European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1617

21.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ Diċembru 2023

li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew

(C/2023/1617)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 69(1) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (2) (“il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni”), l-ammonti tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali, tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, u l-allowance ta’ sussistenza ta’ kuljum jistgħu jintrabtu kull sena mal-indiċi tal-għoli tal-ħajja min-naħa tal-Bureau, sa żieda massima ugwali għar-rata ta’ inflazzjoni annwali fl-Unjoni Ewropea f’Ottubru tas-sena ta’ qabel, kif ippubblikata mill-Eurostat.

(2)

Ir-rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu minn Ottubru 2022 sa Ottubru 2023, kif ġiet innotifikata mill-Eurostat fis-17 ta’ Novembru 2023, hija 3,6 %. L-ammonti l-ġodda tal-allowances u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar imsemmija hawn fuq li jirriżultaw mill-aġġustament meħtieġ sabiex titqies dik ir-rata ta’ inflazzjoni għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024 u l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għandhom jiġu emendati skont dan.

(3)

Skont l-Artikolu 69(2) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, l-ammont massimu tal-ispejjeż għall-assistenza parlamentari li jistgħu jitħallsu fir-rigward tal-persunal personali msemmi fl-Artikolu 29(4) tagħhom għandu, fejn xieraq, jiġi indiċizzat kull sena mill-Bureau abbażi tal-Indiċi Konġunt stabbilit mill-Eurostat biex titkejjel il-bidla fl-għoli tal-ħajja għall-uffiċjali tal-UE skont l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, u f’konformità mal-Anness XI tagħhom, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3) (“ir-Regolamenti tal-Persunal”).

(4)

Dak l-indiċjar normalment jiġi deċiż mill-Bureau f’Diċembru, b’effett retroattiv minn Lulju tas-sena inkwistjoni. Madankollu, minħabba l-fatt li l-Indiċi Konġunt ġie stabbilit mill-Eurostat għal 103,7 (+ 3,7 %) għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sal-1 ta’ Jannar 2023, u b’hekk qabeż il-limitu ta’ 3 % stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal biex jiskatta aġġornament fir-remunerazzjoni, kien meħtieġ adattament intermedju tal-ispejjeż tal-assistenza parlamentari. Għalhekk, fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2023, il-Bureau ddeċieda, f’konformità mar-rata ta’ aġġustament ta’ 1,7 % stabbilita mill-Kummissjoni għall-ewwel nofs tal-2023, iżid l-ammont massimu li jista’ jitħallas fix-xahar fir-rigward tal-ispejjeż tal-assistenza parlamentari għal EUR 28 412, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

(5)

Għat-tieni nofs tal-2023, il-Kummissjoni stabbiliet ir-rata ta’ aġġustament għal 1 %. L-ammont massimu ta’ kull xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-ispejjeż għall-assistenza parlamentari għandu għalhekk jiżdied għal EUR 28 696 b’effett mill-1 ta’ Lulju 2023 u l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 15, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

fil-każ ta’ vjaġġ bil-karozza, b’limitu ta’ rimborż ta’ 1 000 km għal kull vjaġġ lil hinn jew kull vjaġġ ta’ ritorn: EUR 0,58/km, kif ukoll il-prezz ta’ kwalunkwe qsim bil-vapur jew trasport simili, li jkun meħtieġ.”

(2)

L-Artikolu 20, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 0 u 50 km: EUR 25,91;”;

(b)

il-punt (b) huwa sostitiwit b’dan li ġej:

“(b)

għall-parti tal-vjaġġ bejn 51 u 250 km: EUR 0,15/km;”;

(3)

L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont massimu annwali li jista’ jiġi rimborżat f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar inkorsi fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1), il-punt (b), għandu jkun ta’ EUR 4 886.”

;

(b)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-ammont massimu annwali li jista’ jiġi rimborżat għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jkunu effettivament inkorsi mill-presidenti ta’ kumitati jew ta’ sottokumitati li jivvjaġġaw sabiex jattendu konferenzi jew avvenimenti li jittrattaw kwistjoni ta’ interess Ewropew fl-ambitu tar-responsabbiltà tal-kumitat jew is-sottokumitat tagħhom u li jkollhom dimensjoni parlamentari għandu jkun ta’ EUR 4 886. Parteċipazzjoni bħal din għandha teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-President tal-Parlament, wara li ssir verifika li jkunu disponibbli l-approprjazzjonijiet sal-ammont massimu indikat hawn fuq.”

;

(4)

Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Jekk l-attività uffiċjali ssir fit-territorju tal-Unjoni, Membru għandu jirċievi allowance ta’ EUR 350 li tingħata f’daqqa u ta’ darba.”

;

(5)

Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-ammont massimu kull xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-persunal personali kollu msemmi fl-Artikolu 30 għandu jkun ta’ EUR 28 696 b’effett mill-1 ta’ Lulju 2023.”

(6)

Fl-Artikolu 42, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-ammont tal-allowance ta’ kull xahar għall-ispejjeż ġenerali għandu jkun ta’ EUR 4 950.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1, il-punt 5, li għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2023.


(1)  Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1).

(3)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1617/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)