16.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/43


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta' Mejju 2014

li tagħti rikonoxximent mill-UE tar-Reġistru tat-Tbaħħir Kroat skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri

(notifikata bid-dokument C(2014) 3014)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/281/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-ittri tat-23 ta' Lulju 2010 u tal-25 ta' Frar 2014 mill-awtoritajiet Kroati li talbu lill-Kummissjoni r-rikonoxximent mill-UE tar-Reġistru tat-Tbaħħir Kroat (minn hawn 'il quddiem CRS),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, l-Istati Membri li jixtiequ jagħtu awtorizzazzjoni lil xi organizzazzjoni li għadha mhijiex rikonoxxuta għandhom iressqu talba għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni.

(2)

Fit-23 ta' Lulju 2010, ir-Repubblika Kroata provdiet informazzjoni u evidenza li s-CRS jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 391/2009. Filwaqt li jitqies li l-proċess ta' rikonoxximent jista' jiġi estiż fuq perjodu itwal ta' żmien wara t-talba, u li mill-adeżjoni sakemm il-proċess jitlesta, il-gvern Kroat mhux se jkun intitolat li jiddelega kompiti statutorji lis-CRS, il-Kummissjoni nediet stadji preparatorji tal-valutazzjoni tas-CRS qabel ma l-Kroazja saret Stat Membru tal-Unjoni.

(3)

Fil-25 ta' Frar 2014, il-Kroazja tenniet mill-ġdid it-talba tagħha lill-Kummissjoni biex jingħata rikonoxximent mill-UE tas-CRS wara l-adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni.

(4)

Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, ivverifikat li s-CRS jissodisfa l-kriterji minimi kollha stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(5)

Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq l-analiżi tad-dokumentazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Kroati, kif ukoll fuq ir-riżultati ta' żewġ spezzjonijiet tal-uffiċċji tas-CRS li twettqu minn esperti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f'Ottubru 2011 u fuq spezzjoni oħra li saret f'Ottubru 2013 biex tivverifika l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' rimedju meħuda mis-CRS b'rispons għan-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni matul il-valutazzjoni.

(6)

Fil-każijiet kollha, meta ġew identifikati xi nuqqasijiet, is-CRS implimenta azzjonijiet ta' rimedju xierqa u suffiċjenti. Is-CRS ikkoopera b'mod effettiv matul il-proċess ta' valutazzjoni u wera l-kapaċità tiegħu li jtejjeb l-organizzazzjoni u l-proċeduri tiegħu b'mod proattiv.

(7)

Għada għaddejja l-implimentazzjoni ta' għadd ta' azzjonijiet ta' rimedju u se tiġi mmonitorjata b'mod partikolari t-tnedija ta' fergħa f'Shanghai, iċ-Ċina. Madankollu, dan ma joħloq l-ebda dubju dwar il-kwalità ġenerali tas-sistemi u l-mekkaniżmi ta' kontroll tal-organizzazzjoni.

(8)

Il-Kummissjoni vverifikat ukoll li s-CRS impenja ruħu li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8(4), 9, 10 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(9)

Il-prestazzjoni ta' sikurezza u ta' tniġġis tas-CRS, għalkemm kemxejn taħt il-prestazzjoni medja ta' organizzazzjonijiet oħra rikonoxxuti mill-UE, hija sodisfaċenti. B'mod partikolari, dan juri tendenza pożittiva skont il-Memorandum ta' Ftehim dwar il-Kontroll tal-Port mill-Istat ta' Pariġi, b'rata medja ta' detenzjoni ta' 0,51 % fil-perjodu 2010-2012, meta mqabbla ma' 0,89 % fil-perjodu 2009-2011 u ta' 1,44 % fil-perjodu 2008-2010. Barra minn hekk, fl-2010, l-2011 u l-2012, is-CRS ma rreġistra l-ebda detenzjoni “relatata mal-organizzazzjoni rikonoxxuta” skont ir-reġim ta' Kontroll tal-Port mill-Istat tal-Gwardja Kostali tal-Istati Uniti.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjoni żżomm il-ħin kollu l-kapaċità tagħha li taħdem skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, u minħabba d-daqs relattivament żgħir tal-flotta li attwalment hija ċċertifikata mis-CRS, il-Kummissjoni tqis li kull tkabbir sostanzjali tal-attivitajiet tal-organizzazzjoni għandu jkun akkumpanjat b'żieda xierqa fil-kapaċitajiet tekniċi u maniġerjali tagħha, inkluż jekk tkun neċessarja, fir-rigward tal-espansjoni tan-netwerk tal-uffiċċju.

(11)

L-entità legali tas-CRS hija stabbilita bħala istituzzjoni pubblika fi Split, il-Kroazja, skont il-“Liġi dwar ir-Reġistru tat-Tbaħħir Kroat” tal-20 ta' Settembru 1996 (Gazzetta Uffiċjali Nru 81/96) u l-“Karta dwar ir-Reġistru tat-Tbaħħir Kroat” tal-1 ta' Ġunju 1997. Din għandha l-isem ta' “Ir-Reġistru tat-Tbaħħir Kroat” (“Hrvatski registar brodova”).

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-“Reġistru tat-Tbaħħir Kroat” huwa rikonoxxut skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)   ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) u li jemenda r-Regolamenti dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis minn bastimenti (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1).