Official Journal L 058 , 28/02/2001 P. 0001 - 0002
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 390/2001 tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-assistenza lit-Turkija fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, u b'mod partikolari fuq l-istabbilixximent ta' Sħubija għal Adeżjoni IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Billi: (1) Il-kondizzjonijiet li għandhom jintlaħqu mill-Istati applikanti li jixtiequ jingħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea kienu stabbiliti fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fil-Copenhagen f'Ġunju 1993. (2) Il-laqgħa tal-Kapijiet ta' l-Istat u l-Gvern fil-Kunsill Ewropew f'Helsinki mill-10 sal-11 ta' Diċembru 1999 affermaw mill-ġdid in-natura inklużiva tal-proċess ta' adeżjoni, li issa tinkludi 13-il Stat kandidat ġo qafas wieħed. (3) Il-Kunsill Ewropew f'Helsinki ddikjara li t-Turkija hi Stat kandidat iddestinata li tingħaqad ma' l-Unjoni fuq il-bażi ta' l-istess kriterji applikati lill-Istati kandidati oħra u li billi tkompli fuq l-istrateġija Ewropea eżistenti, it-Turkija, bħal Stati kandidati oħra, għandha tibbenifika minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni biex tistimola u tappoġġa r-riforma tagħha. (4) Il-Kunsill Ewropew f'Helsinki iddikjara li Sħubija għal Adeżjoni għandha tiġi magħmula għat-Turkija fuq il-bażi ta' konklużjonijiet ta' qabel tal-Kunsill Ewropew filwaqt li jkunu jinsabu fiha prijoritajiet fuq liema preparazzjonijiet għall-adeżjoni għandhom jikkonċentraw fid-dawl tal-kriterji politiċi u ekonomiċi u l-obbligazzjonijiet ta' Stat Membru. (5) Kien ikun xieraq għal assistenza mill-Komunità Ewropea ġol-qafas ta' l-Isħubija għal Adeżjoni li tiffoka fuq il-kriterji politiċi u ekonomiċi imsemmija hawn qabel u tkun iggwidata minn prinċipji definiti, prijoritajiet, għanijiet intermedji u kondizzjonijiet. (6) Il-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern li ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew fi Feira mid-19 sa l-20 ta' Ġunju 2000 stiednu lill-Kummissjoni biex tippreżenta malli hu possibbli proposti għal qafas finanzjarju wieħed għal assistenza lit-Turkija, kif ukoll għal Sħubija għal Adeżjoni. (7) L-Isħubija, u b'mod partikolari l-għanijiet intermedji tagħha, għandhom jgħinu lit-Turkija fil-preparazzjoni biex issir membru ġo qafas ta' konvergenza ekonomika u soċjali u fl-iżvilupp tal-programm nazzjonali tagħha biex tieħu l-acquis kif ukoll kalendarju relevanti għall-implimentazzjoni tagħha. (8) Hu essenzali li jkun hemm ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji li qegħdin għad-disposizzjoni bl-attenzjoni u in konformità mall-projoritajiet li jqumu mill-isħubija għal Adeżjoni għat-Turkija u r-rapporti regolari tal-Kummissjoni. (9) Assistenza mill-Komunità taħt l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni għandha tinata' permezz ta' l-applikazzjoni għat-Turkija tal-programmi ta' għajnuna adotatti skond id-disposizzjonijiet tat-Trattati u għalhekk dan ir-Regolament m'għandu jkollu ebda implikazzjonijiet finanzjarji. (10) Assistenza mill-Komunità hi kondizzjonali fuq ir-rispett tar-rabtiet li jkunu jinsabu fil-Ftehimiet KE-Turkija, l-Isħubija għal Adeżjoni u fuq progress lejn il-kisba tal-kriterji ta' Copenhagen. (11) L-ipprogrammar tar-riżorsi finanzjarji li jagħmlu l-assistenza tal-Komunità għandu jiġi deċiż skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolamenti relatati ma' l-istrumenti jew programmi finanzjarji korrispondenti. (12) Ir-rwol tal-korpijiet stabbiliti taħt il-Ftehimiet KE-Turkija hu ċentrali biex ikunu assigurati l-implimentazzjoni u s-segwiment xierqa ta' din l-Isħubija għal Adeżjoni. (13) L-istabbilixximent ta' l-Isħubija għal Adeżjoni x'aktarx tkun ta' għajnuna biex l-għanijiet tal-Komunità jintlaħqu. It-Trattat ma jipprovdix, għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, setgħat barra minn dawk ta' l-Artikolu 308, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Bħala parti mill-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea għat-Turkija, Sħubija għal Adeżjoni għandha tiġi stabbilita għat-Turkija. L-Isħubija għal Adeżjoni għandha tipprovdi qafas wieħed li jkopri: - il-prijoritajiet, kif iddefiniti fl-analiżi tas-sitwazzjoni fit-Turkija, fuq liema preparazzjonijiet għal adeżjoni għandhom jikkonċentraw minħabba l-kriterji politiċi u ekonomiċi u l-obbligazzjonijiet li hemm fuq Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea kif definiti mill-Kunsill Ewropew, - ir-riżorsi finanzjarji għall-assistenza tat-Turkija biex timplimenta l-prijoritajiet iddentifikati matul il-perjodu ta' qabel l-adeżjoni. Artikolu 2 Waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jiddeċidi permezz ta' maġġoranza kwalifikata fuq il-prinċipji, prijoritajiet, għanijiet intermedji u kondizzjonijiet li jkunu jinsabu fl-isħubija għal Adeżjoni, kif ser tinata' lit-Turkija, kif ukoll fuq aġġustamenti sinnifikanti sussegwenti applikabbli lilha. Artikolu 3 Dan ir-Regolament m'għandu jkollu ebda implikazzjonijiet finanzjarji. Taħt l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, l-assistenza mill-Komunità għandha tkun l-assistenza prevista fil-programmi adottati skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat. Fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill skond l-Artikolu 2, l-ipprogrammar tar-riżorsi finanzjarji mogħtija fil-qafas ta' l-Isħubija għal Adeżjoni għandu jiġi stabbilit skond il-proċeduri stabbiliti fir-Regolamenti relatati ma' l-istrumenti jew programmi finanzjarji korrispondenti. Artikolu 4 Fejn element li huwa essenzali biex titkompla tinata' l-assistenza qabel l-adeżjoni hu nieqes, partikolarment meta r-rabtiet li jkunu jinsabu fil-Ftehimiet KE-Turkija mhumiex imħarsa u/jew il-progress lejn il-kisba tal kriterji ta' Copenhagen m'huwiex suffiċjenti, il-Kunsill, billi jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jieħu passi xierqa fir-rigward ta' assistenza qabel l-adeżjoni mogħtija lit-Turkija. Artikolu 5 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, 26 Frar 2001. F'isem il-Kunsill Il-President A. Lindh [1] Opinjoni mogħtija nhar l-14 ta' Frar 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). --------------------------------------------------