustifikaw il-kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dumping, u għalhekk il-Kummissjoni laqgħet it-talba oriġinali għall-bidla fl-isem. |
|
(23) |
It-tieni argument tal-applikant kien li l-kanali tal-bejgħ kienu nbidlu, peress li l-GITI Group ma kienx għadu juża l-importaturi relatati stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali. Għaldaqstant, fil-fehma tal-applikant, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tibqax tirrikorri għal prezz tal-esportazzjoni maħdum, f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament anti-dumping bażiku, għad-determinazzjoni tal-livell ta’ dumping. Fir-rigward tat-tieni argument, il-Kummissjoni tinnota li waħda mill-bidliet irrapportati rreferiet għal importatur relatat barra mill-Unjoni u, għalhekk, tali data ma għadhiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-livell ta’ dumping fl-Unjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-GITI Group ma għadux ibigħ il-prodott ikkonċernat permezz ta’ negozjant relatat fl-Unjoni, il-Kummissjoni nnotat li fl-investigazzjoni oriġinali l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni sar mill-istess kanali tal-bejgħ. Il-perċentwal tal-bejgħ li sar mill-importatur relatat fl-Unjoni ma kienx sinifikanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat ulterjorment, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, li l-importatur relatat għadu attiv u jipprovdi servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni lill-GITI Group. Peress li l-GITI Group xorta jista’ juża dan l-importatur relatat bħala kanali tal-bejgħ fi kwalunkwe ħin, il-fatt li bħalissa mhux qiegħed jintuża ma jitqiesx bħala bidla sinifikanti ta’ natura dejjiema. |
4. TERMINAZZJONI TAL-INVESTIGAZZJONI
|
(24) |
Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien intenzjonat li din l-investigazzjoni tiġi tterminata u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. |
|
(25) |
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li r-rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping dwar l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw miċ-Ċina, limitati għall-applikant, jenħtieġ li jiġi tterminat. |
|
(26) |
Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/737 huwa emendat kif ġej:
|
“GITI Tire (Anhui) Company Ltd; GITI Tire (Fujian) Company Ltd; GITI Tire (Hualin) Company Ltd; GITI Tire (Yinchuan) Company Ltd |
35,74 |
C332” |
huwa sostitwit bi
|
“GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd.; GITI Tire (Fujian) Company Ltd.; GITI Tire (Hualin) Company Ltd.; GITI Tire (Yinchuan) Company Ltd. |
35,74 |
C332” |
2. Il-kodiċi addizzjonali TARIC C332 li qabel kien attribwit lil GITI Tire (Anhui) Company Ltd. għandu japplika għal GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. mis-6 ta’ Lulju 2023. Minn din id-data, kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd li jkun jiżboq id-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/737 fir-rigward ta’ GITI Tire (Anhui) Company Ltd. għandu jiġi rimborżat jew rimess f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.
Artikolu 2
Ir-rieżami interim parzjali limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni għad-dumping għall-GITI Group fir-rigward tad-dazju anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 4011 20 90 u ex 4012 12 00 (il-kodiċi TARIC 4012 12 00 10) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jiġi tterminat.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 tat-18 ta’ Ottubru 2018 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/163 (ĠU L 263, 22.10.2018, p. 3).
(3) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla, Kompożizzjoni Estiża) tal-4 ta’ Mejju 2022, China Rubber Industry Association (CRIA) u China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters (CCCMC) vs il-Kummissjoni Ewropea, T-30/19 u T-72/19, EU:T:2022:226.
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/737 tal-4 ta’ April 2023 li jimponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi Magħquda T-30/19 u T-72/19 (ĠU L 96, 5.4.2023, p. 9).
(5) In-Notifika tal-bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2023/1500, 15.12.2023).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2219/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)