SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

3 ta’ Settembru 2026 ( *1 )

“Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1100 – Importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti, illaminati bis-sħana, tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew ta’ liga oħra tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija – Dazju antidumping definittiv – Kalkolu tal-valur normali – Paragun ġust – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 2(5) – Artikolu 2(10)(j) – Aġġustamenti – Konverżjoni tal-muniti – Hedging tal-qligħ u tat-telf – Artikolu 18(3) u (6) – Kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati”

Fil-Kawża C‑499/24 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑17 ta’ Lulju 2024,

Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAŞ, stabbilita f’Istanbul (it-Turkija),

İskenderun Demir ve Çelik AŞ, stabbilita f’Payas (it-Turkija),

Erdemir Çelik Servis Merkezi Sanayi ve Ticaret AŞ, stabbilita f’Gebze (it-Turkija),

irrappreżentati minn J. Cornelis u F. Graafsma, advocaten,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn G. Gattinara, G. Luengo u J. Zieliński, sussegwentement minn G. Gattinara u J. Zieliński, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Regan, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, D. Gratsias u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Novembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAȘ, İskenderun Demir ve Çelik AȘ u Erdemir Çelik Servis Merkezi Sanayi ve Ticaret AŞ (iktar ’il quddiem “Erdemir”, “Isdemir” u “Ersem”, rispettivament) qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Mejju 2024, Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları et vs Il‑Kummissjoni (T‑629/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:303), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 tal‑5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija (ĠU 2021, L 238, p. 32, rettifika fil-ĠU 2021, L 410, p. 199, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, fosthom il-Ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal‑1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”).

3

L-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping, intitolat “Determinazzjoni ta’ d-damping”, jipprevedi:

“2.1   Ghall-għan ta’ dan il-Ftehim, prodott għandu jitqies bħala damping, jiġifieri introdott fil-kummerċ ta’ pajjiż ieħor bi prezz inqas minn normal, jekk il-prezz ta’ esportazzjoni tal-prodott minn pajjiż għall-ieħor huwa inqas mill-prezz komparabbli, fid-direzzjoni ordinarju tal-kummerċ, għall-prodotti simili meta dawn ikunu destinati għall-konsum fil-pajjiż li jkun qed jesporta […].

2.2   […]

2.2.1   Bejgħ ta’ prodotti simili fis-suq domestiku tal-pajjiż li jkun qed jesporta jew il-bejgħ lill-pajjiż tat-Tielet Dinja bi prezzijiet inqas per unità (fissi u varjabbli) spejjeż ta’ prodotti flimkien ma’ bejgħ amministrattiv u spejjeż ġenerali jistgħu jitqiesu bħallikieku mhumiex mexjin fid-direzzjoni ordinarja tal-kummerċ minħabba l-prezz u jistgħu jiġu injorati waqt id-determinazzjoni tal-valur normali biss jekk l-awtoritajiet […] jiddeterminaw li dan it-tip ta’ bejgħ huwa magħmul fi żmien estiż […] f’kwantitajiet sostanzjali […] u huma prezzijiet li ma jipprovdux rkuprar ta’ l-ispejjeż kollha fi żmien raġonevoli. Jekk il-prezzijiet li huma inqas mill-ispejjeż per unità huma kkalkolati bħala aktar mill-medja ta’ l-ispejjeż per unità fi żmien il-bejgħ u waqt il-perjodu investigattiv, dawn il-prezzijiet jitqiesu li jipprovdu rkuprar ta’ l-ispejjeż fi żmien raġonevoli.

2.2.1.1   Għall-għan tal-paragrafu 2, l-ispejjeż huma normalment ikkalkulati fuq bażi ta’ reġistri li jinżammu mill-esportatur jew il-prodotti li huma sottomessi għall-investigazzjoni, iżda jrid jiġi pprovdut li, dawn ir-reġistri huma konformi mal-prinċipji tal-kontabbilità li huma ġeneralment aċċettati mill-pajjiż li qed jesporta u jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-prodotti u mal-bejgħ tal-prodotti li qed jitqiesu. L-Awtoritajiet ikollhom iqisu kull evidenza disponibbli mill-esportatur jew il-persuna li tkun qed tipproduċi tul l-investigazzjoni iżda jrid jiġi pprovdut li dawn l-allokazzjonijiet ġew storikament utilizzati mill-esportatur jew mill-persuna li tkun qed tipproduċi, partikolarment in konessjoni biex jistabbilixxu termini xierqa għall-ħlas lura ta’ dejn u deprezzament u konċessjonijiet għan-nefqa tal-kapital u spejjeż oħra għall-iżvilupp. Sakemm mhux diġa apparenti mill-allokazzjonijet ta’ l-ispejjeż taħt dan is-sub-paragrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu rranġati kif suppost għal dawk il-ħwejjeġ ta’ l-ispejjeż li ma jirrepetux lilhom nfushom u li jibbenefikaw produzzjonijiet futuri u/jew kurrenti, jew fiċ-ċirkostanzi fejn l-ispejjeż matul il-perjodu ta’ investigazzjoni huma affetwati b’operazzjonijiet inizjali. […]

2.2.2   Għall-għan tal-paragrafu 2, l-ammonti għall-ispejjeż amministrattivi, tal-bejgħ u dawk ġenerali, kif ukoll għall-profitti għandhom ikunu bbażati fuq data li tirreferi għall-produzzjoni u għall-bejgħ fid-direzzjoni ordinarja tal-kummerċ tal-prodott simili mill-esportatur jew mill-persuni li qed jipproduċi matul l-investigazzjoni. Meta dawn l-ammonti ma’ jistgħux ikunu stabbiliti fuq bażi ta’ dan, l-ammonti jistgħu jiġu determinati fuq bażi ta’:

(i)

L-ammonti proprji li jintefqu u li jiġu realizzati mill-esportatur jew il-produttur in kwistjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgh fis-suq domes tiku tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ l-istess kategorija ġenerali tal-prodotti;

(ii)

il-medja stabbilita ta’ l-ammonti proprji li ntefqu u li ġew realizzati minn esportaturi jew produtturi oħra li huma soġġetti għal investigazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti simili fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;

(iii)

kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor, iżda jrid jiġi pprovdut li l-ammont għall-profitt li jiġi stabbilit ma’ jeċeddix il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra mill-bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini.

[…]

2.4   Isir paragun imparzjali bejn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun iseħħ fl-istess livell ta’ kummerċ, normalment fil-livell ex-fabbrika, u fir-rigward ta’ bejgħ magħmul kemm jista jkun fl-istess żmien. Jitqies b’mod sostanzjali f’kull każ, fuq il-mertu a bażi ta’ differenzi li jaffetwaw il-komparibbilità tal-prezzijiet, li jinkludi wkoll id-differenzi fit-termini u l-kondizzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ, taxxa, livelli ta kummerċ, kwantitajiet, karatteristiċi fisiċi, u kwalunkwe differenzi oħra li jidhru li jaffetwaw il-komparabbilità tal-prezzijiet. […] Fil-każ indikat fil-paragrafu 3, sussidji għall-ispejjeż, inklużi dwana u taxxi, li ntefqu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għandhom isiru wkoll għall-profitti li jiżdiedu. Jekk f’dawn il-każijiet il-komparibbilità tal-prezzijiet ġiet affettwata, l-awtoritajiet jistabbilixxu valuri normali fil-livell tal-kummerċ ekwivalenti għall-livell ta’ kummerċ tal-prezz kostruwit ta’ l-esportazzjoni, jew jagħtu konsiderazzjoni mistħoqqa kif indikata f’dan il-paragrafu. L-awtoritajiet għandhom jindikaw lill-partijiet in kwistjoni x’tip ta’ informazzjoni hi meħtieġa biex jassiguraw paragun imparzjali u ma jimponux oneru tal-prova ta’ natura mhux raġonevoli fuq il-partijiet.

2.4.1   Meta l-paragun taħt paragrafu 4 jeħtieġ konverżjoni ta’ muniti, din il-konverżjoni għandha ssir permezz ta’ l-użu tar-rata tal-kambju eżistenti fiż-żmien id-data tal-bejgħ […], stante li meta bejgħ ta’ munita barranija fuq swieq mixtieqa huwa direttament marbut mal-bejgħ ta’ l-esportazzjoni involuta, tintuża r-rata tal-kambju eżistenti waqt il-bejgħ mixtieq. Varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju jkunu injorati u f’investigazzjoni l-awtoritajiet għandhom jippermettu lill-esportaturi mill-inqas 60 ġurnata biex jirranġaw il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni sabiex jiġu jirriflettu l-moviment sostenut fir-rati tal-kambju waqt il-perjodu ta’ l-investigazzjoni.

2.4.2   Soġġett għad-disposizzjonijiet li jirregolaw paragun ġust fil-paragrafu 4, l-eżistenza ta’ marġini ta’ d-damping waqt il-fażi ta’ l-investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq bażi tal-paragun bejn il-medja stabbilita tal-valur normali u l-medja stabbilita tal-prezzijiet ta’ transazzjonijiet ta’ esportazzjoni komparabbli jew permezz ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezzijet ta’ l-esportazzjoni fuq bażi ta’ żewġ transazzjonijiet bejn xulxin. […]

[…]”

Id-dritt tal-Unjoni

4

Il-premessa 27 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, rettifika fil-ĠU L, 2023/90208, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), tiddikjara:

“Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex, fejn partijiet ma jikkoperawx b’mod sodisfaċenti tkun tista’ tintuża informazzjoni oħra sabiex jiġu stabbiliti konklużjonijiet u li tali informazzjoni tkun tista’ tkun inqas favorevoli għall-partijiet milli kieku kienu kkoperaw.”

5

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament bażiku, intitolat “Determinazzjoni ta’ dumping”, jipprevedi:

“A. VALUR NORMALI

1.   Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur.

[…]

3.   Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fil-kors ordinarju tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq tali bejgħ ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, lil pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.

[…]

5.   L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu konformi ma’ prinċipji kontabbilistiċi ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat.

Jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fir-records tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi.

Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-evidenza ppreżentata dwar l-allokazzjoni korretta tal-ispejjeż, sakemm ikun muri li tali allokazzjonijiet kienu ġew utilizzati storikament. Fin-nuqqas ta’ metodu aktar xieraq, għandha tingħata preferenza lill-allokazzjoni tal-ispejjeż fuq il-bażi tal-fatturat. Sakemm mhux diġà riflessi fl-allokazzjonijiet tal-ispejjeż taħt dan is-subparagrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati adegwatament għal dawk il-partiti ta’ spejjeż mhux rikorrenti li jibbenefikaw lill-produzzjoni futura u/jew kurrenti.

[…]

6.   L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali relattivi għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq dik il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’:

(a)

il-medja peżata tal-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;

(b)

l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti għall-esportatur jew produttur in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ orġini;

(c)

kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b’hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini.

[…]

B. PREZZ TAL-ESPORTAZZJONI

[…]

C. PARAGUN

10.   Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fir-rigward ta’ bejgħ magħmul, kemm jista’ jkun viċin, fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragonabbiltà tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm adattament, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragonabbiltà tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari relattivament għal tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Meta l-kondizzjonijiet speċifikati jkunu sodisfatti, il-fatturi li għalihom jista’ jsir aġġustament huma elenkati kif ġej:

[…]

(j)

Kambju tal-munita

Meta l-paragun tal-prezz jeħtieġ kambju tal-munita, tali kambju għandu jsir bl-użu tar-rata tal-kambju fid-data tal-bejgħ, għajr li, meta bejgħ ta’ munita barranija fuq is-swieq bil-quddiem ikun marbut b’mod dirett mal-bejgħ involut għall-esportazzjoni, ir-rata tal-kambju fil-bejgħ bil-quddiem għandha tintuża. Normalment, id-data tal-bejgħ għandha tkun id-data tal-fattura iżda d-data tal-kuntratt, l-ordni tax-xiri jew il-konferma tal-ordni jistgħu jintużaw jekk dawn jistabbilixxu b’mod iktar adegwat it-termini materjali tal-bejgħ. Il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju għandhom jiġu injorati u l-esportaturi għandhom jiġu mogħtija 60 ġurnata biex jirriflettu moviment sostenut fir-rati tal-kambju matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

[…]”

6

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-investigazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Wara l-bidu tal-proċedimenti, il-Kummissjoni [Ewropea], li taġixxi f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell tal-Unjoni [Ewropea]. Tali investigazzjoni għandha tkopri kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, u huma għandhom jiġu investigati fl-istess ħin.

Għall-iskop ta’ konklużjoni rappreżentattiva, għandu jintgħażel perjodu ta’ investigazzjoni li, fil-każ ta’ dumping għandu, normalment, ikopri perjodu ta’ mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel il-bidu tal-proċedimenti.

L-informazzjoni relatata ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata.

2.   Il-partijiet li jirċievu kwestjonarji użati fl-investigazzjoni kontra d-dumping għandhom jingħataw mill-inqas 30 ġurnata biex iwieġbu. Il-limitu ta’ żmien għall-esportaturi għandu jingħadd mid-data tal-irċevuta tal-kwestjonajru, li għal dan l-iskop għandu jiġi meqjus li jkun ġie riċevut ġimgħa wara l-jum li fih huwa kien ġie mibgħut lill-esportatur jew trasmess lir-rappreżentant diplomatiku adatt tal-pajjiż ta’ esportazzjoni. Tista’ tiġi mogħtija estensjoni ta’ perjodu ta’ 30 ġurnata, b’kont debitament meħud tal-limiti ta’ żmien tal-investigazzjoni, sakemm il-parti turi li hemm kawża ġusta għal tali estensjoni f’termini taċ-ċirkustanzi partikolari tagħha.

[…]”

7

L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Żjarat ta’ verifika”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha, fejn tikkunsidra xieraq, tagħmel żjarat biex teżamina r-rekords ta’ importaturi, esportaturi, negozjanti, aġenti, produtturi, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-kummerċ u biex tivverifika informazzjoni mogħtija dwar dumping u dannu. Fin-nuqqas ta’ risposta xierqa u fil-ħin, il-Kummissjoni tista’ tagħżel li ma tagħmilx żjara ta’ verifika.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tagħmel investigazzjonijiet f’pajjiżi terzi kif meħtieġ, sakemm tikseb il-kunsens tal-kumpanniji konċernati, tavża lir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż konċernat u dan tal-aħħar ma joġġezzjonax għall-investigazzjoni. Malli jinkiseb il-kunsens mill-kumpanniji konċernati, il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-kumpanniji li għandhom jirċievu żjara u d-dati miftiehma.

3.   Il-kumpanniji konċernati għandhom jiġu notifikati dwar ix-xorta ta’ informazzjoni li għandha tiġi vverifikata matul iż-żjarat ta’ verifika u bi kwalunkwe informazzjoni oħra li tinħtieġ tiġi provduta matul tali żjarat, għalkemm dan ma jipprekludiex talbiet, magħmula matul il-verifika, għal iktar dettalji li jkollhom jiġu provduti fid-dawl tal-informazzjoni miksuba.

[…]”

8

Skont l-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Nuqqas ta’ kooperazzjoni”:

“[…]

3.   Fejn l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm kwalunkwe defiċenza ma tkunx tali li tikkawża diffikultà mhux dovuta sabiex issir konklużjoni raġonevolment preċiża u sakemm l-informazzjoni tiġi ppreżentata b’mod adegwat f’qasir żmien u tkun verifikabbli, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

[…]

6.   Jekk xi parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, u b’hekk tinżamm informazzjoni rilevanti, ir-riżultat tal-investigazzjoni jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kkoperat.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Fil-punti 2 sa 10 tas-sentenza appellata, il-fatti tal-kawża jinġabru fil-qosor kif ġej.

“2

Ir-rikorrenti [issa appellanti] huma kumpanniji rregolati mid-dritt Tork. Erdemir u Isdemir joperaw fil-qasam tal-produzzjoni u tal-bejgħ ta’ prodotti ċatti llaminati bis-sħana. Ersem hija n-negozjant relatat tagħhom.

3

Fl‑14 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti ċatti, illaminati bis-sħana, tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew ta’ liga oħra tal-azzar (iktar ’il quddiem il-‘prodott ikkonċernat’) li joriġinaw mit-Turkija (iktar ’il quddiem l-‘investigazzjoni’).

4

L-investigazzjoni kopriet il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem il-‘perijodu ta’ investigazzjoni’). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu kien jikkonċerna l-perjodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni. Ir-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom matul l-investigazzjoni.

5

Ir-rikorrenti ntgħażlu minn fost it-tliet esportaturi Torok inklużi fil-kampjun u wieġbu għall-kwestjonarju fis‑7 ta’ Lulju 2020 kif ukoll għal talba għal informazzjoni addizzjonali fis‑26 ta’ Awwissu 2020 (għal Erdemir), fl‑10 ta’ Settembru 2020 (għal Isdemir) u fil‑21 ta’ Settembru 2020 (għal Ersem).

6

Bejn it‑28 ta’ Settembru u d‑9 ta’ Ottubru 2020, saret remote crosscheck.

7

Fis‑6 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/9 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija (ĠU 2021, L 3, p. 4, iktar ’il quddiem ir-‘Regolament provviżorju’), li ssuġġetta lill-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat għal dazju antidumping provviżorju ta’ 5.4 %.

8

Fit‑23 ta’ April 2021, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet definittivi li abbażi tagħhom hija kellha l-ħsieb li timponi dazji antidumping definittivi.

9

Fis‑6 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti konklużjonijiet definittivi addizzjonali, li permezz tagħhom id-dazji antidumping li hija kellha l-ħsieb li timponi fuq ir-rikorrenti kienu ta’ 5 %. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija konklużjonijiet fl‑10 ta’ Mejju 2021.

10

Fil‑5 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament [kontenzjuż], li impona dazju antidumping ta’ 5 % fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat immanifatturat mir-rikorrenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2021, l-appellanti fetħu kawża għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

11

Insostenn tal-kawża tagħhom, l-appellanti invokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-ewwel tliet sentenzi u tal-ħames sentenza tal-Artikolu 2(10) u fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba li l-Kummissjoni ċaħdet aġġustament relatat mal-hedging tal-qligħ u tat-telf. Permezz tat-tielet motiv tagħhom, l-appellanti allegaw ksur tal-Artikolu 2(5) u (6), kif ukoll tal-ewwel sat-tielet sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim antidumping.

12

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-erba’ motivi, u għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

prinċipalment:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tannulla r-Regolament kontenzjuż, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–

sussidjarjament:

–

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u

–

tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

14

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell u

–

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċedura.

Fuq l-appell

15

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu tmien aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-argument li l-appellanti ressqu fl-ewwel istanza, fis-sens li ċ-ċifri kollha kienu ġew ipprovduti fl-istess munita u li l-konverżjoni addizzjonali li għamlet il-Kummissjoni ma kinitx, għalhekk, neċessarja. Insostenn tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw ksur tal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ftehimiet tal-WTO għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali injorat l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku billi qieset li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jipprevedi ebda obbligu li tintuża rata tal-kambju speċifika. Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, billi qieset li huma kienu talbu u laqgħu favorevolment konverżjoni mensili u kienu applikaw huma stess tali konverżjoni. Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqhom oneru tal-prova eċċessiv billi talbet il-provvista ta’ informazzjoni ġdida dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni f’lira Torka. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, billi l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx uħud mill-argumenti mressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza. Fl-aħħar nett, permezz tat-tmien aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali dwar l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-produtturi-esportaturi li jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping u tat lil dan l-obbligu portata li tirriskja li ġġib fix-xejn l-obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

16

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment isostnu li, fil-punti 45, 47 sa 49 u 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, inkwantu interpretat ħażin l-argument imressaq mill-appellanti fl-ewwel istanza, li konverżjoni tal-muniti tista’ ssir biss meta din tkun neċessarja, u applikat ħażin l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

17

Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni jekk il-konverżjonijiet tal-muniti kinux, b’mod ġenerali, neċessarji, minkejja li l-appellanti kienu diġà kkonvertew it-tranżazzjonijiet kollha mhux iddenominati f’dollaru Amerikan (USD) f’din il-munita, li hija l-munita ta’ kontabbiltà tagħhom, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni kontabbli tagħhom fid-data tat-tranżazzjoni. Hija l-konverżjoni sussegwenti li għamlet il-Kummissjoni li ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li, fil-fehma tagħhom, din ma kinitx neċessarja sabiex ikun jista’ jsir paragun ġust. Fil-fatt, id-data rilevanti kollha neċessarja sabiex isir il-paragun tal-prezzijiet (il-bejgħ fis-suq intern, il-bejgħ għall-esportazzjoni, l-ispejjeż ta’ produzzjoni, kif ukoll iċ-ċifri relatati mal-ispejjeż ta’ bejgħ, mal-ispejjeż amministrattivi u ma’ spejjeż ġenerali oħra) ġew iddikjarati f’dollaru Amerikan, hekk li kien inutli li ssir konverżjoni taħt l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, it-tieni konverżjoni li għamlet il-Kummissjoni kienet superfluwa u għalhekk tmur kontra din id-dispożizzjoni.

18

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx in-neċessità ta’ din it-tieni konverżjoni tal-muniti fid-dawl tal-kriterji stabbiliti minnha, li jipprovdu li hija l-Kummissjoni li għandha tiġġustifika l-konverżjonijiet magħmula b’rabta mal-bejgħ għall-esportazzjoni, mal-bejgħ domestiku u mal-ispejjeż ta’ produzzjoni. Din l-ommissjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tagħhom, nuqqas ta’ motivazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Hija tikkonċerna wkoll il-punt 68 tas-sentenza appellata, li jgħid li kien neċessarju li l-ispejjeż ta’ produzzjoni jiġu kkonvertiti f’lira Torka, billi kien tqies neċessarju li l-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-valur normali jiġu kkonvertiti f’din il-munita sabiex jiġi żgurat paragun ġust, fis-sens tal-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament.

19

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat u ineffettiv.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, hekk li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu r-raġunijiet għad-deċiżjoni li tkun ittieħdet u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2022, Il‑Ġermanja–Ville de Paris et vs Il‑Kummissjoni, C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10, punt 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Novembru 2024, LE vs Il‑Kummissjoni, C‑781/22 P, EU:C:2024:960, punt 73).

21

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, jista’ jsir aġġustament taħt il-forma ta’ konverżjoni tal-muniti sabiex jiġi ggarantit paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali.

22

F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni jekk il-konverżjoni “sussegwenti” tal-muniti – liema konverżjoni tikkorrispondi għat-“tieni” konverżjoni li semmew l-appellanti – kinitx neċessarja jew le. Qabel ma evalwat, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-legalità ta’ din il-konverżjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod ċar li l-appellanti kienu pproduċew data mill-kotba tal-kontijiet tagħhom ikkonvertita f’dollaru Amerikani. B’hekk, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kien stabbilit bejn il-partijiet li d-dollaru Amerikan kien il-munita kontabbli ewlenija tal-appellanti. Fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “abbażi tar-rapporti ta’ kontabbiltà [tal-appellanti], il-Kummissjoni kkonvertiet f’lira Torka, minn naħa, data pprovduta f’dollaru Amerikan, jiġifieri l-bejgħ domestiku, il-bejgħ għall-esportazzjoni, l-aġġustamenti fuq il-bejgħ u l-ispejjeż ta’ produzzjoni, via l-euro, u, min-naħa l-oħra, il-bejgħ għall-esportazzjoni ffatturat mill-appellanti f’euro” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet iġġustifikat “dawn il-konverżjonijiet” fil-premessa 127 tar-Regolament kontenzjuż. Issa, f’din il-premessa, il-Kummissjoni essenzjalment irrilevat li, l-ewwel nett, hija kienet ikkonstatat li l-appellanti kienu għamlu tranżazzjonijiet f’dollaru Amerikan, f’euro u f’lira Torka u li, għalhekk, kellhom isiru konverżjonijiet tal-muniti sabiex il-valuri jiġu ddenominati f’munita li tagħmilha possibbli li jsir il-paragun. It-tieni, il-Kummissjoni semmiet li hija ma kinitx ikkontestat il-fatt li l-appellanti kienu kkonvertew huma stess il-valuri kollha f’dollaru Amerikan, billi din il-munita kienet il-munita kontabbli tagħhom. Madankollu, kien xieraq, fil-fehma ta’ din l-istituzzjoni, li tintuża l-munita tal-pajjiż ikkonċernat, jiġifieri l-lira Torka, sabiex jiġu pparagunati l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

23

Fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li konverżjoni tal-muniti kienet neċessarja sabiex ikun jista’ jsir tali paragun ġust, peress li, kif kienu rrikonoxxew l-appellanti, il-bejgħ għall-esportazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni kien sar f’euro u f’dollaru Amerikan, filwaqt li l-fatturi kollha ta’ bejgħ domestiku, minbarra fattura ta’ Ersem, kienu ddenominati f’lira Torka, billi d-dollaru Amerikan kien ġie indikat biss bħala munita supplimentari. Barra minn hekk, ladarba l-fattura kienet tħallset, il-ħlas kien iddenominat f’waħda jew fl-oħra minn dawn il-muniti.

24

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma kinitx tobbliga lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-munita li l-appellanti ddikjaraw li jużaw għat-tranżazzjonijiet kontabbilistiċi tagħhom. Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 48 tas-sentenza appellata, meta tali konverżjoni tirriżulta neċessarja, l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku ma jobbligax lil din l-istituzzjoni tikkonverti l-munita tal-bejgħ għall-esportazzjoni fil-munita mitluba mill-produttur-esportatur. Għalhekk, il-fatt li l-appellanti stess kienu għamlu konverżjoni tal-muniti għal finijiet kontabbilistiċi ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-Kummissjoni kisret din id-dispożizzjoni meta hija għamlet, abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, konverżjoni f’munita differenti minn dik li kienu għażlu l-appellanti.

25

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod konkret, u mhux b’mod ġenerali, jekk it-“tieni konverżjoni” li għamlet il-Kummissjoni, jiġifieri l-konverżjoni f’lira Torka, kinitx, f’dan il-każ, neċessarja. Hija eżaminat ukoll b’mod konkret jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni kinux josservaw il-kriterji li hija stabbilixxiet, b’mod partikolari, fil-punti 40, 42 u 43 tas-sentenza appellata.

26

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u ma kisritx l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

27

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

28

It-tieni aggravju jikkonċerna l-punti 63, 66, 67 u 70 tas-sentenza appellata. Dan l-aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ftehimiet tal-WTO għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

29

Fil-fehma tal-appellanti, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 31 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube (C‑891/19 P, EU:C:2022:38), li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni teħtieġ li t-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jiġu interpretati, sa fejn possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet. Madankollu, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping “huwa irrelevanti […] għall-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku”.

30

Il-Qorti Ġenerali, billi rrifjutat, mingħajr ġustifikazzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping, kif interpretat mill-gruppi speċjali u mill-Korp tal-Appell tal-WTO, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, injorat il-limiti fuq is-setgħa li jgawdu minnha l-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni li ma jirreferux għad-dokumenti kontabbilistiċi ta’ produttur-esportatur. B’hekk, il-Kummissjoni kellha, f’dan il-każ, tiġġustifika l-eżistenza ta’ “raġuni imperattiva” sabiex ma tirreferix għad-dokumenti kontabbilistiċi tal-appellanti – ġustifikazzjoni li hija ma tatx.

31

Barra minn hekk, l-użu tal-espressjoni “abbażi tad-dokumenti kontabbilistiċi” fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jimplikax li d-dokumenti kontabbilistiċi jistgħu jiġu aġġustati jew ittrattati liberament mill-awtorità responsabbli għall-investigazzjoni. Huwa minnu li mit-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din l-awtorità tista’ tagħmel ċerti aġġustamenti tal-ispejjeż sabiex tikseb kalkolu iktar preċiż u tiggarantixxi relazzjoni veru u proprja bejn l-ispejjeż irreġistrati fir-reġistri u l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni kif ukoll mal-bejgħ tal-prodott speċifiku kkonċernat. Madankollu, fil-fehma tal-appellanti, din il-kwistjoni ma qamitx quddiem il-Qorti Ġenerali, billi l-Kummissjoni aċċettat it-tqassim tal-ispejjeż adottat mill-appellanti.

32

Għaldaqstant, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-gruppi speċjali u tal-Korp tal-Appell tal-WTO meta ddeċidiet, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li “l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tibbaża ruħha, mingħajr ma tagħmel ebda verifika, fuq id-dokumenti kontabbilistiċi prodotti mill-parti kkonċernata matul l-investigazzjoni u […] ma hijiex obbligata tużahom kif inhuma” [traduzzjoni libera].

33

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud, billi huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punt 63 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, hija żżid tgħid li dan l-aggravju, inkwantu jikkonċerna l-punti 67 u 70 ta’ din is-sentenza, huwa ineffettiv. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa, fil-fehma tagħha, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Għandu jiġi kkonstatat li t-tieni aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punt 63 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “[l]-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping, li jinvokaw ir-rikorrenti, fih formulazzjoni kważi identika u, għalhekk, huwa irrelevanti għall-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

35

Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, minn din il-kunsiderazzjoni jirriżulta li l-Qorti Ġenerali la rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping u lanqas id-deċiżjonijiet rilevanti tal-gruppi speċjali jew tal-Korp tal-Appell tal-WTO, iżda li, għall-kuntrarju, hija rrilevat, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li din kienet “kważi identika” għal dik tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx li l-Artikolu 2.2.1.1 ta’ dan il-ftehim kien, minnu nnifsu, irrilevanti, iżda li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma kien fiha ebda indizju addizzjonali għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, u dan meta wieħed iqis il-formulazzjoni kważi identika ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

36

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet rilevanti tal-WTO dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping, invokati fir-rikors fl-ewwel istanza. Fil-fatt, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, mingħajr ma waqqgħet dubju fuq id-deċiżjoni tal-grupp speċjali tal-WTO msemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, li tgħid li huwa biss jekk kemm‑il darba l-Kummissjoni tkun tista’ tiġġustifika l-eżistenza ta’ “raġuni imperattiva” li hija tista’ tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-kotba tal-kontabbiltà tal-produttur ikkonċernat, ikkonstatat, fil-punt 70 tal-imsemmija sentenza, billi rreferiet għal dak li hija kienet diġà qalet fil-punt 67 ta’ din tal-aħħar, li l-Kummissjoni ma kinitx injorat il-kotba tal-kontabbiltà tal-appellanti. Din l-istituzzjoni ma kellhiex għalfejn, a fortiori, tiġġustifika l-eżistenza ta’ tali “raġuni imperattiva”.

37

Konsegwentement, mis-sentenza appellata la jirriżulta li l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku fis-sens li l-Kummissjoni tista’ tinjora d-dokumenti kontabbilistiċi tal-produttur-esportatur mingħajr ma jkollha għalfejn tipproduċi l-prova ta’ “raġuni imperattiva” u lanqas li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn id-dokumenti f’dan il-każ.

38

It-tieni aggravju, li huwa bbażat, għalhekk, fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

39

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku billi qieset, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament ma jipprevedi ebda obbligu li tintuża rata tal-kambju speċifika.

40

Essenzjalment, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, meta hija interpretat l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, li ma kien jeżisti ebda obbligu dwar ir-rata tal-kambju li għandha tintuża sabiex jiġu kkonvertiti l-ispejjeż ta’ produzzjoni, u dan minkejja li, minn naħa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10)(j) ta’ dan ir-regolament teħtieġ, fil-fehma tagħhom, li tintuża r-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data tat-tranżazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni kienet tapplika għall-konverżjoni tal-ispejjeż ta’ produzzjoni.

41

Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba, minn naħa, li l-appellanti ma jispjegawx b’biżżejjed preċiżjoni l-argument li huma biħsiebhom jisiltu mill-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, li l-appellanti, billi jinvokaw, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tal-aħħar insostenn tal-argument tagħhom, imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-użu ta’ rati tal-kambju mensili jippreġudika l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, iqajmu motiv ġdid u jbiddlu s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali.

42

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li ma hijiex ikkontestata mill-appellanti, dan l-aggravju huwa ineffettiv. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li l-appellant ikun qiegħed jitlob l-annullament tagħhom u l-argumenti legali li speċifikament jissostanzjaw din it-talba, u dan taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex,C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita sew, il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat għall-motivi u għall-argumenti ttrattati fl-ewwel istanza. Għalhekk, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, billi dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fl-appell hija waħda limitata, b’tilwima usa’ minn dik li biha tkun adixxiet lill-Qorti Ġenerali. Madankollu, appellant jista’ jippreżenta appell billi jinvoka, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji u argumenti li jirriżultaw mis-sentenza appellata nnifisha u li jfittxu li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il‑Kummissjoni, C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punti 38 sa 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, għal dik li hija l-ammissibbiltà tat-tielet aggravju, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan jippreċiża, b’mod inekwivoku, l-iżball allegat u, għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex impreċiż. Fil-fatt, l-appellanti indikaw il-punt ikkontestat tas-sentenza appellata, jiġifieri l-punt 72 tagħha, filwaqt li spjegaw li l-iżball li, fil-fehma tagħhom, għamlet il-Qorti Ġenerali kien li qieset li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma kien jipprevedi ebda obbligu li tintuża rata tal-kambju speċifika, filwaqt li, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li l-Artikolu 2(10)(j) ta’ dan ir-regolament kien japplika għall-konverżjoni tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, liema artikolu jimplika l-obbligu li tintuża r-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data tal-bejgħ.

46

Min-naħa l-oħra, fir-rikors promotur tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienu sostnew li l-użu ta’ rata tal-kambju mensili minflok rata ġurnaliera, kif imsemmi fl-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku u li l-appellanti kienu użaw sabiex iżommu l-kotba tagħhom, kien iwassal għal ksur tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, inkwantu, permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali essenzjalment ċaħdet dan l-argument li huma kienu qajmu quddiemha, dan l-aggravju ma jistax jitqies li jbiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali.

47

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li t-tielet aggravju huwa ammissibbli.

48

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-punt 67 tas-sentenza appellata ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li l-Kummissjoni setgħet tuża rata tal-kambju mensili għall-konverżjonijiet magħmula minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-verifika tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-appellanti.

49

Għal dik li hija l-fondatezza ta’ dan it-tielet aggravju, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali tal-prodott simili jista’, f’sitwazzjonijiet partikolari, jiġi kkalkolat abbażi tal-ispiża ta’ produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra kif ukoll marġni ta’ profitt raġonevoli.

50

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jippreċiża, b’mod partikolari, li l-ispejjeż għandhom jiġu kkalkolati abbażi tad-dokumenti kontabbilistiċi tal-parti li tkun qiegħda tiġi investigata, u dan sakemm dawn id-dokumenti jkunu konformi mal-prinċipji kontabbilistiċi ġeneralment aċċettati fil-pajjiż ikkonċernat u jkunu jirriflettu raġonevolment l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Jekk dan ma jkunx il-każ, dawn l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati jew iddeterminati abbażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tkunx tista’ tintuża, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra.

51

Madankollu, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma fiha ebda referenza għal konverżjoni tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, iddenominati f’munita partikolari, u lanqas ma fiha, a fortiori, referenza għat-tip ta’ rata tal-kambju li għandha tintuża f’din il-konverżjoni.

52

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jipprevedi ebda obbligu li tintuża tip ta’ rata tal-kambju speċifika.

53

Il-fatt li l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku jipprevedi li għandu jsir paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali u li tali paragun jista’ jeħtieġ konverżjoni tal-muniti billi tintuża, bħala prinċipju, ir-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data tal-bejgħ, ħlief meta bejgħ ta’ munita barranija fis-swieq bil-quddiem (forward markets) ikun direttament marbut mal-bejgħ għall-esportazzjoni kkonċernata, f’liema każ tintuża r-rata tal-kambju applikata għall-bejgħ bil-quddiem (forward sale), ma jwaqqax dubju fuq din il-kunsiderazzjoni.

54

Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta b’mod ċar li l-espressjoni “rati tal-kambju fis-seħħ fid-data tal-bejgħ” użata fiha tirreferi għall-prezz tal-bejgħ u mhux għall-ispejjeż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-valur normali.

55

Din l-interpretazzjoni hija kompatibbli ma’ dik tal-Artikolu 2.4.1. tal-Ftehim antidumping – liema artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku – li tirriżulta mir-rapport tal-grupp speċjali tal-WTO tat‑22 ta’ Diċembru 2000, fil-każ L-Istati Uniti – Miżuri antidumping fuq pjanċi tal-azzar inossidabbli f’rombli u folji u strixxi tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Korea (L-Istati Uniti) – Azzar inossidabbli) (WT/DS179/R), invokat mill-appellanti, u li kienet tikkonċerna b’mod partikolari l-kwistjoni jekk kinux saru, għall-finijiet tal-paragun ġust, konverżjonijiet monetarji tal-prezzijiet bi ksur ta’ dan l-Artikolu 2.4.1.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2.4.1 tal-Ftehim antidumping, li tinsab fil-paragrafi 6.9 sa 6.41 ta’ dan ir-rapport, tikkonċerna biss ir-regola stabbilita fl-ewwel parti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.4.1 tal-Ftehim antidumping, li l-konverżjoni tal-muniti għandha ssir biss meta tkun meħtieġa għall-finijiet tal-paragun ġust. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi rapport imkien ma jsemmi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din l-ewwel sentenza, li jikkonċernaw id-determinazzjoni tar-rata tal-kambju li tapplika f’konverżjoni ta’ munita għall-finijiet tal-paragun ġust, għal spejjeż ta’ produzzjoni.

57

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jkun miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

58

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-fatt li, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali setgħet validament tqis, l-ewwel nett, li huma kienu talbu u laqgħu favorevolment l-użu, mill-Kummissjoni, ta’ rata tal-kambju mensili kemm għall-bejgħ kif ukoll għall-ispejjeż u, it-tieni, li huma stess kienu pprovdew lil din l-istituzzjoni lista tal-bejgħ fis-suq intern iddenominat f’dollaru Amerikan u kkonvertit f’lira Torka billi użaw rati tal-kambju mensili. Fil-fehma tagħhom, permezz ta’ tali deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti għall-evalwazzjoni tagħha.

59

F’dan ir-rigward, l-appellanti essenzjalment isostnu li, wara li kkontestaw, fl-istadju provviżorju, il-konverżjoni tal-muniti li għamlet il-Kummissjoni, huma talbu użu konsistenti tat-tipi ta’ rati tal-kambju sabiex jikkonvertu l-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Wara li l-Kummissjoni biddlet, fl-istadju tal-informazzjoni finali, ir-rati tal-kambju użati, l-appellanti effettivament laqgħu favorevolment l-użu konsistenti tal-istess tip ta’ rata tal-kambju, jiġifieri rata tal-kambju mensili, inkwantu biss, madankollu, din kienet tneħħi l-effetti l-iktar gravi ta’ distorsjoni tal-metodu preċedenti sa fejn għandu x’jaqsam il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u dan filwaqt li essenzjalment sostnew li l-ispejjeż iddenominati f’lira Torka użati mill-Kummissjoni ma kinux jirriflettu l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ Erdemir u ta’ Isdemir imniżżla fid-dokumenti kontabbilistiċi tagħhom.

60

Fil-fehma tal-appellanti, mill-osservazzjonijiet imressqa minnhom wara l-istadju tal-informazzjoni finali jirriżulta li huma ma kinux talbu li tintuża rata tal-kambju mensili, iżda li huma kienu laqgħu biss “favorevolment” l-użu ta’ tali tip ta’ rata tal-kambju, inkwantu dan kien konsistenti mal-metodu preċedenti użat mill-Kummissjoni, u li huma kienu sussegwentement mantnew l-argument tagħhom li l-użu ta’ rata tal-kambju mensili minflok rata ġurnaliera kien jikser l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi fil-proċess.

61

Bl-istess mod, il-kunsiderazzjoni, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kienu pprovdew lista ta’ data tal-bejgħ fis-suq intern ikkonvertita permezz ta’ rata tal-kambju mensili u l-insinwazzjoni li l-appellanti kienu għalhekk “qablu” mal-użu ta’ rata tal-kambju mensili jikkostitwixxu wkoll, fil-fehma tagħhom, żnaturament tal-provi. Fil-fatt, din il-lista ġiet ipprovduta biss għal talba espliċita tal-Kummissjoni waqt ir-remote crosscheck, sabiex jiġi evitat li din tal-aħħar tiddeċiedi li tiġbed il-konklużjonijiet tagħha abbażi tad-data disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, għar-raġuni li ma kinitx ġiet ikkomunikata l-informazzjoni mitluba.

62

Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv jew, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ikun hemm żnaturament tal-provi fejn, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tkun manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. Dan l-iżnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma tkun meħtieġa evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jiġi interpretat b’mod differenti minn kif tkun interpretatu l-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Spanja, C‑635/20 P, EU:C:2023:98, punt 127, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li “matul l-investigazzjoni, ir-rikorrenti talbu espliċitament lill-Kummissjoni tadotta l-istess approċċ għar-rati tal-kambju tal-bejgħ u tal-ispejjeż billi tuża rata tal-kambju mensili. Sussegwentement, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti laqgħu b’mod favorevoli l-approċċ tal-Kummissjoni li tallinja r-rati tal-kambju, billi użat rata mensili. Barra minn hekk, fil-lista ‘tranżazzjoni bi tranżazzjoni’ tal-bejgħ domestiku prodotta mir-rikorrenti quddiem il-Kummissjoni, dawn tal-aħħar kienu huma stess inkludew rata tal-kambju mensili medja sabiex jikkonvertu d-[dollaru Amerikan f’lira Torka]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

65

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma wrewx li mill-provi tal-proċess jirriżulta b’mod ċar li huma kienu talbu l-użu ta’ rata tal-kambju ġurnaliera minflok rata tal-kambju mensili.

66

Fil-fatt, għalkemm mill-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali jirriżulta li l-appellanti kienu jqisu li l-ispejjeż ta’ produzzjoni użati mill-Kummissjoni ma kinux jirriflettu dawk ta’ Erdemir u ta’ Isdemir li jinsabu fid-dokumenti kontabbilistiċi tagħhom, minn dawn l-osservazzjonijiet ma jirriżultax b’mod espliċitu li l-kawża ta’ din l-allegata diskrepanza kienet mill-fatt li ma saritx konverżjoni fuq bażi ġurnaliera.

67

Barra minn hekk, fl-aħħar sentenza tal-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti kienu pprovdew lista ta’ data dwar il-bejgħ fis-suq intern ikkonvertita abbażi ta’ rata tal-kambju mensili – liema konstatazzjoni l-appellanti ma jikkontestawx fl-appell tagħhom.

68

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn l-osservazzjonijiet jew żnaturat il-provi prodotti għall-evalwazzjoni tagħha.

69

Għalhekk, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

70

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw il-punt 74 tas-sentenza appellata u jilmentaw li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqhom oneru tal-prova eċċessiv billi talbet il-provvista ta’ informazzjoni ġdida dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni f’lira Torka.

71

L-appellanti, filwaqt li jirreferu għas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2024, Sinopec Chongqing SVW Chemical et vs Il‑Kummissjoni (T‑762/20, EU:T:2024:113, punt 129), li tgħid li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li għandhom jindikaw lil parti li titlob aġġustament l-informazzjoni li tkun meħtieġa f’dan is-sens u li ma jimponux fuqha oneru tal-prova irraġonevoli, isostnu li, fid-dawl tat-terminu ta’ għaxart ijiem biss mogħti lilhom sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fl-istadju tal-informazzjoni finali, kien kważi impossibbli għalihom li jipprovdu spiża ġdida ta’ produzzjoni kkonvertita f’lira Torka, abbażi ta’ rata tal-kambju ġurnaliera. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali qalet, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni lista ġdida pprovduta wara t-tmiem tal-verifika (jew tar-remote crosscheck), hekk li l-interess li tiġi pprovduta tali lista ma jidhirx b’mod ċar.

72

Il-Kummissjoni tqis li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, billi, fil-fehma tagħha, l-appellanti qegħdin, essenzjalment, iwaqqgħu dubju fuq l-evalwazzjoni tal-fatti li għamlet il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, din tal-aħħar qieset, fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni sovrana tagħha, li l-appellanti kellhom biżżejjed żmien sabiex jikkomunikaw il-konverżjonijiet tagħhom stess f’lira Torka tad-data dwar il-bejgħ u l-ispejjeż ta’ produzzjoni, billi applikaw, għal dan il-għan, it-tip ta’ rata tal-kambju tagħhom. Hija ssostni li l-appellanti ma allegawx żnaturament tal-fatti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi ġie impost oneru tal-prova eċċessiv ma ġiex imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali u huwa, għalhekk, irrilevanti. Fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, huma kellhom iktar minn għaxart ijiem sabiex jipprovdu l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq – fatt li huma ma jikkontestawx. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu, fil-fehma tagħha, jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja, la għandha ġuriżdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, kemm‑il darba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u kemm‑il darba l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli tal-proċedura li japplikaw għall-oneru tal-prova u għall-amministrazzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ fejn dawn il-provi jkunu ġew żnaturati, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, l-allegat ksur tar-regoli probatorji jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi ammissibbli fl-istadju tal-appell (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs City Cycle Industries,C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P, EU:C:2017:62, punti 52 u 53).

74

Fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li “[w]ara l-iskambji mal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni minn qabel li permezz tagħha hija indikat l-intenzjoni tagħha li tikkonverti f’lira Torka d-data rrapportata mill-appellanti dwar il-bejgħ u l-ispejjeż ta’ produzzjoni, dawn tal-aħħar kellhom il-possibbiltà li jikkomunikaw il-konverżjonijiet tagħhom tal-imsemmija ċifri f’lira Torka, billi jużaw, fejn meħtieġ, rata tal-kambju ġurnaliera – ħaġa li huma ma għamlux” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

75

B’dan il-mod, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma imponiet fuqhom ebda oneru tal-prova fuqhom meta hija qieset li kienu huma li kellhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-konverżjonijiet tagħhom f’lira Torka taċ-ċifri relatati mal-bejgħ u mal-ispejjeż ta’ produzzjoni, iżda kkonstatat biss, abbażi ta’ evalwazzjoni sovrana tal-fatti, li l-appellanti ma allegawx żnaturament tagħhom, li, meta wieħed iqis il-waqt li fih huma kienu ġew informati bil-ħsieb tal-Kummissjoni li tikkonverti hija stess dawn iċ-ċifri f’lira Torka, huma kellhom il-possibbiltà u ż-żmien meħtieġ sabiex jikkomunikaw iċ-ċifri tagħhom f’dan ir-rigward – ħaġa li, madankollu, huma naqsu milli jagħmlu. B’hekk, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li l-appellanti naqsu milli jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-konverżjonijiet tagħhom tad-data msemmija iktar ’il fuq, bħala prova insostenn tal-motivi mressqa fil-punt 73 tas-sentenza appellata li jiġġustifikaw il-konklużjoni, fil-punt 75 tagħha, li l-Kummissjoni setgħet tuża r-rata mensili medja għall-imsemmija konverżjonijiet u, għalhekk, ma kisritx l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

76

Billi l-ħames aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

77

Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, li jikkritika l-punti 85 sa 87 u 91 sa 94 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku billi ffokat fuq il-muniti koperti mill-kuntratt ta’ hedging pjuttost milli fuq id-data li tiffissa r-rata tal-kambju f’dan il-kuntratt.

78

Fil-fehma tal-appellanti, din id-dispożizzjoni tenfasizza d-data tar-rata tal-kambju indipendentement mill-muniti li r-rata tal-kambju tagħhom tkun iffissata fil-kuntratt ta’ hedging. Dan jirriżulta mir-referenza għad-“data tal-bejgħ” riprodotta f’kull waħda mis-sentenzi tal-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk, tali referenza għal din id-data minflok għall-muniti koperti mill-kuntratt ta’ hedging hija loġika minn perspettiva finanzjarja, fid-dawl tal-fatt li r-rati tal-kambju bejn il-muniti differenti huma interkonnessi.

79

B’hekk, l-appellanti jqisu li, kieku kellha tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-operazzjonijiet ta’ hedging jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta l-operazzjoni tkun tikkonċerna l-munita tal-fattura u l-munita tal-konverżjoni użata mill-Kummissjoni, ikun faċli għal din tal-aħħar li taħrab mill-obbligu stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ tikkonverti t-tranżazzjonijiet f’euro jew f’muniti oħra sabiex ma jkollhiex għalfejn tieħu inkunsiderazzjoni l-operazzjonijiet ta’ hedging bejn euro u lira Torka. Issa, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma għandhiex tħalli lill-Kummissjoni ċċaħħad lil din tal-aħħar mill-effett utli tagħha.

80

Il-Kummissjoni tqis li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, billi l-appellanti ma jikkontestawx il-punt 82 tas-sentenza appellata. Dan l-aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tallega b’mod żbaljat li s-sitt aggravju huwa ineffettiv minħabba li l-appellanti ma kkontestawx il-punt 82 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, dan il-punt sempliċement ifisser l-kontenut tal-premessa 98 tar-Regolament kontenzjuż, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali tevalwa l-fondatezza tiegħu, hekk li l-fatt li l-imsemmi punt ma ġiex ikkontestat ma huwiex biżżejjed sabiex jirrendi dan l-aggravju ineffettiv.

82

Fit-tieni lok, għal dik li hija l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 85 sa 87 u 91 sa 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-Regolament kontenzjuż, li l-kuntratti ta’ hedging konklużi mill-appellanti ma kinux rilevanti għall-konverżjonijiet ta’ muniti li għamlet din l-istituzzjoni sabiex jiġi ggarantit paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

83

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li ma kien hemm ebda hedging għat-tranżazzjonijiet iffatturati f’dollaru Amerikan, iżda kien hemm biss hedging għal dawk iffatturati f’euro, u li l-bejgħ għall-esportazzjoni tal-appellanti li sar f’euro kellu jiġi kkonvertit f’lira Torka mill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejnhom u l-bejgħ domestiku – ħaġa li din l-istituzzjoni kienet għamlet direttament, mingħajr konverżjoni intermedja f’dollaru Amerikan, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, billi l-kuntratti ta’ hedging inkwistjoni kienu jipprevedu hedging f’dollaru Amerikan billi ġiet pattwita rata ta’ konverżjoni bejn l-euro u d-dollaru Amerikan, din il-konverżjoni kienet estranja għall-operazzjoni ta’ konverżjoni li għamlet il-Kummissjoni, jiġifieri mill-euro għal-lira Torka. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kienet obbligata li tuża r-rata ta’ konverżjoni prevista fil-kuntratti ta’ hedging.

84

L-appellanti jqisu li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, inkwantu hija tiffoka fuq il-muniti koperti mill-kuntratt ta’ hedging minflok fuq id-data li tiffissa r-rata tal-kambju f’dan il-kuntratt – liema data, madankollu, tirreferi għaliha din id-dispożizzjoni – u timmina l-effett utli ta’ din tal-aħħar.

85

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, għandu jsir paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir, fl-istess stadju kummerċjali, għal bejgħ magħmul f’dati kemm jista’ jkun viċini u billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni differenzi oħra li jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ffissati ma jkunux jistgħu jiġu hekk ipparagunati, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’kull każ, taħt forma ta’ aġġustamenti, id-differenzi kkonstatati fil-fatturi li jkun ġie allegat u li jkun intwera li jaffettwaw il-prezzijiet u, għaldaqstant, il-paragunabbiltà tagħhom.

86

Il-konverżjoni tal-muniti hija fost il-fatturi fil-punt (j) ta’ dan l-Artikolu 2(10) li abbażi tagħhom jistgħu jsiru aġġustamenti. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, meta l-paragun tal-prezzijiet ikun jeħtieġ konverżjoni tal-muniti, din il-konverżjoni għandha ssir billi tintuża r-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data tal-bejgħ, iżda, meta bejgħ ta’ munita barranija fuq is-swieq bil-quddiem ikun marbut direttament mal-bejgħ għall-esportazzjoni kkonċernata, għandha tintuża r-rata tal-kambju fil-bejgħ bil-quddiem. L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża wkoll li, normalment, id-data tal-bejgħ hija dik indikata fuq il-fattura, iżda d-data tal-kuntratt, tal-ordni u tal-konferma tal-ordni tista’ tintuża jekk kemm‑il darba tkun iktar xierqa sabiex jiġu ffissati l-kundizzjonijiet materjali tal-bejgħ. Iċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni u l-esportaturi għandhom jingħataw sittin ġurnata sabiex jaġġustaw il-prezzijiet tagħhom skont kwalunkwe varjazzjoni sostanzjali fir-rati tal-kambju matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

87

B’hekk, meta tkun meħtieġa konverżjoni tal-muniti sabiex jiġi pparagunat b’mod ġust il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku jippreċiża l-mod kif għandha tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju li tapplika għal din il-konverżjoni. Din ir-rata tal-kambju għandha tikkorrispondi għal dik fis-seħħ fid-data tal-bejgħ, ħlief jekk l-imsemmija rata tkun ġiet pattwita waqt bejgħ bil-quddiem marbut direttament mal-bejgħ għall-esportazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-paragun mal-valur normali. Fil-fatt, mill-kliem użat f’din id-dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm il-bejgħ ta’ munita barranija fis-suq bil-quddiem huwa direttament marbut mal-bejgħ għall-esportazzjoni kkonċernat, għandha tintuża r-rata tal-kambju għall-bejgħ bil-quddiem. L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża wkoll kif għandha tiġi ddeterminata d-data tal-bejgħ meta din ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni u tindika li l-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

88

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku ma jagħti ebda indikazzjoni dwar il-munita li fiha għandha ssir il-konverżjoni meta din il-konverżjoni tkun meħtieġa sabiex isir paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan ifisser li, meta tkun meħtieġa konverżjoni tal-muniti sabiex ikun jista’ jsir tali paragun, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tiddetermina f’liema munita dawn il-prezzijiet għandhom jiġu kkonvertiti. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali marġni ta’ evalwazzjoni għandu jkun limitat għalbiex jiġi vverifikat jekk ir-regoli tal-proċedura jkunux ġew osservati, jekk il-fatti li abbażi tagħhom issir l-għażla kkontestata tal-munita jkunux ġew iddikjarati b’mod preċiż, jekk kienx hemm żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew jekk kienx hemm abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics u Jushi Egypt for Fiberglass Industry vs Il‑Kummissjoni, C‑269/23 P u C‑272/23 P, EU:C:2024:984, punt 125, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89

Fl-aħħar nett, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata, kuntratt ta’ hedging jippermetti li tiġi ffissata, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ir-rata tal-kambju li għandha tapplika għal tranżazzjoni monetarja li tkun ser isseħħ f’data futura u li jitnaqqas, b’dan il-mod, ir-riskju finanzjarju li għalih tkun esposta parti kontraenti minħabba varjazzjonijiet sfavorevoli fir-rati tal-kambju.

90

B’hekk, kuntratt ta’ hedging jiffissa rata tal-kambju għall-bejgħ bil-quddiem, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

91

Madankollu, billi, kif jirriżulta mill-punti 87 u 88 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tippreċiża l-mod kif għandha tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju li tapplika għal konverżjoni tal-muniti sabiex jiġu pparagunati l-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, iżda ma tagħti ebda indikazzjoni dwar l-għażla tal-munita li fiha għandha ssir din il-konverżjoni, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, skont l-imsemmija dispożizzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-muniti użati f’dan il-kuntratt ta’ hedging sabiex isir dan il-paragun u lanqas, għaldaqstant, ir-rata tal-kambju ffissata mill-imsemmi kuntratt għas-sempliċi raġuni li dan ikun direttament marbut mal-bejgħ għall-esportazzjoni kkonċernat.

92

Sabiex il-Kummissjoni tkun obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni r-rata tal-kambju ffissata f’kuntratt ta’ hedging, mhux biss huwa meħtieġ li dan il-kuntratt ikun direttament marbut mal-bejgħ għall-esportazzjoni inkwistjoni, iżda wkoll li l-munita prevista fl-imsemmi kuntratt tkun ukoll dik li fiha din l-istituzzjoni tqis li għandhom jiġu kkonvertiti l-prezzijiet sabiex ikun jista’ jsir paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Madankollu, il-fatt li kuntratt ta’ hedging ikun direttament marbut mal-bejgħ għall-esportazzjoni kkonċernat ma jagħti ebda indikazzjoni dwar jekk il-munita, li r-rata tal-kambju tagħha tkun ġiet iffissata f’dan il-kuntratt, hijiex dik li fiha għandhom jiġu kkonvertiti l-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-valur normali sabiex jiġi ggarantit il-paragun ġust tagħhom, kif titlob l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

93

Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, mill-fatt li l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku jiffoka fuq id-data tar-rata tal-kambju, indipendentement mill-muniti li r-rata tal-kambju tagħhom tkun ġiet iffissata fil-kuntratt, ma jirriżultax li, meta produttur esportatur ikun ikkonkluda kuntratt ta’ hedging, il-Kummissjoni għandha neċessarjament l-obbligu li tagħmel konverżjoni skont il-muniti msemmija f’dan il-kuntratt sabiex jiġi ggarantit paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali.

94

Barra minn hekk, l-appellanti jallegaw b’mod żbaljat li l-fatt li kuntratt ta’ hedging għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta l-operazzjoni tkun tikkonċerna l-munita tal-fattura u l-munita tal-konverżjoni użati mill-Kummissjoni jwassal sabiex din l-istituzzjoni titħalla taħrab mill-obbligu stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 91 u 92 ta’ din is-sentenza, dan l-obbligu jikkonċerna biss il-mod kif tiġi ddeterminata r-rata ta’ konverżjoni li għandha tapplika għall-finijiet ta’ paragun ġust u mhux ukoll l-għażla tal-muniti li għandhom jiġu kkonvertiti.

95

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu wkoll l-appellanti, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku ma għandhiex l-effett li tħalli lill-Kummissjoni ċċaħħad l-imsemmi obbligu minn kull effett utli tiegħu. Fil-fatt, fejn din l-istituzzjoni tqis li l-prezzijiet tal-bejgħ għall-esportazzjoni għandhom jiġu kkonvertiti f’munita li ma tkunx dik speċifikata f’kuntratt ta’ hedging direttament marbut ma’ dan il-bejgħ, din l-istituzzjoni tibqa’, bħala prinċipju, obbligata, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10)(j) ta’ dan ir-regolament, li tuża r-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data tal-bejgħ.

96

Barra minn hekk u b’mod iktar fundamentali, il-Kummissjoni, meta tagħżel il-munita li fiha hija tqis li għandhom jiġu kkonvertiti l-prezzijiet inkwistjoni, tkun obbligata, bis-saħħa tal-obbligu ta’ prinċipju li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10) tal-imsemmi regolament, li tiggarantixxi li din l-għażla tagħmilha possibbli li jsir paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. L-imsemmija għażla, li taqa’ fl-iskop tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li tgawdi minnha din l-istituzzjoni minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li hija jkollha teżamina, tibqa’ suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-punt 88 ta’ din is-sentenza.

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx ħażin l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku meta ddeċidiet, wara li kkonstatat li l-kuntratti ta’ hedging konklużi mill-appellanti kienu jiffissaw rata ta’ kambju bejn l-euro u d-dollaru Amerikan, li din ir-rata ma kinitx rilevanti għall-finijiet tal-konverżjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ għall-esportazzjoni li għamlet il-Kummissjoni, jiġifieri minn euro f’lira Torka.

98

Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tmien aggravju

L-argumenti tal-partijiet

99

Permezz tat-tmien aggravju tagħhom, l-appellanti, filwaqt li jikkritikaw il-punti 108 sa 117 tas-sentenza appellata, jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod żbaljat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, imsemmija f’dawn il-punti u li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, obbligu ta’ informazzjoni li jinkombi fuq il-produtturi-esportaturi suġġetti għal investigazzjoni, li jikkonsisti fl-għoti lill-Kummissjoni, sa mill-bidu tal-proċedura u billi jagħmlu mill-aħjar li jistgħu, tal-informazzjoni kollha li tkunilhom utli għalbiex jifhmu sewwa d-data tagħhom sabiex ma jkunx hemm ir-riskju li jiġi mfixkel l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura antidumping u sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tagħmel il-verifiki neċessarji fi żmien xieraq. Issa, l-ewwel nett, din il-ġurisprudenza, dwar l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku li jikkonċerna n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ, billi l-appellanti kkooperaw fil-proċedura antidumping. It-tieni, il-Qorti Ġenerali interpretat dan l-obbligu li tingħata informazzjoni b’mod wiesa’ wisq billi tħalli lill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerta informazzjoni meta hija tqis li din ma tkunx ċara, u dan mingħajr ma din l-istituzzjoni tkun meħtieġa tfittex li tiċċaraha bis-saħħa tas-setgħa tagħha li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-produtturi-esportaturi. Issa, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku jippermetti ċerta flessibbiltà, billi jipprevedi li l-informazzjoni li “ma tkunx l-aħjar fl-aspetti kollha” ma tistax tiġi eskluża ipso jure mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, it-tielet, l-impożizzjoni ta’ tali obbligu fuq il-produtturi-esportaturi tirriskja li ġġib fix-xejn l-obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni.

100

Il-Kummissjoni tqis li t-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

101

F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-allegazzjonijiet tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kkritikathom, b’mod żbaljat, talli ma pprovdewx, sa mill-bidu tal-proċedura antidumping, l-informazzjoni kollha utli sabiex jifhmu sewwa d-data tagħhom huma manifestament inammissibbli. Fil-fatt, permezz ta’ dawn l-allegazzjonijiet, l-appellanti qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jallegaw żnaturament tal-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward jew tal-provi fil-proċess, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi tal-Qorti Ġenerali bl-evalwazzjoni tagħha stess. Fit-tieni lok, l-appellanti, billi jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq l-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, iqajmu aggravju ġdid u, għaldaqstant, aggravju inammissibbli fl-istadju tal-appell. Fil-fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti la sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret din id-dispożizzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li huma kienu pprovdewlha dwar ir-rwol ta’ Erdemir fil-bejgħ domestiku ta’ Isdemir u lanqas li din l-istituzzjoni kienet naqset mill-obbligu tagħha ta’ diliġenza jew ta’ amministrazzjoni tajba.

102

Il-Kummissjoni ssostni li t-tmien aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

103

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li dan l-aggravju la jfittex li jwaqqa’ dubju fuq l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fatti u tal-provi prodotti mill-appellanti, u lanqas fuq il-konstatazzjoni tagħha, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-appellanti għal dak li huwa l-bejgħ domestiku ta’ Isdemir, kien għadu diffiċli għall-Kummissjoni li tivverifika jekk il-funzjonijiet ta’ bejgħ ta’ Erdemir kinux riflessi korrettament fl-ispejjeż ta’ bejgħ, fl-ispejjeż amministrattivi u fl-ispejjeż ġenerali l-oħra (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż SG&A”) iddikjarati minn Isdemir. Fil-fatt, permezz tat-tmien aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, interpretat, abbażi tal-ġurisprudenza tagħha stess u ta’ dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li tingħata informazzjoni, ibbażat fuq il-produtturi-esportaturi li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping, b’mod wiesa’ wisq.

104

Billi, għalhekk, l-aggravju ma huwiex qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti jew tal-provi, iżda qiegħed jitlobha teżamina punti ta’ liġi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

105

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-aggravju lanqas ma huwa ġdid, minħabba li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, li ma ġiex invokat fl-ewwel istanza.

106

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, appellant jista’ jippreżenta appell billi jinvoka aggravji li jitnisslu mis-sentenza appellata nnifisha u li jfittxu li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2018, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑4/17 P, EU:C:2018:678, punt 24, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il‑Kummissjoni, C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punt 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107

Issa, f’dan il-każ, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali qagħdet fuq ġurisprudenza relatata mal-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku sabiex tiċħad l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors tagħhom. Huwa f’dan il-kuntest li huma qegħdin jinvokaw ksur tal-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament mhux min-naħa tal-Kummissjoni, iżda min-naħa tal-Qorti Ġenerali, inkwantu hija injorat il-portata eżatta tal-obbligu li tingħata informazzjoni impost fuqhom bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Huma lanqas ma jikkritikaw lill-Kummissjoni talli kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza jew ta’ amministrazzjoni tajba, iżda jsostnu li l-obbligu li tingħata informazzjoni, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali, għandu l-effett li jġib fix-xejn dan l-obbligu. Għalhekk, din hija kwistjoni ta’ liġi li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja adita b’appell.

108

Dan ifisser li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

– Fuq il-mertu

109

Kif jirriżulta mill-punt 103 ta’ din is-sentenza, l-appellanti essenzjalment jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kisret l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, mhux biss inkwantu qieset li l-appellanti kienu marbuta, f’dan il-każ, bl-obbligu li tingħata informazzjoni li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, u dan minkejja li l-appellanti kienu kkooperaw fl-investigazzjoni, iżda wkoll inkwantu interpretat dan l-obbligu, abbażi tal-ġurisprudenza tagħha stess u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod wiesa’ wisq, fis-sens li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni ċerta informazzjoni minħabba li din ma tkunx ċara biżżejjed. Issa, mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku għandu jiġi dedott livell ta’ tolleranza f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, li kellu dan l-obbligu li tingħata informazzjoni jiġi interpretata b’mod hekk wiesa’ jirriskja li jġib fix-xejn l-obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni, inkwantu din tal-aħħar ma hijiex obbligata li titlob kjarifiki bis-saħħa tas-setgħa tagħha li titlob informazzjoni addizzjonali.

110

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn qari flimkien tal-Artikoli 6, 16 u 18 tar-Regolament bażiku, meta l-Kummissjoni tinvestiga l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu, l-għan ewlieni tagħha għandu jkun li tikseb informazzjoni rilevanti abbażi ta’ kooperazzjoni volontarja tal-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata, kif jitlob l-għan tar-Regolament bażiku li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu b’mod oġġettiv sabiex jiġu imposti dazji antidumping xierqa, li teżamina bid-diliġenza kollha meħtieġa l-informazzjoni kollha li hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punti 48 u 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

111

Fil-punti 112 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret l-obbligi li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping, jaqgħu fuq il-Kummissjoni u fuq il-produtturi-esportaturi, rispettivament. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rreferiet għal preċedenti ġurisprudenzjali li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 16 ta’ dan ir-regolament jew ta’ dak li dan tal-aħħar issostitwixxa, qalet li l-partijiet li lilhom jintbagħat kwestjonarju huma obbligati li jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li tippermettilha tlesti l-investigazzjoni antidumping. Hija fissret wkoll l-interess ta’ verifika fuq il-post jew ta’ remote crosscheck, għall-finijiet tal-verifika tal-informazzjoni miġbura mingħand il-partijiet suġġetti għal tali investigazzjoni.

112

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(3) u (6) tar-Regolament bażiku, li tikkonċerna sitwazzjonijiet ta’ kooperazzjoni insuffiċjenti jew parzjali mill-partijiet ikkonċernati. B’hekk, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, hija rrilevat li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-informazzjoni li dawn il-partijiet huma obbligati li jipprovdu lill-Kummissjoni għandha tintuża mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġbdu l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antidumping u li dawn l-istess partijiet ma għandhomx iħallu barra l-informazzjoni rilevanti.

113

Skont l-Artikolu 18(3) tar‑Regolament bażiku, fejn l-informazzjoni ppreżentata minn parti kkonċernata ma tkunx ideali taħt kull aspett, din ma għandhiex, madanakollu, tiġi injorata, u dan sakemm in-nuqqasijiet li din jista’ jkollha ma jagħmluhiex diffiċli żżejjed sabiex jinġibdu konklużjonijiet raġonevolment korretti, l-informazzjoni tiġi pprovduta f’waqtha, din l-informazzjoni tkun tista’ tiġi vverifikata u l-parti tkun għamlet l-aħjar li setgħet. Madankollu, inkwantu ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li ġġiegħel lill-partijiet ikkonċernati jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu informazzjoni, din l-istituzzjoni tiddependi mill-kooperazzjoni volontarja ta’ dawn il-partijiet sabiex jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China),C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 54).

114

Mill-premessa 27 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb jipprevedi, f’dan il-kuntest, li, fir-rigward ta’ partijiet li ma jikkooperawx b’mod sodisfaċenti, tista’ tintuża informazzjoni oħra għalbiex jiġu ddeterminati d-dumping u d-dannu, liema informazzjoni tista’ tkun inqas favorevoli għall-imsemmija partijiet milli kieku dawn kienu kkooperaw. B’hekk, l-għan tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku huwa li jippermetti lill-Kummissjoni tkompli bl-investigazzjoni mqar jekk il-partijiet ikkonċernati jirrifjutaw li jikkooperaw jew ma jikkooperawx biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China),C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 55).

115

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-għan tal-Artikoli 6 u 16, kif ukoll tal-Artikolu 18(3) u (6) tar-Regolament bażiku, moqrija flimkien, huwa li jiġi ddeterminat kemm sa fejn il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mill-parti li tkun is-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping u kemm il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn nuqqas ta’ kooperazzjoni, minn kooperazzjoni parzjali jew minn kooperazzjoni inkompleta min-naħa ta’ din il-parti. B’hekk, minn naħa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni biss meta din tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ kooperazzjoni insuffiċjenti, din tista’ twassal għal sitwazzjoni inqas favorevoli għall-imsemmija parti milli kieku din tal-aħħar ikkooperat.

116

Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kisret ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu, meta qieset, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li kienu l-appellanti li kellhom jipprovdu lill-Kummissjoni, sa mill-bidu tal-proċedura antidumping u billi jagħmlu l-aħjar li jistgħu, l-informazzjoni kollha utli għalbiex jifhmu sewwa l-informazzjoni tagħhom sabiex ma jkunx hemm ir-riskju li jiġi mfixkel l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura antidumping u sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tagħmel il-verifiki neċessarji fi żmien xieraq.

117

It-tieni, billi, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, u mingħajr ma ġie allegat żnaturament f’dan ir-rigward, li l-informazzjoni pprovduta mill-appellanti, anki wara r-remote crosscheck, ma kinitx ċara biżżejjed u ma kinitx ippermettiet lill-Kummissjoni tivverifika jekk il-parteċipazzjoni ta’ Erdemir fil-bejgħ ta’ Isdemir kinitx riflessa korrettament fl-ispejjeż SG&A ddikjarati ta’ Isdemir, hija setgħet validament tqis li dawn il-punti ta’ fatt kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, inkwantu l-informazzjoni kkonċernata ma setgħetx tiġi vverifikata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-konstatazzjoni li l-appellanti naqsu milli jikkomunikaw informazzjoni ċara, korretta u suffiċjenti ppermettiet ukoll lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, mingħajr ma tivvizzja s-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi, fil-punt 117 tagħha, li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata, sabiex tirrifletti korrettament il-parteċipazzjoni ta’ Erdemir fil-proċess ta’ bejgħ ta’ Isdemir fis-suq intern, li żżid ammont ikkalibrat ta’ spejjeż SG&A.

118

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli kisret l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, inkwantu hija allegatament applikat din id-dispożizzjoni, jew ittrasponiet ġurisprudenza relatata magħha, għal sitwazzjoni li fiha din ma tapplikax.

119

It-tielet, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tiġi kkritikata talli kisret l-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku inkwantu, filwaqt li din id-dispożizzjoni tipprevedi li informazzjoni li ma hijiex l-“aħjar fl-aspetti kollha” ma tistax tiġi miċħuda ex officio, hija qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni ċerta informazzjoni meta hija tqis li din ma tkunx ċara, mingħajr ma jkollha għalfejn tfittex li tiċċaraha bis-saħħa tas-setgħa tagħha li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-produtturi-esportaturi.

120

Fil-fatt, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni din id-data. Għall-kuntrarju, fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li din l-istituzzjoni kellha tuża l-informazzjoni pprovduta għalbiex jinġibdu l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antidumping. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet, ġustament, li l-Kummissjoni setgħet iżżid l-ammont tal-ispejjeż iddikjarati minn kumpannija relatata sabiex tirrifletti l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess tal-bejgħ domestiku tal-produttur-esportatur ikkonċernat, meta din l-istituzzjoni ma tkunx tista’ tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward mill-partijiet ikkonċernati, anki wara li tkun ħadet passi f’dan is-sens. Issa, kif jirriżulta mill-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan il-każ, li, anki fir-rigward tad-dokumenti pprovduti wara remote crosscheck, kien baqa’ diffiċli, għall-imsemmija istituzzjoni, li tivverifika jekk il-funzjonijiet ta’ bejgħ kinux riflessi korrettament fl-ispejjeż SG&A ddikjarati minn Isdemir.

121

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li t-tmien aggravju, inkwantu huwa bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, billi hija allegatament aċċettat li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tiċħad ex officio jew tirrifjuta li tuża ċerta informazzjoni li ma tkunx ċara biżżejjed, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għandu jiġi ddikjarat infondat.

122

Fl-aħħar nett u r-raba’, għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll l-ilment ibbażat fuq ir-riskju li jinġieb fix-xejn l-obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni, billi dan l-ilment huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta ex officio li tuża ċerta informazzjoni mingħajr ma jkollha tfittex li tiċċaraha.

Fuq is-seba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

123

Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, li jikkritika l-punti 116, 117, 122, 124 u 125 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, inkwantu rrispondiet biss parzjalment għall-argument li huma ressqu insostenn tal-ewwel parti tat-tielet motiv tagħhom invokat fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni għaddet darbtejn ċerti spejjeż SG&A, jiġifieri spejjeż tat-trasport li Erdemir allegatament sostniet u li din tal-aħħar allegatament iffatturat direttament lil Isdemir. Madankollu, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni tal-għadd doppju biss fir-rigward tas-“servizzi ta’ grupp” u naqset milli teżaminaha fir-rigward tal-“ispejjeż tat-trasport”.

124

Il-Kummissjoni tqis li s-seba’ aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

125

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, hekk li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu r-raġunijiet għad-deċiżjoni li tkun ittieħdet u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (Il-Ġermanja – Ville de Paris et vs Il‑Kummissjoni, C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2024, LE vs Il‑Kummissjoni, C‑781/22 P, EU:C:2024:960, punt 73). Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tagħti spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fit-tilwima, billi l-motivazzjoni tista’ tkun, għalhekk, impliċita u dan kemm‑il darba, permezz tagħha, il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma tkunx laqgħet l-argumenti tagħhom u l-Qorti tal-Ġustizzja jkun jista’ jkollha biżżejjed informazzjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zhejiang Jiuli Hi‑Tech Metals vs Il‑Kummissjoni, C‑718/20 P, EU:C:2022:362, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2025, Frajese vs Il‑Kummissjoni, C‑586/23 P, EU:C:2025:45, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 96 sa 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argument ibbażat fuq il-possibbiltà li l-ispejjeż tat-trasport marbuta mal-bejgħ domestiku ta’ Isdemir, magħmul minn Erdemir, intgħaddew darbtejn u tat raġunijiet suffiċjenti fid-dritt għaliex ċaħdet l-ewwel parti tat-tielet motiv tal-appellanti.

127

F’dan ir-rigward, hija kkonstatat qabelxejn, fil-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata, il-portata tal-argumenti mressqa mill-appellanti insostenn ta’ din l-ewwel parti, billi spjegat li, fil-fehma tagħhom, fil-proċess ta’ bejgħ domestiku ta’ Isdemir, dan il-bejgħ kien iffatturat mill-ġdid minn Erdemir lill-klijenti indipendenti bl-istess valur bħal dak iffatturat lil din tal-aħħar minn Isdemir, filwaqt li l-ispejjeż tat-trasport kienu ffatturati mit-trasportaturi tal-merkanzija lil Erdemir, li kienet tiffatturahom mill-ġdid lil Isdemir. Issa, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping fl-istadju definittiv li jikkonċerna lil Isdemir, allegatament żiedet b’mod żbaljat l-ispejjeż SG&A ddikjarati minn din tal-aħħar fir-rigward tal-bejgħ domestiku b’ammont li din l-istituzzjoni qieset li jikkorrispondi għall-ispejjeż SG&A li jkopru l-parteċipazzjoni ta’ Erdemir fil-proċess ta’ bejgħ ta’ Isdemir fis-suq intern.

128

F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-punt 115 tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienu rrilevaw li l-ispejjeż tat-trasport inizjalment sostnuti minn Erdemir kienu ffatturati mill-ġdid lil Isdemir u li dawn l-ispejjeż kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-ispejjeż SG&A ta’ Isdemir. Barra minn hekk, fil-punt 120 ta’ dan ir-rikors, l-appellanti ammettew – b’rabta mal-premessa 74 tar-Regolament kontenzjuż, imfakkra fil-punt 118 tal-imsemmi rikors u li fiha l-Kummissjoni qalet li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi jekk is-servizzi ffatturati kinux jikkonċernaw spejjeż sostnuti waqt bejgħ mill-ġdid fis-suq intern, billi t-tranżazzjonijiet irrekordjati u/jew il-fatturi maħruġa kienu kollha mmarkati bħala “servizzi ta’ grupp” biss – li l-fatturi u l-kotba tal-kontijiet kienu jirreferu għal “spejjeż ta’ servizz ta’ grupp”, filwaqt li sostnew li huma kienu taw spjegazzjonijiet iddettaljati dwar il-kalkolu tat-tqassim tal-ispejjeż sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż sostnuti minn kull kumpannija.

129

Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn l-argumenti tal-appellanti li, kif jirriżulta mill-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li hija kellha teżamina l-kwistjoni jekk l-ispejjeż tat-trasport marbuta ma’ dan il-bejgħ domestiku ntgħaddewx darbtejn bħala parti mill-ispejjeż SG&A ddikjarati minn Isdemir, inkwantu dawn ġew inklużi fis-“servizzi ta’ grupp” iffatturati minn Erdemir lil din tal-aħħar.

130

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali spjegat, qabelxejn, fil-punti 101 u 102 tas-sentenza appellata, li huwa għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż SG&A tan-negozjanti relatati u fakkret li l-ammonti li jikkorrispondu għal dawn l-ispejjeż kif ukoll għall-profitti huma bbażati fuq data reali dwar il-produzzjoni u l-bejgħ.

131

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi jekk is-servizzi ffatturati kinux effettivament jikkonċernaw spejjeż sostnuti waqt bejgħ mill-ġdid fis-suq intern, billi t-tranżazzjonijiet irrekordjati jew il-fatturi maħruġa kienu kollha mmarkati bħala “servizzi ta’ grupp” biss. Barra minn hekk, fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, hija rrilevat li, fil-kuntest tar-remote crosscheck, il-Kummissjoni la kienet f’pożizzjoni li tiddetermina u lanqas li tivverifika jekk is-servizzi ffatturati lil Isdemir minn Erdemir kinux jirriflettu korrettament il-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-proċess ta’ bejgħ domestiku u, barra minn hekk, li kien għadu diffiċli għall-Kummissjoni, wara r-remote crosscheck u minkejja l-provvista ta’ fatturi jew ta’ siltiet mill-karta tal-bilanċ, li tivverifika jekk il-funzjonijiet ta’ bejgħ ta’ Erdemir kinux riflessi korrettament fl-ispejjeż SG&A ddikjarati minn Isdemir.

132

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, wara li qieset, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li ma kinitx din l-istituzzjoni li kellha tiddeduċi mit-tweġibiet ipprovduti għall-kwestjonarju u għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali li l-bejgħ domestiku ta’ Isdemir kien iffatturat permezz ta’ Erdemir, ikkonkludiet, fil-punt 117 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli qieset li ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina u tivverifika jekk is-servizzi ffatturati lil Isdemir minn Erdemir kinux jirriflettu korrettament tali parteċipazzjoni ta’ Erdemir u li din l-istituzzjoni setgħet għalhekk validament iżżid ammont ta’ spejjeż SG&A sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni s-servizzi ta’ bejgħ ipprovduti minn Erdemir.

133

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-informazzjoni pprovduta mill-appellanti ma kinitx ippermettiet lill-Kummissjoni tidentifika liema kienu sewwasew l-ispejjeż li kienu jaqgħu fl-iskop tas-“servizzi ta’ grupp” iffatturati minn Erdemir, u lanqas, għaldaqstant, li tivverifika jekk l-ispejjeż tat-trasport, sostnuti minn Erdemir u marbuta mal-bejgħ fis-suq intern li din il-kumpannija kienet għamlet bħala intermedjarju f’isem Isdemir, kinux riflessi korrettament f’dawn is-servizzi jew fl-ispejjeż SG&A sostnuti u ddikjarati minn Isdemir fir-rigward tal-bejgħ domestiku.

134

Għalhekk, din il-motivazzjoni tippermetti lill-appellanti jkunu jafu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed informazzjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

135

Dan ifisser li s-seba’ aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

136

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

137

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

138

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, japplikaw għall-proċedura tal-appell, il-parti sokkombenti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk kemm‑il darba dawn ikunu ntalbu.

139

F’dan il-każ, billi li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u billi l-aggravji ta’ dawn tal-aħħar ma ntlaqgħux, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAŞ, İskenderun Demir ve Çelik AŞ u Erdemir Çelik Servis Merkezi Sanayi ve Ticaret AŞ huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.