SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
23 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Pakketti tal-Ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar relatati – Eżekuzzjoni tal-pakkett – Nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti – Artikolu 14(1) – Dritt għal tnaqqis fil-prezz xieraq – Artikolu 14(2) – Dritt għal kumpens għad-danni xieraq – Artikolu 14(3)(b) – Ċirkustanzi li jeskludu d-dritt tal-vjaġġatur għal kumpens għad-danni – Nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti imputabbli lil parti terza mhux marbuta mal-provvista ta’ servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, fejn l-imsemmi nuqqas ikun ta’ natura imprevedibbli jew inevitabbli – Dimostrazzjoni ta’ nuqqas – Artikolu 4 – Livell ta’ armonizzazzjoni – Rimbors sħiħ minkejja s-servizzi parzjalment ipprovduti – Artikolu 1 – Livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur – Artikolu 25 – Sanzjonijiet – Punt 12 tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli’ – Att ta’ awtorità pubblika”
Fil-Kawża C‑469/24 [Tuleka] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Rzeszowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Rzeszów, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura
B.F. (1),
B.F. (2)
vs
Z. sp. z o.o.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn E. Regan, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, D. Gratsias u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Lutostańska, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, S. Šindelková u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn Z. Chatzipavlou u C. Kokkosi, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rubene u A. Szmytkowska, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-punt 12 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 14(1) sa (3) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, żewġ vjaġġaturi, B.F. (1) u B.F. (2), u min-naħa l-oħra, organizzatur ta’ vjaġġi, Z. sp. z. o.o., dwar talba għal rimbors u għal kumpens għad-danni mressqa minn dawn il-vjaġġaturi wara pakkett ta’ vjaġġar li ma seħħx kif miftiehem. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 3 u 31 tad-Direttiva 2015/2302 jistipulaw:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta konklużi bejn vjaġġaturi u kummerċjanti.” |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Livell ta’ armonizzazzjoni”, jinqara kif ġej: “Sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’din id-Direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inkluż dispożizzjonijiet li jkunu iktar jew inqas stretti li jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-vjaġġatur.” |
|
7 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzatur ikun responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar, irrispettivament minn jekk dawk is-servizzi għandhomx jingħataw mill-organizzatur jew minn fornituri oħra tas-servizz tal-ivvjaġġar. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li skonthom il-bejjiegħ bl-imnut ukoll ikun responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-pakkett. F’dak il-każ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 u l-Kapitolu III, dan il-Kapitolu u l-Kapitolu V li huma applikabbli għall-organizzatur għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-bejjiegħ bl-imnut. […] 3. Jekk xi wieħed mis-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġix eżegwit f’konformità mal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzatur għandu jirrimedja n-nuqqas ta’ konformità, sakemm dak:
Jekk l-organizzatur, skont il-punt (a) jew il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma jirrimedjax in-nuqqas ta’ konformità, għandu japplika l-Artikolu 14. […] 5. Meta proporzjon sinifikanti tas-servizzi tal-ivvjaġġar ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti kif miftiehem fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzatur għandu joffri, mingħajr spejjeż addizzjonali għall-vjaġġatur, arranġamenti alternattivi ta’ vjaġġar xierqa, fejn possibbli, ta’ kwalità ekwivalenti jew superjuri minn dawk speċifikati fil-kuntratt, għall-kontinwazzjoni tal-pakkett, inkluż fejn ir-ritorn tal-vjaġġatur lejn il-post tat-tluq ma jkunx ipprovdut kif miftiehem. Fejn l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar proposti jirriżultaw f’pakkett ta’ kwalità inferjuri minn dik speċifikata fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzatur għandu joffri tnaqqis adattat tal-prezz lill-vjaġġatur. Il-vjaġġatur jista’ jirrifjuta l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar proposti biss jekk ma jkunux komparabbli ma’ dak li kien ġie miftiehem fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar jew jekk it-tnaqqis tal-prezz mogħti ma jkunx adegwat. […]” |
|
8 |
L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tnaqqis fil-prezz u kumpens għad-danni”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur huwa intitolat għal tnaqqis fil-prezz għal kwalunkwe perjodu li matulu kien hemm nuqqas ta’ konformità, sakemm l-organizzatur ma jagħtix prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa attribwibbli lill-vjaġġatur. 2. Il-vjaġġatur għandu jkun intitolat li jirċievi kumpens adegwat mingħand l-organizzatur għal kwalunkwe dannu li l-vjaġġatur iġarrab bħala riżultat ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità. Il-kumpens għandu jingħata mingħajr dewmien żejjed. 3. Il-vjaġġatur ma għandux ikun intitolat għal kumpens għad-danni jekk l-organizzatur jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità jkun:
[…]” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Penali”: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disważivi.” |
Id-dritt Pollakk
|
10 |
L-ustawa o imprezach turystycznych i powiązanych usługach turystycznych (il-Liġi dwar l-Avvenimenti Turistiċi u s-Servizzi tat-Turiżmu Relatati), tal‑24 ta’ Novembru 2017 (Dz. U. tal‑2017, pożizzjoni 2361), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ivvjaġġar”), tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha: “ […]
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 50 ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. Il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal tnaqqis fil-prezz għal kwalunkwe perjodu li matulu jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ konformità, sakemm in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx ġie kkawżat esklussivament minn azzjoni jew ommissjoni mill-vjaġġatur. 2. Il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal kumpens jew kumpens għad-dannu li jkun sofra minħabba n-nuqqas ta’ konformità. L-organizzatur ta’ vjaġġi jħallas immedjatament il-kumpens. 3. Il-vjaġġatur ma għandux ikun intitolat għal kumpens fejn ikun hemm nuqqas ta’ konformità jekk l-organizzatur tal-vjaġġ jagħti prova li
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
12 |
Fis‑27 ta’ Lulju 2022, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew mal-konvenuta fil-kawża prinċipali, għal prezz ta’ PLN 8696 (madwar EUR 2048), kuntratt dwar vjaġġ u soġġorn “kollox inkluż” f’lukanda b’ħames stilel fl-Albanija għall-perijodu mill‑1 ta’ Settembru sat‑8 ta’ Settembru 2023. |
|
13 |
Fl-ewwel jum ta’ dan is-soġġorn, l-istorbju tax-xogħlijiet ta’ demolizzjoni taż-żewġ pixxini ta’ din il-lukanda qajjem lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Dawn ix-xogħlijiet damu mill-ewwel sar-raba’ jum tal-imsemmi soġġorn, mis‑7:30 sas‑19:30. Dawn ġew ordnati mill-awtoritajiet Albaniżi u saru fil-preżenza ta’ diversi mezzi tal-media u tal-pulizija. Fi tmiem dawn ix-xogħlijiet, dawn il-pixxini, il-promenade ma’ xatt il-baħar, il-parti ta’ quddiem il-baħar miksija bl-asfalt b’aċċess għall-baħar u l-infrastruttura ta’ quddiem il-baħar kienu twaqqgħu. |
|
14 |
Matul l-istess soġġorn, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stennew fi kjuwijiet twal sabiex jiksbu l-ikel tagħhom u ġew obbligati li jmorru fil-bidu tal-ħin indikat, peress li numru żgħir biss ta’ ikliet kienu servuti. Barra minn hekk, is-servizz ta’ ikel ħafif li kien previst għal 17:00 tħassar. |
|
15 |
Ulterjorment, matul l-aħħar tlett ijiem tas-soġġorn ikkonċernat, inbdew xogħlijiet għaż-żieda tal-ħames sular fil-lukanda inkwistjoni. Il-materjali ta’ kostruzzjoni neċessarji għal dawn ix-xogħlijiet ġew ittrasportati mil-liftijiet li kienu użati mill-klijenti ta’ din il-lukanda. |
|
16 |
Wara dan is-soġġorn, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-konvenuta fil-kawża prinċipali l-ħlas ta’ kumpens għad-danni fl-ammont ta’ PLN 22696 (madwar EUR 5346), li jikkorrispondi għas-somma ta’ PLN 8696 (madwar EUR 2048), bħala kumpens għad-dannu materjali li huma ġarrbu minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kolpuża, mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar inkwistjoni, u għal somma ta’ PLN 14000 (madwar EUR 3298), bħala kumpens għad-dannu morali li ġarrbu. |
|
17 |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali opponiet dan il-ħlas. Hija sostniet li, peress li x-xogħlijiet ta’ demolizzjoni kkonċernati kienu l-konsegwenza ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet Albaniżi li għaliha hija kellha tissuġġetta ruħha, hija tqiegħdet f’ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli li jeżentawha mill-obbligu tagħha li tikkumpensa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Hija tindika, barra minn hekk, li hija kienet ipproponiet lil dawn tal-aħħar vawċer tal-vaganzi b’valur ta’ PLN 750 (madwar EUR 165) bħala kumpens għad-danni għan-nuqqas ta’ konformità dovut għal dawn ix-xogħlijiet ta’ demolizzjoni. |
|
18 |
Adita b’din it-tilwima, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kompatibbiltà tal-punt 2 tal-Artikolu 50(3) tal-Liġi dwar l-Ivvjaġġar mad-Direttiva 2015/2302 sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-vjaġġatur ma għandux dritt għall-kumpens fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jekk l-organizzatur ta’ vjaġġi jipprovdi prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa imputabbli għal nuqqas ta’ parti terza mhux marbuta mal-provvista ta’ servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u li dan in-nuqqas ta’ konformità ikun ta’ natura imprevedibbli jew inevitabbli. |
|
19 |
Skont dik il-qorti, l-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 jeskludi l-kumpens għad-danni ta’ vjaġġatur mill-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat jekk dan tal-aħħar jipprovdi prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa imputabbli lil parti terza mhux marbuta mal-provvista ta’ servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar inkwistjoni u li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa ta’ natura imprevedibbli jew inevitabbli, mingħajr ma dan l-organizzatur ikun obbligat jipprova n-nuqqas ta’ din il-parti terza. L-obbligu, għall-organizzatur ta’ vjaġġi, li jipprovdi prova tan-nuqqas ta’ parti terza, previst fil-punt 2 tal-Artikolu 50(3) tal-Liġi dwar l-Ivvjaġġar, jikser l-armonizzazzjoni kompleta li wettqet id-Direttiva 2015/2302, kif prevista fl-Artikolu 4 tagħha, u li hija kkonfermata minn interpretazzjoni storika li tirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132), li tħassret bid-Direttiva 2015/2302. Il-kundizzjoni ta’ nuqqas teżiġi eżami kemm oġġettiv, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-illegalità tal-aġir, kif ukoll suġġettiv, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-aġir tal-awtur, mingħajr ma dan ikun previst mid-Direttiva 2015/2302. |
|
20 |
Fit-tieni lok, fid-dawl tal-fatt li l-konvenuta fil-kawża prinċipali pprovdiet biss parzjalment ħafna s-servizzi previsti mill-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar inkwistjoni lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, tistax tintlaqa’ t-talba ta’ dawn ir-rikorrenti intiża għar-rimbors tal-prezz kollu li huma ħallsu lill-konvenuta fil-kawża prinċipali għall-vjaġġ tagħhom. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, hija tosserva li, minn perspettiva lessikali, it-termini “tnaqqis fil-prezz xieraq” jinkludu tnaqqis massimu u, għaldaqstant, li dawn it-termini jippermettu r-rimbors tal-prezz kollu mħallas minn vjaġġaturi. Tali tnaqqis massimu jkun iġġustifikat meta jitqies li l-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat ipprovda servizz mingħajr valur. |
|
22 |
Skont il-qorti tar-rinviju, dan it-tnaqqis massimu jista’ jkun iġġustifikat ukoll meta l-vjaġġaturi jaffaċċjaw nuqqas ta’ konformità serju. Il-premessa 3 tad-Direttiva 2015/2302, li minnha jirriżulta li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, issostni dan l-approċċ. Fid-dawl ta’ dan l-għan, livell ta’ nuqqas ta’ konformità li jkollu bħala konsegwenza li s-servizz ipprovdut mill-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat kien mingħajr valur għandu jikkorrispondi għal nuqqas ta’ konformità serju. |
|
23 |
Madankollu, dik il-qorti tistaqsi jekk, meta vjaġġaturi jkunu bbenefikaw minn servizzi minimi minkejja nuqqas ta’ konformità serju, tistax madankollu tintlaqa’ talba ta’ dawn il-vjaġġaturi intiża għar-rimbors tal-prezz kollu mħallas minnhom, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Hija tqis li dan għandu jkun il-każ. |
|
24 |
Fit-tielet lok, l-imsemmija qorti tqis li, fid-dawl tal-kunflitt li dejjem jikber u mxandar fil-media bejn l-awtoritajiet Albaniżi u l-proprjetarju tal-lukanda inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tista’, bħala professjonist, tinżamm responsabbli talli ma antiċipatx dan il-kunflitt. |
|
25 |
F’dan il-kuntest, hija tistaqsi jekk id-dritt għal tnaqqis fil-prezz xieraq għal kull perijodu ta’ nuqqas ta’ konformità kif ukoll id-dritt għal kumpens għad-danni xieraq għal kull dannu mġarrab minħabba n-nuqqas ta’ konformità, imsemmija fl-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2302, għandhomx biss l-għan li jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċ kuntrattwali bejn il-partijiet ikkonċernati fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jew jekk dawn id-drittijiet humiex ikkaratterizzati wkoll minn element ta’ sanzjoni u ta’ dissważjoni sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. |
|
26 |
Skont il-qorti tar-rinviju, jekk jitqies li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2015/2302, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ukoll jiskoraġġixxi lill-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar milli jittolleraw nuqqas ta’ konformità, allura l-fatt li konsumaturi bbenefikaw minn ċerti servizzi ma jipprekludix ir-rimbors tas-somom kollha li huma ħallsu. Fil-fatt, huwa possibbli li l-organizzaturi ta’ vjaġġi jintalbu jwettqu analiżi tas-suq tal-vjaġġi billi jivverifikaw l-eżistenza ta’ riskji konkreti ta’ nuqqas ta’ konformità. Għalhekk, dritt għal tnaqqis fil-prezz xieraq iwassal għal protezzjoni sħiħa tal-konsumaturi peress li jkunu previsti sanzjonijiet fil-każijiet fejn din l-analiżi ma ssirx b’mod korrett. |
|
27 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, dik il-qorti tixtieq tkun taf jekk att ta’ awtorità pubblika jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li tali att ma jaqax taħt il-kontroll tad-destinatarju tiegħu, fis-sens li dan tal-aħħar jinsab f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni fir-rigward tal-awtorità pubblika kkonċernata. Madankollu, hija tqis li l-proċedura amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ tali att hija bbażata fuq regoli tad-dritt, iddum ċertu żmien u tippermetti l-parteċipazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att. Barra minn hekk, dan id-destinatarju jingħata l-possibbiltà li jippreżenta rikors kontra l-imsemmi att. Ulterjorment, hija tosserva li, fil-premessa 31 tad-Direttiva 2015/2302, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża l-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”. Dan jinkludi, fost affarijiet oħra, gwerra, terroriżmu, okkorrenza ta’ marda serja fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kundizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li wieħed jivvjaġġa b’mod sikur lejn id-destinazzjoni tal-ivvjaġġar kif stipulat fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar. Din il-lista ma tippermettix li jiġi preżunt li att ta’ awtorità pubblika bħal deċiżjoni li tordna d-distruzzjoni ta’ parti minn infrastruttura turistika huwa ċirkustanza eċċezzjonali u inevitabbli. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Rzeszowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Rzeszów) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
29 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi li, meta n-nuqqas ta’ konformità ta’ servizzi ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun imputabbli lil parti terza li ma hijiex marbuta mal-provvista ta’ dawn is-servizzi u jkun ta’ natura imprevedibbli jew inevitabbli, l-organizzatur ta’ vjaġġi għandu juri li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa dovut għal nuqqas ta’ din il-parti terza sabiex ikun jista’ jeżonera ruħu mir-responsabbiltà tiegħu fil-konfront tal-vjaġġatur. |
|
30 |
Skont l-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, il-vjaġġatur ma għandu dritt għal ebda kumpens għad-danni jekk l-organizzatur jipprovdi prova li n-nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti huwa imputabbli lil parti terza li ma hijiex marbuta mal-provvista tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u jkun ta’ natura imprevedibbli jew inevitabbli. |
|
31 |
Fl-assenza ta’ definizzjoni, fid-Direttiva 2015/2302, tat-termini “attribwibbli għal” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni jew ta’ riferiment espliċitu, minn din id-direttiva, għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens ta’ dawn it-termini, għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma tagħhom billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, il-kuntest li fih jintużaw u l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC - Que choisir u CLCV, C‑407/21, EU:C:2023:449, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑30 ta’ April 2025, Galte, C‑63/24, EU:C:2025:292, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, it-termini “attribwibbli għal” persuna jfissru li fatt huwa r-riżultat tal-aġir ta’ din il-persuna, mingħajr ma jimplika neċessarjament li dan l-aġir jikkostitwixxi ksur, imwettaq b’mod intenzjonali jew b’negliġenza, ta’ obbligu impost fuq l-imsemmija persuna, kemm mid-dritt nazzjonali applikabbli, kif ukoll minn klawżola kuntrattwali. Għaldaqstant, it-termini “attribwibbli għal parti terza” li jinsabu fl-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 ikopri, ċertament, l-ipoteżi fejn in-nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar jirriżulta minn “nuqqas” ta’ din il-parti terza. Madankollu, huma għandhom sens iktar wiesa’ u jinkludu wkoll l-ipoteżi fejn dan in-nuqqas ta’ konformità joriġina minn aġir tal-imsemmi parti terza li ma jikkostitwixxix “nuqqas”. |
|
33 |
Għaldaqstant, fid-dawl tas-sens abitwali tat-termini “attribwibbli għal” li jinsab fl-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tippermetti lil organizzatur ta’ vjaġġi jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens għad-danni fil-konfront ta’ vjaġġatur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti, jekk juri li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa attribwibbli lil parti terza, mingħajr ma jkun neċessarju li jintwera li l-imsemmi nuqqas ta’ konformità jirriżulta minn nuqqas imwettaq minnu. |
|
34 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li fih jintużaw dawn it-termini. Fil-fatt, l-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 2015/2302, li jagħmlu parti mill-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Eżekuzzjoni tal-Pakkett”, jistabbilixxu sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali armonizzata tal-organizzaturi ta’ vjaġġi li hija kkaratterizzata minn responsabbiltà assoluta ta’ dawn l-organizzaturi u minn definizzjoni limitattiva tal-każijiet li fihom dawn jistgħu jeżentaw ruħhom minn din ir-responsabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Vjaġġi kollox kompriż għall-Islas Canarias), C‑396/21, EU:C:2023:10, punt 25). |
|
35 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-organizzatur ta’ vjaġġi jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, irrispettivament mill-fatt li dawn is-servizzi għandhom jitwettqu mill-organizzatur stess jew minn fornituri oħra ta’ servizzi tal-ivvjaġġar. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża, f’dan ir-rigward, li, jekk wieħed mill-imsemmija servizzi ma jiġix eżegwit konformement ma’ dan il-kuntratt, dan l-organizzatur għandu, bħala prinċipju, jirrimedja dan u, fis-sitwazzjonijiet fejn dan ma jirrimedjahx, il-vjaġġatur ikkonċernat għandu dritt għal tnaqqis fil-prezz kif ukoll għal kumpens għad-danni, konformement mal-Artikolu 14(1) u (2) tal-imsemmija direttiva. L-organizzatur ta’ vjaġġi huwa għalhekk, bħala prinċipju, responsabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi ta’ pakkett ta’ vjaġġar u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ eventwali nuqqas li huwa jew il-fornituri ta’ servizzi tiegħu kienu wettqu waqt l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi. |
|
36 |
Għalkemm l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2015/2302 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ responsabbiltà assoluta tal-organizzatur ta’ vjaġġi għal kull dannu mġarrab mill-vjaġġatur minħabba n-nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippermetti lil dan l-organizzatur jeżenta ruħu minn din ir-responsabbiltà billi jipprova li dan n-nuqqas ta’ konformità jaqa’ taħt wieħed mit-tliet każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fil-paragrafu 3(a) sa (c). Dawn it-tliet każijiet għandhom komuni bejniethom li n-nuqqas ta’ konformità huwa attribwibbli għal sors estern għall-organizzatur, jiġifieri għall-vjaġġatur stess, għal parti terza li ma hijiex marbuta mal-provvista tas-servizzi tal-ivvjaġġar jew għal ċirkustanzi eċċezzjonali. L-imsemmija punti (b) u (c) tat-tielet paragrafu, jipprovdu l-kundizzjoni addizzjonali skont liema n-nuqqas ta’ konformità dovuta minħabba parti terza jew minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali għandu jkun ta’ natura inevitabbli. Min-naħa l-oħra, fl-ebda wieħed minn l-imsemmija tliet każijiet ma hemm kwistjoni ta’ “nuqqas”. |
|
37 |
Fir-rigward, fl-aħħar lok, tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2015/2302, mill-Artikolu 1 tagħha jirriżulta li dan l-għan jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(3)(b) ta’ din id-direttiva adottata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza tippermetti li jiġi ggarantit tali livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, peress li l-organizzatur ta’ vjaġġi li jixtieq, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jeżenta ruħu mir-responsabbiltà tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar inkwistjoni għandu juri mhux biss li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa dovut lil parti terza mhux marbuta mal-provvista ta’ dawn is-servizzi tal-ivvjaġġar, iżda wkoll li l-imsemmi nuqqas ta’ konformità huwa ta’ natura imprevedibbli jew inevitabbli. L-għan li jiġi żgurat tali livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mill-imsemmija direttiva ma jistax għalhekk, waħdu, jiġġustifika li organizzatur ta’ vjaġġi jkun obbligat juri n-nuqqas ta’ parti terza sabiex ikun jista’ jeżonera ruħu mir-responsabbiltà tiegħu fil-konfront tal-konsumatur ikkonċernat fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. |
|
38 |
Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2302 jipprovdi li, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fid-dritt nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet iktar stretti jew iktar flessibbli intiżi li jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-vjaġġaturi minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva u li din ma tinkludix dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet intiżi li jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-vjaġġaturi minn dak previst fl-Artikolu 14(3)(b) tagħha, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jadottaw dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li l-organizzaturi ta’ vjaġġi huma eżentati mill-obbligu tagħhom ta’ kumpens għad-danni fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-pakkett tal-ivvjaġġar ipprovduti imputabbli lil parti terza fir-rigward tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, biss jekk dawn l-organizzaturi juru li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa minħabba nuqqas ta’ din il-parti terza u li l-imsemmi nuqqas għandu natura imprevedibbli jew inevitabbli. |
|
39 |
Konsegwentement, l-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li vjaġġatur ma għandu dritt għal ebda kumpens għad-danni min-naħa tal-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tas-servizzi ta’ pakkett ta’ vjaġġar ipprovduti imputabbli lil parti terza li ma hijiex marbuta mal-provvista ta’ dawn is-servizzi, biss jekk dan l-organizzatur juri li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa dovut għal nuqqas ta’ din il-parti terza u huwa ta’ natura imprevedibbli jew inevitabbli. |
|
40 |
Madankollu, fl-applikazzjoni tad-dritt intern, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretawh sa fejn possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha u, għaldaqstant, jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Plamaro, C‑196/23, EU:C:2024:596, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Issa, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tali interpretazzjoni konformi tkun possibbli fil-każ fejn il-kelma Pollakka “nuqqas”, użata fl-Artikolu 50(3) tal-Liġi dwar l-Ivvjaġġar, tinftiehem bħala li tfisser “attribwibbli għal”, fis-sens adottat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju. |
|
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandu tkun li l-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi li, meta n-nuqqas ta’ konformità ta’ servizzi ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun imputabbli lil parti terza li ma hijiex marbuta mal-provvista ta’ dawn is-servizzi u jkun ta’ natura imprevedibbli jew inevitabbli, l-organizzatur ta’ vjaġġi għandu juri li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa dovut għal nuqqas ta’ din il-parti terza sabiex ikun jista’ jeżonera ruħu mir-responsabbiltà tiegħu fil-konfront tal-vjaġġatur. |
Fuq it-tieni domanda
|
43 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li, anki jekk vjaġġatur ikun ibbenefika minn parti mis-servizzi pprovduti minn organizzatur ta’ vjaġġi, it-tnaqqis fil-prezz xieraq li għalih dan il-vjaġġatur għandu dritt fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ dawn is-servizzi jista’ jikkorrispondi għal rimbors sħiħ tal-prezz tal-pakkett tal-vjaġġar ikkonċernat meta dan in-nuqqas ta’ konformità jkun serju. |
|
44 |
Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, vjaġġatur huwa “intitolat għal tnaqqis fil-prezz għal kwalunkwe perjodu li matulu kien hemm nuqqas ta’ konformità, sakemm l-organizzatur ma jagħtix prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa attribwibbli lill-vjaġġatur”. |
|
45 |
Għalhekk, it-tnaqqis fil-prezz imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandu jkun adegwat għall-perijodu kollu li matulu jseħħ in-nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li l-evalwazzjoni tan-natura adegwata ta’ dan it-tnaqqis fil-prezz għandu, bħall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, issir b’mod oġġettiv billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi tal-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat skont il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar miftiehem (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Vjaġġi kollox kompriż għall-Islas Canarias), C‑396/21, EU:C:2023:10, punt 39). |
|
46 |
Fil-fatt, minn qari flimkien tal-Artikolu 14(1) u tal-punt 13 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 jirriżulta li l-obbligu, impost fuq l-organizzaturi ta’ vjaġġi, li jagħtu tali tnaqqis fil-prezz għandu jiġi evalwat biss fir-rigward tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ ivjaġġar li huma s-suġġett ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni żbaljata, peress li l-obbligi li jirriżultaw, għall-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat, minn tali kuntratt ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv u jinkludu, għaldaqstant, mhux biss dawk li huma espliċitament stipulati f’dan il-kuntratt, iżda wkoll dawk li huma marbuta miegħu li jirriżultaw mill-għan tal-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Vjaġġi kollox kompriż għall-Islas Canarias), C‑396/21, EU:C:2023:10, punti 37 u 38). |
|
47 |
Għalhekk, l-evalwazzjoni tan-natura adegwata tat-tnaqqis fil-prezz inkwistjoni għandha tkun ibbażata fuq stima tal-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-pakkett ikkonċernat li ma twettqux jew li twettqu b’mod ħażin b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ din l-eżekuzzjoni ħażina u tal-valur ta’ dan il-pakkett. It-tnaqqis fil-prezz tal-imsemmi pakkett għandu jikkorrispondi għall-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar li ma jkunux konformi (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Vjaġġi kollox kompriż għall-Islas Canarias), C‑396/21, EU:C:2023:10, punt 39). Iktar ma n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ħażina tkun serja, iktar it-tnaqqis fil-prezz għandu jkun sinjifikattiv sabiex ikun jista’ jitqies li huwa xieraq. |
|
48 |
Għalhekk, meta s-servizzi tal-ivvjaġġar kollha pprovduti lil vjaġġatur ma jkunux konformi u l-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat ma jipprovdix prova li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa imputabbli lil dan il-vjaġġatur, dan ikollu dritt għal rimbors sħiħ tal-prezz tal-pakkett ikkonċernat min-naħa ta’ dan l-organizzatur, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302. |
|
49 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2015/2302 li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, kif stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, vjaġġatur għandu wkoll ikollu dritt għal rimbors sħiħ tal-prezz tal-pakkett ikkonċernat, skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, meta, minkejja l-provvista ta’ ċerti servizzi, in-nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti jkun ta’ gravità tali li dan il-pakkett ma jkollux iktar skop u li, għaldaqstant, il-pakkett ta’ vjaġġar oġġettivament ma jkunx iktar ta’ interess għal dan il-vjaġġatur. Fil-fatt, meta dan in-nuqqas ta’ konformità jkun ta’ tali portata li jirrendi mingħajr interess u mingħajr valur, fid-dawl tas-suġġett tal-imsemmi pakkett, is-servizzi li jkunu ġew ipprovduti, l-imsemmi nuqqas ta’ konformità jammonta de facto għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-istess pakkett li jagħti dritt għal rimbors sħiħ tal-prezz tiegħu, b’applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
50 |
F’dan il-każ, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, jekk ix-xogħlijiet ta’ demolizzjoni, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u n-nuqqasijiet tas-servizzi ta’ forniment tal-ikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhomx bħala konsegwenza li l-pakkett ta’ vjaġġar tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien tilef l-iskop tiegħu u għalhekk kien, oġġettivament, sar irrilevanti għal dawn tal-aħħar. Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għal din il-konklużjoni, dawn ir-rikorrenti għandu jkollhom dritt, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 fid-dritt Pollakk, għal rimbors sħiħ tal-prezz ta’ dan il-pakkett ta’ vjaġġar min-naħa tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tagħha ta’ organizzatur ta’ vjaġġi. |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li, anki jekk vjaġġatur ikun ibbenefika minn parti mis-servizzi pprovduti minn organizzatur ta’ vjaġġi, it-tnaqqis fil-prezz xieraq li għalih dan il-vjaġġatur għandu dritt fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ dawn is-servizzi jista’ jikkorrispondi għal rimbors sħiħ tal-prezz tal-pakkett ta’ vjaġġar ikkonċernat meta dan in-nuqqas ta’ konformità jkun ta’ gravità tali li, fid-dawl tal-għan tiegħu, dan il-pakkett ta’ vjaġġar oġġettivament ma jkunx iktar ta’ interess għall-imsemmi vjaġġatur. |
Fuq it-tielet domanda
|
52 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal tnaqqis fil-prezz xieraq għal kull perijodu ta’ nuqqas ta’ konformità u d-dritt għal kumpens għal kull dannu mġarrab minħabba nuqqas ta’ konformità, previsti f’din id-dispożizzjoni, għandhom biss l-għan li jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċ kuntrattwali bejn l-organizzaturi ta’ vjaġġi u l-vjaġġaturi, fid-dawl tas-servizzi effettivament ipprovduti minn dawn l-organizzaturi u tal-prezz imħallas minn dawn il-vjaġġaturi, jew jekk dawn id-drittijiet għandhomx ukoll l-għan li jissanzjonaw lill-imsemmija organizzaturi sabiex jiddisswaduhom milli jittolleraw nuqqas ta’ konformità. |
|
53 |
Il-Gvern Pollakk jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda minħabba li r-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar is-suġġett tal-imsemmija drittijiet ma jirriżultawx suffiċjentement mid-deċiżjoni tar-rinviju. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li għandha terfa’ r-responsabbiltà sabiex tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Gestore dei Servizi Energetici, C‑148/23, EU:C:2024:555, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Minn dan isegwi li domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Gestore dei Servizi Energetici, C‑148/23, EU:C:2024:555, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod suffiċjenti li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-drittijiet tal-vjaġġaturi għal tnaqqis fil-prezz u għal kumpens għad-danni xieraq, previsti fl-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2302, għandhomx ukoll l-għan li jissanzjonaw u jiskoraġġixxu lill-organizzaturi ta’ vjaġġi, b’tali mod li, fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ dan it-tnaqqis u ta’ dan il-kumpens għad-danni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma għandhom l-għan li jissanzjonaw lil dawn l-organizzaturi. Għaldaqstant it-tielet domanda hija ammissibbli. |
|
57 |
Fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2302 jirriżulta li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għal kull perijodu ta’ nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti u għal kull dannu mġarrab minħabba dan in-nuqqas ta’ konformità, il-vjaġġaturi jkollhom dritt, rispettivament, għal tnaqqis fil-prezz u għal kumpens għad-danni xieraq min-naħa tal-organizzaturi tal-vjaġġi. Billi tagħti dawn id-drittijiet lill-vjaġġaturi, din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ kuntrattwali eżistenti waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ pakkett ta’ vjaġġar sa fejn din tippermetti, minn naħa, li l-organizzaturi tal-ivvjaġġar jintalbu jistabbilixxu mill-ġdid prezz li jikkorrispondi għas-servizzi effettivament ipprovduti u, min-naħa l-oħra, li jiksbu, mingħand dawn l-organizzaturi, kumpens għad-dannu li l-vjaġġaturi kkonċernati ġarrbu minħabba n-nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti. |
|
58 |
Min-naħa l-oħra, la l-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2302 u lanqas il-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni ma jippermettu li jitqies li l-għoti tad-drittijiet lill-vjaġġaturi previsti fiha għandhom ukoll l-għan li jippermettu li l-organizzaturi ta’ vjaġġi jiġu ssanzjonati fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. La l-imsemmija dispożizzjoni u lanqas l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali armonizzata ta’ dawn l-organizzaturi, ma jipprevedu l-possibbiltà li jiġu imposti fuqhom danni punittivi. L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2015/2302, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva, jikkonferma li l-għoti ta’ dawn id-drittijiet lill-vjaġġaturi ma għandux l-għan li jippermetti li jiġu ssanzjonati l-imsemmija organizzaturi. |
|
59 |
Barra minn hekk, l-għan tad-Direttiva 2015/2302 li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ma jistax, waħdu, jiġġustifika interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (2) ta’ din id-direttiva li tgħid li din id-dispożizzjoni għandha wkoll l-għan li tissanzjona lill-organizzaturi ta’ vjaġġi. Fil-fatt, tali livell ta’ protezzjoni diġà ntlaħaq mill-imsemmija direttiva billi tagħti l-imsemmija drittijiet lill-vjaġġaturi sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ kuntrattwali bejn dawn u dawn l-organizzaturi wara nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti. |
|
60 |
Għar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal tnaqqis fil-prezz xieraq għal kull perijodu ta’ nuqqas ta’ konformità u d-dritt għal kumpens għal kull dannu mġarrab minħabba nuqqas ta’ konformità, previsti f’din id-dispożizzjoni, għandhom l-għan li jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċ kuntrattwali bejn l-organizzaturi tal-vjaġġi u l-vjaġġaturi u mhux li jissanzjonaw lil dawn l-organizzaturi. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
61 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn atti ta’ awtorità pubblika, bħad-demolizzjoni ta’ infrastruttura turistika b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 tiddefinixxi l-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli” bħala li jfisser “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”. |
|
63 |
Il-premessa 31 ta’ din id-direttiva turi l-portata ta’ dan il-kunċett billi tindika li “[d]an jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar”. |
|
64 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli” huwa simili għall-kunċett ta’ “forza maġġuri” fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata. Għalhekk, minkejja l-assenza ta’ kwalunkwe riferiment, fid-Direttiva 2015/2302, għall-forza maġġuri, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli” jikkonkretizza u jikkostitwixxi implimentazzjoni eżawrjenti tal-kunċett ta’ “forza maġġuri” fil-kuntest ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC - Que choisir u CLCV, C‑407/21, EU:C:2023:449, punti 54 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-termini “inevitabbli u straordinarji” imsemmija fil-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 jirrigwardaw biss sitwazzjonijiet li kienu imprevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Tez Tour, C‑299/22, EU:C:2024:181, punt 74). |
|
66 |
Minn dan isegwi li s-sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn atti ta’ awtorità pubblika jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302, biss jekk dawn is-sitwazzjonijiet ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-parti li tinvokahom u jkollhom konsegwenzi li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha, li jimplika li dawn iċ-ċirkustanzi huma estranji għal dak li jinvokahom u huma imprevedibbli. |
|
67 |
Issa, l-adozzjoni ta’ atti ta’ awtorità pubblika hija ġeneralment irregolata minn regoli kemm proċedurali kif ukoll sostantivi li jiggarantixxu b’mod partikolari li dawn l-atti jiġu adottati b’mod trasparenti wara bbilanċjar ta’ diversi interessi. L-eżekuzzjoni tal-imsemmija atti hija, barra minn hekk, ġeneralment ippreċeduta minn ċerta pubbliċità. Is-sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ tali atti għalhekk ġeneralment ma humiex imprevedibbli. |
|
68 |
F’dan il-każ, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tqis li x-xogħlijiet ta’ demolizzjoni inkwistjoni huma l-konsegwenza ta’ att ta’ awtorità pubblika li għalih hija kellha tissuġġetta ruħha, b’tali mod li n-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn dan l-att jikkorrispondi għal ċirkustanza eċċezzjonali u inevitabbli li teħlisha mill-obbligu tagħha ta’ kumpens għad-danni fil-konfront tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(3)(c) tad-Direttiva 2015/2302, il-vjaġġatur ma għandu dritt għal ebda kumpens għad-danni jekk l-organizzatur jipprovdi prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa dovut għal ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli. |
|
70 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, id-demolizzjoni tal-infrastrutturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet Albaniżi, ħolqotx sitwazzjoni li ħarbet mill-kontroll tal-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat u kellha konsegwenzi li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, dan l-organizzatur jew l-amministratur tal-infrastruttura turistika inkwistjoni ġiex informat bil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, jew ipparteċipa f’din il-proċedura, jew jekk dawn il-persuni ġewx informati bil-kontenut tal-istess deċiżjoni qabel ma din ġiet implimentata. Tali informazzjoni jew parteċipazzjoni ta’ dan l-amministratur hija suffiċjenti peress li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2015/2302, l-imsemmi organizzatur jista’ jinżamm responsabbli għal kull nuqqas ta’ konformità kkawżat mill-fornituri ta’ servizzi tal-ivvjaġġar tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel, C‑578/19, EU:C:2021:213, punt 35). |
|
71 |
Fil-preżenza ta’ tali parteċipazzjoni jew ta’ tali informazzjoni, id-demolizzjoni tal-infrastrutturi inkwistjoni ma tistax titqies li hija imprevedibbli. In-nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti minħabba tali demolizzjoni ma jistax jitqies bħala sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Fil-fatt, jekk dan l-organizzatur jew il-fornitur ta’ servizzi tiegħu jiġu informati b’tali deċiżjoni u l-imsemmi organizzatur jibbenefika minn terminu suffiċjenti sabiex ikun jista’, bid-diliġenza meħtieġa, jipproponi lill-vjaġġatur ikkonċernat servizzi xierqa oħra konformement mal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2015/2302, qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma jistax jitqies li l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-imsemmija deċiżjoni ma setgħux jiġu evitati mill-istess organizzatur. F’tali ċirkustanzi, din id-demolizzjoni ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”, fis-sens tal-Artikolu 14(3)(c) tad-Direttiva 2015/2302. |
|
72 |
Jekk ikun il-każ, in-natura prevedibbli tad-demolizzjoni tal-infrastrutturi inkwistjoni b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet Albaniżi teskludi wkoll li l-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat jista’ jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa għad-danni lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, li jipprevedi li l-vjaġġatur ma għandu dritt għal ebda kumpens għad-danni jekk l-organizzatur jipprovdi prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa imputabbli lil parti terza mhux marbuta mal-provvista ta’ servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u huwa ta’ natura imprevedibbli jew inevitabbli. |
|
73 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ atti ta’ awtorità pubblika, bħad-demolizzjoni ta’ infrastruttura turistika b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dawn l-atti jkunu ġew adottati wara proċedura li ppermettiet lill-persuni kkonċernati, bħall-organizzatur ta’ vjaġġi kkonċernat jew il-fornituri eventwali tiegħu ta’ servizzi tal-ivvjaġġar, li jkunu jafu bihom fi żmien xieraq qabel l-eżekuzzjoni tagħhom. |
Fuq l-ispejjeż
|
74 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.