Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fl‑1 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑12/25
Bisdom Gent VZW
vs
Gegevensbeschermingsautoriteit,
intervenjenti fil-kawża:
JM,
Unie Vrijzinnige Verenigingen VZW,
Centre d’Action Laïque VZW,
Centrale Raad der niet confessionele levensbeschouwelijke gemeenschappen van België VZW,
FA,
BZ,
MO,
RV,
TA,
CH,
LV,
NA,
BU,
MI,
DO,
BZ,
DF,
RA,
JD
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ tali data – Assoċjazzjonijiet reliġjużi – Reġistru tal-magħmudija – Artikoli 6,17, 21 u 89 tar-Regolament (UE) 2016/679 – Kunċett ta’ ‘sistema ta’ arkivjar’ – Dritt għat-tħassir – Legalità tal-ipproċessar – Dritt ta’ oġġezzjoni – Ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku jew għal finijiet ta’ riċerka storika – Artikoli 7, 8 u 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Protezzjoni tad-data personali – Libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon – Artikolu 17 TFUE – Prinċipji ta’ newtralità u ta’ awtonomija)
I. Introduzzjoni
1. “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”. Din il-frażi, li wieħed mill-Evanġelji Sinottiċi jattribwixxi lil Ġesù (2), spiss titqies bħala riflessjoni tad-dikotomija fundamentali li l-bnedmin iffaċċjaw sa mill-bidu taż-żminijiet, jiġifieri d-distinzjoni bejn il-qasam tal-Istat sekulari (bil-liġijiet tiegħu li japplikaw għal kulħadd (3)) u l-qasam tat-twemmin u tar-reliġjon (li jappartjeni għall-kuxjenza interjuri ta’ kull persuna (4)).
2. Din il-frażi hija wkoll meqjusa minn ħafna bħala sejħa għas-separazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat. L-istorja turi, madankollu, li r-reliġjonijiet u l-knejjes kellhom influwenza sinjifikattiva – kemm fl-Ewropa kif ukoll band’oħra – fuq il-leġittimità tal-gvern politiku, fuq it-tiswir tal-kultura lokali u fuq il-formazzjoni tal-identità ta’ soċjetà. Konsegwentement, matul is-sekli, il-liġijiet sekulari rregolaw ċerti aspetti li jirrigwardaw kemm ir-reliġjon (mifhuma bħala sistema ta’ twemmin) kif ukoll il-knejjes (senjatament il-komunitajiet u l-istituzzjonijiet li jiġbru fihom u jirrappreżentaw lill-fidili).
3. Dan japplika wkoll fid-dinja tal-lum, għalkemm il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull sistema ġuridika f’dan ir-rigward ivarjaw minn Stat għal ieħor, inkluż fl-Ewropa (5). Fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, jista’ jingħad, fil-qosor, li r-relazzjoni bejn “Ċesari u Alla” hija strutturata madwar erba’ binarji prinċipali.
4. L-ewwel, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-kontribut tar-reliġjon għall-ħolqien tal-kultura Ewropea tal-lum. Kif jagħmel ċar il-preambolu tat-Trattat tal-UE, meta ddeċidew li jistabbilixxu Unjoni Ewropea, l-awturi tat-Trattati, fost oħrajn, kienu “ispirati mill-wirt kulturali, religjuż u umanista ta’ l-Ewropa, li minnu żviluppaw il-valuri universali tad-drittijiet invjolabbli u inaljenabbli tal-bniedem, kif ukoll il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, u l-istat tad-dritt” (6). Dan il-wirt komuni jsib espressjoni iktar konkreta, fost oħrajn, fil-valuri tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE u fid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta.
5. It-tieni, il-libertà ta’ reliġjon tikkostitwixxi wieħed minn dawn id-drittijiet fundamentali, bħala parti integrali mil-“libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar- reliġjon” stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Karta. Skont paragrafu 1ta’ din id-dispożizzjoni, “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma’ oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti” (7).
6. It-tielet, l-Unjoni Ewropea għandha setgħat regolatorji limitati fi kwistjonijiet reliġjużi. B’mod partikolari, ingħatat mandat espliċitu sabiex tieħu azzjoni xierqa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, fost oħrajn, fuq ir-reliġjon jew it-twemmin (8). B’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 17(1) TFUE jistabbilixxi li “[l]-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri”. Din id-dispożizzjoni tesprimi n-newtralità tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-rapporti tagħhom mal-assoċjazzjonijiet reliġjużi (9). L-Unjoni Ewropea taċċetta u tagħti valur lid-diversità eżistenti fil-modi kif tinbena r-relazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat, kif sostnuta mill-Istati Membri, u ma tinterferixxix magħhom.
7. Jirriżulta wkoll mill-Artikolu 17(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 12 tal-Karta (“Il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni”), li l-assoċjazzjonijiet reliġjużi jgawdu awtonomija fl-amministrazzjoni tal-affarijiet interni tagħhom mingħajr indħil pubbliku mhux xieraq (10). It-terminu “affarijiet interni” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal kwistjonijiet li huma direttament marbuta mal-etos ewlieni tagħhom, bħall-istrutturi amministrattivi interni, il-ħatra tal-ministri tal-kult u l-kwistjonijiet duttrinali.
8. Ir-raba’, il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq ta’ newtralità u ta’ awtonomija ma jistgħux jinftiehmu bħala li jipprovdu bażi impliċita sabiex l-assoċjazzjonijiet reliġjużi jitqiesu eżenti mill-osservanza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jaffettwaw l-attivitajiet tagħhom (11). Lanqas ma jistgħu l-Istati Membri jadottaw regoli li jagħtu eċċezzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, sakemm ma jkunux espressament awtorizzati jagħmlu dan taħt dak id-dritt (12). Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja tat diversi deċiżjonijiet f’diversi kawżi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti prattiki adottati minn komunitajiet reliġjużi (13) jew ta’ miżuri nazzjonali speċifiċi li rregolaw aspetti tar-relazzjoni ta’ dak l-Istat Membru ma’ dawk il-komunitajiet (14).
9. Dan jirriżulta, b’mod pjuttost ċar, mill-fatt li l-Unjoni Ewropea hija komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt (15), li tistrieħ fuq it-twemmin li ħadd ma huwa ’l fuq mil-liġi jew jaqa’ barra mill-protezzjoni tagħha (16).
10. L-interazzjoni bejn dawn il-karatteristiċi u t-tensjonijiet potenzjali li jirriżultaw f’dan il-kuntest, jiffiguraw b’mod apert f’din il-kawża. Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (17) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”) jagħtux id-dritt lil persuna, mgħammda meta kienet minorenni u li tixtieq titbiegħed mill-Knisja Kattolika Rumana (18) fl-età adulta tagħha, li d-data personali tagħha titħassar mir-reġistru tal-magħmudija.
11. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi marbuta mad-drittijiet u l-libertajiet reliġjużi: id-dritt tal-individwi li jbiddlu r-reliġjon tagħhom u li l-ħajja privata tagħhom tiġi rrispettata; l-awtonomija tal-Knisja li tamministra l-affarijiet interni tagħha kif tqis xieraq; u l-portata tad-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jirregolaw ir-rwol li l-knejjes għandhom fis-soċjetà. Sa fejn, f’din il-kawża, dawn il-fatturi jimxu f’direzzjonijiet differenti, fil-fehma tiegħi għandu jinstab bilanċ ġust bejniethom. La l-komunitajiet reliġjużi u lanqas il-membri attwali jew preċedenti tagħhom ma huma ’l fuq mil-liġi jew jaqgħu barra mill-protezzjoni tagħha. Id-drittijiet u l-interessi tat-tnejn għandhom, sa fejn possibbli, jiġu rrikonċiljati.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
12. L-Artikolu 2(1) tal-GDPR, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tiegħu, jistabbilixxi li dan ir-regolament “japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar”.
13. L-Artikolu 4(6) tal-GDPR jiddefinixxi “sistema ta’ arkivjar”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, bħala “kwalunkwe sett strutturat ta’ data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika”.
14. Skont l-Artikolu 6 tal-GDPR, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”:
“1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
[…]
(f) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.
[…]”
15. L-Artikolu 9 tal-GDPR, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprevedi:
“1. L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:
[…]
(d) l-ipproċessar isir waqt l-attivitajiet leġittimi tiegħu b’salvagwardji adatti minn fondazzjoni, assoċjazzjoni jew kwalunkwe korp ieħor mingħajr skop ta’ qligħ b’għan politiku, filosofiku, reliġjuż jew ta’ trade union u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun relatat biss mal-membri jew ex membri tal-korp jew ma’ persuni li għandhom kuntatt regolari miegħu b’rabta mal-finijiet tiegħu u li d-data personali ma tkunx żvelata barra dak il-korp mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data;
[…]”
16. L-Artikolu 17 tal-GDPR, dwar id-dritt għal tħassir (“dritt li wieħed jintesa”), jipprevedi:
“1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:
[…]
(c) is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, jew is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(2);
(d) id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;
[…]
3. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:
[…]
(d) għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika skont l-Artikolu 89(1) sa fejn id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 x’aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-ksib tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar; […]
[…]”
17. L-Artikolu 21 tal-GDPR, intitolat “Dritt ta’ oġġezzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta’ profili abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.”
18. L-Artikolu 89 tal-GDPR, intitolat “Salvagwardji u derogi relatati mal-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika”, jistabbilixxi:
“1. L-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika, għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu psewdonimizzazzjoni, sakemm dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti b’dak il-mod. Fejn dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti bi pproċessar ulterjuri li ma jippermettix jew ma għadux jippermetti l-identifikazzjoni ta’ suġġetti tad-data dawk il-finijiet għandhom jiġu sodisfatti b’dak il-mod.
2. Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew finijiet ta’ statistika, il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tista’ tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18 u 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x’aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għall-issodisfar ta’ dawk il-finijiet.
3. Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tista’ tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18, 19, 20 u 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x’aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-finijiet.
[…]”
19. L-Artikolu 91 tal-GDPR, intitolat “Regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data ta’ knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi”, jistipula:
“1. Fejn fi Stat Membru, knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi japplikaw, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, regoli komprensivi b’rabta mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar, tali regoli jistgħu jkomplu japplikaw, dment li dawn jinġiebu f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
2. Knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi li japplikaw regoli komprensivi f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità superviżorja indipendenti, li tista’ tkun speċifika, dment li hija tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu VI ta’ dan ir-Regolament.”
B. Id‑dritt nazzjonali
20. L-Artikolu 19 tal-Kostituzzjoni Belġjana jipprevedi:
“Il-libertà ta’ qima, l-eżerċizzju pubbliku tagħha u l-libertà li wieħed jesprimi l-opinjonijiet tiegħu fi kwalunkwe qasam huma ggarantiti, iżda r-reati mwettqa fl-użu ta’ dawn il-libertajiet jistgħu jiġu ssanzjonati.”
21. L-Artikolu 21 tal-Kostituzzjoni Belġjana jistipula li:
“L-Istat ma għandu l-ebda dritt li jintervjeni la fil-ħatra u lanqas fl-installazzjoni tal-ministri ta’ kwalunkwe reliġjon, u lanqas li jipprojbixxi lil dawn il-ministri milli jikkorrispondu mas-superjuri tagħhom u milli jippubblikaw l-atti ta’ dawn is-superjuri, iżda, f’dan l-aħħar każ, japplikaw ir-responsabbiltajiet ordinarji fil-qasam tal-istampa u tal-pubblikazzjoni.
[…]”
III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari
22. Fis‑26 ta’ Ġunju 1955, JM – l-ilmentatur fil-proċedura quddiem l-Awla tat-Tilwim tal-Gegevensbeschermingsautoriteit / Autorité de protection des données (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“GBA”) (19) – tgħammed fil-Parroċċa ta’ Bijloke f’Gent (il-Belġju). Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Marzu 2021, huwa kkuntattja lill-Bisdom Gent (id-Djoċesi ta’ Gent) sabiex jitlob li, b’applikazzjoni tal-GDPR, kull riferiment għall-persuna tiegħu jitħassar minn kull reġistru jew arkivju fiżiku jew diġitali.
23. Il-Bisdom Gent sussegwentement irreġistrat t-tluq ta’ JM mill-Knisja fit‑2 ta’ April 2021, billi ngassat d-data personali rilevanti billi qatgħatha b’linja iżda żammitha leġibbli. Fis‑7 ta’ April 2021, il-Bisdom Gent informat lil JM permezz ta’ ittra li l-irtirar tiegħu mill-Knisja Kattolika Rumana kien ġie nnotat fil-lista ta’ dawk li telqu mill-Knisja tal-Parroċċa ta’ Gent.
24. B’ittra tal‑14 ta’ April 2021 indirizzata lill-Bisdom Gent, JM esprima n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu b’din l-azzjoni u tenna t-talba tiegħu li kull data personali dwaru titħassar minn kull reġistru jew arkivju fiżiku jew diġitali. Dakinhar stess, JM ippreżenta lment quddiem il-“GBA”, fejn iddikjara n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-interpretazzjoni tal‑GDPR applikata mill-Bisdom Gent u talab li kull rabta bejn il-persuna tiegħu u kwalunkwe reliġjon jew organizzazzjoni b’bażi filosofika titħassar.
25. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 169/2023 tad‑19 ta’ Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Awla tat-Tilwim tal-GBA kkonstatat li l-Bisdom Gent kienet kisret il‑GDPR, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(f), kif ukoll l-Artikolu 5(1)(b) u (c), l-Artikolu 9 u Artikolu 12(1) sa (4), moqrija flimkien mal-Artikoli 13 u 17. L-Awla tat-Tilwim ddeċidiet, abbażi, fost oħrajn, tal-Artikolu 58(2)(c) tal‑GDPR, li tordna lill-Bisdom Gent tikkonforma ruħha mat-talba ta’ JM sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ oġġezzjoni u d-dritt tiegħu għat-tħassir tad-data, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12 tal‑GDPR, u konsegwentement li ttemm kull ipproċessar illegali tad-data personali tiegħu (l-Artikolu 21(1) tal‑GDPR) kif ukoll li tipproċedi bit-tħassir tad-data personali tiegħu (l-Artikolu 17(1)(c) tal‑GDPR) fi żmien 30 jum min-notifika ta’ dik id-deċiżjoni.
26. Il-Bisdom Gent appellat mid-deċiżjoni kkontestata quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju). Dik il-qorti, li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“(1) L-Artikolu 17 [tal‑GDPR], moqri flimkien mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kif iggarantit mill-Artikolu 8 tal-[Karta], flimkien mal-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon kif iggarantita fl-Artikolu 10 tal-Karta u fl-Artikolu 9 tal-[KEDB] kif ukoll mal-prinċipju tas-separazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat, kif stabbilit fl-Artikoli 19 u 21 tal-Kostituzzjoni Belġjana, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li kienet ġiet mgħammda bħala minuri u li għandha l-intenzjoni li titbiegħed mill-Knisja Kattolika Rumana bħala persuna maġġorenni għandha dritt għat-tħassir tad-data personali tagħha fir-reġistru tal-magħmudiji jew fis-sens li ma għandhiex dan id-dritt?
(2) Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1)(c) tal-GDPR, il-fatt li l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-magħmudiji taffettwa, skont il-kontrollur, id-drittijiet fundamentali msemmija iktar ’il fuq (libertà ta’ reliġjon) tal-kontrollur u tal-komunità ekkleżjastika Kattolika Rumana li huwa jirrappreżenta jwassal għal risposta differenti?
(3) Il-fatt li dan ir-reġistru tal-magħmudiji ma huwiex reġistru diġitali iżda mezz materjali uniku fil-forma ta’ ktieb, bil-paġni recto verso li fuq in-naħa ta’ wara tagħhom tidher ukoll data ta’ persuni kkonċernati oħra, iwassal għal risposta differenti?
(4) Il-fatt li l-ktieb innifsu jikkostitwixxi artefatt storiku u li r-reġistru tal-magħmudiji jikkostitwixxi rappreżentazzjoni unika ta’ fatti storiċi li ma huma rreġistrati mkien ieħor, l-ipproċessar ta’ data li għalhekk iseħħ ukoll għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika fis-sens tal-Artikolu 17(3)(d) tal-GDPR, iwassal għal risposta differenti?
(5) Sa fejn jeżisti dritt għat-tħassir fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-GDPR u sa fejn ebda eċċezzjoni għal dan id-dritt ma tapplika fis-sens tal-Artikolu 17(3) tal-GDPR, l-annotazzjoni fil-marġni tar-reġistru tal-magħmudiji li tindika li persuna ħalliet il-Knisja tissodisfa, b’mod ekwivalenti, l-imsemmi dritt?”
27. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Bisdom Gent; mill-individwi li intervjenew fil-kawża prinċipali (JM, BZ, DF, RA, JD u FA), mill-GBA, mill-Gvern Ċek, Franċiż, Taljan, Latvjan, Ungeriż, Awstrijak u Rumen, u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta miżmuma fit‑30 ta’ Ġunju 2026, dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż, Ungeriż u Rumen, ippreżentaw sottomissjonijiet orali kif ukoll it-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.
IV. Analiżi
28. Bil-ħames domandi tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) u (3) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-Artikoli 8 u 10 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li individwu li tgħammed meta kien minorenni u li, bħala adult, jixtieq jitbiegħed mill-komunità reliġjuża inkwistjoni (in casu, il-Knisja Kattolika Rumana), għandu d-dritt li d-data personali tiegħu titħassar mir-reġistru tal-magħmudija. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk is-sempliċi annotazzjoni, fil-marġni tar-reġistru tal-magħmudija, li persuna ħalliet il-komunità reliġjuża tikkostitwixxix “tħassir” fis-sens tal-Artikolu 17(1) u (3) tal-GDPR.
29. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li (i) id-dħul fir-reġistru tal-magħmudija jaffettwa l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-komunità reliġjuża inkwistjoni, u (ii) ir-reġistru tal-magħmudija ma huwiex diġitali, iżda huwa mezz materjali uniku fil-forma ta’ ktieb b’paġni stampati fuq iż-żewġ naħat li fihom huma rreġistrati wkoll id-dettalji ta’ suġġetti tad-data oħra.
30. Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej.
31. Fl-ewwel parti tal-konklużjonijiet (A), ser nispjega fil-qosor għaliex il-GDPR huwa applikabbli fil-kawża prinċipali.
32. It-tieni parti tal-konklużjonijiet (B) hija ddedikata għall-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk l-ilmentatur jistax jinvoka b’suċċess waħda mir-raġunijiet għat-tħassir previsti fl-Artikolu 17(1) tal-GDPR. Tnejn minn dawn ir-raġunijiet jistgħu jkunu rilevanti f’din il-kawża. L-ewwel waħda tirrigwarda l-allegat ipproċessar illegali tad-data personali tal-ilmentatur mill-kontrollur, li jinneċessita diskussjoni tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR. It-tieni raġuni tirrigwarda d-dritt tal-ilmentatur, skont l-Artikolu 21 tal-GDPR, li joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu.
33. It-tielet parti tal-konklużjonijiet (C) tirrigwarda l-argument tal-kontrollur li, jekk l-ilmentatur ikun jista’ jinvoka waħda mir-raġunijiet għat-tħassir imsemmija fl-Artikolu 17(1) tal-GDPR, l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali tal-ilmentatur jista’ xorta waħda jkun iġġustifikat, skont it-tielet paragrafu ta’ dak l-artikolu, bħala meħtieġ għal, fost l-oħrajn, finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku jew għal finijiet ta’ riċerka storika.
34. Fl-aħħar, fir-raba’ parti tal-konklużjonijiet (D), ser nittratta l-kunċett ta’ “tħassir” għall-finijiet tal-GDPR.
A. L‑applikabbiltà tal‑GDPR
35. Tqum il-kwistjoni, li għandha tiġi indirizzata mill-bidu nett, dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR humiex applikabbli fil-kawża prinċipali, peress li wħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet esprimew dubji f’dan ir-rigward.
36. Il-GDPR, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, “japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar”.
37. Fid-dawl tal-argumenti mqajma fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet, erba’ kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-GDPR ratione materiae, ratione personae u ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali jistħoqqilhom diskussjoni qasira.
38. L-ewwel, fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa ta’ “data personali” stabbilita fl-Artikolu 4(1) tal-GDPR, huwa paċifiku li r-reġistru tal-magħmudija fih data personali tal-individwi li tgħammdu. Tabilħaqq, skont il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, il-Kanoni (iktar ’il quddiem “Kan.”) 877(1), “il-kappillan tal-post fejn tiġi ċċelebrata l-magħmudija għandu jniżżel bir-reqqa u mingħajr ebda dewmien fir-reġistru tal-magħmudija l-ismijiet tal-imgħammdin, b’riferiment għall-ministru, il-ġenituri, il-parrini, ix-xhieda, jekk ikun hemm, il-post u d-data tal-magħmudija, u d-data u l-post tat-twelid” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
39. It-tieni, ma iniex konvinta bl-argumenti, imressqa mill-Bisdom Gent u mill-Gvern Latvjan, li l-GDPR ma huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali minħabba li r-reġistru tal-magħmudija ma huwiex “sistema ta’ arkivjar” fis-sens tal-Artikolu 4(6) tal-GDPR (20).
40. F’dan ir-rigward, nixtieq nirrileva, l-ewwel, li kemm il-premessa 15 tal-GDPR kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħmluha ċara li l-GDPR japplika mhux biss għall-ipproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi, iżda wkoll għall-ipproċessar manwali ta’ data personali (21). F’dan l-aħħar każ, madankollu, l-applikazzjoni tal-GDPR tippreżupponi li din id-data tifforma parti, jew tkun maħsuba sabiex tifforma parti, minn sistema ta’ arkivjar.
41. It-terminu “sistema ta’ arkivjar” huwa ddefinit fl-Artikolu 4(6) tal-GDPR bħala “kwalunkwe sett strutturat ta’ data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika”. Il-GDPR ma jistabbilixxix “il-modalitajiet speċifiċi li bihom fajl għandu jkun strutturat jew il-forma tiegħu” (22). Tabilħaqq, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, it-test stess tad-dispożizzjoni (“kwalunkwe”) u l-għan tagħha (li jiġi żgurat livell ugwali ta’ protezzjoni irrispettivament mit-tekniki użati sabiex tiġi pproċessata d-data (23)) jeħtieġu interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu (24).
42. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dak li huwa kruċjali f’dan ir-rigward huwa jekk, irrispettivament mill-istruttura jew mill-forma effettiva ta’ sistema ta’ arkivjar, id-data personali li tinsab fiha hijiex strutturata skont loġika partikolari b’tali mod li tkun tista’ tiġi rkuprata faċilment (25). Din il-fehma tat-terminu, iggwidata mill-għan tiegħu, tikkorrispondi mat-tifsira teknika u storika tiegħu: is-sistemi ta’ arkivjar huma tabilħaqq in-nukleu tax-xjenza tal-arkivji, qasam ta’ għarfien u ta’ riċerka li joriġina miż-żamma antika ta’ reġistri fuq twavel tat-tafal u rombli tal-papiru (26). Il-metodi standard sabiex tiġi ffajljata u arkivjata informazzjoni u dokumenti jinkludu sistemi alfabetiċi, numeriċi, kronoloġiċi u bbażati fuq is-suġġett.
43. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-magħmudijiet fil-Knisja Kattolika Rumana jiġu rreġistrati abbażi ta’ kriterju ġeografiku (fir-reġistru tal-parroċċa fejn jiġu ċċelebrati (27)) u, fi ħdan ir-reġistru rilevanti, jiġu rreġistrati f’ordni kronoloġika (jiġifieri, skont id-data taċ-ċelebrazzjoni). Ir-reġistri tal-magħmudija għaldaqstant fihom sett “strutturat” ta’ data personali, ta’ natura deċentralizzata, li jippermetti l-irkupru faċli tal-informazzjoni kollha dwar magħmudija speċifika abbażi tal-post u tad-data taċ-ċelebrazzjoni.
44. Madankollu, il-Gvern Latvjan jenfasizza l-fatt li l-kriterji użati sabiex tiġi strutturata s-sistema ta’ arkivjar ma jirrigwardawx direttament lis-suġġetti tad-data li kienu ġew mgħammda. Fil-fehma tiegħi, dan huwa irrilevanti. B’differenza mid-Direttiva li ppreċedietu, id-Direttiva 95/46/KE (28), il-GDPR imkien ma jimponi tali rekwiżit, li jmur kontra l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kunċett ta’ “sistema ta’ arkivjar” u li kieku jfixkel parzjalment l-għanijiet tal-Artikolu 4(6) tiegħu.
45. Lanqas ma huwa ta’ xi rilevanza li d-data personali li tinsab fir-reġistri hija aċċessibbli għal numru limitat ħafna ta’ persuni, jew li l-irkupru ta’ tali data jeħtieġ għarfien minn qabel ta’ xi wħud mid-dettalji tal-avveniment inkwistjoni, argument li tressaq mill-Bisdom Gent. Jekk “sett strutturat ta’ data personali” jikkostitwixxix sistema ta’ arkivjar fis-sens tal-Artikolu 4(6) tal-GDPR jiddependi biss mill-karatteristiċi oġġettivi tiegħu u mhux mill-identità u/jew min-numru tal-persuni li jista’ jkollhom aċċess għalih jew, mill-familjarità tagħhom mal-istruttura tas-sistema ta’ arkivjar jew mid-dettalji tal-avveniment inkwistjoni.
46. Konsegwentement, ir-reġistri tal-magħmudija jikkostitwixxu sistemi ta’ arkivjar fis-sens tal-Artikolu 4(6) tal-GDPR.
47. It-tielet, il-GDPR japplika, ratione personae, għal entitajiet bħall-knejjes u l-komunitajiet reliġjużi. Kif spjegat fil-punti 6 sa 9 iktar ’il fuq, il-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ newtralità li jirriżultaw mill-Artikolu 17(1) TFUE ma joħolqux dubju dwar dan. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija pjuttost ċara f’dan ir-rigward (29). Fil-fatt, numru ta’ dispożizzjonijiet tal-GDPR jirrigwardaw espressament l-applikazzjoni tar-regolament għall-knejjes u għall-assoċjazzjonijiet reliġjużi (30).
48. Ir-raba’ u l-aħħar nett, għandu jingħad, għal finijiet ta’ ċarezza, li l-ipproċessar rilevanti tad-data personali tal-ilmentatur f’din il-proċedura ma huwiex, kjarament, dak marbut mal-ewwel annotazzjoni tad-data personali tiegħu wara ċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija. Dak l-avveniment jippreċedi fil-biċċa l-kbira d-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe regola tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. F’dan il-kuntest, nixtieq nirrileva li, skont l-Artikolu 91(1) tal-GDPR, “fejn fi Stat Membru, knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi japplikaw, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, regoli komprensivi b’rabta mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar, tali regoli jistgħu jkomplu japplikaw, dment li dawn jinġiebu f’konformità ma’ dan ir-Regolament”.
49. Għaldaqstant, dak li huwa inkwistjoni f’din il-proċedura huwa l-legalità tal-ipproċessar tad-data – fil-forma ta’ ħażna u, fejn xieraq, ta’ rkupru u ta’ użu (31) – fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni fis-seħħ bħalissa (jiġifieri d-dispożizzjonijiet tal-GDPR, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta) (32). B’mod partikolari, l-analiżi hawn taħt ser tiffoka fuq il-perijodu li segwa t-talba tal-ilmentatur lill-kontrollur sabiex iħassar id-data personali tiegħu mir-reġistru tal-magħmudija.
50. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, huwa ċar li l-GDPR huwa applikabbli fil-kawża prinċipali, kif ġustament iddeċidiet il-GBA fid-deċiżjoni kkontestata (33). Konsegwentement, issa ser ngħaddi għad-diversi kwistjonijiet legali li jirriżultaw mid-domandi preliminari.
B. Ir‑raġunijiet għat‑tħassir
51. Fil-qalba ta’ dawn id-domandi jinsab id-dritt għal tħassir (jew “dritt li wieħed jintesa”) li l-Artikolu 17 tal-GDPR jagħti lis-suġġetti tad-data f’ċerti ċirkustanzi. Fil-qosor, il-kwistjoni prinċipali hija jekk, kif iddeterminat il-GBA fid-deċiżjoni kkontestata, l-ilmentatur kienx intitolat, f’dan il-każ, li jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex jitlob lill-kontrollur tad-data (in casu, il-Bisdom Gent) iħassar id-data personali tiegħu li tinsab fir-reġistru tal-magħmudija.
52. Għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(1) tal-GDPR jelenka sitt raġunijiet alternattivi li abbażi tagħhom is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar id-data personali mingħajr dewmien żejjed.
53. Fil-kawża prinċipali, l-ilmentatur u l-GBA għamlu riferiment għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1)(c) u (d) tal-GDPR. Il-punt (c) jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha s-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) tal-GDPR u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, filwaqt li l-punt (d) jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha d-data personali tas-suġġett tad-data tkun ġiet ipproċessata illegalment. F’din il-kawża, il-legalità tal-ipproċessar tiddependi minn jekk l-ipproċessar tad-data kienx, f’konformità mal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR, meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur u li ma ġewx megħluba mill-interessi jew mid-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li kienu jeħtieġu protezzjoni (34).
54. Dawk iż-żewġ raġunijiet ser jiġu eżaminati waħda wara l-oħra, u ser nibda bir-raġuni stabbilita fl-Artikolu 17(1)(d) tal-GDPR. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt għamlitha ċara li “[l]-applikabbiltà tal-Artikolu 21 tal-GDPR u, konsegwentement, l-eventwali eżistenza ta’ dritt għall-oġġezzjoni jippreżupponu l-eżistenza ta’ pproċessar legali” (35).
55. Dan l-ordni ta’ analiżi jirrifletti wkoll il-loġika li fuqha huma bbażati ż-żewġ raġunijiet għat-tħassir tad-data personali. Essenzjalment, iż-żewġ raġunijiet jeħtieġu, f’xi stadju tal-evalwazzjoni ġuridika, l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni: dawk tal-kontrollur tad-data, minn naħa, u dawk tas-suġġetti tad-data, min-naħa l-oħra. Idealment, dawn id-drittijiet u interessi għandhom jiġu rrikonċiljati. Fl-assenza ta’ dan, madankollu, jista’ jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat liema minnhom, f’sett speċifiku ta’ ċirkustanzi, għandhom jipprevalu (36). Skont ir-raġuni għat-tħassir invokata, dan l-eżerċizzju jista’ jagħti riżultati differenti. Dan jirriżulta mir-raġunijiet u min-natura differenti taż-żewġ raġunijiet inkwistjoni hawnhekk.
56. L-Artikolu 17(1)(d) tal-GDPR huwa fil-parti l-kbira dispożizzjoni li tħares lura li essenzjalment tippermetti lil suġġett tad-data jirreaġixxi għall-fatt li d-data personali tiegħu tkun ġiet ipproċessata b’mod illegali. Ma għandux jintesa li, skont id-dispożizzjonijiet tal-GDPR, kontrollur għandu jkun jista’ juri li l-ipproċessar isir f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament fi kwalunkwe mument (37). Tabilħaqq, meta l-ipproċessar ikun ibbażat fuq l-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR, huwa essenzjali li, sabiex jiġi żgurat ipproċessar legali, il-kontrollur jiżen id-diversi interessi kunfliġġenti anki qabel ma jsir kwalunkwe pproċessar. Mid-definizzjoni tiegħu stess, il-kontrollur jista’ ma jkunx jaf f’dak l-istadju biċ-ċirkustanzi speċifiċi li jirrigwardaw kull individwu li d-data tiegħu ser tiġi pproċessata (38).
57. L-ibbilanċjar imsemmi fil-punt preċedenti għandu, konsegwentement, isir f’livell relattivament wiesa’, billi jiffoka prinċipalment fuq id-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data kkonċernati kollha kemm huma. It-test sabiex tiġi ddeterminata l-legalità tal-ipproċessar huwa strett iżda, kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem, mhux daqs dak applikabbli skont l-Artikolu 17(1)(c).
58. L-Artikolu 17(1)(c) tal-GDPR huwa iktar dispożizzjoni li tħares ’il quddiem, li tippermetti lis-suġġetti tad-data jopponu l-ipproċessar futur tad-data tagħhom, għal raġunijiet marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. L-ibbilanċjar għandu, konsegwentement, isir meta l-kontrollur tad-data jsir jaf bl-oġġezzjoni tas-suġġett tad-data u bir-raġunijiet għaliha. F’tali każ, filwaqt li l-fatturi ġenerali kollha meħuda inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 6(1)(f) ta’ dak ir-regolament jibqgħu rilevanti, din l-evalwazzjoni ex post tikkomplementahom b’fatturi oħra li huma speċifiċi għas-suġġett tad-data li jkun oġġezzjona għall-ipproċessar (39). L-ibbilanċjar skont l-Artikolu 17(1)(c) huwa, fil-fatt, iċċentrat fuq “[i]ċ-ċirkustanzi kollha tas-sitwazzjoni konkreta tas-suġġett tad-data” (40).
59. Hemm differenza importanti oħra bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet: it-test li għandu jissodisfa l-kontrollur tad-data sabiex jiġġustifika l-ipproċessar tad-data, minkejja l-oġġezzjoni tas-suġġett tad-data, huwa partikolarment strett. Fil-fatt, meta suġġett tad-data joġġezzjona skont l-Artikolu 21(1) tal-GDPR, huma biss “raġunijiet leġittimi konvinċenti” li jistgħu jegħlbu l-interessi u d-drittijiet tas-suġġett tad-data kkonċernat (41). Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) tal-GDPR jintroduċi preżunzjoni favur is-suġġett tad-data (42): wara li l-oġġezzjoni tiġi kkomunikata lill-kontrollur, dan tal-aħħar “ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm [huwa] ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data” (43).
60. Jidhirli li tali distinzjoni bejn it-tip ta’ evalwazzjoni meħtieġa, meta jista’ jkun li seħħ ipproċessar illegali, minn naħa, u, , meta suġġett tad-data joġġezzjona għal ipproċessar (preżumibbilment legali), min-naħa l-oħra, diġà tidher mis-sentenza Google Spain (44). Il-fehma tiegħi tal-Artikolu 17(1) tal-GDPR hija sostnuta wkoll mill-kliem ċar tad-dispożizzjoni: il-punt (d) juża verb fil-passat (“tkun ġiet ipproċessata”), filwaqt li l-punt (c) juża verb fil-preżent (“joġġezzjona”) (45).
61. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fit-taqsimiet li ġejjin, ser neżamina l-ewwel jekk il-kontrollur, qabel ma sar jaf bl-oġġezzjoni tal-ilmentatur, ipproċessax id-data personali tal-ilmentatur legalment (1). Sussegwentement, ser nevalwa l-possibbiltà għall-ilmentatur li joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu (2).
62. Qabel nagħmel dan, għandha ssir osservazzjoni ta’ natura sistemika. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fiż-żewġ xenarji, hija fil-prinċipju l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel l-evalwazzjoni finali dwar jekk suġġett tad-data għandux id-dritt li jitlob it-tħassir tad-data personali tiegħu (46). Hija, b’mod partikolari, dik il-qorti li għandha tiżen id-drittijiet u l-interessi kunfliġġenti msemmija iktar ’il fuq, fid-dawl tal-kriterji u tal-fatturi stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (47). Fil-fatt, ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni jiddependi miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull sitwazzjoni (48), li għaldaqstant l-aħjar li jiġu evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ (49). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, hija u tagħti deċiżjoni fuq talba għal deċiżjoni preliminari, tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lil dik il-qorti nazzjonali f’din id-determinazzjoni (50).
1. L‑ipproċessar legali tad‑data personali
63. In-natura legali jew illegali tal-ipproċessar tad-data personali tiddependi, b’mod ġenerali, minn jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fiż-żewġ dispożizzjonijiet li ġejjin tal-GDPR humiex issodisfatti (51).
64. L-ewwel, l-Artikolu 5 ta’ dak ir-regolament, li jistabbilixxi numru ta’ prinċipji ewlenin relatati mal-ipproċessar ta’ data personali (b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li d-data tkun “ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti” u, barra minn hekk, tkun “adegwata, rilevanti u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata”). Dan l-aħħar prinċipju – dak tal-minimizzazzjoni tad-data – ser ikun ta’ importanza partikolari fl-analiżi ġuridika preżenti (52).
65. It-tieni, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxi lista “eżawrjenti u limitattiva” tal-każijiet li fihom l-ipproċessar tad-data huwa legali (53). Kif għamlitha ċara l-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitt xenarji previsti fih huma alternattivi (54), u għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (55), fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR (56).
66. F’din il-kawża, hemm ukoll it-tielet dispożizzjoni li hija rilevanti: l-Artikolu 9 tal-GDPR, li jirrigwarda l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali. B’mod partikolari, l-Artikolu 9(1) jipprevedi li l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela, fost oħrajn, twemmin reliġjuż jew filosofiku huwa fil-prinċipju pprojbit. Madankollu, l-Artikolu 9(2)(d) jistabbilixxi li din il-projbizzjoni ma tapplikax meta “l-ipproċessar isir waqt l-attivitajiet leġittimi tiegħu b’salvagwardji adatti minn fondazzjoni, assoċjazzjoni jew kwalunkwe korp ieħor mingħajr skop ta’ qligħ b’għan [fost oħrajn reliġjuż] u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun relatat biss mal-membri jew ex membri tal-korp jew ma’ persuni li għandhom kuntatt regolari miegħu b’rabta mal-finijiet tiegħu u li d-data personali ma tkunx żvelata barra dak il-korp mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data”.
67. Jidher li, sa fejn l-ipproċessar tad-data personali mill-Knisja (i) jirrigwarda individwi li tgħammdu, u (ii) isir għal finijiet li huma marbuta mal-attivitajiet reliġjużi ordinarji tagħha (bħall-amministrazzjoni korretta tas-sagramenti, li ser tiġi diskussa iktar ’il quddiem), il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(2)(d) huma ssodisfatti. B’mod partikolari, id-data personali tal-individwi inkwistjoni hija aċċessibbli biss għal numru ristrett ta’ persuni li jappartjenu lill-Knisja, u hemm salvagwardji fis-seħħ sabiex jiġi evitat aċċess mhux awtorizzat (pereżempju, din tinżamm f’kaxxiforti msakkra jew f’kmamar iddedikati). Konsegwentement, u bla ħsara għal konferma mill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, il-projbizzjoni tal-ipproċessar stabbilita fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
68. Dan ifisser li l-kwistjoni ewlenija hija jekk tapplikax xi waħda mir-raġunijiet għal ipproċessar legali stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-GDPR. Ma huwiex ikkontestat li l-ipproċessar tad-data personali tal-ilmentatur mill-Bisdom Gent ma huwiex ibbażat fuq il-kunsens. Madankollu, il-Bisdom Gent isostni li tali pproċessar huwa legali skont l-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR. Din id-dispożizzjoni tawtorizza l-ipproċessar ta’ data personali li jkun “meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni”.
69. Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni tipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali: (i) it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data jew minn terz; (ii) in-neċessità tal-ipproċessar tad-data personali sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex; u (iii) il-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux jipprevalu fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz (57).
a) It‑tfittxija ta’ interess leġittimu
70. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “interess leġittimu” mill-GDPR, firxa wiesgħa ta’ interessi tista’, bħala prinċipju, titqies li hija leġittima. B’mod partikolari, dan il-kunċett ma huwiex limitat għall-interessi stabbiliti u ddeterminati minn liġi (58).
71. Fil-Linji Gwida 1/2024 tiegħu, l‑EDPB ħa l-pożizzjoni li, sabiex ikun “leġittimu”, interess tal-kontrollur tad-data għandu jkun legali (jiġifieri, mhux kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru); artikolat b’mod ċar u preċiż (sabiex jiġi żgurat li jkun jista’ jiġi bbilanċjat mad-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data); u reali u attwali, mhux spekulattiv (59). Jidher li dawn it-tliet kriterji jsibu sostenn ċar fil-ġurisprudenza u huma, fil-fatt, ta’ rilevanza partikolari għal din l-analiżi (60).
72. Fil-kawża preżenti, il-Bisdom Gent tiddikjara li l-għan prinċipali tal-ipproċessar huwa li tiġi żgurata amministrazzjoni korretta tas-sagramenti, li teħtieġ reġistrazzjoni preċiża ta’ dawk li ġew amministrati lil kull membru tal-Knisja. B’mod partikolari, il-Bisdom Gent tenfasizza li, fil-prinċipju, il-magħmudija tista’ tiġi amministrata darba biss u huwa għalhekk meħtieġ li jiġi evitat li l-fidili jitgħammdu darbtejn.
73. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-GBA aċċettat li tali għan jista’ jitqies bħala “interess leġittimu” għall-finijiet tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR. Ħadd mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura ma qajjem dubji f’dan ir-rigward.
74. Jien ukoll naqbel mal-GBA. Is-sagramenti huma riti reliġjużi tal-ikbar importanza għall-Knisja Kattolika Rumana. Il-magħmudija, wieħed mis-seba’ sagramenti rikonoxxuti minn din il-Knisja, hija ta’ sinjifikat partikolari. Il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku jirreferi għaliha bħala “l-bieb għas-sagramenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (61).
75. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-libertà ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta jinkludi l-libertà ta’ kull persuna li timmanifesta r-reliġjon tagħha jew it-twemmin tagħha b’mod individwali jew kollettiv, fil-pubbliku jew fil-privat, permezz tal-qima, tat-tagħlim, tal-prattika u tal-osservanza. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “reliġjon” fil-Karta għandu jinftiehem f’sens wiesa’, li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri, li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri, l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ riti reliġjużi, bħalma hija l-amministrazzjoni tas-sagrament tal-magħmudija, taqa’ fil-kamp tal-forum externum ta’ dik il-libertà (62).
76. Fid-dawl tal-prinċipji ta’ newtralità u ta’ awtonomija stabbiliti fl-Artikolu 17(1) TFUE (63), huwa għaldaqstant loġiku li l-interess li jiġi żgurat li s-sagramenti, inkluża l-magħmudija, jiġu amministrati b’mod korrett jitqies leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR. Dan l-interess jissodisfa t-tliet kriterji stabbiliti fil-punt 71 iktar ’il fuq: huwa legali, suffiċjentement speċifiku u mhux ipotetiku.
b) In‑neċessità ta’ ipproċessar tad‑data
77. Fir-rigward tat-tieni rekwiżit ta’ neċessità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti li dan “ma huwiex issodisfatt meta l-għan imfittex minn dan l-ipproċessar ta’ data jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati […] peress li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ tali data għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju” (64). F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li “l-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju msejjaħ ta’ minimizzazzjoni tad-data stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li skontu d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata ” (65).
78. Ir-rekwiżit ta’ neċessità għandu żewġ komponenti komplementari u marbuta mill-qrib (66). L-ewwel, huwa importanti li jiġi żgurat li l-miżura tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit. Kjarament, miżura li ma tkunx kapaċi tilħaq l-għan tagħha ma tistax titqies bħala “strettament neċessarj[a] għat-twettiq ta’ dan l-interess leġittimu”. It-tieni, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura hijiex essenzjali: l-ipproċessar ma jistax jitqies neċessarju jekk l-interess segwit mill-kontrollur tad-data jista’ “raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernat” (67).
79. F’din il-kawża, jista’ jiġi argumentat li, sakemm persuna tkun assoċjata (jew tkun tista’ raġonevolment tiġi preżunta assoċjata) ma’ komunità reliġjuża, dik il-komunità tista’ leġittimament tqis li huwa meħtieġ li żżomm rekords preċiżi tas-sagramenti amministrati lilha. B’mod partikolari, il-ħażna tad-data personali rilevanti tal-fidili li tgħammdu tikkontribwixxi direttament għat-tfittxija tal-għan li tiġi żgurata amministrazzjoni korretta tas-sagramenti.
80. Barra minn hekk, minkejja l-eżistenza possibbli ta’ miżuri alternattivi li jistgħu jkunu inqas intrużivi għad-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data inkwistjoni (68), il-ħażna tad-data personali fir-reġistru tal-magħmudija tidher, fil-fehma tiegħi, miżura iktar effettiva li għandha tittieħed fir-rigward tal-persuni kollha li jappartjenu għall-komunità reliġjuża. L-ipproċessar isir, wara kollox, anki fl-interess tas-suġġetti tad-data nnifishom, li jista’ jkollhom bżonn jipprovdu prova tal-magħmudija meta jitolbu l-amministrazzjoni ta’ sagramenti oħra. Applikazzjoni eċċessivament stretta tar-rekwiżit ta’ neċessità għaldaqstant tidher, f’dan il-kuntest, mhux iġġustifikata (69).
81. Konsegwentement, bla ħsara għal konferma mill-qorti tar-rinviju, numru ta’ elementi jidhru li jikkorroboraw in-neċessità tal-ipproċessar, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR.
c) Bilanċ ta’ interessi
82. Fl-aħħar, il-kundizzjoni li l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-ipproċessar tad-data ma jipprevalux fuq l-interessi leġittimi tal-kontrollur jew ta’ parti terza teħtieġ li l-qrati nazzjonali jiżnu u jsibu bilanċ bejn id-drittijiet u l-interessi kunfliġġenti.
83. Metaforikament, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tqiegħed, fuq naħa waħda tal-miżien, id-drittijiet u l-interessi tas-suġġett tad-data affettwati b’mod negattiv mill-ipproċessar ulterjuri u fuq in-naħa l-oħra tal-miżien, id-drittijiet u l-interessi tal-kontrollur li jkunu affettwati b’mod negattiv jekk jitwaqqaf l-ipproċessar.
84. It-test tal-GDPR u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdu ċerta gwida dwar kif għandu jsir dan l-eżerċizzju.
85. Fost il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati hemm, l-ewwel, l-“aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur […] fil-mument u fil-kuntest tal-ġbir tad-data personali, li l-ipproċessar għal dak il-fini jkun jista’ jsir. L-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b’mod partikolari, isiru iktar importanti mill-interess tal-kontrollur tad-data fejn tkun ipproċessata data personali f’ċirkostanzi fejn is-suġġetti tad-data jistennew b’mod raġonevoli li ma jsirx iktar ipproċessar” (70).
86. Barra minn hekk, l-iskala tal-ipproċessar u l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data huma ta’ importanza kbira (71). Fir-rigward ta’ dan l-aħħar element, għalkemm ma hemm l-ebda rekwiżit li tiġi stabbilita kwalunkwe forma ta’ preġudizzju kkawżat lis-suġġett tad-data (72), naturalment ikun ta’ rilevanza partikolari kieku kellhom jkunu esposti għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali (73), inkluż tbatija emozzjonali (74).
87. In-numru kbir ta’ persuni li għandhom aċċess għad-data personali inkwistjoni u, fejn rilevanti, l-effetti wisgħin ta’ tixrid li l-ipproċessar tagħhom jista’ potenzjalment ikollu jistgħu iżidu l-gravità tal-interferenza fid-drittijiet tas-suġġett tad-data inkwistjoni (75). Għall-kuntrarju, f’ċerti każijiet, il-gravità tal-impatt tista’ titqies minuri jekk id-data pproċessata tkun disponibbli pubblikament, skont il-punt sa fejn dik id-data diġà tidher f’sorsi pubbliċi (76). Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-impatt attwali tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni ma hijiex eżerċizzju unilaterali: il-benefiċċji possibbli li s-suġġetti tad-data kkonċernati jiksbu mill-ipproċessar għandhom, naturalment, jiżdiedu wkoll mal-ekwazzjoni (77).
88. Barra minn hekk, l-ibbilanċjar tal-interessi kunfliġġenti jeħtieġ prudenza partikolari meta d-data pproċessata tappartjeni lil kategorija speċjali, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-GDPR (bħal dik li tiżvela twemmin reliġjuż jew filosofiku) (78), jew meta tirrigwarda minorenni, kif espressament previst fl-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR (79). Bl-istess mod, l-ipproċessar tad-data fuq perijodi twal ta’ żmien jista’ wkoll jeħtieġ viġilanza speċjali min-naħa tal-kontrollur, peress li ż-żmien li jgħaddi jista’ faċilment jaffettwa kemm l-interessi tal-kontrollur fl-ipproċessar tad-data, kif ukoll l-impatt tal-ipproċessar ta’ dik id-data fuq id-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data inkwistjoni (80).
89. Fl-istess ħin, l-eżistenza ta’ salvagwardji xierqa kontra aċċess u pproċessar illegali, sabiex jiġu żgurati l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data, tista’ tkun rilevanti wkoll f’dan il-kuntest (81).
90. Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżen u ssib bilanċ bejn l-interessi kunfliġġenti, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti iktar ’il fuq. Fil-fehma tiegħi, f’din il-kawża l-fatturi li ġejjin jistħoqqilhom kunsiderazzjoni partikolari.
91. Minn naħa, huwa minnu li l-ipproċessar jinvolvi kategorija speċjali ta’ data li, barra minn hekk, spiss tinvolvi lil minorenni. Huwa ċar ukoll li l-ipproċessar jinterferixxi ma’ diversi drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data kkonċernati.
92. L-ewwel, l-ipproċessar tad-data personali ta’ individwu li tirrigwarda kwistjonijiet privati ħafna, bħad-data u l-post tat-twelid, ir-rabtiet familjari u t-twemmin reliġjuż, jinterferixxi mal-ħajja privata ta’ dak l-individwu. Barra minn hekk, peress li l-ipproċessar ta’ dik id-data jista’ jseħħ mingħajr il-kunsens ta’ dak l-individwu, u peress li ma huwiex avveniment ta’ darba jew okkażjonali iżda jista’ potenzjalment iseħħ ripetutament matul il-ħajja ta’ dak l-individwu, dan jaffettwa b’mod ċar id-dritt tiegħu ta’ awtodeterminazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ tali data. L-indħil fid-drittijiet tas-suġġett tad-data għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta) u għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta) huwa għaldaqstant inkontestabbli.
93. It-tieni, jekk individwu jitgħammed waqt it-tfulija u għaldaqstant ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data, tali pproċessar iseħħ irrispettivament minn jekk l-individwu kkonċernat iqisx lilu nnifsu parti mill-komunità reliġjuża inkwistjoni. Kif ikkonstatat il-Qorti EDB, “id-dritt li wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu għandu wkoll aspett negattiv, jiġifieri d-dritt ta’ individwu li ma jkunx obbligat jiżvela r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu u li ma jkunx obbligat jaġixxi b’tali mod li jkun possibbli li jiġi konkluż li huwa għandu – jew ma għandux – tali twemmin” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (82). Ipproċessar tad-data għaldaqstant jinterferixxi wkoll mal-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon (l-Artikolu 10 tal-Karta) tas-suġġett tad-data kkonċernat.
94. Min-naħa l-oħra, madankollu, spjegajt għaliex il-kontrollur iwettaq l-ipproċessar tad-data inkwistjoni fit-tfittxija ta’ interess leġittimu li huwa wkoll protett mill-Artikolu 10 tal-Karta.
95. Barra minn hekk, sakemm is-suġġett tad-data kkonċernat jista’ jiġi preżunt li huwa parti mill-komunità reliġjuża inkwistjoni, numru ta’ elementi jidhru li jindikaw l-assenza, a priori, ta’ kwalunkwe interferenza negattiva sinjifikattiva fid-drittijiet fundamentali ta’ dak is-suġġett tad-data.
96. Qabelxejn, jidher raġonevoli li jitqies li persuna li tgħammdet normalment tistenna li d-data personali tagħha tinżamm fir-reġistru tal-magħmudija, tal-inqas sakemm din il-persuna tqis lilha nnifisha membru ta’ dik il-komunità reliġjuża. Sussegwentement, l-iskala tal-ipproċessar, f’termini tal-ammont ta’ data pproċessata (dik rilevanti għall-identifikazzjoni tal-persuna mgħammda) u n-numru u t-tip ta’ operazzjonijiet imwettqa (prinċipalment il-ħażna tad-data u l-aċċess għaliha meta jkun meħtieġ) huwa pjuttost limitat. In-numru ta’ persuni b’aċċess għal dik l-informazzjoni huwa wkoll limitat, u hemm salvagwardji fis-seħħ sabiex jiġi evitat aċċess mhux awtorizzat.
97. Barra minn hekk, anki meta d-data tirrigwarda minorenni, id-deċiżjoni li d-data personali tiegħu tiġi pproċessata wara l-magħmudija tittieħed, preżumibbilment, b’mod konxju mill-ġenituri jew mit-tuturi legali ta’ dak il-minorenni u tikkostitwixxi espressjoni tad-dritt tagħhom li jiżguraw li wliedhom jitrabbew skont il-konvinzjonijiet reliġjużi u filosofiċi tagħhom (83).
98. L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-ħażna tad-data personali tal-individwi mgħammdin issir, wieħed jista’ jsostni, anki fl-interess ta’ dawk l-individwi, li jistgħu jintalbu jipprovdu prova tal-magħmudija jekk ikunu jixtiequ jirċievu sagramenti oħra (bħall-Griżma tal-Isqof u ż-żwieġ reliġjuż).
99. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-ipproċessar tad-data personali tal-ilmentatur mill-Knisja, qabel ma huwa formalment oġġezzjona għalih, jista’ jitqies bħala konformi mal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR. Jekk dan effettivament kien il-każ, dan ikun ifisser li l-ilmentatur ma setax jitlob it-tħassir tad-data personali tiegħu abbażi tal-Artikolu 17(1)(d) tal-GDPR qabel ma l-Bisdom Gent ġiet informata bl-oġġezzjoni tiegħu għall-ipproċessar tad-data tiegħu.
100. L-evalwazzjoni ta’ jekk l-ilmentatur jistax jitlob it-tħassir billi joġġezzjona għall-ipproċessar hija kwistjoni li għandha tiġi indirizzata abbażi tal-Artikolu 17(1)(c) tal-GDPR. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 21(1) tiegħu.
2. Is‑suġġett tad‑data joġġezzjona għall‑ipproċessar tad‑data
101. L-Artikolu 21(1) tal-GDPR jagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument, għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu, liema dritt huwa bbażat, fost oħrajn, fuq l-Artikolu 6(1)(f) tiegħu, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali. Madankollu, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-kontrollur ikompli jipproċessa d-data, fost oħrajn, jekk huwa jagħti “raġunijiet leġittimi konvinċenti […] li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data”.
102. Kif issemma iktar ’il fuq, l-Artikolu 21(1) tal-GDPR jistabbilixxi test pjuttost strett li l-kontrollur għandu jissodisfa sabiex jiġġustifika l-ipproċessar ta’ data personali minkejja l-oġġezzjoni tas-suġġett tad-data għalih. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-kontrollur jinjora l-oġġezzjoni biss meta jagħti raġunijiet konvinċenti li jiġġustifikaw l-ipproċessar, u l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuq il-kontrollur. Tabilħaqq, ir-regola awtomatika hija li, meta jaffaċċja ruħu ma’ oġġezzjoni, il-kontrollur għandu jwaqqaf l-ipproċessar (“[i]l-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm […]”) (84).
103. F’dan l-istadju, jista’ jkun utli li tiġi kkunsidrata t-tifsira tat-terminu “konvinċenti”. Il-GDPR ma jiddefinixxihx u lanqas ma huwa għalkollox ċar mit-test tad-dispożizzjoni għal xiex jirreferi eżattament dan l-aġġettiv. Jista’ jirreferi għar-“raġunijiet leġittimi”: ir-raġunijiet invokati mill-kontrollur ikunu allura ma jeħtiġux li jkunu biss “leġittimi” iżda wkoll essenzjali jew vitali għall-attività tal-kontrollur (85). Madankollu, jista’ jirreferi wkoll għal ħtieġa konvinċenti min-naħa tal-kontrollur li jipproċessa d-data. Għalkemm l-Artikolu 21(2) tal-GDPR ma jsemmix espressament ir-rekwiżit ta’ neċessità, dan jibqa’ fattur essenzjali fl-analiżi (86). Fl-aħħar nett, jista’ wkoll ikun sempliċement maħsub sabiex jirrifletti l-piż sinjifikattiv li għandu jkollhom id-drittijiet u l-interessi tas-suġġett tad-data meta jiġu mwieżna ma’ dawk tal-kontrollur (87).
104. Fil-fehma tiegħi, it-tliet perspettivi msemmija iktar ’il fuq huma kollha korretti: it-terminu “konvinċenti” jippermea l-evalwazzjoni tat-tliet rekwiżiti. Dan it-terminu, flimkien mal-espressjonijiet ekwivalenti użati fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tar-regolament (88), huwa ċar sa fejn jirrifletti rekwiżit ta’ saħħa u ta’ qawwa tar-raġunijiet li jawtorizzaw lill-kontrollur jinjora r-rieda ċara tas-suġġett tad-data kkonċernat.
105. Kif jgħid l‑EDPB fil-Linji Gwida 1/2024 tiegħu, dan it-terminu jimplika limitu ogħla li għandu jiġi ssodisfatt mill-kontrollur tad-data minn dak applikabbli skont l-Artikolu 17(1)(d) tal-GDPR (89). Din l-interpretazzjoni hija espressament ikkonfermata mill-ġurisprudenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta tkun affaċċjata minn oġġezzjoni skont l-Artikolu 21(1) tal-GDPR, huwa biss “eċċezzjonalment” li qorti nazzjonali tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ raġunijiet leġittimi prevalenti li jistgħu jiġġustifikaw l-ipproċessar inkwistjoni (90).
106. Wara kollox, kieku t-test skont l-punt (c) tal-Artikolu 17(1) tal-GDPR ma kienx iktar strett minn dak stabbilit fil-punt (d) tiegħu, dan ikun ifisser li l-ebda pproċessar b’mod validu ibbażat fuq l-Artikolu 6(1)(f) ta’ dak ir-regolament ma jkun jista’ qatt jiġi oġġezzjonat mis-suġġett tad-data inkwistjoni (91). Dan jagħmel lill-Artikolu 21(1) tal-GDPR parzjalment ineffettiv, u jqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt ta’ oġġezzjoni jippreżupponi l-eżistenza ta’ pproċessar legali (92).
107. Dan it-test partikolarment strett jirrifletti l-prinċipju bażiku li jinsab fil-qalba tal-korp ta’ regoli li huwa l-GDPR: l-ipproċessar ta’ data personali huwa pprojbit sakemm ma jkunx espressament awtorizzat. L-Artikolu 6(1) tiegħu huwa ċar f’dan ir-rigward: “[l]-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn [t]kun [t]applika [waħda mill-eċċezzjonijiet] li ġejjin […]” (93). U dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, kif iddikjarat repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja (94).
108. L-idea sottostanti, kif jirriżulta mill-premessa 7 tal-GDPR, hija li “persuni fiżiċi għandu jkollhom il-kontroll tad-data personali tagħhom”. L-Artikolu 21 tal-GDPR huwa espressjoni diretta ta’ dan il-prinċipju (95). F’dan il-kuntest, huwa evidenti minnu nnifsu li l-ipproċessar tad-data personali ta’ individwu li mhux biss qatt ma ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar, iżda anki oġġezzjona espressament għalih, jeħtieġ ġustifikazzjoni speċjali. Dan huwa konsistenti mal-għan prinċipali tal-GDPR: li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, kif stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE (96).
109. Jekk dan huwa effettivament il-każ, allura huwa loġiku li l-aġġettiv “konvinċenti” jitqies bħala ta’ rilevanza partikolari matul it-tliet stadji tal-evalwazzjoni ġuridika li l-qorti tar-rinviju hija mitluba twettaq: evalwazzjoni tal-interess invokat mill-kontrollur, u tal-bżonn għall-ipproċessar, u bbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi kunfliġġenti inkwistjoni.
110. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-kwistjoni ta’ jekk l-ilmentatur setax, f’dan il-każ, jopponi b’suċċess l-ipproċessar tad-data personali tiegħu abbażi tal-Artikolu 17(1)(c) tal-GDPR teħtieġ evalwazzjoni bir-reqqa li hija, fil-fehma tiegħi, ferm iktar kumplessa minn dik magħmula iktar ’il fuq fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni.
a) Raġunijiet leġittimi konvinċenti
111. L-ewwel, fir-rigward tal-kundizzjoni li teħtieġ li l-kontrollur juri “raġunijiet leġittimi konvinċenti” għall-ipproċessar, naqbel mal-EDPB li r-raġunijiet invokati għal dak l-ipproċessar “għandhom ikunu essenzjali għall-kontrollur (jew għall-parti terza li fl-interess leġittimu tagħha tkun qiegħda tiġi pproċessata d-data) sabiex jitqiesu konvinċenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (97).
112. Fi kliem ieħor, is-sempliċi fatt li l-interess imfittex mill-kontrollur fl-ipproċessar huwa legali ma huwiex biżżejjed. Fil-fehma tiegħi, dan l-interess għandu jitqies li jistħoqqlu protezzjoni partikolari taħt id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali, u t-tfittxija ta’ dan l-interess għandha tkun marbuta direttament ma’ waħda mill-funzjonijiet ewlenin tal-kontrollur.
113. Insib diffikultà sabiex nagħmel distinzjoni ċara bejn l-interessi li jistgħu jagħtu lok għal “raġunijiet leġittimi konvinċenti” u dawk li ma jistgħux. Tabilħaqq, dawn ma jistgħux jiġu evalwati b’mod astratt iżda biss f’livell iktar konkret u speċifiku, fiċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. Fid-dawl ta’ dan, għandi nżid li, pereżempju, l-interessi li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent huma, fil-fehma tiegħi, iktar probabbli li jissodisfaw it-test milli t-tfittxija ta’ sempliċi interess kummerċjali (98). Għal darba oħra, mhux l-interessi kollha li huma marbuta mal-kummerċ jew ta’ natura ekonomika huma ugwali: pereżempju, l-interess li jikkonsisti fl-osservanza ta’ kuntratt eżistenti jidher li jistħoqqlu iktar protezzjoni mill-interess li jikkonsisti fit-tfassil ta’ strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni effettiva (99). Barra minn hekk, peress li t-tfittxija ta’ għanijiet kummerċjali tikkostitwixxi r-raison d’être stess ta’ ċerti entitajiet, ir-restrizzjoni tal-kapaċità tagħhom li jipproċessaw id-data tista’, kultant, iddgħajjef l-attivitajiet fundamentali tagħhom.
114. Fil-kawża preżenti, kif diġà ġie diskuss, il-kontrollur isostni li l-ipproċessar tad-data personali kkonċernata huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni korretta tas-sagramenti. Dan huwa interess marbut intrinsikament mal-eżerċizzju tal-forum externum tal-libertà ta’ reliġjon u mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-awtonomija operattiva tal-komunitajiet reliġjużi. Dawn huma drittijiet u interessi ta’ sinjifikat kbir fis-sistema legali kemm tal-Unjoni kif ukoll dik tal-Istati Membri. Barra minn hekk, hemm rabta ovvja bejn il-missjoni spiritwali tal-Knisja u l-amministrazzjoni korretta tas-sagramenti.
115. Għaldaqstant, l-interess invokat mill-Bisdom Gent jista’, fil-prinċipju, jitqies bħala “konvinċenti” fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-GDPR. In‑neċessità tal‑ipproċessar tad‑data
116. Issa ser ngħaddi għall-kundizzjoni li tikkonsisti fil-ħtieġa għal dak l-ipproċessar sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat. Nixtieq nirrileva, bħala punt preliminari, li r-raġunijiet invokati għall-ipproċessar diffiċilment jistgħu jitqiesu “konvinċenti” sakemm ma jiġix ivverifikat bir-reqqa r-rekwiżit li dak l-ipproċessar ikun xieraq sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu u li jkun proporzjonat. Kif ġustament jirrileva l‑EDPB, “il-wiri li l-ipproċessar ikun sempliċement ta’ benefiċċju jew vantaġġuż għall-kontrollur ma jkunx neċessarjament jissodisfa [dak] il-limitu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (100). A fortiori, preferenza suġġettiva min-naħa tal-kontrollur ma tistax tikkostitwixxi ħtieġa urġenti li titwettaq attività ta’ pproċessar tad-data (101).
117. Fil-fehma tiegħi, dak li huwa kruċjali f’dan ir-rigward huwa jekk it-telf tal-kapaċità li jipproċessa d-data personali inkwistjoni jipperikolax, għall-kontrollur, b’mod kritiku, il-kapaċità tiegħu li jwettaq il-missjoni tiegħu kif iddefinita fl-istatuti tiegħu. F’kawża bħal dik preżenti, dan ikun ifisser li jiġi ddeterminat jekk iċ-ċaħda mill-Bisdom Gent tal-kapaċità tagħha li taħżen u tirkupra d-data personali tal-ilmentatur ixxekkilx serjament il-missjoni spiritwali tagħha.
118. L-evalwazzjoni hija, ċertament, waħda kumplessa.
119. Minn naħa, huwa raġonevoli li, minħabba s-sinjifikat li s-sagramenti – u l-magħmudija qabelxejn – għandhom għad-duttrina Kattolika, il-Knisja tista’ tqis li huwa importanti li żżomm ir-rekords tagħha kemm jista’ jkun intatti u kompleti. Mill-perspettiva tal-Knisja, jidher loġiku li, meta wieħed iqis li l-magħmudija hija sagrament li jingħata “darba fil-ħajja” u bieb għal sagramenti futuri, id-data personali ta’ individwu li tgħammed ma tistax titħassar anki meta dak l-individwu jkollu l-intenzjoni li jaqta’ r-rabtiet tiegħu mal-Knisja. Kif nifhimha jien, skont id-duttrina tal-Knisja Kattolika Rumana, l-effetti tal-magħmudija huma permanenti. Meta wieħed iħares minn din il-perspettiva, wieħed jista’ jsostni li huwa iktar preċiż li sempliċement tiżdied, fir-reġistru tal-magħmudija, l-informazzjoni dwar l-intenzjoni ta’ dik il-persuna li ma tibqax parti mill-Knisja.
120. F’dan il-kuntest, jista’ jkun ta’ siwi li jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(2)(d) tal-GDPR jirrikonoxxi espressament li korp b’għan filosofiku jew reliġjuż jista’ jkollu bżonn jipproċessa d-data personali kemm tal-membri attwali kif ukoll ta’ ex membri tiegħu.
121. Min-naħa l-oħra, madankollu, numru ta’ fatturi jidhru li jissuġġerixxu li t-telf tal-kapaċità li tiġi pproċessata d-data personali tal-ilmentatur jista’, forsi, ma jxekkilx serjament il-kapaċità tal-Bisdom Gent li twettaq il-missjoni spiritwali tagħha.
122. Fl-ewwel lok, ix-xenarju li fih l-ilmentatur ikun jixtieq, fil-futur, jerġa’ jissieħeb mal-Knisja u, f’dan il-kuntest, jirċievi sagramenti oħra huwa naturalment possibbli, għalkemm mhux probabbli ħafna fid-dawl tal-età li fiha l-ilmentatur eżerċita d-drittijiet tiegħu skont il-GDPR u tar-raġunijiet mogħtija għat-talba tiegħu għat-tħassir tad-data personali tiegħu (102). Fi kwalunkwe każ, il-premessa 64 tal-GDPR tistabbilixxi li “kontrollur m’għandux iżomm id-data personali għall-għan uniku li jkun jista’ jirreaġixxi għal talbiet potenzjali” (103).
123. Fit-tieni lok, ma huwiex għalkollox ċar f’liema ċirkustanzi jista’ jkun hemm riskju reali li persuna bħall-ilmentatur tista’ titgħammed darbtejn. Meta, waqt is-seduta, ntalbet tikkjarifika l-argumenti tagħha, il-Bisdom Gent ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi eżempji speċifiċi ta’ sitwazzjonijiet li fihom tali riskju jkun kemm plawżibbli kif ukoll probabbli li jseħħ.
124. Wieħed jista’ jsostni li hemm żewġ xenarji li fihom it-tħassir tad-data personali ta’ suġġett tad-data jista’ joħloq inċertezza legali, li potenzjalment tirriżulta f’magħmudija doppja: (i) persuna tista’ tkun tixtieq terġa’ tissieħeb mal-Knisja u, għal dan il-għan, titlob li titgħammed għat-tieni darba; jew (ii) persuna tista’ tkun tixtieq terġa’ tissieħeb mal-Knisja, u l-ministri tagħha, li ma jkunux konxji mill-ewwel magħmudija tagħha, jirrikjedu li s-suġġett tad-data jerġa’ jitgħammed.
125. Fl-ewwel xenarju, nifhem li, fid-dawl tal-assenza ta’ sistema ta’ arkivjar ċentralizzata, ma hemm xejn x’jipprekludi lil individwu li jkun diġà tgħammed milli jitgħammed għat-tieni darba, f’parroċċa differenti, jekk l-individwu inkwistjoni jkun verament jixtieq jagħmel dan (104). Fil-fatt, ikun biżżejjed, għal dak l-individwu, li jagħżel parroċċa li fiha l-ministri reliġjużi ma jkollhom l-ebda għarfien ta’ fejn u meta huwa jkun diġà rċieva s-sagrament tal-magħmudija. Tabilħaqq, mingħajr il-kooperazzjoni tal-individwu kkonċernat jew informazzjoni minn individwi oħra familjari mas-sitwazzjoni, il-mistoqsija dwar jekk persuna tkunx diġà tgħammdet ma tistax faċilment tingħata tweġiba. Dan jidher li huwa kkonfermat mill-analiżi ddettaljata ta’ dan il-punt magħmula mill-GBA fid-deċiżjoni kkontestata (105).
126. Hija, madankollu, il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-ħażna tad-data relatata mal-magħmudija ta’ persuna bħall-ilmentatur hijiex effettivament xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex fl-ewwel xenarju.
127. Fit-tieni xenarju – fejn persuna li tkun tixtieq terġa’ tidħol fil-Knisja tintalab tipprova l-ewwel magħmudija tagħha, pereżempju sabiex tikkuntratta żwieġ reliġjuż – wieħed jista’ jsostni li hija tkun f’pożizzjoni li tipproduċi diversi forom ta’ prova f’dan ir-rigward. Hemm diversi dispożizzjonijiet fil-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku dwar din il-kwistjoni (106). Alternattivament, probabbilment, il-persuna tkun tista’ tipprova l-magħmudija tagħha billi tipproduċi l-korrispondenza skambjata mal-parroċċa rilevanti li abbażi tagħha d-data personali tagħha tkun tħassret mir-reġistru tal-magħmudija (107).
128. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tivverifika jekk, kif isostni l-ilmentatur, iż-żamma tar-rekords tal-magħmudija kompletament intatti tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi pprovat li l-magħmudija ġiet amministrata lil individwu speċifiku.
129. Fl-aħħar, hemm fattur ieħor li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar in-“neċessità” tal-ipproċessar. Kif ikkonfermat l-Bisdom Gent, hemm ċirkustanzi li fihom il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku eċċezzjonalment jippermetti li l-magħmudija tiġi potenzjalment amministrata lil persuna darbtejn. Eżempju wieħed huwa l-“magħmudija kundizzjonali”, “jekk jkun hemm dubju jekk persuna tkunx tgħammdet jew jekk il-magħmudija ngħatatx b’mod validu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (108).
b) Ibbilanċjar tal‑interessi
130. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju meta tibbilanċja d-diversi drittijiet u interessi inkwistjoni tidher ukoll pjuttost kumplessa. Il-qofol tal-kwistjoni hija, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, kif għandhom jiġu bbilanċjati żewġ settijiet ta’ interessi u drittijiet kunfliġġenti li, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, it-tnejn jitqiesu li jistħoqqilhom protezzjoni sinjifikattiva: minn naħa, id-dritt tal-ilmentatur għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt tiegħu għall-protezzjoni tad-data personali, u l-libertà tiegħu ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon; min-naħa l-oħra, l-awtonomija tal-Knisja u l-libertà tagħha ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon.
131. Qabel ma niddiskuti l-ibbilanċjar ta’ dawn id-drittijiet u interessi skont l-Artikolu 21(1) tal-GDPR f’iktar dettall, għandi ngħid, mill-bidu nett, li, fil-fehma tiegħi l-ebda wieħed minn dawn l-interessi ma għandu jipprevali sistematikament fuq l-oħrajn. Dan iwassal sabiex il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tas-suġġett tad-data jew tal-komunità reliġjuża ssir illużorja (109).
132. Għaldaqstant, ma nistax naqbel mal-pożizzjoni meħuda dwar din il-kwistjoni minn ċerti partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, pereżempju l-Kummissjoni. Essenzjalment, dawn il-partijiet ftit li xejn taw kunsiderazzjoni lid-drittijiet u lill-interessi tas-suġġetti tad-data kkonċernati, u sostnew li, irrispettivament mis-sitwazzjoni speċifika ta’ dawn l-individwi, l-ibbilanċjar tal-interessi kunfliġġenti kellu jiġi riżolt favur id-drittijiet u l-interessi tal-kontrollur.
133. Madankollu, dan manifestament ma huwiex dak li huwa previst fl-Artikolu 21(1) tal-GDPR. Dan il-punt għandu jiġi enfasizzat: ir-riżultat tal-eżerċizzju ta’ bbilanċjar ta’ dawn l-interessi ma jistax jiġi ddeterminat a priori sempliċement billi jiġu interpretati b’mod astratt ir-regoli rilevanti tad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni. L-Artikolu 21(1) tal-GDPR jeħtieġ li l-awtorità jew il-qorti kompetenti teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ. Il-kliem tad-dispożizzjoni huwa ċar f’dan ir-rigward (id-dritt ta’ oġġezzjoni jiġi eżerċitat “għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu”) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonfermah (110).
134. Kif jgħid l-EDPB, “il-preżenza ta’ raġunijiet leġittimi konvinċenti għandha tiġi evalwata fuq bażi ta’ każ b’każ u tkun marbuta ma’ oġġezzjoni speċifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (111). Jiena naqbel ma’ dan. Ir-raġunijiet mogħtija mis-suġġett tad-data għall-oġġezzjoni tiegħu għall-ipproċessar jistgħu jkunu pjuttost rivelatorji fir-rigward tal-impatt possibbli li rifjut mill-kontrollur jista’ jkollu fuq is-suġġett tad-data. Qorti nazzjonali tista’, pereżempju, tislet konklużjonijiet minn oġġezzjoni mhux issostanzjata jew imsejsa fuq motivazzjoni fqira, jew waħda bbażata fuq argumenti frivoli. Għall-kuntrarju, oġġezzjoni li hija ankrata fis-sitwazzjoni speċifika tas-suġġett tad-data u sostnuta minn raġunijiet morali serji teħtieġ evalwazzjoni iktar bir-reqqa.
135. Barra minn hekk, il-kliem tal-Artikolu 21(1) tal-GDPR ukoll juri l-intenzjoni ċara min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti protezzjoni msaħħa lid-drittijiet u lill-interessi tas-suġġetti tad-data meta huma joġġezzjonaw għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Għal darba oħra, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma dan (112).
136. Wara li kkjarifikajt il-punti stabbiliti iktar ’il fuq, issa ser niddiskuti xi wħud mill-fatturi li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fl-istħarriġ tagħha skont l-Artikolu 21(1) tal-GDPR.
137. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra l-impatt li t-tħassir tad-data personali tal-ilmentatur jista’ jkollu fuq l-interess imfittex mill-kontrollur: li tiġi żgurata l-amministrazzjoni korretta tas-sagramenti. Dan l-interess jikkostitwixxi, l-ewwel, l-eżerċizzju, mill-membri tal-Knisja, tad-dritt tagħhom “ ma’ oħrajn […] li jur[u] r-reliġjon jew it-twemmin [tagħhom], fil-qima, tagħlim, prattika u osservanza”, kif stipulat fl-Artikolu 9 KEDB. Dan l-interess huwa wkoll espressjoni tal-awtonomija tal-Knisja, mifhuma bħala assoċjazzjoni reliġjuża li tgawdi d-dritt ta’ awtoorganizzazzjoni skont il-qari tal-Artikoli 10 u 12 tal-Karta flimkien mal-Artikolu 17(1) TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet jipproteġu l-ħajja interna tal-assoċjazzjonijiet reliġjużi minn interferenza pubblika mhux iġġustifikata (113). Fil-qosor, il-punt kruċjali huwa, fil-qosor, il-grad sa fejn it-twaqqif tal-ipproċessar tad-data u t-tħassir tad-data personali inkwistjoni jxekklu serjament l-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq.
138. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra l-livell ta’ indħil li l-ipproċessar kontinwu ta’ data personali jista’ jikkostitwixxi fit-tgawdija mill-ilmentatur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.
139. Huwa minnu li, kif ġie stabbilit iktar ’il fuq, l-iskala tal-ipproċessar, kemm f’termini tal-ammont ta’ data pproċessata kif ukoll tan-numru u tat-tip ta’ operazzjonijiet imwettqa, hija pjuttost limitata, kif inhu wkoll il-grupp ta’ persuni awtorizzati li jipproċessaw tali data. Madankollu, minn dan ma jirriżultax neċessarjament li l-ipproċessar jista’ jipproduċi biss impatt limitat fuq it-tgawdija mis-suġġett tad-data tad-drittijiet fundamentali tiegħu. Tabilħaqq, f’din il-kawża, numru ta’ fatturi jissuġġerixxu livell ta’ indħil ta’ ċertu sinjifikat.
140. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk persuna li jkollha l-intenzjoni li taqta’ r-rabtiet kollha ma’ komunità reliġjuża tistax madankollu raġonevolment tistenna li tali komunità ser tkompli taħżen id-data personali tagħha għat-tul kollu ta’ ħajjitha u, possibbilment, anki lil hinn minnha.
141. Fit-tieni lok, il-fatt li l-ilmentatur qatt ma ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar fiż-żmien meta d-data tiegħu ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fir-reġistru, peress li huwa tgħammed meta kien tifel, jista’ wkoll ikollu piż kunsiderevoli. Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, l-ipproċessar tad-data ta’ minorenni jirriżulta minn deċiżjoni adottata mill-ġenituri jew mit-tuturi legali tiegħu li tikkostitwixxi eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jiżguraw l-edukazzjoni ta’ wliedhom f’konformità mal-konvinzjonijiet reliġjużi u filosofiċi tagħhom.
142. Madankollu, huwa dubjuż li l-awtorità tal-ġenituri testendi sat-teħid ta’ deċiżjonijiet reliġjużi li joħolqu effett permanenti u irriversibbli għall-minorenni. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-ġenituri li jgħammdu lil uliedhom de facto tagħti lill-komunità reliġjuża kapaċità wiesgħa ħafna li tipproċessa d-data għat-tul kollu ta’ ħajjet l-istess wild. Anki fl-età adulta, tali persuna qatt ma tkun tista’ tirtira l-kunsens (impliċitu jew espliċitu) tal-ġenituri tagħha għall-ipproċessar tad-data tagħha (114), minkejja n-natura sensittiva ta’ dik id-data, li tiżvela t-twemmin reliġjuż tagħha (115).
143. Id-dubji tiegħi dwar dan il-punt huma msaħħa mill-premessa 65 tal-GDPR, li skontha “[id-dritt tas-suġġett tad-data li d-data personali tiegħu titħassar u ma tiġix ipproċessata iktar] huwa rilevanti b’mod partikolari, fejn is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu meta kien tfal u, mhuwiex għalkollox konxju mir-riskji involuti fl-ipproċessar, u aktar tard ikun jixtieq ineħħi din id-data personali, b’mod speċjali fuq l-internet. Is-suġġett tad-data għandu jkun jista’ jeżerċita dak id-dritt minkejja l-fatt li huwa m’għadux tifel jew tifla”. Wieħed jista’ allura jsostni li tali prinċipju għandu japplika a fortiori f’każijiet fejn il-wild, kemm fil-mument tal-magħmudija kif ukoll iktar tard, qatt ma jkun ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu (116).
144. Fit-tielet lok, u l-iktar importanti, l-evalwazzjoni tal-impatt effettiv li l-ipproċessar ulterjuri jista’ jkollu fuq l-integrità u l-benesseri psikoloġiku (u, f’ċerti każijiet, possibbilment fiżiku) tas-suġġett tad-data hija fattur ieħor ta’ importanza kbira.
145. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma fis-seduta li l-impatt prodott fuq is-suġġetti tad-data kkonċernati mill-ipproċessar ikun neċessarjament minimu, speċjalment peress li d-data inkwistjoni ma ssirx pubblika mill-Knisja.
146. Ma naqbilx.
147. Qabelxejn, il-Kummissjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, f’pożizzjoni li tevalwa, b’għarfien sħiħ tal-fatti, l-impatt effettiv li rifjut li jitwaqqaf l-ipproċessar tad-data u li din titħassar jista’ jkollu fuq individwu partikolari li jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont il-GDPR. Is-sitwazzjonijiet jistgħu jvarjaw ħafna, u hija naturalment il-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel din l-evalwazzjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u legali rilevanti kollha.
148. Barra minn hekk, dan l-argument jidher li huwa bbażat fuq żball. F’kawża bħal dik preżenti hawnhekk, id-dannu potenzjali li r-rifjut tal-kontrollur jista’ jikkawża lis-suġġetti tad-data inkwistjoni (pereżempju, fil-forma ta’ tbatija emozzjonali) ma jirriżultax mill-fatt li persuni oħra jistgħu jqisuhom bħala li jappartjenu lil komunità reliġjuża li magħha huma ma humiex assoċjati. Id-dannu allegat jidher li huwa ta’ natura differenti.
149. Għandu jitfakkar li l-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Karta, tinkludi wkoll il-“libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon” jew it-twemmin tiegħu (117). Tali libertà tinkludi dik li wieħed ikollu jew ma jkollux twemmin reliġjuż u li jipprattika jew ma jipprattikax reliġjon, u għaldaqstant għandha titqies bħala “ass prezzjuż għall-atej, l-agnostiċi, ix-xettiċi u dawk li ma jinteressahomx” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (118). Wara kollox, l-Artikolu 10 tal-Karta jistabbilixxi, qabelxejn, dritt għall-awtodeterminazzjoni, li huwa ta’ importanza ċentrali għall-identità tal-persuna, għall-integrità morali tagħha, għaż-żamma ta’ relazzjonijiet soċjali tagħha mal-oħrajn kif ukoll għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-pożizzjoni tagħha fi ħdan is-soċjetà (119).
150. Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li ċerti suġġetti tad-data jistgħu jsofru tbatija emozzjonali minħabba l-fatt li komunità reliġjuża, li għaliha huma kienu jappartjenu fil-passat, tiddeċiedi li tipproċessa d-data personali tagħhom fil-perpetwità, filwaqt li tinvoka prinċipji duttrinali dwar in-natura permanenti u indissolubbli tal-magħmudija. Huwa d-dritt tas-suġġetti tad-data għall-awtodeterminazzjoni li huwa affettwat b’mod negattiv mill-ipproċessar, u mhux, kif implikat il-Kummissjoni, sempliċement l-immaġni pubblika jew il-perċezzjoni tagħhom.
151. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom l-impatt effettiv li r-rifjut tal-kontrollur jista’ jkollu fuq is-suġġett tad-data jista’ jmur lil hinn minn dan, u jirriżulta fi ndħil sinjifikattiv fi dritt fundamentali ieħor tal-individwu: id-dritt għar-rispett tal-integrità fiżika u mentali, stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-Karta.
152. Hemm ċerta saħħa fl-argument, imressaq minn xi wħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, li persuna li tkun għaddiet minn inċidenti trawmatiċi fl-interazzjonijiet tagħha ma’ membri oħra ta’ komunità reliġjuża tista’ ssofri dannu psikoloġiku serju (jew, f’każijiet estremi, saħansitra fiżiku (120)) mill-għarfien li dik il-komunità tkompli taħżen id-data personali tagħha, filwaqt li tqis ir-rabta tagħhom bħala waħda dejjiema. Fil-psikoloġija forensika, l-idea li ċerti vittmi jista’ jkollhom bżonn isibu xi forma speċifika ta’ “għeluq” tal-esperjenzi tagħhom tal-passat hija diskussa b’mod wiesa’ (121). Huwa għaldaqstant plawżibbli li, f’ċerti każijiet, jista’ jkun importanti għas-suġġett tad-data, psikoloġikament, li jkollu ċ-ċertezza li r-rabtiet kollha mal-komunità reliġjuża preċedenti tiegħu nqatgħu definittivament jew, fi kliem ieħor, li dik il-komunità kkonformat ruħha mat-talba tiegħu li jintesa.
153. Konsegwentement, jien tal-fehma li l-Artikolu 17(1)(c) u l-Artikolu 21(1) tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 3, 7, 8 u 10 tal-Karta u tal-Artikolu 17(1) TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li suġġett tad-data li tgħammed meta kien minorenni u li, bħala adult, jixtieq jitbiegħed mill-komunità reliġjuża inkwistjoni għandu, fil-prinċipju, id-dritt li d-data personali tiegħu titħassar mir-reġistru tal-magħmudija meta l-kontrollur jonqos milli juri raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data.
154. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-kontrollur issodisfax l-oneru tiegħu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-sitwazzjoni individwali quddiemha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li wasslu lis-suġġett tad-data sabiex jitlob it-tħassir tad-data personali tiegħu u l-impatt possibbli li r-rifjut tal-kontrollur li jħassar dik id-data jista’ jkollu fuq l-integrità tas-suġġett tad-data.
C. Ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl‑interess pubbliku u ta’ riċerka storika
155. Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li, f’din il-kawża, il-kontrollur ma setax juri raġunijiet leġittimi konvinċenti li jistgħu jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet ta’ dak is-suġġett tad-data, hemm stadju finali fl-evalwazzjoni ġuridika li dik il-qorti għandha twettaq.
156. Fil-fatt, sabiex jiġġustifika l-ipproċessar, il-Bisdom Gent tinvoka wkoll l-Artikolu 17(3)(d) tal-GDPR, li skontu d-dritt għal tħassir ma japplikax meta l-ipproċessar ikun meħtieġ “għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika skont l-Artikolu 89(1) sa fejn id-dritt [għal tħassir] x’aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-ksib tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar”.
157. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 89(1) tal-GDPR, “[l]-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika, għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data […]”.
158. F’din il-kawża, il-Bisdom Gent tinvoka tnejn mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 17(3) u fl-Artikolu 89(1) tal-GDPR, billi ssostni li l-ipproċessar tad-data personali tal-ilmentatur huwa meħtieġ għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku u ta’ riċerka storika.
159. Qabel ma nevalwa l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-kawża prinċipali, nixtieq nagħmel xi rimarki qosra dwar il-kunċett ta’ “pproċessar ulterjuri” għall-finijiet tal-GDPR.
160. F’dan il-kuntest, nixtieq infakkar li l-Artikolu 5(1)(b) tal-GDPR jipprevedi li d-data personali għandha, fil-prinċipju, “tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet […] (“limitazzjoni tal-fini”)”. Diffiċilment jista’ jiġi kkontestat li d-data personali tal-individwi li jitgħammdu tinġabar għal fini speċifiku: li tiġi żgurata l-amministrazzjoni korretta tas-sagramenti.
161. Madankollu, f’din il-kawża jidher li ma hemmx bżonn li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni tal-limitazzjoni tal-fini hijiex issodisfatta, peress li l-Artikolu 5(1)(b) tal-GDPR iżid li “f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali” (122). L-uniku rekwiżit stabbilit fil-GDPR huwa li, qabel tali pproċessar ulterjuri, “il-kontrollur ikun evalwa l-fattibbiltà li jissodisfa dawk il-finijiet bl-ipproċessar ta’ data personali li ma jippermettux jew ma jibqgħux jippermettu l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data” (premessa 156). Dan huwa element li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
162. Minn dan jirriżulta li, anki jekk tkun inġabret għal fini ieħor, il-Bisdom Gent tista’ jkun f’pożizzjoni li tkompli tipproċessa d-data personali tal-ilmentatur, minkejja l-oġġezzjoni ta’ dan tal-aħħar, jekk l-ipproċessar ulterjuri jitwettaq f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 89(1) u, naturalment, tal-Artikolu 17(3) tal-GDPR (123).
163. Fid-dawl tat-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tliet kundizzjonijiet prinċipali għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-ipproċessar inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-ipproċessar għandu (i) jitwettaq għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku u/jew ta’ riċerka storika; (ii) ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, sa fejn it-tħassir tad-data personali tal-ilmentatur “x’aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament” il-ksib tagħhom; u (iii) jikkonforma mas-salvagwardji stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt nazzjonali sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.
164. F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, sa fejn l-eżami ta’ dawn il-kundizzjonijiet jeħtieġ evalwazzjonijiet fattwali u l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, dan huwa kompitu li jaqa’ fuq il-qorti tar-rinviju. Madankollu, inqis li huwa importanti li dik il-qorti tingħata ċerta gwida dwar il-kwistjoni.
a) Il‑finijiet ta’ arkivjar fl‑interess pubbliku u ta’ riċerka storika
165. L-ewwel element li għandu jiġi eżaminat huwa jekk l-ipproċessar inkwistjoni jitwettaqx mhux biss sabiex jiġu segwiti l-interessi tal-Knisja stess iżda wkoll għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku u/jew ta’ riċerka storika.
166. Ser nibda bil-kunċett ta’ “arkivjar fl-interess pubbliku”. Qabelxejn, naħseb li huwa ta’ siwi li tiġi enfasizzata l-importanza li għandhom l-arkivji fis-soċjetà tagħna. Kif enfasizzat il-Qorti EDB, dawn “jikkostitwixxu element essenzjali u insostitwibbli tal-kultura, li jikkontribwixxi għas-sopravivenza tal-memorja tal-bniedem” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (124).
167. Fid-dawl ta’ dan, huma biss dawk miżmuma “fl-interess pubbliku” li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 89 tal-GDPR. Spjegazzjoni ta’ dan il-kunċett tinsab fil-premessa 158 tal-GDPR li tirreferi għal “[l]-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi pubbliċi jew privati li jżommu reġistri ta’ interess pubbliku [u li] għandhom ikunu servizzi li, skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, ikollhom obbligu legali biex jiksbu, iżommu, jivvalutaw, jagħmlu arranġamenti, jiddeskrivu, jikkomunikaw, jippromwovu, ixerrdu u jipprovdu aċċess għar-reġistri ta’ valur fit-tul għall-interess pubbliku inġenerali”.
168. Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, naqbel mal-Grupp tal-Arkivji Ewropew (125) li, skont il-GDPR, ma hijiex in-natura tal-arkivji li tgħodd iżda pjuttost il-missjoni tal-korp li jwettaq l-attività ta’ arkivjar (126). Irrispettivament minn jekk il-korp inkwistjoni huwiex ta’ natura pubblika jew privata, huwa għandu, tal-inqas sa fejn tikkonċerna l-attività ta’ arkivjar, jaġixxi fl-interess pubbliku. Tabilħaqq, il-premessa 158 tal-GDPR tistabbilixxi li l-korpi inkwistjoni “għandhom ikunu servizzi”. It-terminu “servizzi” (li huwa konsistenti fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-regolament) iwassal l-idea li, f’dan il-qasam, il-korp għandu jwettaq kompitu li huwa ta’ utilità għas-soċjetà kollha kemm hi. Fi kliem ieħor, l-ipproċessar tad-data meħtieġ għal finijiet ta’ arkivjar jista’ jkun iġġustifikat biss meta dak l-ipproċessar ikun – esklużivament jew tal-inqas parzjalment (127) – ta’ natura altruwista u immirat lejn il-promozzjoni ta’ ġid ikbar.
169. Tabilħaqq, il-korp għandu jkun taħt obbligu legali li jżomm rekords tal-informazzjoni jew tad-dokumenti li fihom id-data personali inkwistjoni (128). Il-bażi legali ta’ tali obbligu tista’ tinsab fid-dritt tal-Unjoni jew fid-dritt nazzjonali (129). Il-kunċett ta’ “dritt nazzjonali” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Kif jirriżulta mill-premessa 41 tal-GDPR, din “mhux neċessarjament tkun tirrikjedi att leġiżlattiv adottat minn parlament”. Fl-istess ħin, madankollu, din il-bażi legali “għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għal persuni soġġetti għaliha”. Fil-fehma tiegħi, kwalunkwe att li huwa espressjoni ta’ awtorità pubblika u li ġie ippublikat, jew inkella magħmul faċilment aċċessibbli lill-pubbliku, jkun biżżejjed.
170. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan il-kuntest, li l-Istati Membri jgawdu diskrezzjoni wiesgħa sabiex jafdaw lil entitajiet privati bil-kompitu li jarkivjaw ċerta informazzjoni jew ċerti dokumenti fl-interess pubbliku u, konsegwentement, ukoll sabiex jiddeterminaw liema rekords huma ta’ “valur fit-tul għall-interess pubbliku inġenerali” fis-sens tal-premessa 158 tal-GDPR. Dan japplika a fortiori fir-rigward tal-komunitajiet reliġjużi (130), fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità stabbilit fl-Artikolu 17(1) TFUE.
171. Ir-rekwiżit li tali attivitajiet jitwettqu fl-interess pubbliku huwa rifless ukoll fir-riferiment elaborat ħafna, fil-premessa 158 tal-GDPR, għall-attivitajiet speċifiċi mistennija mill-korp li jwettaq l-arkivjar: “biex jiksbu, iżommu, jivvalutaw, jagħmlu arranġamenti, jiddeskrivu, jikkomunikaw, jippromwovu, ixerrdu u jipprovdu aċċess għar-reġistri”. Kjarament, ma naħsibx li din is-silta għandha tinqara fis-sens li l-korp inkwistjoni għandu jwettaq kull wieħed minn dawn il-kompiti. Fil-fehma tiegħi, tali lista hija sempliċement maħsuba sabiex tirrifletti l-kompiti li normalment jitwettqu mill-arkivisti.
172. Madankollu, ma nistax nikkonċepixxi attività ta’ arkivjar fl-interess pubbliku li ma tinvolvi l-ebda aċċess għar-rekords, kemm jekk għall-awtoritajiet pubbliċi u/jew għall-pubbliku inġenerali, kemm fuq bażi kontinwa jew fi stadju sussegwenti. Mid-definizzjoni tiegħu stess, ma jistax ikun hemm “arkivjar fl-interess pubbliku” jekk ir-rekords ta’ entità privata jkunu aċċessibbli biss għall-persuni li jappartjenu għall-entità inkwistjoni.
173. Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni ta’ jekk l-ipproċessar ta’ data personali minn assoċjazzjonijiet reliġjużi jitwettaqx għal raġunijiet ta’ interess pubbliku għandha tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-premessa 55 tal-GDPR tistabbilixxi li “l-ipproċessar ta’ data personali minn awtoritajiet uffiċjali bil-għan li jinkisbu l-miri, stabbiliti mil-liġi kostituzzjonali jew mil-liġi pubblika internazzjonali, ta’ assoċjazzjonijiet reliġjużi rikonoxxuti uffiċjalment jitwettaq għal raġunijiet ta’ interess pubbliku” (131). Minn dan jirriżulta, a contrario, li preżunzjoni simili ma tapplikax għall-ipproċessar imwettaq mill-assoċjazzjonijiet reliġjużi nnifishom.
174. Peress li ma hemm l-ebda dritt tal-Unjoni rilevanti dwar il-kwistjoni, hija, konsegwentement, il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, skont id-dritt nazzjonali, il-Bisdom Gent hijiex meħtieġha iżomm rekords tal-individwi li tgħammdu u, jekk ikun il-każ, jekk dan ikunx fl-interess pubbliku.
175. Sussegwentement, għandu jiġi evalwat il-kunċett ta’ “riċerka storika”. L-ewwel, it-terminu “riċerka” għandu jinftiehem b’mod wiesa’, li jkopri l-proċess sistematiku ta’ ġbir, analiżi u interpretazzjoni ta’ informazzjoni sabiex jitkattar l-għarfien teoretiku jew applikat tal-bniedem, irrispettivament min-natura pubblika jew privata tal-finanzjament (132). Peress li t-terminu “fl-interess pubbliku” jidher biss fir-rigward tal-“arkivjar”, minn dan jirriżulta li r-riċerka mwettqa (esklużivament jew prinċipalment) fl-interess tal-kontrollur stess tista’ wkoll taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 89 tal-GDPR (133). Tali fehma hija konformi mal-Artikolu 179(1) TFUE, li skontu “[l]-Unjoni għandha jkollha l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta’ riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u li tinkoraġixxi l-iżvilupp tal-kompetittivita tagħha u ta’ l-industrija tagħha, kif ukoll li tippromwovi l-attivitajiet kollha ta’ riċerka li huma meqjusa meħtieġa [bis-saħħa] tat-Trattati”.
176. Il-kunċett “storika” jirreferi, b’mod pjuttost ċar, għal avvenimenti, persuni jew fenomeni li seħħew fil-passat. Kif tistabbilixxi l-premessa 160 tal-GDPR, ir-riċerka storika tinkludi r-riċerka għal finijiet ġenealoġiċi (134). Fid-dawl ta’ dan, nistaqsi jekk il-kunċett ta’ “storja” jistax jiġi interpretat b’mod wiesa’ tant li jinkludi l-konsultazzjoni u l-istudju ta’ dak kollu li seħħ fil-passat imbiegħed jew reċenti. Jekk dan huwa l-każ, ġustifikazzjoni bbażata fuq ir-riċerka storika tkun tista’ tiġi invokata minn kważi kull kontrollur fir-rigward ta’ kważi kull sett kbir ta’ data personali, irrispettivament minn min fl-aħħar mill-aħħar jibbenefika minn tali riċerka (135). Ir-riskju li r-regoli tal-GDPR jkunu jistgħu faċilment jiġu evitati għandu għalhekk jiġi evitat.
177. Fil-fehma tiegħi, ir-riferimenti magħmula fil-GDPR għal “riċerka”, kemm jekk xjentifika kif ukoll storika, huma prinċipalment maħsuba sabiex jindirizzaw attivitajiet imwettqa minn organizzazzjonijiet akkademiċi jew ta’ riċerka jew li fl-aħħar mill-aħħar, jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi, anki jekk jitwettqu minn entitajiet kummerċjali (136). B’mod partikolari, jien tal-fehma li t-terminu “storika” jirreferi għall-“istorja”, mifhuma bħala xjenza umana li l-istudju tagħha jista’ jikkontribwixxi għall-avvanz tal-għarfien tal-bniedem. Għall-kuntrarju, ma iniex ċerta jekk ir-riċerka (kemm jekk xjentifika kif ukoll storika) imwettqa jew ikkontrollata minn impriżi kummerċjali, u li tista’ tirriżulta f’aċċess preferenzjali għar-riżultati tagħha, għandhiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR li jagħmlu riferiment għar-riċerka (137).
178. Fid-dawl ta’ dan, jidher li, minħabba d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri f’dan il-qasam, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li ma jittrattax dawn il-kwistjonijiet – tal-inqas għalissa – u li jħallihom f’idejn il-leġiżlaturi nazzjonali jew, fl-aħħar mill-aħħar, il-qrati nazzjonali (138). Fi kwalunkwe każ, ma huwiex ċar, f’dan l-istadju, jekk dawn l-inċertezzi interpretattivi jistgħux b’xi mod ikunu rilevanti għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-Bisdom Gent tikkonferma fis-seduta li huwa ma jwettaqx huwa stess riċerka storika iżda, l-iktar l-iktar, jaħżen u jqiegħed għad-dispożizzjoni data li tista’, f’xi mument, tintuża minn riċerkaturi esterni. Jekk dan huwa l-każ – kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju – il-fini tal-ipproċessar li l-Bisdom Gent tinvoka huwa, fil-fehma tiegħi, wieħed ta’ arkivjar. Kunċett eċċessivament wiesa’ ta’ “riċerka” inkella jċajpar id-distinzjoni bejn iż-żewġ raġunijiet relatati mal-“arkivjar fl-interess pubbliku” u mar-“riċerka xjentifika jew storika” (139). Dan imur kontra t-test tal-Artikolu 89(2) u (3) tal-GDPR, li jorbot konsegwenzi legali differenti ma’ dawn ir-raġunijiet.
b) In‑neċessità tal‑ipproċessar tad-data
179. L-Artikolu 17(3)(d) tal-GDPR jeskludi d-dritt għal tħassir meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku jew għal finijiet ta’ riċerka storika, “sa fejn [dak id-dritt] x’aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-ksib tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar”.
180. Fid-dawl tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha, fil-fehma tiegħi, teżamina jekk it-tħassir tad-data personali tal-ilmentatur mir-reġistru tal-magħmudija x’aktarx ikollux impatt negattiv sinjifikattiv fuq l-attivitajiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku u/jew ta’ riċerka storika li fihom il-Bisdom Gent setgħet tkun involuta.
181. L-ewwel, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ arkivjar, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk it-tħassir ta’ ċerta data personali tas-suġġetti tad-data inklużi fir-reġistri tal-magħmudija jirriskjax li jhedded il-“valur dejjiemi għall-interess pubbliku inġenerali” ta’ dawn ir-reġistri. B’mod partikolari, id-domanda kruċjali hija jekk il-valur kulturali, soċjali jew storiku li l-leġiżlatur nazzjonali jagħti lil dawn ir-reġistri jkunx affettwat b’mod sinjifikattiv mit-tħassir. B’mod iktar speċifiku, dik il-qorti għandha tevalwa jekk il-valur tagħhom huwiex ibbażat fuq l-integrità assoluta tagħhom jew, għall-kuntrarju, jekk dan ma jkunx imnaqqas b’mod sinjifikattiv minn xi intervent ex post (limitat u speċifiku) li jaffettwa d-data personali li tinsab fihom. Kif iddikjarat il-Qorti EDB, “peress li r-rwol tal-arkivji huwa li tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa ta’ informazzjoni li ġiet ippubblikata legalment f’ċertu mument, dawn għandhom, bħala regola ġenerali, jibqgħu awtentiċi, affidabbli u kompleti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (140). Madankollu, kif għamlitha ċara dik il-qorti, dan huwa l-każ biss fil-prinċipju, peress li dan il-prinċipju jista’, f’każijiet speċifiċi, jirriżulta inapplikabbli u jistgħu jkunu ġġustifikati eċċezzjonijiet (141).
182. F’dan ir-rigward, l-argument, imressaq mill-Bisdom Gent, li r-reġistri huma artefatti storiċi, li l-integrità tagħhom ma tista’ fl-ebda ċirkustanza tiġi mminata bl-alterazzjoni tad-data li tinsab fihom, ma huwiex għalkollox konvinċenti. Fil-fatt, id-dħul f’dawn ir-reġistri jiġi aġġornat b’informazzjoni addizzjonali dwar avvenimenti rilevanti li jistgħu jseħħu matul il-ħajja tal-individwi rreġistrati fihom: pereżempju, sagramenti addizzjonali jew, bħal fil-kawża preżenti, ix-xewqa ta’ individwu li jitbiegħed mill-Knisja.
183. Fir-rigward, it-tieni, tar-riċerka storika – sakemm il-Knisja effettivament twettaq tali attività (142) – il-qorti tar-rinviju għandha tiffoka l-evalwazzjoni tagħha fuq il-valur effettiv jew potenzjali ta’ dawn ir-reġistri bħala sors ta’ informazzjoni għal dan il-għan. Kif semmejt fil-punt 4 iktar ’il fuq, l-awturi tat-Trattati inkludew il-wirt reliġjuż tal-Ewropa fost is-sorsi ta’ ispirazzjoni li sawru ħafna mill-valuri ewlenin u mid-drittijiet fundamentali tal-lum. Ir-reġistri li fihom informazzjoni dwar is-sħubija f’komunitajiet reliġjużi jistgħu, għaldaqstant, ikunu ta’ interess għar-riċerkaturi storiċi.
184. Sabiex jiġi vverifikat jekk reġistru bħal dak inkwistjoni jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra, fost oħrajn, (i) it-tip ta’ riċerka li għaliha r-reġistri jistgħu potenzjalment ikunu rilevanti (pereżempju, ġenealoġika u/jew soċjoloġika); (ii) liema settijiet ta’ data, fost dawk li jinsabu fihom, jistgħu jkunu ta’ valur għal tali riċerka; u (iii) jekk l-istess data tistax tinġabar minn sorsi affidabbli oħra (pereżempju, ir-reġistri ċivili).
185. Fil-fehma tiegħi, il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data għandu għal darba oħra jkun il-prinċipju gwida ewlieni hawnhekk. Kif naraha jien, huwa partikolarment rilevanti li jiġi mistoqsi jekk ir-riċerkaturi storiċi għandhomx bżonn ikunu jafu l-identità eżatta ta’ kull individwu elenkat fir-reġistru tal-magħmudija jew, għall-kuntrarju, jekk id-data personali ta’ dawn l-individwi tkunx tista’ tkun daqstant ieħor utli għalihom meta ppreżentata f’forma aggregata u/jew anonimizzata.
186. It-test li għandu jiġi ssodisfatt mill-kontrollur sabiex jinvoka l-Artikolu 89 tal-GDPR fiż-żewġ każijiet ma huwiex wieħed ta’ neċessità assoluta (sine qua non), peress li anki sempliċi xkiel fit-twettiq tal-finijiet speċifiċi tal-ipproċessar tad-data personali huwa biżżejjed. Madankollu, l-ixkiel għandu jkun ta’ ċerta kobor u importanza peress li d-dispożizzjoni teħtieġ xkiel serju. Dan, fil-fehma tiegħi, ifisser li l-ksib b’suċċess tal-għanijiet imfittxija permezz tal-attivitajiet ta’ arkivjar jew ta’ riċerka mwettqa mill-kontrollur għandu jsir jew impossibbli jew kunsiderevolment iktar inċert jew oneruż.
c) Il‑konformità mas‑salvagwardji stabbiliti fid‑dritt tal‑Unjoni u fid‑dritt nazzjonali
187. L-Artikolu 89(1) tal-GDPR jipprevedi wkoll li l-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku jew għal finijiet ta’ riċerka storika għandu “jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data” (143).
188. Ma hemm la lista espressa ta’ miżuri li jistgħu jikkostitwixxu, u lanqas definizzjoni speċifika ta’, “salvagwardji” għall-finijiet tal-Artikolu 89(1) tal-GDPR. Din id-dispożizzjoni tirreferi sempliċement għal salvagwardji “tekniċi u organizzattivi” (144). Dan ifisser li firxa wiesgħa ta’ miżuri, kemm jekk ibbażati fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi kif ukoll fuq politiki u proċessi amministrattivi, jistgħu jkunu rilevanti. Id-denominatur komuni huwa l-għan li jiġi żgurat li l-ipproċessar jitwettaq f’konformità mar-regoli rilevanti, filwaqt li tingħata protezzjoni adegwata lid-drittijiet u lil-libertajiet tas-suġġetti tad-data affettwati.
189. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 89(1) tal-GDPR, għan prinċipali ta’ dawn il-miżuri għandu jkun li jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data: id-data personali għandha tiġi pproċessata – kemm minn perspettiva kwantitattiva kif ukoll sostantiva (145) – kemm jista’ jkun ftit u biss sa fejn tkun meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti bl-attivitajiet ta’ arkivjar u ta’ riċerka storika (146).
190. Huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 89(1) tal-GDPR jirreferi għal forom ta’ psewdonimizzazzjoni u ta’ anonimizzazzjoni fost il-miżuri li għandhom jiġu kkunsidrati u, fejn possibbli, ipprijoritizzati (147). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li meta l-finijiet ta’ arkivjar u ta’ riċerka storika “jistgħu jiġu sodisfatti bi pproċessar ulterjuri li ma jippermettix jew ma għadux jippermetti l-identifikazzjoni ta’ suġġetti tad-data dawk il-finijiet għandhom jiġu sodisfatti b’dak il-mod” (148).
191. Jidher li, skont il-GDPR, sa erba’ settijiet ta’ salvagwardji jistgħu jkunu applikabbli f’sitwazzjoni partikolari. L-ewwel, is-salvagwardji li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR jistgħu jeħtieġu li l-kontrolluri u/jew il-proċessuri jimplimentaw (149). It-tieni, is-salvagwardji li jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni, permezz tal-eżerċizzju tas-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni (150). It-tielet, is-salvagwardji li l-Istati Membri jistgħu jew għandhom jipprevedu, taħt id-dritt nazzjonali (151). Ir-raba’ u l-aħħar nett, is-salvagwardji li jistgħu jirriżultaw mid-deċiżjonijiet adottati mill-awtorità superviżorja indipendenti kompetenti, fl-applikazzjoni tas-setgħat korrettivi, ta’ awtorizzazzjoni u konsultattivi tagħha (152). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 91(2) tal-GDPR, “[k]nejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi li japplikaw regoli komprensivi [b’rabta mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali] għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità superviżorja indipendenti, li tista’ tkun speċifika, dment li hija tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati [fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GDPR]” (153).
192. Għandu jiġi rrilevat ukoll li xi wħud mis-salvagwardji stabbiliti taħt id-dritt tal-Unjoni jew taħt il-liġijiet tal-Istati Membri jistgħu jħallu lill-kontrolluri nnifishom ċertu grad ta’ libertà fir-rigward tal-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati u/jew kif dawn il-miżuri għandhom jiġu implimentati. Spiss, l-awtoevalwazzjoni tal-kontrolluri hija kruċjali f’dan il-kuntest. Huma, qabelxejn, huma li għandhom iwettqu evalwazzjoni inizjali tas-sitwazzjoni sabiex jidentifikaw is-salvagwardji li jistgħu jkunu “xierqa” għaċ-ċirkustanzi. Huma għandhom jagħmlu dan filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni, fost oħrajn, it-tipi speċifiċi ta’ pproċessar imwettqa, il-livell ta’ indħil prodott fid-drittijiet u l-interessi tas-suġġett tad-data kkonċernat, u r-riskji involuti.
193. Il-kliem tal-Artikolu 89(1) tal-GDPR jagħmilha ċara ħafna li l-konformità mas-salvagwardji rilevanti hija kundizzjoni għal-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ arkivjar u ta’ riċerka storika. Hija, konsegwentement, il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina (i) is-salvagwardji li kienu applikabbli fir-rigward tal-ipproċessar imwettaq mill-Bisdom Gent; (ii) jekk tali salvagwardji kinux “xierqa” għaċ-ċirkustanzi; u (iii) jekk il-Bisdom Gent ikkonformatx ruħha ma’ dawk is-salvagwardji.
194. Bħala konklużjoni fuq dan il-punt, jien tal-fehma li l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 89 tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minkejja li suġġett tad-data huwa fil-prinċipju f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt ta’ oġġezzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-GDPR, il-kontrollur jista’ jiġġustifika l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali inkwistjoni jekk juri li tali pproċessar jitwettaq għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, jew għal finijiet ta’ riċerka storika li jistgħu jikkontribwixxu għall-avvanz tal-għarfien tal-bniedem, sakemm ikun hemm salvagwardji xierqa fis-seħħ u dawn jiġu osservati, u jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data.
D. Il‑kunċett ta’ “tħassir”
195. Fl-aħħar, bil-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika l-kunċett ta’ “tħassir” fis-sens tal-Artikolu 17 tal-GDPR. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt għal tħassir ta’ suġġett tad-data jistax jiġi ssodisfatt b’sempliċi annotazzjoni, fil-marġni tar-reġistru tal-magħmudija, tat-tluq tas-suġġett tad-data mill-Knisja, u bil-qtugħ ta’ linja fuq id-data personali rilevanti b’mod li din tibqa’ leġibbli.
196. L-argument imressaq mill-Bisdom Gent li tali annotazzjoni għandha titqies ekwivalenti għal tħassir materjali tad-data personali rilevanti ma huwiex konvinċenti.
197. It-tifsira tat-terminu “tħassir” (u tat-termini ekwivalenti użati fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tar-regolament) fil-lingwa ta’ kuljum hija pjuttost ċara: tħassir utneħħija.Madankollu, l-annotazzjoni magħmula mill-Bisdom Gent hija, l-iktar l-iktar, rettifika tad-data.
198. Madankollu, id-dritt għal rettifika u d-dritt għal tħassir huma żewġ drittijiet distinti fis-sistema tal-GDPR. L-għan ta’ dawn iż-żewġ drittijiet – li huma stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 tal-GDPR, rispettivament – huwa wkoll differenti. Id-dritt għal rettifika huwa intiż li jiżgura, qabelxejn, li d-data personali ta’ suġġett tad-data tkun preċiża, kompleta u aġġornata. Għall-kuntrarju, kif jagħmel ċar it-titolu stess tal-Artikolu 17, id-dritt għal tħassir huwa intiż li jiżgura li s-suġġett tad-data inkwistjoni jkun jista’ “jintesa” mill-kontrollur. Għal dan il-għan, id-data personali maħżuna mill-kontrollur għandha titħassar, b’tali mod li ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi pproċessata (154).
199. Dan l-għan ma jintlaħaqx, madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tabilħaqq, kif ġustament irrileva l-ilmentatur fis-seduta, l-annotazzjoni magħmula mill-Bisdom Gent fir-reġistru tal-magħmudija żiedet l-ipproċessar tad-data: ġiet miżjuda data personali ġdida mar-reġistru, u din id-data ser tibqa’ maħżuna fih (155).
200. Huwa minnu li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-kontrollur jista’ jkun f’pożizzjoni, jew jitħalla mis-suġġett tad-data, jagħżel l-iktar linja ta’ azzjoni xierqa bejn ir-rettifika u t-tħassir, meta ċerta data personali maħżuna tirriżulta li ma hijiex preċiża jew ma hijiex strettament meħtieġa (156). Madankollu, huwa ċar li l-istess ma japplikax meta suġġett tad-data jkun talab espressament it-tħassir tad-data personali tiegħu u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-GDPR għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikunu kompletament issodisfatti. Qari differenti tad-dispożizzjonijiet iċaħħad fil-parti l-kbira lill-Artikolu 21(1) tal-GDPR mill-effettività tiegħu.
201. Ma iniex konvinta bl-argumenti mressqa mill-Bisdom Gent insostenn tal-fehma opposta.
202. Fl-ewwel lok, insib li l-argument dwar allegata falsifikazzjoni tal-istorja ma huwiex konvinċenti. Il-ġbir inizjali ta’ data personali huwa kważi dejjem ikkawżat minn azzjoni tas-suġġett tad-data. Il-loġika li fuqha huwa bbażat l-argument tal-Bisdom Gent timplika li kważi kull tħassir ta’ data personali jirriżulta fil-falsifikazzjoni ta’ avveniment li seħħ fil-passat. Dan ma jistax ikun korrett.
203. Biex inġib eżempju, fornitur ta’ servizzi li jirċievi talba għat-tneħħija mid-database tiegħu tad-data personali ta’ wieħed mill-klijenti tiegħu ma jistax joġġezzjona li tali att ikun jammonta għal rappreżentazzjoni żbaljata ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali tal-passat. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi diversi eżempji speċifiċi fejn il-fatti sottostanti dwar id-data personali tas-suġġett tad-data li fir-rigward tagħha kien intalab it-tħassir ma kinux ikkontestati (157).
204. L-istess raġunament jista’ jiġi applikat fil-kawża preżenti. Id-dritt għal tħassir ma jagħtix lis-suġġetti tad-data d-dritt li jitolbu t-tneħħija, mir-reġistru tal-magħmudija, tat-traċċi kollha tal-magħmudija tagħhom. Dan id-dritt jippermettilhom biss jitolbu t-tħassir tad-data personali tagħhom; kwalunkwe informazzjoni oħra dwar il-magħmudija ta’ individwu li seħħet f’post partikolari u f’ħin partikolari tista’ legalment tinżamm fir-reġistru tal-magħmudija.
205. F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data għandu għal darba oħra jkollu rwol ewlieni fid-determinazzjoni, b’mod speċifiku, ta’ liema data għandha effettivament titħassar u liema data tista’ tibqa’ fir-rekords. Meta ġie mistoqsi fis-seduta dwar il-fehmiet tiegħu fuq din il-kwistjoni, l-ilmentatur deher favorevoli li jikkunsidra l-possibbiltà li t-tħassir tad-data jkun limitat għal ismu, kunjomu, u għad-data tat-twelid tiegħu. Fis-sottomissjonijiet tal-ilmentatur, kwalunkwe informazzjoni oħra, irrispettivament minn jekk tistax taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “data personali” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-GDPR, tista’ tinżamm fir-reġistru. Mill-bidu nett, l-ilmentatur ikkjarifika wkoll li huwa ma kellux oġġezzjoni għal miżuri bħall-anonimizzazzjoni u l-psewdonimizzazzjoni.
206. Fil-fehma tiegħi, dak li tabilħaqq jgħodd f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni huwa li t-tħassir tad-data personali għandu jiżgura li l-persuna li tgħammdet ma tibqax identifikata jew għall-inqas ma tkunx faċilment identifikabbli.
207. Fit-tieni lok, is-suġġetti tad-data ma għandhom l-ebda dritt, la taħt il-GDPR u lanqas taħt xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, li jitolbu li l-kontrollur jittratta l-magħmudija tagħhom bħallikieku qatt ma seħħet jew bħala nieqsa minn kull valur. Dawn huma kwistjonijiet duttrinali li fihom, skont l-Artikolu 17(1) TFUE, l-Unjoni Ewropea ma tistax tinterferixxi (158). Bir-riskju li ntenni dak li huwa ovvju, nixtieq nirrileva li l-ebda azzjoni meħuda mill-Bisdom Gent sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-GDPR ma tista’ tinftiehem bħala li għandha xi effett fuq il-prinċipji teoloġiċi tal-Knisja.
208. Fit-tielet u fl-aħħar lok, ma nsib l-ebda bażi għat-teżi tal-Bisdom Gent li t-tħassir ta’ kwalunkwe data inkluża fir-reġistru tal-magħmudija jippreġudika b’mod irrimedjabbli d-drittijiet u l-interessi tal-Knisja jew ta’ individwi oħra li l-magħmudija tagħhom hija wkoll irreġistrata fl-istess reġistru.
209. L-ilmentatur qabel mal-fehma li t-tħassir tad-data personali tiegħu ma jkunx jeħtieġ li jiġi implimentat billi dik id-data titneħħa fiżikament mir-reġistru, pereżempju billi jinqatgħu l-paġni rilevanti jew partijiet minnhom. Tabilħaqq, għandu jkun possibbli li wieħed jipproċedi b’tali mod li d-data personali inkwistjoni ssir illeġibbli, filwaqt li tinżamm intatta kwalunkwe data oħra rreġistrata fl-istess paġni tiegħu. Wieħed jista’ jsostni li l-użu ta’ oġġetti bħal stikers opaki li sempliċement jgħattu d-data personali jkun biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 17(1) tal-GDPR (159). Huwa, fi kwalunkwe każ, il-kontrollur li għandu jsib metodi adegwati ta’ tħassir; diffikultajiet bażiċi fl-identifikazzjoni ta’ dawn il-metodi ma jistgħux jiskużaw lill-kontrollur milli jonqos li jikkonforma ruħu mar-regoli rilevanti tal-GDPR (160).
210. Għaldaqstant, nikkonkludi, fuq dan il-punt, li sempliċi annotazzjoni, fil-marġni tar-reġistru tal-magħmudija, tat-tluq ta’ suġġett tad-data minn komunità reliġjuża, u l-qtugħ ta’ linja fuq id-data personali rilevanti b’mod li xorta tħalliha leġibbli, ma jammontawx għal “tħassir” għall-finijiet tal-GDPR.
211. Il-fatt li r-reġistru tal-magħmudija ma huwiex diġitali, iżda huwa mezz materjali uniku fil-forma ta’ ktieb b’paġni stampati fuq iż-żewġ naħat li fihom jinsabu wkoll id-dettalji ta’ suġġetti tad-data oħra, u li jikkostitwixxi rekord uniku ta’ fatti storiċi li ma huma rreġistrati mkien iżjed, ma jqigħedx f’dubju l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.
V. Konklużjoni
212. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell, Brussell, il-Belġju):
L-Artikolu 17(1)(c) u (3), l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 3, 7, 8 u 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 17(1) TFUE,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– suġġett tad-data li tgħammed meta kien minorenni u li, bħala adult, jixtieq jitbiegħed mill-komunità reliġjuża inkwistjoni għandu, fil-prinċipju, id-dritt li d-data personali tiegħu titħassar mir-reġistru tal-magħmudija meta l-kontrollur jonqos milli juri raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-kontrollur issodisfax l-oneru tiegħu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-sitwazzjoni individwali quddiemha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li wasslu lis-suġġett tad-data sabiex jitlob it-tħassir tad-data personali tiegħu, u l-impatt possibbli li r-rifjut tal-kontrollur li jħassar dik id-data jista’ jkollu fuq l-integrità tas-suġġett tad-data;
– l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali inkwistjoni huwa legali meta l-kontrollur juri tali pproċessar jitwettaq għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, jew għal finijiet ta’ riċerka storika li jistgħu jikkontribwixxu għall-avvanz tal-għarfien tal-bniedem, sakemm ikun hemm salvagwardji xierqa fis-seħħ u dawn jiġu osservati, u jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data;
– sempliċi annotazzjoni, fil-marġni tar-reġistru tal-magħmudija, tat-tluq ta’ suġġett tad-data minn komunità reliġjuża, u l-qtugħ ta’ linja fuq id-data personali rilevanti b’mod li xorta tħalliha leġibbli, ma jammontawx għal “tħassir” għall-finijiet tar-Regolament 2016/679;
– il-fatt li r-reġistru tal-magħmudija ma huwiex diġitali, iżda huwa mezz materjali uniku fil-forma ta’ ktieb b’paġni stampati fuq iż-żewġ naħat li fihom jinsabu wkoll id-dettalji ta’ suġġetti tad-data oħra, u li jikkostitwixxi rekord uniku ta’ fatti storiċi li ma huma rreġistrati mkien iżjed, ma jqigħedx f’dubju l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Mattew 22:21.
3 Fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, ara, qabelxejn l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”.
4 Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, S.A.S. vs Franza (CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, punt 125).
5 Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2013, Sindicatul “Păstorul Cel Bun” vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2013:0709JUD000233009, punt 138). Fid-duttrina legali, ara wkoll McCrea, R., “Justifiable caution – The approach of the Court of Justice to religion in the context of rapid change”, f’Gašperin Wischhoff, J. u Stadtbäumer, T. (edituri), In Good Faith – Freedom of Religion under Article 10 of the EU Charter, Verfassungsbooks, Berlin, 2026, p. 23 sa 33, f’p. 28.
6 Ara wkoll l-Artikolu 17(3) TFUE: “Waqt li tirrikonoxxi l-identità u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom, l-Unjoni għandha żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma’ [l-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri]”. Enfasi miżjuda.
7 Ara, b’mod simili, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.
8 Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 19(1) TFUE u l-Artikolu 21 tal-Karta. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland (C‑372/21, EU:C:2022:540, punt 21).
9 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Egenberger”, EU:C:2018:257, punt 58).
10 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Egenberger, punt 50, u s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Jehovan todistajat”, punt 74). Ara wkoll, b’analoġija, il-Qorti EDB, sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Metropolitan Church of Bessarabia et vs Il‑Moldova (CE:ECHR:2001:1213JUD004570199, punt 118).
11 Ara, b’mod ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Egenberger (C‑414/16, EU:C:2017:851, punti 88 u 93) u tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2018:614, punt 26).
12 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland (C‑372/21, EU:C:2022:540, punt 22).
13 Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza Egenberger; is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2026, Katholische Schwangerschaftsberatung (C‑258/24, EU:C:2026:211); u l-konklużjonijiet tiegħi f’din l-aħħar kawża (EU:C:2025:555).
14 Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).
15 Ara, b’mod magħruf, is-sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23).
16 Qiegħda nifformula mill-ġdid dikjarazzjoni magħmula mill-eks President tal-Istati Uniti Theodore Roosevelt fit-Tielet Messaġġ Annwali tiegħu lill-Kungress fl‑1903.
17 Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).
18 Imsemmija wkoll iktar ’il quddiem bħala l-“Knisja Kattolika” jew sempliċement il-“Knisja”.
19 JM ser jissejjaħ ukoll l-“ilmentatur”.
20 Huwa interessanti li jiġi rrilevat li argumenti bbażati fuq il-kunċett ta’ “sistema ta’ arkivjar” għall-finijiet tal-GDPR ġew diskussi wkoll quddiem xi qrati nazzjonali li kellhom quddiemhom kawżi simili għal dik inkwistjoni hawnhekk. Ara, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Nota ta’ Riċerka tad-Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni, “Traitement des données à caractère personnel dans les registres des baptêmes de l’Église catholique romaine”, 26/007, Ġunju 2026 (iktar ’il quddiem in-“Nota ta’ Riċerka tad-Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni”), p. 12 sa 17, u 47.
21 Ara, fost oħrajn, is-sentenza Jehovan todistajat, punt 53.
22 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Darashev (C‑312/24, EU:C:2025:671, punt 58).
23 Ara, għal darba oħra, il-premessa 15 tal-GDPR.
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Endemol Shine Finland (C‑740/22, EU:C:2024:216, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Ibid.
26 Il-Librerija antika ta’ Lixandra fl-Eġittu (imwaqqfa fil-bidu tat-tielet seklu QK) kienet, sa fejn nafu, l-ewwel ċentru ta’ riċerka fid-dinja. Il-katalgu antik tagħha, magħruf bħala l-Pinakes, kien ikkumpilat minn Kallimaku ta’ Ċirene u organizza l-kollezzjoni tal-librerija ta’ sa 500 000 romblu tal-papiru. Danhuwa meqjus b’mod wiesa’ bħala waħda mill-eqdem sistemi ta’ arkivjar fid-dinja. Il-Pinakes kien ibbażat prinċipalment fuq kategoriji ta’ ġeneri u, fi ħdan dawn il-kategoriji, l-awturi kienu elenkati alfabetikament.
27 Dwar dik il-kwistjoni, ara, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:57, punt 57).
28 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Ara l-premessa 15 tagħha, li kienet tirreferi għal “sistema ta’ skedar skond kriterji speċifiċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ individwi” (enfasi miżjuda).
29 Ara s-sentenza Jehovan todistajat, b’mod partikolari l-punt 74.
30 Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(2)(d) u l-Artikolu 91 tal-GDPR. Ara wkoll il-premessa 165 tiegħu.
31 Dawn l-operazzjonijiet huma meqjusa bħala forom ta’ “pproċessar” skont l-Artikolu 4(2) tal-GDPR.
32 Ara l-Artikolu 99(2) tal-GDPR.
33 Punti 57 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata.
34 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata (C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 93).
35 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse (C‑394/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mousse”, EU:C:2025:2; punt 67), enfasi miżjuda. Ara wkoll is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata (C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 93) u l-premessa 69 tal-GDPR.
36 B’mod ġenerali dwar dan il-punt, b’riferimenti għall-ġurisprudenza, Tridimas, T., “Wreaking the wrongs: Balancing rights and the public interest the EU way”, Columbia Journal of European Law, Vol. 29.2, 2023, p. 185 sa213, b’mod partikolari p. 192 sa 194.
37 Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(2), Artikolu 7, Artikolu 24(1) u l-premessi 42, 69 u 74 tal-GDPR.
38 Fil-fatt, fl-Opinjoni 06/2014 tiegħu dwar il-kunċett ta’ interessi leġittimi tal-kontrollur tad-data skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE, adottata fid‑9 ta’ April 2014, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-Artikolu 29 għamel riferiment għal dan l-eżerċizzju bħala test ta’ bbilanċjar ‘a priori’ (ara p. 45).
39 Ibid.
40 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Google Spain”, EU:C:2014:317, punt 76). Ara wkoll il-premessa 69 tal-GDPR.
41 Enfasi miżjuda.
42 B’mod simili, ara l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem l-“EDPB”), “Guidelines 1/2024 on processing of personal data based on Article 6(1)(f) GDPR”, adottati fit‑8 ta’ Ottubru 2024 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida 1/2024”), punt 72.
43 Enfasi miżjuda.
44 Ara l-punti 74 sa 76 tagħha. Dik il-kawża kienet tirrigwarda il-predeċessur tal-GDPR, id-Direttiva 95/46. Għalkemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46 u dawk tal-GDPR ma jikkoinċidux għalkollox, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza jidhru li huma kompletament rilevanti għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ bħalissa.
45 Paragun tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-GDPR jikkonferma din il-konstatazzjoni. Ara, pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża (“legt […] Widerspruch […] ein” u “wurden […] verarbeitet”), Franċiża (“s’oppose” u “ont fait l’objet”), Olandiża (“maakt […] bezwaar” u “zijn”), Taljana (“si oppone” u “sono stati trattati”), Latvjana (“iebilst” u “ir apstrādāti”), Portugiża (“opõe-se” u “foram tratados”), u Rumena (“se opune” u “au fost prelucrate”) tal-GDPR.
46 Ara s-sentenza Mousse, punt 48.
47 Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni allegatament falza) (C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 75).
48 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mousse, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.
49 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Koninklijke Nederlandse Lawn Tennisbond (C‑621/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza KNLTB”, EU:C:2024:858, punti 46 u 49). Ara wkoll konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:43, punti 67 u 68).
50 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, HTB Neunte Immobilien Portfolio u Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV (C‑17/22 u C‑18/22, EU:C:2024:738, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Quirin Privatbank (C‑655/23, EU:C:2025:655, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Ara, b’mod partikolari, il-punt 189 iktar ’il quddiem.
53 Ara s-sentenza Mousse, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.
54 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Meta Platforms”, EU:C:2023:537, punt 94).
55 Ara s-sentenza Mousse, punti 27 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.
56 Ara, fost oħrajn, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 78).
57 Ara s-sentenza Mousse, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.
58 Ara, fost oħrajn, is-sentenza Mousse, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, HTB Neunte Immobilien Portfolio u Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV (C‑17/22 u C‑18/22, EU:C:2024:738, punti 56 u 57), u, b’iktar riferimenti għall-ġurisprudenza, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2018:1039, punt 122).
59 Ara l-punt 17 tagħhom.
60 Ara, fir-rigward tal-ewwel kriterju, is-sentenza KNLTB, punti 40 u 49; fir-rigward tat-tieni kriterju, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda Volker und Markus Schecke (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:353, punti 104, 105, 118 u 121); u, fir-rigward tat-tielet kriterju, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA (C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 44).
61 Kan. 849.
62 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 42 sa 45), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punti 44 u 52).
63 Ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2011, Bayatyan vs L‑Armenja (CE:ECHR:2011:0707JUD002345903, punt 120).
64 Ara s-sentenza Mousse, punti 28 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.
65 Ibid., punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
66 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:43, punt 71). Dwar dan il-punt, b’mod ġenerali u b’riferimenti addizzjonali għall-ġurisprudenza, ara Dalla Corte, L., “On proportionality in the data protection jurisprudence of the CJEU”, International Data Privacy Law, Vol. 12, Ħarġa 4, 2022, p. 259 sa 275.
67 Ara s-sentenza Mousse, punti 48 u 63.
68 Ara punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
69 Dwar applikazzjonijiet iktar stretti u iktar sfumati tar-rekwiżit ta’ neċessità, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, ara, b’mod ġenerali, Sartor, G., “Article 6 Commentary: Lawfulness of processing”, f’Spiecker, I. etal. (edituri), General Data Protection Regulation: Article-by-Article Commentary, Nomos – Beck – Hart, New York, 2023, p. 318.
70 Premessa 47 tal-GDPR, enfasi miżjuda. Ara wkoll is-sentenza fil-kawża KNLTB, punti 55 u 56. B’mod simili, il-Qorti EDB tqis ukoll rilevanti jekk, f’sitwazzjoni speċifika, l-individwi setgħux ikollhom “aspettattiva leġittima li l-ħajja privata tagħhom tkun protetta” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2012, von Hannover vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2012:0207JUD004066008, punt 88).
71 Ara, fost oħrajn, is-sentenza Meta Platforms, punt 116.
72 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Google Spain, punti 96 u 99.
73 Ara, b’analoġija, is-sentenza Mousse, punt 60, b’riferiment għall-premessa 75 tal-GDPR.
74 Ara, fost oħrajn, is-sentenza Meta Platforms, punt 118, u s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata (C‑200/23, EU:C:2024:827, punti 151, 155 u 156). Ara wkoll il-Linji Gwida 1/2024, punt 46.
75 Ara, pereżempju, is-sentenza Google Spain, punt 87, u s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 374).
76 Ara, b’mod partikolari, sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 44).
77 Kif ġie enfasizzat, pereżempju, f’Kamara, I. uDe Hert, P., “Understanding the balancing act behind the legitimate interest of the controller ground: A pragmatic approach”, f’Selinger, E., etal. (edituri), The Cambridge Handbook of Consumer Privacy, Cambridge University Press, 2018, p. 332 u333.
78 F’dan ir-rigward, ara wkoll il-premessi 51 u 52 tal-GDPR.
79 Fir-rigward tal-protezzjoni speċifika li għandha tingħata lill-minorenni, ara wkoll il-premessa 38 tal-GDPR u s-sentenza Meta Platforms, punt 111.
80 Ara, b’analoġija, is-sentenza Google Spain, punti 93 sa 95 u 98; u s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 64). B’mod simili, il-Qorti EDB, sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Segerstedt-Wiberg et vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2006:0606JUD006233200, punt 90). Ara wkoll il-premessa 39 tal-GDPR.
81 Ara, fost oħrajn, l-Artikolu 5(1)(f), l-Artikolu 6(4)(e) u l-Artikolu 9(2)(d) tal-GDPR.
82 Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Stavropoulos et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2020:0625JUD005248418, punt 44).
83 Ara l-Artikolu 14(3) tal-Karta u, b’analoġija, l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. Ara wkoll l-Artikolu 8(1) u l-premessa 38 tal-GDPR.
84 Enfasi miżjuda/
85 F’dan is-sens, ara, pereżempju, Linji Gwida 1/2024, punt 73.
86 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni allegatament falza) (C‑460/20, EU:C:2022:962, punti 7, 34, 35 u 71).
87 Ara, f’dan is-sens, Zanfir-Fortuna, G., “Comment to Article 21”, f’Kuner, C., etal. (edituri), The EU General Data Protection Regulation: A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2020, p. 517.
88 Bħal, pereżempju, biċ-Ċek (“závažné”), bil-Ġermaniż (“zwingende”), bil-Grieg (“επιτακτικούς”), bil-Franċiż (“impérieux”), bit-Taljan (“cogenti”), bil-Latvjan (“pārliecinošiem”), bl-Ungeriż (“erejű”), bl-Olandiż (“dwingende”) u bil-Finlandiż (“huomattavan tärkeä”).
89 Punt 73.
90 Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punti 112 u 113).
91 F’dan is-sens, Zanfir-Fortuna, G., nota ta’ qiegħ il-paġna 87, op. cit., p. 517.
92 Ara punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
93 Enfasi miżjuda.
94 Ara punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
95 Fid-duttrina legali, ara Zanfir-Fortuna, G., nota ta’ qiegħ il-paġna 87, op cit.: “id-dritt ta’ oġġezzjoni huwa manifestazzjoni oħra tan-natura ‘ċċentrata fuq il-kontroll’ tal-qafas ġuridiku tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (f’p. 509).
96 Ara, fost oħrajn, is-sentenza Mousse, punt 21, b’riferiment għall-Artikolu 1 u għall-premessi 1 u 10 tal-GDPR.
97 Ara punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
98 Fir-rigward tat-tfittxija ta’ sempliċi interess ekonomiku, ara, pereżempju, is-sentenza Google Spain, punti 81, 97 u 99.
99 Ara, pereżempju l-premessi 44 u 70 kif ukoll l-Artikolu 6(1)(b) u l-Artikolu 21(3) tal-GDPR.
100 Linji Gwida 1/2024, punt 73.
101 Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen f’Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2013:424, punt 108).
102 Ara, b’mod simili, id-deċiżjoni kkontestata, punt 138.
103 Enfasi miżjuda.
104 Nistaqsi, bħala kumment marġinali, kemm huwa probabbli li jseħħ tali xenarju. Ikun sorprendenti li persuna li tixtieq terġa’ tissieħeb mal-Knisja tqis li t-tieni magħmudija hija essenzjali meta hija tkun ġiet informata li, f’għajnejn il-Knisja, dan mhux biss ma huwiex meħtieġ iżda huwa wkoll (fil-prinċipju) prekluż.
105 Ara l-punti 119 u 120 tad-deċiżjoni kkontestata.
106 Ara, b’mod partikolari, il-Kan. 842(1) u l-Kan. 876.
107 Kif ser nispjega f’punti 204 sa 206 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex ikun hemm konformità mal-Artikoli 17 u 21 tal-GDPR, ma huwiex meħtieġ li titneħħa mir-reġistru kwalunkwe informazzjoni dwar l-amministrazzjoni tal-magħmudija lis-suġġett tad-data li jitlob it-tħassir. It-tneħħija tal-iktar data sensittiva li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata tkun biżżejjed.
108 Ara l-Kan. 869. Għal sitwazzjoni oħra, ara wkoll il-Kan. 870.
109 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata (C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 114), u l-konklużjonijiet tiegħi fl-istess kawża (EU:C:2024:445, punt 56).
110 Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq.
111 Linji Gwida 1/2024, punt 73. Enfasi miżjuda.
112 Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 105 iktar ’il fuq.
113 Ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2000, Hasan u Chaush vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2000:1026JUD003098596, punt 62).
114 Huwa ta’ interess, f’dan ir-rigward, li skont l-Artikolu 7(3) tal-GDPR, “[i]s-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe ħin. […] Għandu jkun faċli li jiġi rtirat kunsens daqs kemm li dan jingħata”.
115 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 341 u 375).
116 Wara kollox, l-Artikolu 12(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (adottata fl‑20 ta’ Novembru 1989), jipprevedi li “l-Istati Partijiet għandhom jiżguraw lit-tfal li huma kapaċi jifformaw il-fehmiet tagħhom stess id-dritt li jesprimu dawk il-fehmiet liberament fil-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw lit-tfal, filwaqt li l-fehmiet tat-tfal jingħataw il-piż dovut skont l-età u l-maturità tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
117 Dwar din il-kwistjoni, b’riferimenti għall-ġurisprudenza, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Katholische Schwangerschaftsberatung (C‑258/24, EU:C:2025:555, punt 39 et seq.).
118 Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, S.A.S. vs Franza (CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-linja ta’ ġurisprudenza ssemmiet ukoll espressament fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: ara, reċentement, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, SCRL (Ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża) (C‑344/20, EU:C:2022:774, punt 35).
119 Hawnhekk qiegħda nislet ispirazzjoni mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Slagelse Almennyttige Boligselskab, Afdeling Schackenborgvænge (C‑417/23, EU:C:2025:1017, punt 171). Fid-duttrina legali, li tenfasizza l-libertà ta’ reliġjon bħala dritt ta’ awtodeterminazzjoni, ara Wischhoff, J. G. U Stadtbäumer, T., nota ta’ qiegħ il-paġna 5, op. cit., p. 13.
120 Pereżempju, il-vittmi ta’ abbuż jista’ jkollhom bżonn għajnuna medika u/jew psikoloġika, inkluż kultant dħul l-isptar, sabiex jegħlbu ċerti trawmi.
121 Ara, b’iktar riferimenti, Bandes, S. A., etal (edituri), “Research Handbook on Law and Emotion”, Edward Elgar, 2021.
122 Enfasi miżjuda. Ara wkoll il-premessa 50 tal-GDPR.
123 Għal iktar kompletezza, nixtieq inżid li, skont l-Artikolu 9(2)(f) tal-GDPR, il-projbizzjoni ġenerali fuq l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela, fost oħrajn, twemmin reliġjuż jew filosofiku ma tapplikax għal “ipproċessar [li] ikun meħtieġ għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89(1) fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”. Dan huwa hekk bil-kundizzjoni li tali pproċessar ikun “proporzjonat [..] mal-għan segwit, [j]irrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u [j]ipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex [j]issalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data” (Artikolu 9(2)(g) tiegħu. Madankollu, ma naħsibx li l-Bisdom Gent għandha bżonn tinvoka dik id-dispożizzjoni peress li, kif spjegat fil-punti 66 u 67 iktar ’il fuq, l-ipproċessar tagħha ta’ data sensittiva jista’ ikun ibbażat fuq l-Artikolu 9(2)(d) ta’ dak ir-regolament.
124 Qorti EDB, sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Hurbain vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2023:0704JUD005729216, punt 182).
125 Grupp uffiċjali ta’ esperti tal-Kummissjoni stabbilit fl‑2006.
126 Grupp tal-Arkivji Ewropew, Guidance on Data Protection for Archive Services – EAG guidelines on the implementation of the General Data Protection – Regulation in the archive sector, 2018, p. 10.
127 Ara l-Artikolu 89(4) tal-GDPR.
128 Dan ma jirriżultax biss mill-premessa 158 tal-GDPR iżda wkoll, in casu, mill-Artikolu 9(2)(j) tal-GDPR.
129 Għal eżempji ta’ liġijiet tal-Istati Membri dwar dan il-punt, ara n-Nota ta’ Riċerka tad-Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni, b’mod partikolari p. 28 sa 47.
130 Dan japplika meta l-assoċjazzjonijiet reliġjużi jkunu, skont id-dritt nazzjonali, meqjusa entitajiet privati. Naturalment, is-sitwazzjoni hija differenti meta huma jkunu entitajiet pubbliċi skont id-dritt nazzjonali.
131 Enfasi miżjuda.
132 Ara, b’analoġija, il-premessa 159 tal-GDPR.
133 Ara Svanberg, C. W., Kummentarju għall-Artikolu 89, f’Kuner, C., etal. (edituri), op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 87, p. 1246.
134 Għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tal-GDPR ma japplikawx għad-data personali ta’ persuni deċeduti, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli f’dan ir-rigward. Ara l-premessi 27, 158 u 160 tal-GDPR.
135 Naħsbu, pereżempju, fil-pjattaformi diġitali li jaħżnu data ddettaljata dwar ix-xiri online magħmul mill-individwi, jew dwar ir-rendikont tat-tfittxija online tagħhom, sabiex itejbu s-software tagħhom.
136 F’dan il-kuntest, ara pereżempju l-premessa 113 tal-GDPR, li tissuġġerixxi li “l-aspettattivi leġittimi tas-soċjetà għal żieda fl-għarfien” huma element li “għandu jittieħed kont” tiegħu fl-evalwazzjoni tal-portata tal-eċċezzjonijiet għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika.
137 Hawnhekk qiegħda nissellef ċerti espressjonijiet mill-premessa 12 tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92).
138 Ara l-EDPB, Study on the secondary use of personal data in the context of scientific research, Rapport Finali, Ottubru 2020.
139 Il-konnessjoni bejn iż-żewġ attivitajiet hija enfasizzata fil-premessa 157 tal-GDPR.
140 Il-Qorti EDB, sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Hurbain vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2023:0704JUD005729216, punt 184). Enfasi miżjuda.
141 F’dan is-sens, ibid., punti 185, 186 u 255 sa 257.
142 Pereżempju, riċerka sabiex jinftiehmu aħjar l-iżviluppi soċjetali fil-komunitajiet reliġjużi, imwettqa għal fini li huwa legalment u etikament aċċettabbli għas-soċjetà kkonċernata.
143 Enfasi miżjuda.
144 Ara, pereżempju, il-miżuri msemmija fil-premessi 78, 83, 84, 98 u 100 tal-GDPR.
145 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Mousse (C‑394/23, EU:C:2024:610, punt 32).
146 EDPB, Study on the appropriate safeguards under Article 89(1) GDPR for the processing of personal data for scientific research – Final Report, Awwissu 2021, p. 9.
147 Dwar dan il-punt, ara wkoll il-premessi 26, 28 u 29 tal-GDPR.
148 Enfasi miżjuda.
149 Ara, pereżempju, l-Artikolu 24(1), l-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 32(1) tal-GDPR.
150 Ara l-premessa 156 u l-Artikoli 92 u 93 tal-GDPR.
151 Ara, b’mod partikolari, il-premessa 156 u l-Artikolu 89(2) u (3) tal-GDPR.
152 Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 58 tal-GDPR.
153 Għal xi eżempji ta’ liġijiet tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni, ara n-Nota ta’ Riċerka tad-Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni, p. 22 sa 28.
154 F’dan is-sens, ara, pereżempju l-premessa 65 u l-Artikolu 5(1)(d) tal-GDPR.
155 Ara wkoll id-deċiżjoni kkontestata, punt 138.
156 Ara, pereżempju, il-premessa 39 tal-GDPR: “Għandu jittieħed kull pass raġonevoli sabiex ikun żgurat li data personali li ma tkunx preċiża tiġi rettifikata jew titħassar”.
157 Ara, pereżempju, is-sentenza Google Spain, punti 92 sa 94, u, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri MVR – Sofia (C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 60).
158 Ara, b’analoġija, il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 1967, X. vs L‑Iżlanda (CE:ECHR:1967:0206DEC000252565).
159 Barra minn hekk, l-użu ta’ stikers opaki li jistgħu jitneħħew (jekk ikun xieraq, flimkien ma’ siġilli jew timbri li juru jekk ikunu ġew imbagħbsa) jista’ wkoll jiġi previst f’ċerti sitwazzjonijiet, konformement mal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ meta l-komunitajiet reliġjużi jkunu, skont id-dritt nazzjonali, preklużi milli jagħmlu kwalunkwe alterazzjoni permanenti fir-reġistri għar-raġuni li dawn ir-reġistri għandhom jingħataw lill-awtoritajiet pubbliċi għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku jew ta’ riċerka storika. L-użu ta’ tali stikers u, jekk ikun il-każ, ta’ siġilli jew timbri li juru jekk ikunu ġew imbagħbsa jiżgura li huma biss l-awtoritajiet pubbliċi jew ir-riċerkaturi li, eventwalment, ikunu jistgħu ikollhom aċċess għad-data personali inkwistjoni.
160 Ara, f’dan is-sens, il-premessi 74 u 78 u l-Artikolu 24(1) tal-GDPR.