52011SC0821

Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Hungaryand delivering a Council opinionon the updated Convergence Programme of Hungary, 2011-2015


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ungerija għall-2011 u l-għoti tal-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tal-Ungerija, 2011-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[3], li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali.

(3) Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità għat-tfassil ta’ baġits tajbin u għat-treġġigħ lura tas-sostenibilità fiskali, għat-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5) Fil-15 ta’ April 2011, l-Ungerija ressqet il-verżjoni aġġornata tagħha tal-Programm ta’ Konverġenza 2011 li tkopri l-perjodu 2011-2015 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(6) L-Ungerija ntlaqtet ħażin ħafna bill-kriżi tal-ħarifa 2008, u l-pajjiż tilef l-aċċess għall-finanzjament ibbażat fuq is-suq. Biex tegħleb dwan id-diffikultajiet, l-Ungerija implimentat programm ta’ aġġustament li ffoka fuq il-konsolidazzjoni fiskali u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju u kienet appoġġata minn assistenza finazjarja mill-UE u mill-FMI. F’dan l-isfond, il-pajjiż reġa’ kiseb aċċess għas-suq fir-rebbiegħa tal-2009 u l-ekonomija ħarġet mir-riċessjoni: wara tnaqqis ta’ 6,7% fl-2009, fl-2010 l-PDG kiber b’1,2%, sostnut minn żidiet fl-esportazzjoni. Fl-istess ħin, il-qgħad żdied ulterjorment għal iktar minn 11% mil-livell ta' qabel il-kriżi ta’ 8%. Fit-tieni nofs tal-2010 l-gvern ħabbar tnaqqis sinifikanti tat-taxxa, li għandhom jiġu implimentati bejn l-2010 u l-2013. Biex jillimita d-deterjorazzjoni fiskali, b’mod parallel, huwa introduċa imposti straordinarji u ddeċieda li jabolixxi l-pilastru tal-pensjonijiet privati mandatorji. Minkejja li dan ippermetta t-trażżin l-infiq eċċessiv fl-2010 għal 0,4% tal-PDG 'il fuq mill-mira tad-defiċit ta’ 3,8% tal-PDG u se jirriżulta f’surplus fl-2011, il-pożizzjoni sottostanti ddeterjorat b'mod sinifikanti. F’dan l-isfond, u bil-ħsieb li jissaħħaħ il-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku, f'Marzu 2011 il-gvern ħabbar programm ta' riforma struturali u adotta miżuri ulterjuri ta' konsolidazzjoni.

(7) Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2011 tal-Kummissjoni, ix-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji huma kemxejn wisq favorevoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi tad-domanda domestika. L-aġġornament huwa intenzjonat biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-iskadenza tal-2011 stabbilita mill-Kunsill, li se tinkiseb b’surplus ta’ 2% tal-PDG permezz ta’ dħul sinifikanti ta’ darba mill-assi tal-pensjonijiet. Il-baġit se jinbidel f’defiċit ta’ 2,5% tal-PDG fl-2012 u sussegwentement jonqos gradwalment għal 1,5% tal-PDG fl-2015, l-aktar b'riżultat tat-trażżin tan-nefqa. L-aġġornament jikkonferma li l-objettiv ta' terminu medju (OTM) tal-pajjiż għall-pożizzjoni baġitarja f'termini strutturali, li hu defiċit ta' 1,5% tal-PDG. L-istrateġija ta’ konsolidazzjoni hija mistennija tnaqqas id-defiċit baġitarju b’mod strutturali u tpoġġi d-dejn fit-triq tan-niżla biex jilħaq 64% tal-PDG sal-2015. Madanakollu, jidher li din hija posposta biex tikkoinċidi mat-titjib strutturali li mhux ser jibda qabel l-2012, filwaqt li d-deterjorazzjoni strutturali kumulattiva ta’ iktar minn 3% tal-PDG matul 2010 u 2011 mhijiex konformi mar-rakomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Lulju 2009, li jitolbu lill-Ungerija tikseb aġġustament strutturali ta’ mill-inqas 0,5% tal-PDG. It-tbassir tar-rebbiegħa, li jassumi xi riskji ta’ implimentazzjoni, juri defiċit ta’ 3,3.% tal-PDG fl-2012 Abbażi ta’ dan ma jistax ikun eskluż li l-limiti minimi jistgħu jinkisru darba oħra f’dik is-sena sakemm ma jittiħdux miżuri ulterjuri. Addizjonalment, it-triq tad-defiċit proġettat ma tipprovdix għall-aġġustamenti strutturali neċessarji li jiżguraw il-ksib tal-OTM sa tmiem il-perjodu tal-programm; b’mod partikolari, ma hemm l-ebda aġġustament strutturali ulterjuri lil hinn mill-2013. Finalment, it-tneħħija tal-pilastru tal-pensjoni privata mandatorja u l-inċentivi b’saħħithom pprovduti biex jaqilbu għall-pilastru tal-pensjoni pubblika jirriżultaw fi dħul addizzjonali f’termini qosra u medji iżda wkoll iżidu l-obligi fuq termini itwal u għalhekk jistgħu jiddeterjoraw is-sostenibbiltà fiskali fit-tul.

(8) Il-konsolidazzjoni fiskali tibqa' sfida ewlenija. Mingħajr implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri mħabbra u miżuri addizzjonali ta’ natura strutturali ma jistax ikun żgurat li d-defiċit eċċessiv ikun korrett fuq bażi sostenibbli u li jsir progress xieraq biex jintlaħaq l-Objettiv ta' Terminu Medju. Barra minn hekk, il-konsolidazzjoni fiskali se tgħin ukoll biex jibda jitnaqqas id-dejn u biex tittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul, li tidher li qiegħda f'riskju medju. L-użu sħiħ ta’ dħul mhux mistenni jista' jgħin biex jaċċellera l-konsolidazzjoni fiskali. F’dan l-isfond, ir-rapporti bi-annwali dwar il-progress tal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv se jservu bħala għodda utli għall-monitoraġġ mill-qrib tal-progress tal-konsolidazzjoni fiskali.

(9) Il-Kostituzzjoni riċentament adottata tistabbilixxi trażżin kostituzzjonali tad-dejn mal-50% tal-PDG u tagħti lill-Kunsill Fiskali id-dritt ta’ veto fuq il-baġit annwali, li jista’ jkun l-ewwel pass lejn it-titjib tal-qafas baġitarju. Madanakollu, dettalji importanti se jkunu speċifikati biss fil-liġijiet ‘kardinali’ sussegwenti (pereżempju, ir-regoli numeriċi temporanji se jkun fis-seħħ sakemm il-proporzjoni tad-dejn jonqos għall-50%, l-interpretazzjoni preċiża tal-klawsola liberatorja, eċċ). L-impożizzjoni ta’ limitu massimu għad-dejn nominali, jekk din tintuża bħala strument ħolistiku tista', Ceteris paribus, twassal għal qagħda fiskali pro-ċiklika. Addizjonalment, il-mandat tal-korp fiskali mġedded huwa relattivament strett (it-tħejjija ta' opinjoni fuq l-abbozz tal-baġit, bi dritt għall-veto) u ma jkoprix iċ-ċiklu baġitarju fl-intier tiegħu (pereżempju permess ta’ valutazzjonijiet f’ħin reali tal-politiki l-ġodda b’implikazzjonijiet baġitarji maġġuri). Finalment, aspetti oħra tal-governanza fiskali, bħall-orjentazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika fiskali u l-kwistjoni tat-trasparenza għadhom ma ġewx ikkjarifikati.

(10) Ir-rata tal-impjiegi hija fost l-iktar baxxi fl-UE (60,4%). Ir-rata tal-impjiegi tan-nisa hija wkoll baxxa (55,0%), waqt li d-distakk bejn fir-rati tal-impjiegi bejn in-nisa li għandhom tfal ta' età 0-6 snin u dawk li ma għandhomx tfal ta' din l-età huwa t-tieni l-ikbar fl-UE (33,6, kontra. il-medja tal-UE ta’ 12,1 punt perċentwali). Hemm nuqqasijiet serji kemm fil-kapaċità kif ukoll fil-kwalità tas-servizzi ta’ ħarsien matul il-jum fl-Ungerija, bi provvediment partikolarment skars lil hinn mill-ibliet il-kbar, u f’reġjuni b’rata ta’ qgħad għolja ħafna. It-titjib tal-provvediment tal-ħarsien ta’ matul il-jum ikun miżura importanti biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni taż-żewġ ġenituri fil-forza tax-xogħol.

(11) L-Ungerija għandha piż ta’ tassazzjoni relattivament kbir fuq ix-xogħol. Is-sistema ta’ tassazzjoni ġdida fuq l-introjtu personali tindirizza parzjalment l-effetti negattivi fuq l-impjiegi, iżda l-piż tat-tassazzjoni fuq dawk li l-qligħ tagħhom huwa baxx u li ma għandhomx tfal fil-fatt żdied, speċjalment meta titqies it-tneħħija gradwali tal-krediti tat-taxxa fuq l-impjieg.

(12) Is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (PES) ibati minn kapaċità amministrattiva insuffiċjenti, u injezzjonijiet preċedenti ta’ fondi ma rnexxielhomx itejbu l-effiċjenza tas-servizzi fl-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol. Il-finanzjament tal-programmi tal-impjiegi mhux suffiċjentament marbut mar-riżultati. Id-durata tal-benefiċċji tal-qgħad riċentament tnaqqset għall-liktar livelli baxxi fl-UE. L-impatt ta' din il-miżura fuq is-suq tax-xogħol jeħtieġ li jkun ivvalutat, partikolarment biex tkun determinata l-effikaċja tagħha li tgħolli l-parteċipazzjoni fl-impjiegi.

(13) Il-faqar u fatturi relatati bħan-nuqqas ta’ impjiegi jew livelli baxxi ta’ edukazzjoni komplew jaffetwaw xi gruppi żvantaġġati, partikolarment ir-Roma, b’mod sproporzjonat. Dawk b’ħiliet baxxi għandhom rata partikolarment baxxa ta’ impjiegi (36,8% meta mqabbla mal-medja Ewropea ta’ 53,4%), speċjalment fost l-irġiel. Skont l-estimi, 70% tal-popolazzjoni tar-Roma jgħixu taħt il-livell minimu tal-faqar. Maġġoranza kbira minnhom jgħixu f’reġjuni żvantaġġati, b’aċċess limitat għall-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u għas-servizzi pubbliċi.

(14) L-SMEs kienu mfixxkla mill-kumplessità tal-qafas regolatorju, piż amministrattiv għoli, u responsabbiltà u trasparenza limitati fl-amministrazzjoni pubblika. L-aċċess tal-SMEs għal finanzjament fi stadju bikri kien iktar skars mill-medja tal-UE. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jinkludi numru ta’ miżuri biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Ir-rwol ta’ mekkaniżmi mhux bankarji ta’ finanzjament baqa’ lura meta mqabbel ma dak ta' pajjiżi oħra Ewropej. L-effikaċja tal-programmi preċedenti biex isostnu s-settur ma kinitx evalwata sistematikament.

(15) Il-Kummissjoni evalwat il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-Ungerija u kkunsidrat l-intenzjoni tal-gvern li jirrefletti l-Patt Euro Plus[4]. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Ungerija, imma wkoll lejn kemm josservaw ir-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.Hija tikkunsidra li l-istrateġija ta’ aġġustament fiskali prinċipalment ibbażata fuq in-nefqa qiegħda lura Għalhekk, l-iskadenza tal-2011 stabbilita mill-Kunsill biex id-defiċit jitniżżel taħt il-limitu ta’ 3% tal-PDG hija rrispettata biss minħabba dħul sinifikanti ta’ darba mill-assi tal-pensjonijiet Titjib strutturali mhux se jibda qabel l-2012 u, fil-kunsiderazzjoni tar-riskji ta’ implimentazzjoni, ma jistax ikun eskluż li l-limitu jista' jinqabeż għal darba oħra f'dik is-sena sakemm ma jittiħdux miżuri ulterjuri. Barra minn hekk, fuq terminu itwal, il-Programm ta’ Konverġenza ma jiżgurax progress ulterjuri lejn l-OTM. Miżuri ulterjuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jkunu mmodernizzati s-servizzi għall-impjiegi jgħinu biex iżidu l-opportunitajiet tax-xogħol. Tnaqqis ulterjuri tal-piżijijet amministrattivi jgħinu biex itejjeb l-ambjent tan-negozju u jgħin lill-SMEs jikbru.

(16) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta jitqiesu wkoll ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija u l-opinjoni tiegħu[5] hija riflessa partikolarment fir-rakomandazzjoni taħt (1) u (2) spjegata hawn taħt. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 biex:

(1) Issaħħaħ l-isforz fiskali biex titnaqqas id-deterjorazzjoni strutturali fl-2011 impliċita fit-2% tas-surplus tal-baġit tal-PDG u tevita li l-bilanċ baġitarju jerġa' jaqbeż il-limitu ta’ 3% tal-PDG fl-2012. Tadotta miżuri fiskali addizzjonali ta’ natura permanenti mhux iktar tard mill-baġit tal-2012 biex tiżgura l-miri baġitarji għall-2012 u l-2013 fil-Programm ta' Konverġenza. Tiżgura progress lejn l-objettiv ta' terminu medju b’mill inqas 0,5% tal-PDG annwali sa tmiem il-programm u tuża dħul mhux mistenni biex taċċelera l-konsolidazzjoni fiskali.

(2) Tadotta u timplimenta r-regolamenti li jispeċifikaw l-aspetti operazzjonali tal-qafas kostituzzjonali ġdid ta’ governananza fiskali, inkluż, inter alia, ir-regoli numeriċi fuq livell ċentrali u lokali li se jkunu implimentati sakemm il-proporzjon tad-dejn ikun naqas taħt il-50% tal-PDG. Twessa' l-mandat tal-Kunsill Fiskali biex ikopri ċ-ċiklu baġitarju sħiħ, partikolarment permezz ta’ valutazzjonijiet fil-ħin reali ta’ politiki ġodda bi'implikazzjonijiet baġitarji maġġuri u ssaħħaħ il-qafas fiskali biex ikopri l-ippjanar fiskali multiannwali u biex itejjeb it-trasparenza tal-finanzi pubbliċi.

(3) Iżżid l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi ttaffi l-impatt tar-riforma tat-taxxa fuq dawk bi qligħ baxx b’manjiera newtrali fuq il-baġit. Isaħħaħ il-miżuri biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi tespandi l-faċilitajiet ta' ħarsien tat-tfal u dawk preskolastiċi.

(4) Tieħu l-passi biex isaħħaħ il-kapaċità tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi u fornituri oħra biex iżżid il-kwailta u l-effikaċja tat-taħriġ, l-assistenza għat-tfittxija għax-xogħol u s-servizzi individwalizzati. Torbot il-finanazjament tal-programmi mar-riżultati. F’konsultazzjoni mal-partijiet involuti, tintroduċi programmi mfassla apposta, għal dawk b’ħiliet limitati u gruppi oħra partikolarment żvantaġġati.

(5) Ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi timplimenta l-miżuri kollha maħsuba għar-riforma regolatorja u għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma; tivvaluta l-effikaċja tal-politiki attwali ta’ sostenn għall-SMEs u taġġusta l-programmi pubbliċi sabiex ittejjeb l-aċċess għal finanzjament mhux bankarju.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               Miżmuma għall-2011 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011.

[4]               SEC(2011) 725.

[5]               Prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.