Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta’ April 2008 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Sitt, is-Seba’, it-Tmien u d-Disa’ Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2006
Official Journal L 088 , 31/03/2009 P. 0253 - 0259
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta’ April 2008 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Sitt, is-Seba’, it-Tmien u d-Disa’ Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2006 IL-PARLAMENT EWROPEW, wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tad-deċiżjonijiet ta’ kwittanza tal-2005 (COM(2007) 538 u l-anness tiegħu SEC(2007) 1185), wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji u l-kontijiet tad-dħul u tal-infiq għas-Sitt, is-Seba’, it-Tmien u d-Disa’ Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2006 (COM(2007) 458 – C6-0118/2007) [1], wara li kkunsidra r-rapport dwar il-ġestjoni finanzjarja tas-Sitt, is-Seba’, it-Tmien u d-Disa’ Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena 2006 (COM(2007) 240), wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet iffinanzjati mis-Sitt, is-Seba’, it-Tmien u d-Disa’ Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet ivverifikati tal-Kummissjoni [2], wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar il-kredibiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi pprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat tal-KE [3], wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat- 12 ta’ Frar 2008 (16744/2007 – C6-0078/2008, 16745/2007 – C6-0079/2008, 16746/2007 – C6-0080/2008, 16748/2007 – C6-0081/2008), wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit- 23 ta’ Ġunju 2000 [4] u rivedut fil-Lussembrugu fil- 25 ta’ Ġunju 2005 [5], wara li kkunsidra d-Deċizjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas- 27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-istati u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (id-‘Deċiżjoni ta’ Assoċjazzjoni dwar lil hinn mill-baħar’) [6], emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/249/KE tad- 19 ta’ Marzu 2007 [7], wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tal-Ftehim Intern tal- 20 ta’ Diċembru 1995, bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament u l-amministrazzjoni tal-għajnuna Komunitarja skont it-Tieni Protokoll Finanzjarju għar-Raba’ Konvenzjoni ACP-KE [8], wara li kkunsidra l-Artikolu 32 tal-Ftehim Intern tat- 18 ta’ Settembru 2000, bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament u l-amministrazzjoni tal-għajnuna Komunitarja skont il-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ffirmat f’Cotonou (Benin) fit- 23 ta’ Ġunju 2000, u l-allokazzjoni tal-assistenza finanzjarja lill-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat KE [9], wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, wara li kkunsidra l-Artikolu 74 tar-Regolament Finanzjarju tas- 16 ta’ Ġunju 1998 li japplika għall-koperazzjoni finanzjarja ta’ żvilupp skont ir-raba’ Konvenzjoni ACP-KE [10], wara li kkkunsidra l-Artikolu 119 tar-Regolament Finanzjarju tas- 27 ta’ Marzu 2003 li japplika għad-Disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp [11], wara li kkunsidra l-Artikoli 70 u 71, it-tielet inċiż tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, u l-Anness V tagħhom, wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0106/2008), A. billi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) huwa l-iktar strument finanzjarju importanti tal-Unjoni Ewropea għall-koperazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, B. billi l-ammont totali tal-għajnuna li tgħaddi mill-EDF ser tiżdied b’mod konsiderevoli fis-snin li ġejjin, hekk kif l-ammont ta’ għajnuna skont l-Għaxar EDF għall-perjodu mill-2008 sal-2013 ġie stabbilit bħala EUR 22682 miljun, meta mqabbel mat-EUR 13800 miljun taħt id-Disa’ EDF għall-perjodu mill-2000 sal-2007, C. billi, minkejja t-talba ripetuta tal-Parlament li l-EDFs jiġu bbaġitjati, l-EDFs attwalment ma jaqgħux taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju ġenerali, iżda jiġu implimentati skont regoli finanzjarji speċifiċi, Id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni Il-kontijiet huma affidabbli 1. Jinnota li, ħlief għall-problemi relatati ma’ dan li ġej, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) hija tal-fehma li l-kontijiet jirriflettu b’mod affidabbli d-dħul u l-infiq relatat mas-Sitt, is-Seba’, it-Tmien u d-Disa’ EDF: (a) il-Kummissjoni ma wrietx il-validità tal-ipotesijiet użati għall-istima tad-dispożizzjoni dwar irċevuti li għad iridu jaslu; (b) dikjarazzjoni esaġerata tal-ammont ta’ garanziji żvelati fin-noti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji; It-tranżazzjonijiet bażiċi huma legali u regolari ħlief għal eċċezzjoni waħda 2. Jinnota li, ħlief għal żbalji li jaffettwaw it-tranżazzjonijiet bażiċi awtorizzati mid-delegazzjonijiet, l-ECA hi tal-fehma li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati d-dħul, l-allokazzjonijiet, l-impenji u l-pagamenti għas-sena finanzjarja huma, komplessivament, legali u regolari; 3. Jinnota li l-istqarrija tal-ECA li l-verifika tagħha tal-pagamenti awtorizzati mid-delegazzjonijiet urew inċidenza materjali ta’ żbalji; jinnota li l-Kummissjoni ma taqbilx mal-konklużjoni tal-ECA; jinnota li l-Kummissjoni tissuġġerixxi li tiġi applikata metodoloġija differenti biex tiġi kkalkulata r-rata ta’ żball u li tikkunsidra li l-livell tal-iżball m’huwiex materjalment sinifikanti; 4. Josserva li, madankollu, l-ECA u l-Kummissjoni jaqblu li l-biċċa l-kbira tal-iżbalji misjuba huma riżultat ta’ kontrolli mhux adegwati min-naħa tas-superviżuri tal-proġett jew mill-awdituri li ma jagħmlux parti mill-istaff tad-delegazzjonijiet, iżda li għandhom kuntratti mal-Kummissjoni; 5. Jilqa’ b’sodisfazzjoni il-fatt li, fir-rigward ta’ ditti ta’ verifika li jwettqu l-verifiki ta’ operazzjonijiet li jinvolvu għajnuna esterna, l-Uffiċċju ta’ Koperazzjoni tal-EuropeAid (EuropeAid) adotta termini ta’ referenza standard biex titjieb il-kwalità ta’ dawn il-verifiki; jinnota li d-delegazzjonijiet kienu obbligati jużaw dawn it-termini ta’ referenza standard mill- 1 ta’ Ottubru 2007; jistieden lill-ECA biex tevalwa, fir-rapporti annwali li jmiss tagħha, jekk din l-għodda ġdida ttejjibx il-kwalità tal-verifiki; 6. Jinnota li, fl- 1 ta’ Frar 2006, daħlu fis-seħħ kuntratt standard ġdid u termini ta’ referenza ġodda għall-verifiki tan-nefqa mill-benefiċjarji u li dawn ikopru l-proċeduri ta’ tfigħ ta’ offerti; għandu l-intenzjoni li jimmonitorja l-applikazzjoni ta’ dawn il-proċeduri biex jevalwa jekk inaqqsux il-livell ta’ żbalji skoperti mill-ECA fl-2006; L-iżgurar ta’ kontijiet preċiżi minkejja d-dewmien fl-immodernizzar tas-sistema ta’ kontabilità 7. Ifakkar li, għat-tieni sena, il-Kummissjoni kellha tħejji l-kontijiet tal-EDFs permezz tal-prinċipji ta’ kontabilità bbażati fuq l-akkumulazzjoni ta’ imgħax; ifakkar li, fir-rigward tas-sena finanzjarja 2005, l-ECA u l-Parlament kienu esprimew tħassib minħabba li s-sistema attwali ta’ kontabilità ma kinitx forniet informazzjoni sħiħa dwar il-kontabilità u, konsegwentement, xi data kellha tiġi aġġustata manwalment; jiddispjaċih li l-problema ssoktat fis-sena finanzjarja 2006; 8. Jinnota li l-immodernizzar tas-sistema informatika jimplika migrazzjoni tas-sistema informatika speċifika għall-EDF (OLAS) lejn is-sistema informatika ċentrali tal-Kummissjoni (ABAC) u s-sistema lokali tal-EuropeAid (CRIS); josserva li l-immodernizzar kien oriġinarjament skedat għall-2006, iżda kien hemm dewmien u issa ġie ppjanat li jitlesta sa tmiem l-2008; jinnota li d-Direttur Ġenerali ta’ EuropeAid dan l-aħħar informa lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar l-istat attwali tal-affarijiet; 9. Jinnota li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ għall-Baġit, fir-rapport ta’ attività annwali tad-DĠ għall-Baġit għall-2006, irtira riserva li kienet saret fir-rapport ta’ attività annwali preċedenti dwar in-nuqqas ta’ disponibilità tas-sistema informatika ġdida, għalkemm is-sistema informatika ġdida kienet għadha ma ġietx implimentata fl-2006; 10. Jitlob li l-Kummissjoni tispeċifika n-nuqqasijiet tas-sistema attwali u l-miżuri li qed tieħu biex tagħmel tajjeb għalihom fl-eżerċizzji ta’ kwittanza li ġejjin għas-snin finanzjarji 2007 u 2008; 11. Jistenna li s-sistema informatika ġdida tkun operattiva fi żmien utli għall-bidu tas-sena finanzjarja 2009; jitlob li l-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament jekk ikun ser ikun hemm dewmien ulterjuri; Simplifikazzjoni tal-mod kif jiġu mmaniġġjati l-EDFs 12. Ifakkar li, fir-riżoluzzjonijiet preċedenti ta’ kwittanza tiegħu, il-Parlament appoġġja bis-saħħa l-integrazzjoni tal-EDF fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, peress li kieku sseħħ, din l-integrazzjoni tneħħi ħafna mill-kumplikazzjonijiet u d-diffikultajiet biex jiġu implimentati l-EDFs suċċessivi, tgħin biex jitħaffef il-ħruġ ta’ flus u biex jiġi eliminat id-defiċit demokratiku attwali; jiddispjaċih li l-EDF ma ġiex ibbaġitjat skont il-qafas finanzjarju mill-2007 sal-2013, iżda baqa’ strument finanzjarju separat; jikkunsidra li l-baġitijar tal-EDF għandu jkun għan prijoritarju għall-qafas finanzjarju wara l-2013; 13. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li terġa’ tiftaħ id-dibattitu dwar il-baġitjar tal-EDF fl-istess żmien tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Għaxar EDF; jenfasizza li l-baġitjar tiffavorixxi bil-kbir il-kontroll demokratiku u r-responsabilità tal-EDF; jenfasizza li l-integrazzjoni tal-EDF fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija wkoll mod xieraq ta’ kif jiġu indirizzati l-problemi rikorrenti marbuta man-natura kajmana u ineffiċjenti tal-proċess ta’ ratifikar intergovernattiv; 14. Hu tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jagħmlu ħilithom biex jissimplifikaw il-mod kif jiġu mmaniġġjati l-EDFs; jikkunsidra li s-simplifikazzjoni għandha tinkiseb billi l-EDFs preċedenti jingħalqu malajr kemm jista’ jkun u billi r-regoli finanzjarji li japplikaw għall-EDFs suċċessivi jiġu ssimplifikati; ifakkar li s-simplifikazzjoni tal-mod kif jiġu mmaniġġjati l-fondi tal-UE tagħmel parti mill-għanijiet ewlenin stipulati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas ta’ Kontroll Intern Integrat (COM(2006) 9); 15. Jinnota li s-Sitt EDF ingħalaq fl-2006, u li l-Kummissjoni qed tippjana biex tagħlaq is-Seba’ EDF fl-2008; jinnota li, bil-bidu tal-Għaxar EDF fl-2008, il-Kummissjoni ser tkompli timplimenta erba’ EDFs fl-istess ħin; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti prijorità lill-għeluq tas-Seba’, it-Tmien u d-Disa’ EDF; 16. Josserva li hemm regoli finanzjarji speċifiċi għal kull EDF, u li dawn ir-regoli huma differenti mir-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna esterna mill-baġit ġenerali; jinnota li din is-sitwazzjoni tobbliga lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ għajnuna esterna biex jikkunsidra ħames settijiet differenti ta’ regoli finanzjarji; jinnota li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat- 18 ta’ Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond ta’ Żvilupp Ewropew [12] għandu l-għan li jarmonizza r-regoli finanzjarji applikabbli għall-EDF differenti b’mod wiesgħa; 17. Jinnota l-istqarrija tal-ECA, fl-Opinjoni Nru 9/2007 tagħha dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond ta’ Żvilupp Ewropew [13], li l-Kummissjoni ttrasponiet b’suċċess il-verżjoni mfassla mill-ġdid tar-Regolament Finanzjarju ġenerali fil-kuntest tal-EDF; huwa sodisfatt bis-sejbiet tal-ECA li r-Regolament (KE) Nru 215/2008 "jipprovdi leġiżlazzjoni ċara u mingħajr komplikazzjonijiet li tikkonċentra fuq dispożizzjonijiet li huma essenzjali u neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp"; 18. Jitlob lill-pajjiżi tal-ACP biex iħaffu r-ratifika tal-bażijiet legali għall-Għaxar EDF biex jiġi evitat dewmien li jista’ jaffettwa l-kontinwità tal-attivitajiet iffinanzjati mill-EDF; 19. Jappoġġja bis-saħħa s-suġġeriment tal-ECA, kif imtenni f’diversi opinjonijiet, biex jiġi introdott Regolament Finanzjarju wieħed li japplika għall-EDFs kollha preżenti u futuri; jaqbel mal-ECA li miżura ta’ dan it-tip tiżgura kontinwità ta’ approċċ u tissimplifika l-immaniġġjar bil-kbir; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva; It-tisħiħ tas-sorveljanza mill-Parlament fir-rigward ta’ fondi tal-EDF immaniġġjati mill-Bank Ewropew għall-Investiment 20. Ifakkar li, f’riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti, il-Parlament kien enfasizza l-fatt li m’għandux dritt estensiv biżżejjed ta’ sorveljanza fir-rigward tal-parti tal-fondi EDF li hi mmaniġġjata mill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB), minħabba li dawn il-fondi la huma koperti mid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-ECA u lanqas mill-proċedura ta’ kwittanza tal-Parlament; 21. Jinnota li l-EIB jimmaniġġja l-faċilità ta’ investiment, strument li jagħmel tajjeb għar-riskji, iffinanzjat mill-EDF, bil-għan li jrawwem investiment privat fil-kuntest ekonomiku u politiku diffiċli tal-pajjiżi tal-ACP; jinnota li skont id-Disa’ EDF, ġew allokati EUR 2037 miljun lill-faċilità ta’ investiment għall-pajjiżi tal-ACP; jinnota li, bl-għotja kapitali addizzjonali ta’ EUR 1100 miljun mill-Għaxar EDF, l-ammont totali ta’ fondi EDF allokat għall-faċilità ta’ investiment għall-pajjiżi tal-ACP huwa ta’ EUR 3137 miljun; 22. Jinnota li l-ECA, fl-opinjoni tagħha msemmija hawn fuq Nru 9/2007, bħal ma ġara fl-opinjonijiet preċedenti, jiddispjaċiha li l-operazzjonijiet immaniġġjati mill-EIB m’humiex suġġetti għall-proċedura ta’ kwittanza, għalkemm l-EIB juża r-riżorsi tal-EDF, li huma kontribwiti miċ-ċittadini Ewropej li jħallsu t-taxxi, u mhux mis-swieq finanzjarji; 23. Ma jistax jifhem għaliex il-gvernijiet tal-Istati Membri, fil-ftehim intern għall-Għaxar EDF għall-perjodu mill-2008 sal-2013, ma tawx segwitu għat-tħassib tal-ECA u tal-Parlament u komplew jeskludu l-operazzjonijiet immaniġġjati mill-EIB mill-proċedura ta’ kwittanza formali; 24. Jilqa’b’sodisfazzjon il-fatt li l-EIB huwa lest itejjeb il-koperazzjoni mal-Parlament matul il-proċedura ta’ kwittanza fuq bażi informali; jissuġġerixxi li, għall-proċedura ta’ kwittanza li jmiss, ir-rappreżentanti tal-EIB jiġu mistiedna jippreżentaw ir-rapport annwali tal-EIB dwar l-implimentazzjoni tal-faċilità ta’ investiment lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; Skadenzi 25. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, skont ir-Regolament (KE) Nru 215/2008 l-iskadenzi biex ir-rapport annwali tal-ECA jintbagħat lill-awtorità ta’ kwittanza u għad-deċiżjoni ta’ kwittanza tal-Parlament huma allinjati mad-dati korrispondenti fir-Regolament Finanzjarju ġenerali; Is-segwitu għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tal-2005 26. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tweġiba ċara tal-Kummissjoni għall-kwestjonarju tar-rapporteur li l-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Koperazzjoni għall-Iżvilupp, Louis Michel, għandu r-responsabilità politika sħiħa għall-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-EDF; 27. Jistieden lill-ECA biex tivverifika l-mod kif il-Kummissjoni qed timmaniġġja l-fondi tal-EDF, b’enfasi partikolari fuq it-tqassim tar-responsabilitajiet fi ħdan id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni li jagħmlu parti mill-"familja RELEX"; 28. Jinnota li, fir-rapport tagħha dwar l-immaniġġjar finanzjarju, il-Kummissjoni indikat li l-objettiv tagħha għall-2006 kien li l-impenji pendenti globali jinżammu f’ammont stabbli ta’ EUR 10300 miljun, u li dan l-objettiv inkiseb; jinnota li dan ifisser li 25 % tal-fondi totali impenjati baqgħu ma ntefqux; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tnaqqas l-impenji pendenti, speċjalment l-impenji qodma u inattivi; 29. Jifraħ lill-Kummissjoni talli fl-2006 naqqset b’49 % l-livell ta’ reste à liquider (RAL) li jmur lura għall-impenji EDF ta’ qabel l-2001; jitlob li jirċievi aġġornamenti regolari dwar il-bidliet fil-livell tar-RAL normali u anormali; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal, għall-Parlament u għall-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, rendikont kull tliet xhur dwar l-iżburżar ta’ fondi; 30. Jinnota li, skont il-Ftehim ta’ Cotonou, l-appoġġ baġitarju għandu jingħata biss lil pajjiż benefiċjarju fejn l-ispiża pubblika hija trasparenti, kontabbli u effettiva biżżejjed; jinnota li l-ECA għandha xi dubji dwar "l-interpretazzjoni dinamika" tal-Kummissjoni ta’ dawn il-kriterji; jinnota l-konklużjoni tal-ECA li "Hemm tendenza li l-Kummissjoni toqgħod fuq indikaturi li jfittxu li jbassru l-progress futur meta jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet ta’ żburżar"; 31. Jifhem li l-Kummissjoni, f’ambjent diffiċli bħal dak tal-pajjiżi tal-ACP, teħtieġ marġini biex timmanuvra fid-deċiżjonijiet tagħha; jilqa’ r-reazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjoni tal-ECA biex il-parametri għall-"interpretazzjoni dinamika" tagħha jkunu aktar espliċiti; 32. Jinnota li fl-2006, 68 % tal-għajnuna baġitarja tal-EDF ingħatat bħala għajnuna baġitarja settorjali, li hi aktar iffukata mill-appoġġ baġitarju ġenerali u għalhekk twassal għal inqas riskji; jiddubita mill-"interpretazzjoni dinamika" tal-Kummissjoni tal-kriterji ta’ eliġibilità għall-appoġġ baġitarju, li skont il-Qorti tal-Awdituri jżid ir-riskju; jemmen li l-appoġġ baġitarju għandu jingħata biss lil pajjiżi li diġà jkunu laħqu standard minimu ta’ kredibilità fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi; 33. Ifakkar li, jekk tingħata għajnuna esterna permezz ta’ appoġġ baġitarju, il-fondi jsiru parti mill-baġit nazzjonali tal-pajjiżi benefiċjarji, li jfisser li l-poteri ta’ kontroll tal-Kummissjoni u tal-ECA huma limitati; itenni li, f’dawn il-każijiet, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni tikkopera mal-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi benefiċjarji li jwettqu ħidmiet ta’ kontroll; 34. Ifakkar li l-Parlament u l-ECA ripetutament talbu li l-Kummissjoni għandha ttejjeb il-koperazzjoni tagħha mal-istituzzjonijiet supremi ta’ verifika nazzjonali fil-pajjiżi li jirċievu l-appoġġ baġitarju; jinnota l-istqarrija tal-ECA, fir-rapport annwali tagħha, li r-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-istitutuzzjonijiet supremi ta’ verifika fil-pajjiżi benefiċjarji tjiebu dan l-aħħar; jitlob li l-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżviluppa approċċ strutturat fir-relazzjonijiet tagħha mal-istituzzjonijiet ta’ verifika nazzjonali; 35. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata strateġija strutturata għall-appoġġ tal-istituzzjonijiet supremi ta’ verifika fil-pajjiżi li jirċievu appoġġ baġitarju; jinnota, madankollu, li r-responsabilità demokratika fil-livell tal-pajjiżi sħab ma tistax tinkiseb mingħajr ma jissaħħu wkoll l-entitajiet parlamentari għall-kontroll tal-baġit, kif irrakkomandat mill-ECA fir-Rapport Speċjali Nru 2/2005 tagħha [14]; 36. Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumentazzjoni relatata mal-azzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju, b’mod partikulari billi jiġu stabbiliti ftehimiet mal-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji li jkunu analogi għall-Ftehima ta’ Qafas Finanzjarja u Amministrattiva bejn il-Komunità Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti (FAFA) li tistabbilixxi l-qafas għall-immaniġġjar tal-kontributi finanzjarji li jsiru mill-Kummissjoni lin-NU; 37. Jinnota b’interess li l-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-EuropeAid, b’koperazzjoni mal-EIB, bdiet sensiela ta’ konferenzi fil-pajjiżi benefiċjarji biex titjieb il-koperazzjoni fil-prattika mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati bl-użu korrett ta’ fondi pubbliċi, pereżempju l-ispetturi u l-prosekuturi; jinnota li l-ewwel konferenza saret f’Rabat f’Mejju 2007, segwita mit-tieni konferenza fi Brazzaville f’Novembru 2007, u li t-tielet ssir f’Cape Town f’April 2008; 38. Jinnota li, wara l-ewwel konferenzi, il-koperazzjoni ma’ xi awtoritajiet nazzjonali diġà ġiet intensifikata fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ koperazzjoni speċifika bejnhom u l-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni ulterjuri dwar dawn l-attivitajiet lill-Parlament; 39. Jifraħ lill-Kummissjoni għall-inizjattiva tagħha biex jitjieb ir-rappurtaġġ dwar l-effetti tal-interventi tal-politiki ta’ żvilupp biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millenju; jemmen li din se tagħti kontribut reali għat-titjib tar-responsabilità f’dan il-qasam; jistenna bil-ħerqa li jirċievi d-dettalji tal-evalwazzjoni tal-fażi pilota li ddaħħlet fl-2007; 40. Jiġbed l-attenzjoni għall-punt ta’ referenza (benchmark), li l-Kummissjoni qablet miegħu, li 20 % tal-iffinanzjar ġeografiku skont l-Istrument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp għandhom ikunu allokati għall-edukazzjoni bażika u sekondarja u għas-saħħa bażika; jistenna bil-ħerqa li jirċievi d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-punt ta’ referenza fl-2007; jinsisti li r-rapportaġġ ibbażat fuq l-istess punt ta’ referenza għandu jingħata lill-EDF; 41. Jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni tat segwitu għat-talba tal-Parlament biex tipprovdi aktar informazzjoni fir-rapport tagħha dwar l-immaniġġjar finanzjarju dwar il-limitu tar-riżorsi u l-impatt tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-EDF; jinnota li l-Kummissjoni tindika li, fil-kuntest ta’ dawn il-limiti, għażlet, bħala l-prijoritajiet ewlenin tagħha, l-immaniġġjar finanzjarju sod u l-kwalità; madankollu, jinsab imħasseb li l-Kummissjoni qed tkompli tirrapporta rati għoljin ta’ postijiet battala f’xi delegazzjonijiet u livelli baxxi ta’ staff meta mqabblin mal-ammonti mmanniġġjati; 42. Jinnota li, skont ir-Regolament (KE) Nru 215/2008 il-Kunsill, wara proposta mill-Kummissjoni, ser iwettaq reviżjoni tar-rendiment ġenerali tal-Għaxar EDF fl-2010; jinnota li, f’din ir-reviżjoni, ir-rendiment finanzjarju u dak kwalitattiv, b’mod partikolari r-riżultati u l-impatt, il-miżuri fir-rigward ta’ progress lejn il-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millenju ser jiġu evalwati; jitlob li l-awtorità ta’ kwittanza tkun infurmata bir-riżultati tar-reviżjoni tar-rendiment; 43. Jinnota li l-ECA, fir-rapport annwali tagħha, tenniet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha li EuropeAid għandha tiżviluppa strateġija globali koerenti għall-attivitajiet ta’ kontroll tagħha; jinnota li, wara l-adozzjoni f’Jannar 2006 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas ta’ Kontroll Intern Integrat imsemmi hawn fuq, li jkopri l-oqsma politiċi kollha, EuropeAid ħadmet fuq strateġija li jista’ jkun li hi koerenti mal-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni, iżda li għandha tqis ukoll il-metodi speċifiċi biex tiġi mmaniġġjata l-implimentazzjoni tal-għajnuna esterna; 44. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-ECA, fir-rapport annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2006 bħal m’għamlet fir-rapporti annwali preċedenti tagħha, għamlet rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kif il-Kummissjoni tista’ ttejjeb l-istrateġija ta’ kontroll tagħha; jinnota li l-ECA tenfasizza r-reazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tagħha; jistieden lill-ECA u lill-Kummissjoni biex ikomplu bil-koperazzjoni mill-qrib tagħhom f’dan ir-rigward; 45. Jinnota l-kritiki tal-proġetti ta’ Assistenza Teknika tal-Kummissjoni li saru mill-ECA fir-Rapport Speċjali Nru 6/2007 [15] tagħha; jinnota wkoll li l-Kummissjoni se tindirizza dawn il-mistoqsijiet fid-dokument tagħha "Strateġija biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar l-effettività tal-għajnuna għall-Koperazzjoni Teknika u l-Unitajiet għall-Implimentazzjoni tal-Proġetti" li għandu jkun lest sa Ġunju 2008; jistenna bil-ħerqa li, meta jasal il-waqt, jirċievi l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija; 46. Jilqa’ l-miżuri li ttieħdu mill-Kummissjoni biex jippromwovu l-koordinament tad-donaturi fil-qasam tal-Assistenza Teknika; jenfasizza l-importanza ta’ approċċ koordinat, mhux biss fil-livell tal-UE imma anke fost id-donaturi kollha, u jistenna bil-ħerqa li jirċievi d-dettalji dwar il-progress ta’ din l-inizjattiva. [1] ĠU C 260, 31.10.2007, p. 1. [2] ĠU C 259, 31.10.2007, p. 1. [3] ĠU C 260, 31.10.2007, p. 258. [4] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. [5] ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4. [6] ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1 u ĠU L 324, 7.12.2001, p. 1. [7] ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33. [8] ĠU L 156, 29.5.1998, p. 108. [9] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355. [10] ĠU L 191, 7.7.1998, p. 53. [11] ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1. [12] ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1. [13] ĠU C 23, 28.1.2008, p. 3. [14] ĠU C 249, 7.10.2005, p. 1. [15] ĠU C 312, 21.12.2007, p. 3. --------------------------------------------------