SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
23 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 138(1) – Direttiva 2008/9/KE – Artikolu 4(b) – Rimbors tal-VAT lill-persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru tar-rimbors – Provvista prinċipali u provvista anċillari – Diviżjoni artifiċjali ta’ provvista waħda – Assenza ta’ moviment tas-suġġett tal-kunsinna”
Fil-Kawża C‑234/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura
Brose Prievidza, spol. s r.o.
vs
Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn J. Passer, President tal-Awla, D. Gratsias u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Brose Prievidza, spol. s r.o., minn E. Evtimov, Y. Mateeva, S. Vasilev u V. Vidolovet, advokati, kif ukoll minn B. Lazarov, |
|
– |
għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, minn E. Pavlova, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u D. Drambozova, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Mejju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU 2008, L 44, p. 23). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Brose Prievidza, spol. s r.o., kumpannija stabbilita fis-Slovakkja, u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite (id-Direttur tad-Direttorat “Appelli u Prassi fil-Qasam tat-Tassazzjoni u tas-Sigurtà Soċjali” ta’ Sofija fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direttur tal-Awtorità tat-Taxxa”), dwar id-dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li għaliha kienet suġġetta l-kunsinna ta’ tagħmir. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2006/112
|
3 |
It-Titolu IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1910 tal‑4 ta’ Diċembru 2018 (ĠU 2018, L 311, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”), intitolat “Transazzjonijiet taxxabbli”, jinkludi l-Kapitolu 1, intitolat “Provvista ta’ merkanzija”, li fih jinsab l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.” |
|
4 |
It-Titolu IV tal-imsemmija direttiva jinkludi l-Artikolu 20 tal-istess direttiva, li jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “‘Akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija’ għandha tfisser l-akkwist tad-dritt li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata għand il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, fi Stat Membru minbarra dak li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija.” |
|
5 |
It-Titolu IX tad-Direttiva 2006/112, intitolat “Eżenzjonijiet”, jinkludi l-Kapitolu 4, intitolat “Eżenzjonijiet għal transazzjonijiet intra-Komunitarji”, li jinkludi l-Artikolu 138 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni barra mit-territorju tagħhom iżda li tkun fil-Komunità [Ewropea], mill-bejjiegħ jew f’ismu jew mill-persuna li takkwista l-merkanzija, meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
|
6 |
L-Artikolu 169 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fil-punt (a) tiegħu: “Minbarra t-tnaqqis msemmi fl-Artikolu 168, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata li tnaqqas l-VAT imsemmija hemmhekk, safejn il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għal finijiet ta’ dan li ġej:
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 170 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi: “Il-persuni taxxabbli kollha li, fit-tifsira ta’ […] l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2008/9] u l-Artikolu 171 ta’ din id-Direttiva, mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetta għall-VAT għandhom ikunu intitolati jirċievu rifużjoni ta’ dik il-VAT safejn il-merkanzija u s-servizzi huma użati għall-finijiet ta’ dan li ġej:
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 171(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għandha ssir rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetti għall-VAT, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fid-Direttiva [2008/9].” |
Id-Direttiva 2008/9
|
9 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/9: “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli dettaljati għar-rifużjoni [tal-VAT] previsti fl-Artikolu 170 tad-Direttiva [2006/112], għal persuni taxxabbli, li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.” |
|
10 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/9 jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/9 jipprovdi: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fir-rigward ta’:
|
Id-dritt Bulgaru
Iz-ZDDS
|
12 |
L-Artikolu 53 taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (DV Nru 63, tal‑4 ta’ Awwissu 2006) (iktar ’il quddiem iz-“ZDDS”) jipprovdi: “(1) Rata ta’ taxxa żero għandha tiġi applikata għall-kunsinni intra-Komunitarji msemmija fl-Artikolu 7, bl-eċċezzjoni tal-kunsinni intra-Komunitarji eżentati skont l-Artikolu 38(2). (2) […] Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa żero msemmija fil-paragrafu 1, il-fornitur għandu jkollu fil-pussess tiegħu:
(3) […]” |
|
13 |
L-Artikolu 81 taz-ZDDS, intitolat “Rimbors tat-taxxa lill-persuni li ma humiex stabbiliti fit-territorju nazzjonali”, jipprovdi: “(1) It-taxxa mħallsa għandha tiġi rrimborsata:
[…] (2) Il-modalitajiet u d-dokumenti meħtieġa għar-rimbors tat-taxxa msemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Finanzi.” |
|
14 |
Skont l-Artikolu 128 taz-ZDDS: “Meta l-provvista prinċipali tkun akkumpanjata minn provvista oħra u meta l-ħlas jiġi ddeterminat b’mod komuni, għandu jitqies li din hija provvista prinċipali waħda.” |
Id-Digriet Nru N‑9
|
15 |
L-Artikolu 1 tan-Naredba no N‑9 za vazstanoviavaneto na danaka varhu dobavenata stoynost na danachno zadalzheni litsa, neustanoveni v darzhavata chlenka po vazstanoviavane, no ustanoveni v druga darzhava – chlenka na Evropeiskia sayuz, izdadena ot ministara na finansite (id-Digriet Nru N‑9 dwar ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fl-Istat Membru tar-rimbors, iżda li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, maħruġ mill-Ministru għall-Finanzi), tas‑16 ta’ Diċembru 2009 (DV Nru 101, tat-18 ta’ Diċembru 2009) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru N‑9”), jipprevedi: “(1) Dan id-digriet jirregola:
[…] (2) Dan id-digriet ma japplikax għall-ammonti li jikkorrispondu għal [VAT] iffatturata indebitament, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kunsinni intra-Komunitarji mwettqa u l-esportazzjonijiet.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
16 |
Brose Prievidza hija kumpannija stabbilita u rreġistrata għall-finijiet tal-VAT fis-Slovakkja. L-attività tagħha tikkonsisti, b’mod partikolari, fil-produzzjoni ta’ kontrolli ta’ twieqi u ta’ moduli ta’ bibien għal vetturi bil-mutur. Għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti, hija tixtri komponenti mingħand “Integrated Micro-Electronics Bulgaria” EOOD (iktar ’il quddiem “IME Bulgaria”), impriża stabbilita fil-Bulgarija. Il-qorti tar-rinviju tikklassifika l-provvista ta’ dawn il-komponenti minn din tal-aħħar lil Brose Prievidza bħala kunsinni intra-Komunitarji. |
|
17 |
Brose Fahrzeugteile SE & Co. KG (iktar ’il quddiem “Brose Coburg”) hija kumpannija stabbilita fil-Ġermanja u rreġistrata għall-finijiet tal-VAT fil-Ġermanja u fil-Bulgarija. Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija tagħmel parti, bħal Brose Prievidza, mill-grupp Brose, li jipproduċi b’mod partikolari sistemi mekatroniċi għall-karozzeriji u għall-intern ta’ vetturi intiżi għall-manifatturi ta’ vetturi bil-mutur. |
|
18 |
Brose Coburg ordnat mingħand IME Bulgaria tagħmir speċifiku għall-manifattura tal-komponenti li kellhom jiġu integrati f’dawn is-sistemi. Fl‑14 ta’ Mejju 2020, il-bejgħ ta’ dan it-tagħmir ġie ffatturat minn IME Bulgaria lil Brose Coburg. Minkejja li l-imsemmi tagħmir sar il-proprjetà ta’ din tal-aħħar, huwa baqa’ għand IME Bulgaria, li tużah esklużivament sabiex timmanifattura l-komponenti msemmija iktar ’il fuq, intiżi għal Brose Prievidza. |
|
19 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2021, Brose Coburg biegħet l-istess tagħmir lil Brose Prievidza. F’dan ir-rigward, hija ħarġet fattura dwar il-bejgħ ta’ tagħmir fil-forma ta’ għodda, imsejjaħ “Spindel set imsemmi fl-Anness S-T 08-Р‑9965 – Portaġġ unitarju awtomatiku fis-sistema ta’ wweldjar” (iktar ’il quddiem it-“tagħmir kontenzjuż”), bl-ammont nett ta’ EUR 62000 miżjud bil-VAT Bulgara, li tħallset. It-tagħmir kontenzjuż baqa’ għand IME Bulgaria għall-finijiet tal-manifattura ta’ dawn il-komponenti. |
|
20 |
Fl‑10 ta’ Marzu 2022, Brose Prievidza talbet, għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2021, ir-rimbors ta’ din il-VAT. Permezz ta’ avviż ta’ tpaċija u ta’ rimbors tal‑15 ta’ Lulju 2022, din it-talba ġiet miċħuda. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mid-Direttur tal-Awtorità tat-Taxxa. |
|
21 |
L-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) ċaħdet ir-rikors ta’ Brose Prievidza kontra dan l-avviż ta’ tpaċija u ta’ rimbors. Dik il-qorti qieset, essenzjalment, li, peress li l-kunsinna tat-tagħmir kontenzjuż kienet anċillari għall-kunsinni intra-Komunitarji tal-komponenti prodotti minn IME Bulgaria, hija kellha tkun suġġetta għall-istess sistema fiskali. Dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet kienu ġew diviżi artifiċjalment. Għalhekk, skont l-Artikolu 53(1) taz-ZDDS, il-provvista ta’ dan it-tagħmir kellha tkun suġġetta għal rata ta’ taxxa żero b’tali mod li Brose Coburg ma kellhiex issemmi l-VAT fuq il-fattura relatata mal-kunsinna tal-imsemmi tagħmir. Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 1(2) tad-Digriet Nru N‑9, li jittrasponi fid-dritt Bulgaru l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2008/9, Brose Prievidza ma kellhiex dritt għar-rimbors tal-VAT li hija ħallset. |
|
22 |
Brose Prievidza kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
23 |
Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, dik il-qorti tesponi l-ewwel nett li hija tal-opinjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108, punti 56 u 57), li l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) kellha raġun tqis li l-kunsinni minn IME Bulgaria, minn naħa, tal-komponenti għall-finijiet tal-attività ta’ Brose Prievidza u, min-naħa l-oħra, tat-tagħmir kontenzjuż kienu ġew diviżi b’mod artifiċjali. Diversi elementi kienu jimmilitaw f’dan is-sens, bħalma huma r-rabta materjali li tgħaqqad lil Brose Coburg u Brose Prievidza, il-fatt li l-kunsinni tal-komponenti saru direttament minn IME Bulgaria lil Brose Prievidza, filwaqt li t-tagħmir kontenzjuż neċessarju għall-manifattura ta’ dawn il-komponenti ġie kkunsinnat indirettament, jiġifieri permezz ta’ Brose Coburg, kif ukoll il-fatt li, meħuda waħedha, il-kunsinna ta’ dan it-tagħmir kienet tidher li ma kellhiex loġika ekonomika peress li l-imsemmi tagħmir baqa’ għand IME Bulgaria, li tużah biss sabiex timmanifattura l-imsemmija komponenti. Mill-banda l-oħra, b’differenza mis-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108), ebda intenzjoni ta’ abbuż fiskali ma ġiet allegata, u lanqas ipprovata, f’dan il-każ. |
|
24 |
It-tieni nett, l-imsemmija qorti madankollu tiddubita li l-kunsinna tat-tagħmir kontenzjuż, li hija tqis li hija anċillari għall-kunsinni ta’ komponenti, tista’ tiġi kklassifikata bħala tranżazzjoni eżentata jew li tista’ tiġi eżentata mill-VAT peress li dan it-tagħmir ma ġiex ittrasportat barra mill-Bulgarija. |
|
25 |
Barra minn hekk, hija ssemmi l-ġurisprudenza tagħha, li hija bbażata fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 26), tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108, punt 48), u tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, EU:C:2005:649), li minnha joħroġ li l-kunsinni ta’ tagħmir li jakkumpanjaw il-kunsinni intra-Komunitarji ta’ komponenti mmanifatturati bl-għajnuna ta’ dan it-tagħmir huma suġġetti għall-istess sistema fiskali, li jimplika, f’dan il-każ, li l-kunsinna tat-tagħmir kontenzjuż għandha tiġi ntaxxata b’rata ta’ taxxa żero. F’tali każ, skont l-Artikolu 1(2) tad-Digriet Nru N‑9, li ttraspona l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2008/9, kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li lilha ġie ffatturat tali tagħmir ma għandhiex dritt għar-rimbors tal-VAT fil-Bulgarija. |
|
26 |
B’dan premess, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk dan ir-raġunament huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Wilo Salmson France (C‑80/20, EU:C:2021:870). Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, bħal f’dan il-każ, it-tagħmir iffatturat ma kienx ħareġ mit-territorju tal-Istat Membru tal-fornitur u l-oġġetti prodotti bl-għajnuna ta’ dan it-tagħmir kienu s-suġġett ta’ kunsinni intra-Komunitarji. Issa, fl-imsemmija sentenza, l-eżistenza ta’ dritt għar-rimbors ma ġietx ikkontestata mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
27 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kawża li hija adita biha hija differenti, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda n-numru ta’ persuni involuti fil-provvisti kkonċernati, mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, EU:C:2005:649), u tas‑27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse (C‑392/11, EU:C:2012:597), relatati ma’ tranżazzjonijiet ikkunsidrati bħala li jifformaw provvista unika waħda. Hija tenfasizza li, f’dan il-każ, huma involuti tliet entitajiet. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108), bħal fil-kawża li għandha quddiemha, fornituri differenti kkunsinnaw tagħmir lil destinatarju wieħed. Madankollu, fil-kawża li tat lok għal din l-aħħar sentenza, is-separazzjoni artifiċjali tal-provvisti kellha l-għan li jitwettaq abbuż fiskali, li ma huwiex il-każ hawnhekk. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Id-destinatarju jista’ jinvoka, taħt id-Direttiva [2008/9], dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa fir-rigward ta’ kunsinna ta’ tagħmir (għodda), f’sitwazzjoni fejn is-suġġett tal-kunsinna ma jkunx ħareġ mit-territorju tal-Istat Membru tal-fornitur u fejn ikun biss b’mod artifiċjali li l-provvista tal-għodda ġiet mifruda mill-kunsinni intra-Komunitarji ta’ oġġetti ffabbrikati permezz ta’ dan it-tagħmir u indirizzati lill-istess destinatarju?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
29 |
Preliminarjament, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, tinsab inkwistjoni s-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih sar ix-xiri tal-oġġett. Fil-fatt, f’din il-kawża, huwa paċifiku li t-tagħmir kontenzjuż inbiegħ minn Brose Coburg, stabbilita fil-Ġermanja u rreġistrata għall-finijiet tal-VAT fil-Ġermanja kif ukoll fil-Bulgarija, lil Brose Prievidza, stabbilita fis-Slovakkja. |
|
30 |
Huwa paċifiku wkoll li l-kunsinna ta’ dan it-tagħmir seħħet u li l-VAT tħallset fil-Bulgarija. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju kkonstatat f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, wara l-manifattura tat-tagħmir kontenzjuż, il-proprjetà f’dan tal-aħħar kienet ġiet ittrasferita suċċessivament lil Brose Coburg, u mbagħad lil Brose Prievidza. |
|
31 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, li dan it-trasferiment u, għaldaqstant, il-kunsinna fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112, ma kinitx imdaħħla inkwistjoni mill-fatt li persuna żammet il-pussess tal-oġġett ikkonċernat, pereżempju sabiex tużah hija stess, bħalma għamlet f’dan il-każ IME Bulgaria, li tuża t-tagħmir kontenzjuż bl-uniku għan li tipproduċi komponenti ordnati minn Brose Prievidza. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi bħala proprjetarju minn oġġett tanġibbli, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 14(1), la jeħtieġ li l-parti li lilha jiġi ttrasferit dan l-oġġett tanġibbli tkun iżżomm fiżikament dan l-oġġett u lanqas li l-imsemmi oġġett tanġibbli jkun fiżikament ittrasportat lilha u/jew li hija tirċevih fiżikament (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions, C‑60/23, EU:C:2024:896, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi madankollu li hija tal-opinjoni li, f’dan il-każ, il-kunsinna tat-tagħmir kontenzjuż lil Brose Prievidza u l-kunsinni intra-Komunitarji lil din tal-aħħar tal-komponenti mmanifatturati bl-għajnuna ta’ dan it-tagħmir, eżentati mill-VAT, ġew diviżi artifiċjalment b’tali mod li l-kunsinna tal-imsemmi tagħmir għandha titqies li taqa’ taħt l-istess sistema fiskali bħall-kunsinni ta’ dawn il-komponenti. Għaldaqstant, dik il-qorti għandha dubji dwar id-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa fil-Bulgarija minn Brose Prievidza fuq il-kunsinna tat-tagħmir kontenzjuż, filwaqt li għandha dubju, fl-istess ħin, dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-evalwazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
33 |
It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 171 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li r-rimbors tal-VAT favur persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih huma jwettqu b’mod partikolari xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi suġġetti għat-taxxa, iżda li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, għandu jsir skont il-modalitajiet previsti mid-Direttiva 2008/9. |
|
34 |
Għalkemm fid-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju ma tiċċita ebda dispożizzjoni speċifika ta’ din l-aħħar direttiva, mit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha jirriżulta li hija qiegħda titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 4(b) tagħha. Fil-fatt, fil-motivazzjoni tagħha tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, dik il-qorti titlaq mill-premessa li l-kunsinna tat-tagħmir kontenzjuż kellha tkun suġġetta għall-istess sistema fiskali bħall-kunsinni tal-komponenti li jikkostitwixxu kunsinni intra-Komunitarji eżentati skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112. Barra minn hekk, hija tirrileva, b’mod partikolari, ir-rabta bejn l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2008/9 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 1(2) tad-Digriet Nru N‑9, li jipprovdi li r-rimbors tal-VAT imħallsa għal kunsinni ta’ oġġetti li għandhom jitqiesu bħala tranżazzjonijiet intra-Komunitarji huwa eskluż. |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2008/9, moqri flimkien mal-Artikolu 138(1) u mal-Artikolu 171 tad-Direttiva 2006/112, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jiġi rrifjutat ir-rimbors tal-VAT li għaliha kienet suġġetta kunsinna ta’ tagħmir lil persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tax-xiri ta’ dan l-oġġett, minħabba li din il-kunsinna għandha tiġi eżentata mill-VAT bħala kunsinna intra-Komunitarja, f’sitwazzjoni fejn din għandha titqies li tagħmel parti minn provvista ekonomika waħda inseparabbli, jew bħala anċillari għal provvista prinċipali kkostitwita minn kunsinni intra-Komunitarji ta’ oġġetti prodotti permezz ta’ dan it-tagħmir u intiżi għal din il-persuna taxxabbli, minkejja li l-imsemmi tagħmir ma ħariġx fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-fornitur tiegħu. |
|
36 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk provvista ta’ oġġett tistax tiġi kkunsidrata bħala provvista intra-Komunitarja anki jekk l-oġġett inkwistjoni ma ħariġx mill-Istat Membru tal-fornitur tiegħu u, min-naħa l-oħra, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kunsinna ta’ tagħmir tistax titqies li tifforma parti minn provvista waħda inseparabbli jew li hija anċillari għal kunsinni intra-Komunitarji ta’ oġġetti prodotti permezz ta’ dan it-tagħmir. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bħad-dritt għal tnaqqis, id-dritt għal rimbors jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ma jistax, bħala prinċipju, jiġi limitat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat immedjatament fir-rigward tat-taxxi kollha li għalihom kienu suġġetti t-tranżazzjonijiet imwettqa fi stadju preċedenti. Is-sistema ta’ tnaqqis u, għaldaqstant, ta’ rimbors, hija intiża li teħles kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, għaldaqstant, in-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, Slovenské Energetické Strojárne,C‑746/22, EU:C:2024:403, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2008/9 huwa li tistabbilixxi l-modalitajiet għar-rimbors tal-VAT, kif previst fl-Artikolu 170 tad-Direttiva 2006/112, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rimbors li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/9. |
|
39 |
Madankollu, din l-aħħar direttiva la għandha l-għan li tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u lanqas ma għandha l-għan li tiddetermina l-portata tad-dritt għar-rimbors. Fil-fatt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jispeċifika li, bla ħsara għall-Artikolu 6 tal-istess direttiva u għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, id-dritt għar-rimbors tal-VAT tal-input imħallsa għandu jiġi ddeterminat skont id-Direttiva 2006/112 kif applikata fl-Istat Membru tar-rimbors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Wilo Salmson France,C‑80/20, EU:C:2021:870, punti 62 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Madankollu, skont l-Artikolu 4(b) tagħha, id-Direttiva 2008/9 ma tapplikax għall-ammonti ta’ VAT iffatturati għal kunsinni ta’ oġġetti li huma eżentati, jew li jistgħu jkunu eżentati, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112. |
|
41 |
Skont l-Artikolu 138(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati barra mit-territorju rispettiv tagħhom, iżda fl-Unjoni, mill-bejjiegħ, mix-xerrej jew f’isimhom, bil-kundizzjoni li l-oġġetti jkunu kkunsinnati lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli, li taġixxi bħala tali fi Stat Membru li ma jkunx dak tat-tluq tal-ispedizzjoni jew tat-trasport tal-oġġetti. |
|
42 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżenzjoni ta’ kunsinna ta’ oġġett, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 138, issir applikabbli biss jekk id-dritt li wieħed jiddisponi minn oġġett bħala proprjetarju kien ġie ttrasferit lix-xerrej, jekk il-fornitur jistabbilixxi li dan l-oġġett intbagħat jew ġie ttrasportat fi Stat Membru ieħor u jekk, wara din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport, l-imsemmi oġġett kien fiżikament ħareġ mit-territorju tal-Istat Membru ta’ kunsinna (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Toridas,C‑386/16, EU:C:2017:599, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Minn dan isegwi li, fl-assenza taċ-ċaqliq fiżiku tal-oġġett ikkonċernat barra mit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, kunsinna ma tistax tiġi kklassifikata bħala kunsinna intra-Komunitarja. |
|
44 |
Għandu jitfakkar ukoll li kunsinna intra-Komunitarja li taqa’ taħt l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112 għandha bħala korollarju akkwist intra-Komunitarju, kif iddefinit fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Toridas, C‑386/16, EU:C:2017:599, punt 31). |
|
45 |
Issa, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li akkwist jista’ jiġi kklassifikat bħala akkwist intra-Komunitarju biss jekk l-oġġett ikun ġie ttrasportat jew mibgħut fi Stat Membru ieħor bix-xerrej bħala destinazzjoni. Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112 ma jistgħux jiġu ssodisfatti jekk l-oġġett li kien is-suġġett tal-kunsinna lix-xerrej ma jkunx ħareġ fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru ta’ kunsinna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Toridas, C‑386/16, EU:C:2017:599, punti 32 u 33). |
|
46 |
Il-fatt li l-oġġett inbiegħ minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak tax-xerrej u differenti minn dak fejn jinsab fiżikament dan l-oġġett ma jdaħħalx inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, mill-punti 43 u 45 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, mingħajr trasport jew spedizzjoni lejn ix-xerrej barra mit-territorju tal-Istat Membru ta’ kunsinna, la jista’ jkun hemm akkwist intra-Komunitarju u lanqas, għaldaqstant, kunsinna intra-Komunitarja eżentata. |
|
47 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tagħmir kontenzjuż kien is-suġġett ta’ żewġ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ, li permezz tagħhom id-dritt li wieħed jiddisponi minn dan it-tagħmir ġie ttrasferit, inizjalment, minn IME Bulgaria lil Brose Coburg u, sussegwentement, minn din tal-aħħar lil Brose Prievidza. Madankollu, dan l-oġġett ma ġiex ittrasportat jew mibgħut lejn xerrejja suċċessivi, iżda baqa’ fit-territorju tal-Istat Membru tal-fornitur. |
|
48 |
Jekk, f’tali ċirkustanzi, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112 ma humiex issodisfatti, fatt li għandu jiġi kkonstatat mill-qorti tar-rinviju, isegwi li r-rimbors tal-VAT li għaliha kien suġġett l-akkwist ta’ dan l-oġġett ma jistax jiġi eskluż bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2008/9. |
|
49 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-relazzjoni bejn kunsinni intra-Komunitarji u kunsinna bħal dik tat-tagħmir kontenzjuż, għandu jiġi rrilevat li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) u mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li kull tranżazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkunsidrata bħala tranżazzjoni distinta u indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C‑41/04, EU:C:2005:649, punt 20; tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, EU:C:2008:108, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions,C‑60/23, EU:C:2024:896, punt 47). |
|
50 |
Kif fakkret l-Avukata Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-prinċipju japplika anki meta bejn diversi provvisti tkun teżisti ċerta rabta, fid-dawl tal-konnessjoni ekonomika tat-tranżazzjonijiet kollha inkwistjoni u tal-iskop komuni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019, KPC Herning,C‑71/18, EU:C:2019:660, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk l-uniku għan tal-kunsinni ta’ komponenti, minn naħa, u dak tat-tagħmir kontenzjuż, min-naħa l-oħra, kien li jiġu eżegwiti l-ordnijiet ta’ manifattura ta’ komponenti għal Brose Prievidza, kif ikkunsidrat l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) fir-rigward tal-kunsinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-għan jew din l-eventwali konnessjoni ekonomika bejn dawn il-kunsinni ma jimplikax awtomatikament li hemm lok li l-imsemmija kunsinni jitqiesu li jikkostitwixxu tranżazzjoni waħda fis-sens tad-Direttiva 2006/112. |
|
52 |
B’dan premess, huwa possibbli li jkollha ssir eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fil-punt 49 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, it-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda mill-perspettiva ekonomika ma għandhiex tiġi diviża artifiċjalment sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C‑41/04, EU:C:2005:649, punt 20, u tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj,C‑519/21, EU:C:2023:106, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jitqies li teżisti provvista unika meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli lill-klijent ikunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli, li d-diviżjoni tagħha tkun ta’ natura artifiċjali (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C‑41/04, EU:C:2005:649, punt 22, kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions,C‑60/23, EU:C:2024:896, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Barra minn hekk, f’ċerti ċirkustanzi, diversi provvisti formalment distinti, li jistgħu jiġu pprovduti b’mod separat u b’hekk jagħtu lok, kull waħda minnhom, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta element wieħed jew iktar ikollhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali filwaqt li, għall-kuntrarju, elementi oħra jkollhom jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-provvista prinċipali (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C‑41/04, EU:C:2005:649, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej,C‑282/22, EU:C:2023:312, punt 30; kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions,C‑60/23, EU:C:2024:896, punt 48). |
|
55 |
Fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, il-provvista kkonċernata tikkostitwixxix provvista unika u li għandhom jagħmlu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt f’dan ir-rigward. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lil dawn il-qrati l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li jistgħu jkunu utli għall-eżitu tal-kawża mressqa quddiemhom (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions,C‑60/23, EU:C:2024:896, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-komponenti mmanifatturati permezz tat-tagħmir kontenzjuż kienu s-suġġett ta’ diversi kunsinni intra-Komunitarji mwettqa direttament minn IME Bulgaria lil Brose Prievidza bħala d-destinatarja. Dan it-tagħmir li l-kunsinna tiegħu kienet suġġetta għall-VAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali nbiegħ minn Brose Coburg lil din tal-aħħar, iżda baqa’ fil-Bulgarija u tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ IME Bulgaria. |
|
57 |
Issa, l-ewwel nett, il-fatt li diversi kunsinni ta’ oġġetti identiċi, f’dan il-każ il-komponenti, seħħew bejn l-istess kumpanniji ma huwiex biżżejjed sabiex ikun jista’ jitqies li dawn il-kunsinni għandhom, fihom infushom u indipendentement mill-kunsinna tat-tagħmir kontenzjuż, jitqiesu bħala tranżazzjoni unika. Fil-fatt, l-identiċità tas-suġġett ta’ dawn il-kunsinni ma timplikax awtomatikament li dawn jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli, li d-diviżjoni tagħha tkun ta’ natura artifiċjali. |
|
58 |
Dan jgħodd iktar u iktar meta żewġ kunsinni ta’ oġġetti differenti, f’dan il-każ it-tagħmir kontenzjuż u l-komponenti, jitwettqu minn żewġ fornituri indipendenti. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-perspettiva ta’ konsumatur medju, it-trattament separat ta’ kunsinni mwettqa minn żewġ fornituri indipendenti jidher perfettament loġiku. |
|
59 |
Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, il-fatt li teżisti ċerta rabta bejn it-tranżazzjonijiet, peress li t-tagħmir kontenzjuż huwa neċessarju għall-manifattura tal-komponenti, ma jimplikax li hemm lok li dawn it-tranżazzjonijiet jitqiesu li jikkostitwixxu tranżazzjoni waħda, u lanqas, għaldaqstant, li jitqiesu bħala provvisti inseparabbli. |
|
60 |
Madankollu, b’mod eċċezzjonali, żewġ provvisti pprovduti minn żewġ fornituri indipendenti jistgħu jitqiesu bħala provvista unika kumplessa. Dan ikun il-każ meta jiġi stabbilit li tkun seħħet diviżjoni artifiċjali ta’ dawn il-provvisti. |
|
61 |
Tali sitwazzjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108). Issa, huwa fuq il-punti 56 u 57 ta’ dik is-sentenza, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat il-karatteristiċi tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, li l-qorti tar-rinviju bbażat ruħha, kif tippreċiża fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, sabiex tikkunsidra li l-kunsinni tal-komponenti u dik tat-tagħmir kontenzjuż kellhom jitqiesu bħala li jifformaw provvista unika li għandha tiġi rregolata mill-istess sistema fiskali. |
|
62 |
Madankollu, l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punti 56 u 57 tas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108), ma jistgħux jippermettu li jitqies li kunsinni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ diviżjoni artifiċjali, peress li ebda waħda mill-karatteristiċi tat-tranżazzjonijiet deskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward ma hija paragunabbli ma’ dawk ta’ dawn il-provvisti. |
|
63 |
Fil-fatt, b’differenza minn sitwazzjoni legali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iż-żewġ kumpanniji li kienu jipprovdu servizzi lill-istess klijent fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienu marbuta peress li kienu jagħmlu parti mill-istess grupp. Barra minn hekk, l-oriġini ta’ kull kunsinna bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinsabx f’diviżjoni intenzjonata tal-provvista min-naħa tal-fornitur, iżda tinsab f’kuntratti distinti konklużi ma’ żewġ fornituri indipendenti b’tali mod li, ikkunsidrati waħda waħda, dawn il-kunsinni jsegwu loġika ekonomika individwali. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qieset li la huwa allegat u lanqas muri li l-kumpannija destinatarja tad-diversi kunsinni, jiġifieri Brose Prievidza, kienet qiegħda tipprova tikseb vantaġġ fiskali indebitu li jirriżulta minn trattament fiskali differenti tal-kunsinni kkonċernati, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, essenzjalment fil-punti 58 sa 62 tas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, EU:C:2008:108), li dan l-element għandu rwol essenzjali fil-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet bħala li huma s-suġġett ta’ diviżjoni artifiċjali. |
|
64 |
Barra minn hekk, il-fatt li tagħmir ma jkunx intiż għall-produzzjoni ta’ parti waħda jew ta’ lott wieħed ta’ partijiet, u lanqas ma jkun intiż sabiex jiġi integrat fil-komponenti, iżda sabiex jintuża għall-produzzjoni f’serje ta’ dawn il-partijiet jew komponenti, jista’ jikkontribwixxi sabiex jintwera li l-kunsinna ta’ dan it-tagħmir ma hijiex tant marbuta mill-qrib ma’ kunsinna speċifika ta’ partijiet li għandha titqies li tifforma ma’ din il-kunsinna speċifika ta’ partijiet, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli. |
|
65 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk provvista għandhiex titqies li hija anċillari għal provvista prinċipali, dan ikun il-każ, skont ġurisprudenza stabbilita, meta din il-provvista ma tikkostitwixxix, għall-klijent, għan fih innifsu iżda tkun mezz sabiex jibbenefika fl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service,C‑425/06, EU:C:2008:108, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj,C‑519/21, EU:C:2023:106, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata; kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Digital Charging Solutions,C‑60/23, EU:C:2024:896, punt 48). Minn dan isegwi li, jekk, għall-kuntrarju, kull waħda minn dawn il-provvisti jkollha, għall-klijent, funzjoni jew skop individwali, u ebda provvista ma tkun tista’ titqies li hija anċillari fir-rigward tal-oħra. |
|
66 |
B’hekk, meta x-xiri ta’ tagħmir indispensabbli għall-manifattura ta’ oġġetti, li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-fornitur ta’ dawn l-oġġetti, jagħti lix-xerrej tiegħu garanzija li tippermettilu jiżgura l-pożizzjoni tiegħu fil-konfront ta’ dan il-fornitur, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza ta’ dan tal-aħħar, jew anki jippermetti lil dan ix-xerrej jittrasferixxi jew iċaqlaq dan it-tagħmir, fil-każ fejn il-proċess ta’ produzzjoni jkun jeħtieġ dan, tali ċirkustanza tikkostitwixxi indizju qawwi tal-fatt li l-kunsinna tal-imsemmi tagħmir tikkostitwixxi għan fiha nnifisha għal dan ix-xerrej u li, għaldaqstant, din il-kunsinna ma għandhiex titqies li hija anċillari għall-kunsinna ta’ partijiet immanifatturati permezz tiegħu, li jkollha skop ieħor. |
|
67 |
Barra minn hekk, bħala għodda, jista’ jiġi preżunt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li tagħmir ser jintuża matul iċ-ċiklu kollu tal-produzzjoni tal-oġġetti mmanifatturati bl-għajnuna tiegħu, raġuni għaliex dan it-tagħmir tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-manifattur. Għalhekk, il-kunsinna ta’ tali tagħmir għandha skop individwali meta mqabbla mad-diversi kunsinni tal-komponenti, b’tali mod li din il-kunsinna ma tistax titqies li hija anċillari għalihom. |
|
68 |
Għalkemm huwa minnu li l-fatt li t-tagħmir jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għal kull kunsinna sussegwenti ta’ oġġetti mmanifatturati permezz tiegħu jista’ jindika li l-akkwist tiegħu jikkostitwixxi l-mezz sabiex wieħed jibbenefika fl-aħjar kundizzjonijiet mill-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti u, għaldaqstant, jista’ jidher li huwa provvista anċillari għal dik tal-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti, dan l-element għandu madankollu jiġi kkunsidrat fiċ-ċirkustanzi kollha li fihom iseħħu dawn it-tranżazzjonijiet. |
|
69 |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika u kummerċjali bħala element rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ kunsinna bħala anċillari jew, għall-kuntrarju, indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, National Exhibition Centre,C‑130/15, EU:C:2016:357, punt 22). It-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, li tkun, bħala prinċipju, riflessa fir-relazzjonijiet kuntrattwali tal-partijiet, huwa kkunsidrat bħala kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, T‑2, C‑396/16, EU:C:2018:109, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
F’dan ir-rigward, il-mudell ta’ impriża tal-grupp li minnu jagħmlu parti wħud mill-kumpanniji involuti fil-kunsinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali. F’dan il-każ, Brose Prievidza esponiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatt li t-tagħmir kontenzjuż inbiegħ l-ewwel minn IME Bulgaria lil Brose Coburg qabel ma hija akkwistatu hija stess mingħand din tal-aħħar, huwa ġġustifikat miċ-ċentralizzazzjoni, permezz ta’ Brose Coburg, tal-ordnijiet ta’ għodda fi ħdan il-grupp Brose. Fil-fatt, fil-mument tal-ordni ta’ tagħmir, l-entità tal-grupp li għandha tipproduċi l-partijiet li jinkludu l-komponenti mmanifatturati permezz ta’ dan it-tagħmir ma tkunx għadha magħrufa. L-għażla ta’ din l-entità tiddependi b’mod partikolari mis-sitwazzjoni ġeografika tal-klijenti u tal-kumpannija terza li tipproduċi l-imsemmi tagħmir. Madankollu, wara li l-imsemmija entità tkun intgħażlet, iseħħ it-trasferiment tal-istess tagħmir lilha. Issa, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-mod kif jitwettqu l-affarijiet fi ħdan il-grupp Brose jidher li jikkorrispondi għar-realtà ekonomika u kummerċjali tat-tranżazzjonijiet ta’ kunsinna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija riflessa mill-kuntratti ta’ bejgħ suċċessivi tat-tagħmir kontenzjuż, li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju kkonstatat li ma jikkostitwixxux arranġament bl-għan li jitwettaq abbuż fiskali jew sabiex jinkiseb vantaġġ fiskali indebitu. Kull kunsinna, kemm jekk tikkonċerna dan it-tagħmir jew il-komponenti, tidher li tikkorrispondi għal stadju fil-proċess ta’ produzzjoni tal-partijiet immanifatturati li jinkludu dawn tal-aħħar, u dan jista’ jiġġustifika li dawn il-kunsinni differenti jiġu kklassifikati bħala provvisti indipendenti li għandhom jiġu ntaxxati b’mod indipendenti. |
|
71 |
Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kunsinni intra-Komunitarji tal-komponenti u dik tat-tagħmir kontenzjuż kienu s-suġġett ta’ fatturazzjoni distinta. Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat, essenzjalment, li, għalkemm miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jirriżulta li l-klijent għandu l-intenzjoni jixtri provvisti distinti, it-tranżazzjoni mwettqa għandha titqies li tinkludi provvisti indipendenti, anki jekk dan il-klijent ikun ħallas prezz wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1999, CPP,C‑349/96, EU:C:1999:93, punti 31 u 32). A fortiori, meta l-provvisti kienu s-suġġett ta’ ħlas separat, dan l-element, minkejja li ma huwiex determinanti fih innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, National Exhibition Centre,C‑130/15, EU:C:2016:357, punt 21), jimmilita favur klassifikazzjoni tal-provvisti kkonċernati bħala provvisti indipendenti. |
|
72 |
Jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-għanijiet individwali tagħhom kif ukoll taċ-ċirkustanzi kollha li fihom seħħew il-kunsinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-kunsinna tat-tagħmir kontenzjuż għandha tiġi kklassifikata bħala indipendenti fil-konfront tal-kunsinni tal-komponenti, din il-kunsinna ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata bħala intra-Komunitarja u, għaldaqstant, eżentata skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ir-rimbors tal-VAT imħallsa ma jkunx jista’ jiġi eskluż skont l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2008/9. |
|
73 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2008/9, moqri flimkien mal-Artikolu 138(1) u mal-Artikolu 171 tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jiġi rrifjutat ir-rimbors tal-VAT li għaliha kienet suġġetta kunsinna ta’ tagħmir lil persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tax-xiri ta’ dan l-oġġett, meta l-imsemmi tagħmir ma jkunx ħareġ fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-fornitur tiegħu, ħlief jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjonijiet inkwistjoni, din il-kunsinna jkollha titqies li tifforma parti minn provvista ekonomika waħda inseparabbli jew li hija anċillari għal provvista prinċipali kkostitwita minn kunsinni intra-Komunitarji ta’ oġġetti prodotti permezz ta’ dan it-tagħmir u intiżi għal din il-persuna taxxabbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
74 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 4(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor, moqri flimkien mal-Artikolu 138(1) u mal-Artikolu 171 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1910 tal‑4 ta’ Diċembru 2018, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
jipprekludi li jiġi rrifjutat ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud li għaliha kienet suġġetta kunsinna ta’ tagħmir lil persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tax-xiri ta’ dan l-oġġett, meta l-imsemmi tagħmir ma jkunx ħareġ fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-fornitur tiegħu, ħlief jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjonijiet inkwistjoni, din il-kunsinna jkollha titqies li tifforma parti minn provvista ekonomika waħda inseparabbli jew li hija anċillari għal provvista prinċipali kkostitwita minn kunsinni intra-Komunitarji ta’ oġġetti prodotti permezz ta’ dan it-tagħmir u intiżi għal din il-persuna taxxabbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.