European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2304

19.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2304

tad-9 ta’ Ottubru 2026

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 103 u 352, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) (v), u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2376 (2) il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fil-25 ta’ Frar 2026, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)

L-għan tal-Ftehim huwa li jippromwovi u joħloq qafas għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni eżistenti fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”), min-naħa l-oħra, bil-ħsieb li jissaħħaħ l-infurzar aktar effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit jiġu infurzati b’mod aktar effettiv. Filwaqt li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit jikkooperaw abbażi tal-Artikolu 361(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (3), tat-30 ta’ Diċembru 2020 (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), l-Artikolu 361(4) jiddikjara li l-partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim separat dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Bħala tali, il-Ftehim huwa ftehim supplimentari skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(3)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 (4) li r-Renju Unit jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali ttrasferita fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) mill-Unjoni għar-Renju Unit.

(4)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

(5)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta opinjoni fil-15 ta’ Lulju 2025,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni (7) rispettivi tagħhom huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (8).

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  L-Opinjoni tas-16 ta’ Settembru 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2376 tal-4 ta’ Novembru 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom (ĠU L, 2025/2376, 24.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2376/oj).

(3)  Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 tat-28 ta’ Ġunju 2021 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mir-Renju Unit (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1772/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(7)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2026/2305, 19.10.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/2305/oj.

(8)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2304/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)