|
6.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 159/11 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/740
tal-4 ta’ Mejju 2021
dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Isopropanol Solution f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2021) 3037)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Billi:
|
(1) |
Fis-26 ta’ Ġunju 2020, il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit (“l-awtorità kompetenti”) adotta deċiżjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Isopropanol Solution sat-23 ta’ Diċembru 2020 (“l-azzjoni”). L-awtorità kompetenti għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Skont it-tagħrif li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa sabiex titħares is-saħħa pubblika. Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat li t-tifqigħa tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) tista’ tiġi kkaratterizzata bħala pandemija. Il-Gvern tar-Renju Unit iddikjara r-riskju għar-Renju Unit bħala “għoli” u fit-23 ta’ Marzu 2020 daħħal fis-seħħ miżuri restrittivi. L-użu ta’ diżinfettanti tal-idejn b’bażi ta’ alkoħol huwa rrakkomandat mill-WHO bħala miżura preventiva kontra t-tixrid tal-COVID-19, bħala alternattiva għall-ħasil tal-idejn bis-sapun u bl-ilma. |
|
(3) |
L-Isopropanol Solution fiha l-propan-2-ol bħala sustanza attiva. Il-propan-2-ol huwa approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 1 (iġjene tal-bniedem) kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(4) |
Mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, id-diżinfettanti tal-idejn kienu f’domanda estremament għolja fir-Renju Unit, u dan wassal għal nuqqas ta’ provvista mingħajr preċedent ta’ dawn il-prodotti. Qabel l-azzjoni, kien hemm ftit ferm diżinfettanti tal-idejn awtorizzati fir-Renju Unit skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-COVID-19 tirrappreżenta theddida serja għas-saħħa pubblika fir-Renju Unit u diżinfettanti tal-idejn addizzjonali huma kruċjali biex it-tixrid tagħha jkun ikkontrollat. |
|
(5) |
F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fid-9 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex l-azzjoni tiġi estiża. It-talba motivata saret abbażi ta’ tħassib li s-saħħa pubblika tista’ tiġi pperikolata mill-COVID-19 lil hinn mit-23 ta’ Diċembru 2020 u b’kont meħud tal-fatt li huwa kruċjali li jitħallew jitpoġġew fis-suq diżinfettanti tal-idejn addizzjonali sabiex jitrażżan il-periklu kkawżat mill-COVID-19. |
|
(6) |
Ir-rata ta’ infezzjoni ilha tiżdied fir-Renju Unit u, skont l-awtorità kompetenti, hija mistennija żieda addizzjonali fid-domanda ta’ diżinfettanti tal-idejn. Fid-dawl taż-żieda mistennija fid-domanda, l-estensjoni tal-azzjoni hija neċessarja. |
|
(7) |
L-awtorità kompetenti ħeġġet lill-kumpaniji li rċevew derogi għad-diżinfettanti tal-idejn wara l-11 ta’ Marzu 2020 biex malajr kemm jista’ jkun ifittxu l-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott. Madankollu, sal-lum ma waslet l-ebda applikazzjoni ġdida għall-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott għand l-awtorità kompetenti. |
|
(8) |
Peress li l-COVID-19 għadha ta’ periklu għas-saħħa pubblika u minħabba l-fatt li fin-nuqqas ta’ diżinfettanti tal-idejn addizzjonali permessi fis-suq, dan il-periklu ma jistax jitrażżan b’mod adegwat fir-Renju Unit, jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni. |
|
(9) |
Filwaqt li jitqies it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-Ħruġ), jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2020. Madankollu, rigward ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, id-dritt tal-Unjoni jkompli japplika lil hinn mill-perjodu ta’ tranżizzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ. Billi l-azzjoni skadiet fit-23 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit jista’ jestendi l-azzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Isopropanol Solution sal-31 ta’ Diċembru 2020.
Għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, madankollu, l-azzjoni tista’ tiġi estiża sas-27 ta’ Ġunju 2022.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit.
Għandha tapplika mill-24 ta’ Diċembru 2020.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni