|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/760 |
11.2.2025 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Kontribut għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2025
(C/2025/760)
Relaturi: Christa SCHWENG
Cinzia DEL RIO
Ioannis VARDAKASTANIS
|
Konsulenti |
Jukka AHTELA (għar-relatur tal-Grupp I) Stefan GRAN (għar-relatur tal-Grupp II) Piotr SADOWSKI (għar-relatur tal-Grupp III) |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(4) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
4.12.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
592 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
163/2/9 |
1. Introduzzjoni
|
1.1. |
Il-KESE, bħala l-vuċi istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata fi ħdan l-UE, jesprimi fehmtu dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea 2025. Il-linji gwida politiċi mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen għall-2024-2029 jiddeskrivu pjan direzzjonali għal Ewropa reżiljenti, sostenibbli u inklużiva. Il-kontribut għal dan il-Programm ta’ Ħidma huwa organizzat fuq l-istess seba’ punti ewlenin, li jsaħħu r-rwol tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki tal-UE. Dan il-kontribut jislet minn xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Riżoluzzjoni tal-KESE Charting the EU’s democratic progress: a resolution for the next legislative mandate (Infasslu l-progress demokratiku tal-UE: riżoluzzjoni għall-mandat leġiżlattiv li jmiss – mhux disponibbli bil-Malti), adottata f’Settembru 2024. |
|
1.2. |
Bħala punt tat-tluq, huwa imperattiv li l-UE tieħu passi b’mod urġenti biex timplimenta aħjar l-Aġenda 2030 tan-NU, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha u l-Patt għall-Futur. Dan jista’ jinkiseb bi strateġija globali tal-UE ddedikata għall-promozzjoni tal-paċi, kif ukoll għall-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali. |
|
1.3. |
Minkejja l-fatt li l-UE tinsab f’punt ta’ bidla, bil-gwerer fuq l-għatba tagħna, it-trasformazzjonijiet klimatiċi u diġitali diffiċli u l-kompetizzjoni ħarxa fis-swieq globali, il-valuri fundamentali tad-demokrazija, is-solidarjetà, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, is-sostenibbiltà u l-istat tad-dritt iridu jkunu fuq quddiem nett ta’ kwalunkwe diskussjoni dwar il-futur tal-UE. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol ċentrali biex iżommu u jsaħħu dawn il-valuri u jikkontribwixxu għat-tfassil, l-infurzar u l-monitoraġġ tal-politiki u l-għodod kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. |
|
1.4. |
Il-KESE jaqdi rwol ċentrali fit-trawwim ta’ spazju ċiviku robust u fl-iffaċilitar ta’ djalogu ċiviku sinifikanti. Bl-għarfien espert estensiv u l-esperjenza twila tiegħu, il-KESE jservi bħala pont vitali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili differenti, u fl-istess ħin jiżgura li l-vuċijiet tagħhom jingħataw widen fil-proċessi tat-tfassil tal-politika. Il-pożizzjoni unika tiegħu tippermetti lill-KESE jippromovi d-demokrazija parteċipattiva u jippromovi l-inklużjoni ta’ diversi partijiet interessati fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE. Billi jipprovdi pjattaforma għall-bini ta’ kunsens u d-djalogu, il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ politiki inklużivi li jirriflettu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-impjegaturi, il-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u b’hekk jissaħħu l-leġittimità u l-effettività tal-governanza tal-UE. Il-KESE jenfasizza l-importanza li fid-djalogu tal-UE jiġu involuti n-nies kollha, speċjalment dawk minn gruppi li rarament jinstemgħu, u b’hekk jiġu approfonditi l-involviment ċiviku u t-trasparenza fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE. |
|
1.5. |
L-2025 ser tkun kruċjali biex jiġi stabbilit it-ton leġiżlattiv tal-mandat li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE jappella għal miżuri robusti biex jiġi żgurat li l-politiki stabbiliti jkunu soċjalment inklużivi u ambjentalment sostenibbli, u jwasslu għal UE ekonomikament prospera. |
2. Pjan ġdid għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa
|
2.1. |
Quddiem sfidi ġeopolitiċi ġodda u sfidi dejjem aktar kumplessi, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaġixxu b’mod deċiżiv biex jiżguraw il-kompetittività sostenibbli fit-tul, il-prosperità għal kulħadd u t-tmexxija fit-tul tal-UE fix-xena globali. Għalhekk, huwa imperattiv li jittejbu l-politiki kollha li jwasslu għat-tisħiħ tal-produttività u l-kompetittività tal-UE, l-investimenti ekonomiċi vitali jiġu allinjati ma’ objettivi soċjali u ambjentali komuni u fl-istess ħin tiġi promossa l-ekonomija soċjali tas-suq kif ukoll jitrawwem il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri. |
|
2.2. |
Tipi ġodda ta’ investiment u riformi u l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni ser ikunu essenzjali biex tissaħħaħ il-kompetittività u tiġi promossa konverġenza ’l fuq madwar l-Ewropa. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-għanijiet tal-inklużjoni soċjali u tal-protezzjoni ambjentali jitqiesu u jiġu allinjati mal-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. |
|
2.3. |
L-UE teħtieġ b’mod urġenti Patt Ekoloġiku u Soċjali b’saħħtu bbażat fuq ekonomija tal-benesseri u kunċett ġdid ta’ prosperità għan-nies u għall-pjaneta, li jiżgura tranżizzjoni ġusta u approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem. Sabiex jiġi evitat li din l-inizjattiva tpoġġi piż kbir fuq il-kumpaniji, għandha tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata u effettiva billi jiġu stabbiliti pjani ta’ azzjoni realistiċi fil-livell nazzjonali, u billi jiġu appoġġjati l-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, bl-għan li tinżamm il-kompetittività u tiġi żgurata okkupazzjoni sħiħa u ta’ kwalità tajba. Sabiex nilħqu l-miri ambjentali tal-UE neħtieġu investimenti, riċerka u innovazzjoni, teknoloġija, ħiliet adegwati, politika industrijali Ewropea li kapaċi timmobilizza fondi pubbliċi u privati, u bbażata fuq il-protezzjoni ta’ standards soċjali u impjiegi ta’ kwalità tajba. |
|
2.4. |
Sabiex dan jinkiseb, jeħtieġ li l-Ewropa ssir aktar kompetittiva, kif muri fir-rapport Draghi, u trid tappoġġja l-mudell soċjali Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni fil-livelli kollha. Skont dan ir-rapport, hemm tliet oqsma biex jerġa’ jaqbad it-tkabbir: jixxejjen id-distakk fl-innovazzjoni mal-Istati Uniti u ċ-Ċina, speċjalment f’teknoloġiji avvanzati, pjan konġunt għad-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u ż-żieda fis-sigurtà u t-tnaqqis tad-dipendenzi. Dawn it-tliet oqsma jeħtieġu investiment enormi biex jittrasformaw l-ekonomija, u għalhekk hemm bżonn ta’ kapaċità ta’ investiment finanzjarju tal-UE. |
|
2.5. |
Ir-regoli eżistenti tas-suq uniku jridu jissaħħu sabiex tinħoloq dinamika ġdida u aktar ġusta għall-mobbiltà transfruntiera tal-persuni, tal-oġġetti, tas-servizzi, tal-kapital u tad-data kif iddikjarat fir-rapport ta’ Letta. |
|
2.6. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità, iżda jenfasizza li dan jeħtieġ li jsir b’mod trasparenti u inklużiv, mingħajr ma ssir ħsara lill-objettivi leġiżlattivi sottostanti, u billi jinżammu l-istandards għoljin attwali, mhux l-inqas f’termini ta’ benesseri tas-soċjetà u protezzjoni ambjentali. Bħala bażi, irid ikun hemm kriterji ċari u evalwazzjoni effettiva tal-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni ċara u trasparenti dwar l-inizjattivi ppjanati dwar Regolamentazzjoni Aħjar u tiżgura d-djalogu soċjali u l-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili fil-proċess. |
|
2.7. |
Għall-SMEs, il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” għandu jsir realtà, billi jiġi pprodvdut qafas leġiżlattiv stabbli, jiġu ssemplifikati u jitnaqqsu l-proċessi amministrattivi, jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku, u l-SMEs jingħataw aċċess għall-enerġija rinnovabbli bi prezzijiet affordabbli. |
|
2.8. |
L-investiment fl-innovazzjoni u l-manifattura, imwettaq abbażi ta’ awtonomija strateġika miftuħa, u li tibbaża fuq l-industrija b’emissjonijiet żero netti, l-ekonomija ċirkolari, il-materja prima kritika, l-Att dwar iċ-Ċipep u t-teknoloġiji tad-difiża u strateġiċi, huwa urġenti u jenħtieġ li jkun allinjat ma’ objettivi soċjali u ambjentali komuni. |
|
2.9. |
Strateġija Industrijali Ewropea robusta għandha tikkomplementa l-mira tal-2040 għat-tnaqqis ta’ 90 % tas-CO2 u toħloq impjiegi ta’ kwalità għolja fl-Ewropa. Għalhekk, pjan ta’ azzjoni komprensiv, bħall-Patt għal Industrija Nadifa li jmiss, taħt il-kappa tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, huwa meħtieġ b’mod urġenti bħala prijorità strateġika biex tiżdied u tiġi żgurata l-kompetittività sostenibbli tal-UE. Miżuri ta’ akkumpanjament immirati tat-tranżizzjoni ekoloġika li għandhom l-għan li jappoġġjaw is-setturi u r-reġjuni, l-intrapriżi u l-ħaddiema l-aktar affettwati jenħtieġ li jiġu identifikati u promossi b’mod adegwat sabiex jiġu ffaċilitati l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla fi proċess ġust u ekwu. |
|
2.10. |
Il-KESE jappella għal bidla teknoloġika li tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd u li tiżgura li d-diġitalizzazzjoni tnaqqas, aktar milli taggrava, l-inugwaljanzi, pereżempju billi tinvesti f’infrastrutturi diġitali pubbliċi robusti essenzjali għas-servizzi pubbliċi. F’dan il-kuntest, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-livell ta’ titjib tad-diġitalizzazzjoni fl-amministrazzjoni pubblika kollha bl-użu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li ser jiskadu fl-2026. |
|
2.11. |
Id-diġitalizzazzjoni, inkluża l-IA, qed tittrasforma radikalment id-dinja tax-xogħol, u qed tiftaħ potenzjal enormi għal żieda fil-produttività fil-fergħat kollha tal-ekonomija. Fil-bidu tal-2025, il-KESE ser jippubblika Opinjoni speċifika flimkien ma’ Opinjoni mitluba mill-Presidenza Pollakka dwar l-impatt tal-IA fuq is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. L-impatt tal-ġestjoni algoritmika fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-organizzazzjoni tax-xogħol jenħtieġ li jiġi vvalutat aktar, waqt li jiġi żgurat il-prinċipju ta’ bniedem fil-kontroll. |
|
2.12. |
Rivoluzzjoni tal-ħiliet u azzjoni fil-livell Ewropew huma meħtieġa peress li l-UE hija ferm taħt il-mira ta’ 60 % tal-adulti li qed jitħarrġu stabbilita mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE jappella għal data aġġornata affidabbli għall-monitoraġġ ta’ din ir-rata ta’ parteċipazzjoni. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-Pjan Strateġiku propost għall-Edukazzjoni STEM bi pjan direzzjonali effettiv. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti f’dawn il-proċessi. |
|
2.13. |
Il-KESE jinnota b’interess l-inizjattiva proposta dwar it-telexogħol u d-dritt għall-iskonnessjoni u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi din l-inizjattiva fil-Programm ta’ Ħidma tal-2025. |
|
2.14. |
Il-fabbriki tal-IA għandhom jipprijoritizzaw il-kollaborazzjoni mal-SMEs u ċ-ċentri ta’ innovazzjoni lokali, waqt li jiżguraw li l-benefiċċji tal-IA jkunu aċċessibbli b’mod wiesa’. Il-KESE jirrakkomanda li l-fabbriki tal-IA joperaw skont standards etiċi stretti biex jiġu żgurati t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-KESE jappella sabiex ikun involut mill-bidu nett. |
|
2.15. |
Bażi industrijali aktar b’saħħitha, trasformattiva u kompetittiva teħtieġ investiment massiv li għandu jiġi ffinanzjat, regolat u implimentat b’mod li jippreserva l-integrità tas-suq uniku u jxejjen id-distakki fit-tkabbir, il-produttività u l-innovazzjoni bejn l-UE u l-imsieħba internazzjonali u l-kompetituri ewlenin. Huma meħtieġa ammonti sostanzjali ta’ finanzjament pubbliku biex jiskattaw investimenti privati f’oqsma li fihom għad ma hemmx argument għall-vijabbiltà għal soluzzjonijiet newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju u f’setturi strateġiċi fejn il-produzzjoni kieku sseħħ f’reġjuni dinjija li jikkompetu ġeoekonomikament fejn id-dipendenzi jistgħu jiġu abbużati. |
|
2.16. |
Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Fond Ewropew għall-Kompetittività ġdid għal baġit ġdid u msaħħaħ fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Dan għandu jinkludi investimenti pubbliċi u azzjonijiet aktar b’saħħithom biex jiġu sfruttati l-investimenti f’teknoloġiji strateġiċi u investimenti privati f’għanijiet komuni, anke permezz tal-BEI. |
|
2.17. |
Dan huwa objettiv ewlieni sabiex nimxu lejn proġetti komuni ffinanzjati mill-Ewropa f’setturi strateġiċi b’valur miżjud ċar tal-UE. Il-proġetti importanti ta’ interess komuni appoġġjati mill-Fond Ewropew għall-Kompetittività għandhom jappoġġjaw sħubijiet ewlenin. |
|
2.18. |
Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-akkomodazzjoni. Jeħtieġ li ssir diskussjoni usa’ fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u l-politika tal-kompetizzjoni u industrijali, skont l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi li jiffukaw fuq l-objettivi strateġiċi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. |
|
2.19. |
Sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa minn sorsi tal-enerġija barranin, u tiġi promossa l-awtonomija strateġika tal-Ewropa, il-qafas regolatorju tal-UE għandu joħloq il-kundizzjonijiet għal provvista tal-enerġija favur l-ambjent, affordabbli, aċċessibbli u affidabbli kif iddikjarat fl-Unjoni tal-Enerġija. Il-KESE jenfasizza li l-provvista tal-enerġija hija kklassifikata bħala servizz ta’ interess ġenerali. |
|
2.20. |
L-UE għandha tieħu azzjoni urġenti biex twassal għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa sħiħa u biex tinvesti ħafna fi proġetti kollaborattivi ta’ riċerka medika, kif sar b’reazzjoni għall-COVID-19. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tintroduċi Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mard Rari u tirrikonoxxi li ċ-ċittadini għandhom dritt għal kura tas-saħħa ta’ kwalità tajba, affordabbli u aċċessibbli, li għandu jiġi stabbilit f’Garanzija Ewropea għas-Saħħa. Dan l-impenn huwa essenzjali għas-salvagwardja tas-saħħa pubblika bħala pilastru tal-kwalità tal-ħajja u r-reżiljenza fl-UE. |
|
2.21. |
Il-KESE jappella li tiġi adottata Garanzija Ewropea għall-Kura, biex jiġi żgurat aċċess għal kura affordabbli u ta’ kwalità għolja, u fl-istess ħin jiġu appoġġjati wkoll l-indokraturi. Huwa imperattiv li jiġu attirati ħaddiema ġodda lejn is-settur tal-kura tas-saħħa b’kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u jsir investiment f’forza tax-xogħol imħarrġa, tas-sengħa, ibbilanċjata bejn il-ġeneri u motivata, li jkollha stima soċjali għolja u remunerata b’mod adegwat. |
|
2.22. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas taċ-ċibersigurtà għas-settur tal-kura tas-saħħa, u jenfasizza d-dipendenza dejjem akbar mit-teknoloġiji diġitali fil-kura medika. Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar iċ-Ċibersigurtà għandu jiffoka fuq tliet oqsma ewlenin: infrastruttura mtejba taċ-ċibersigurtà fl-isptarijiet u l-fornituri tal-kura tas-saħħa; appoġġ għal fornituri tal-kura tas-saħħa iżgħar; u sħubijiet pubbliċi-privati għar-reżiljenza ċibernetika. |
|
2.23. |
Barra minn hekk, enfasi fuq l-IA fil-kura tas-saħħa għandha ttejjeb iċ-ċibersigurtà, tissemplifika d-dijanjostika, tallinja mal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar iċ-Ċibersigurtà għal tranżizzjoni diġitali aktar sikura u inklużiva, waqt li żżomm il-kura ċċentrata fuq il-bniedem. |
3. Era ġdida għad-Difiża u s-Sigurtà Ewropej
|
3.1. |
Ewropa sikura hija waħda li tirrispetta wkoll il-ġustizzja soċjali u ekonomika. Il-KESE jrawwem il-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà u d-difiża, il-ġustizzja globali u l-progress globali permezz ta’ impenn attiv favur il-paċi; appoġġ għas-sistema multilaterali; l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta; l-indirizzar tal-faqar; it-trawwim tad-djalogu soċjali u ċivili; il-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u sistema umanitarja ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni. |
|
3.2. |
L-UE għandha ssaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini tagħha u tipprovdilhom is-sigurtà f’diversi oqsma, billi tipproteġihom minn: għedewwa esterni; riskji għas-saħħa u pandemiji futuri; theddid ibridu kif ukoll l-użu ħażin jew l-abbuż tat-teknoloġiji diġitali avvanzati; ir-riskju ta’ faqar, esklużjoni u diskriminazzjoni, waqt li jiġu żgurati opportunitajiet ekonomiċi u tax-xogħol għal kulħadd; ir-riskju ta’ emerġenzi fil-klima u l-bijodiversità; u finalment, minn theddid għad-demokrazija parteċipattiva, bil-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja ċivika, politika u demokratika. |
|
3.3. |
L-enfasi fuq l-industrija tad-difiża u fuq il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) m’għandhiex tkun għad-detriment tan-nefqa pubblika f’setturi industrijali oħra, u servizzi essenzjali bħas-sistemi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-ġustizzja, b’impatt fuq is-sostenibbiltà, il-kwalità u l-inklużività tagħhom. Il-finanzjament tal-industriji orjentati lejn il-gwerra bla dubju ser ikun suġġett ta’ dibattitu pubbliku mqanqal. L-investiment fis-sigurtà u d-difiża jkunu ineffettivi jekk is-soċjetà tkun maqsuma. L-objettiv ewlieni tal-politika Ewropea tad-difiża għandu jkun il-koordinazzjoni tal-infiq u l-infrastruttura, l-immappjar tal-ħtiġijiet teknoloġiċi u l-indirizzar tal-frammentazzjoni bejn l-Istati Membri. |
|
3.4. |
Politika ta’ difiża komuni tal-UE teħtieġ ukoll politika barranija komuni ġenwina u kompluta li tmur lil hinn mill-kooperazzjoni msaħħa attwali (jiġifieri l-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni). Għal dan l-għan, l-UE għandha tingħata mezzi materjali u mhux materjali adegwati, inklużi r-riżorsi proprji tagħha. |
|
3.5. |
Il-KESE jippromovi t-tisħiħ tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-UE u l-bini ta’ Unjoni Ewropea tad-Difiża, inkluż it-tisħiħ tat-teknoloġiji strateġiċi u kritiċi komuni tal-UE u l-kapaċitajiet ta’ difiża, u kooperazzjoni msaħħa mal-imsieħba tal-istess fehma. |
|
3.6. |
Il-KESE jħeġġeġ li jiġi żgurat, skont il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li l-UE ssib il-bilanċ it-tajjeb bejn il-ġestjoni tal-migrazzjoni effettiva u realistika li tkun umana u sostenibbli, il-promozzjoni ta’ perkorsi legali għall-adeżjoni mal-UE, waqt li tiżgura s-sigurtà u l-kontroll tal-fruntieri esterni tagħha, approċċ għall-ażil ibbażat fuq id-drittijiet, u l-inklużjoni tal-migranti u r-refuġjati fis-suq tax-xogħol. L-UE għandha tenfasizza l-opportunitajiet b’rabta mal-migrazzjoni, il-ħtieġa għal politiki effettivi ta’ integrazzjoni u l-ħtieġa li ssir ħidma lejn perkorsi legali u li dawn jiġu promossi. Għalhekk, il-KESE jappoġġja s-sħubijiet tal-Kummissjoni Ewropea ma’ pajjiżi siguri. Ir-rispett assolut għad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri jeħtieġ li jiġu ggarantiti f’kull ħin. Il-migrazzjoni ma tridx titqies biss mil-lat tas-sigurtà. |
|
3.7. |
Il-KESE jenfasizza r-rwol kritiku tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, u ċ-ċittadini attivi fil-volontarjat fit-trawwim tal-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza fil-qafas tas-sigurtà tal-UE. Dawn l-atturi jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-koeżjoni soċjali billi jnaqqsu l-polarizzazzjoni, jippromovu l-ugwaljanza, u jsaħħu l-valuri demokratiċi. Il-ħidma tagħhom tibni r-reżiljenza tas-soċjetà kontra sfidi bħat-tibdil fil-klima, l-instabbiltà ekonomika u d-distakki soċjali. L-UE trid tappoġġja u tinvolvi b’mod attiv lil dawn l-organizzazzjonijiet bħala msieħba essenzjali fiż-żamma ta’ Ewropa sigura, ġusta u inklużiva. |
4. L-appoġġ għan-nies, it-tisħiħ tas-soċjetajiet tagħna u l-mudell soċjali tagħna
|
4.1. |
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie rikonoxxut bis-sħiħ bħala wieħed mill-pedamenti tal-UE, peress li stati soċjali li jiffunzjonaw tajjeb u investimenti soċjali inklużivi huma vitali biex tinħoloq soċjetà soċjalment u ekonomikament reżiljenti. |
|
4.2. |
Il-KESE jirrimarka li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jkompli jkun “il-boxxla” biex jidderieġi l-ħidma bil-għan li jittejbu l-koeżjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-KESE jilqa’ l-proposta li jfassal il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri tal-2030 dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-faqar. Huwa meħtieġ approċċ plurali sabiex
L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fiċ-ċiklu kollu tas-Semestru. |
|
4.3. |
Id-djalogu soċjali fil-livelli kollha jista’ jaqdi rwol ewlieni fit-tisħiħ tat-tkabbir, il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej fis-swieq globali. Huwa essenzjali li jiġi promoss u jissaħħaħ in-negozjar kollettiv, flimkien mad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni u parteċipazzjoni aktar b’saħħitha f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali. Strumenti bħal dawn huma meħtieġa biex jiġi ġestit l-impatt fuq il-post tax-xogħol ta’ teknoloġiji ġodda, id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema. Kemm ir-rapporti ta’ Letta kif ukoll ta’ Draghi jenfasizzaw li d-djalogu soċjali jeħtieġ li jissaħħaħ bħala komponent ewlieni biex jiġu żgurati l-kompetittività sostenibbli tal-UE u suq intern li jiffunzjona tajjeb. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva li jinħoloq Patt ġdid għad-Djalogu Soċjali Ewropew fil-bidu tal-2025 u jkompli jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi r-riżultati tad-djalogu soċjali Ewropew, tħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva ta’ ftehimiet awtonomi u tappoġġja t-tisħiħ tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, u jenfasizza li l-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali tas-Semestru Ewropew ikun għodda siewja f’dan ir-rigward. |
|
4.4. |
Li l-ħaddiema jiġu kkonsultati biex tiġi appoġġjata d-dimensjoni trasformattiva tal-istrateġija tal-UE għas-sigurtà u s-sostenibbiltà, waqt li jiġi antiċipat ukoll l-impatt ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji bħall-intelliġenza artifiċjali, hija tal-akbar importanza. |
|
4.5. |
Il-KESE jappoġġja l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għall-impjiegi ta’ kwalità, li jiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-inizjattivi eżistenti kollha fil-qasam soċjali, u jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, taħriġ u tranżizzjonijiet ġusti tal-impjiegi għall-ħaddiema (b’mod partikolari billi tiżdied il-kopertura tan-negozjar kollettiv) u għall-persuni li jaħdmu għal rashom. Dan jeħtieġ inizjattivi u investimenti speċifiċi. Huwa importanti li jitrawwem suq tax-xogħol soċjalment inklużiv u ġust, b’azzjonijiet immirati li jindirizzaw lin-nisa, liż-żgħażagħ u lill-persuni b’diżabilità. |
|
4.6. |
Il-KESE jappella għal azzjoni dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u jenfasizza li l-ewwel strateġija komprensiva tal-UE kontra l-faqar, li tindirizza kemm il-ħtiġijiet immedjati kif ukoll il-kawżi profondi, trid tinkludi sforzi kkoordinati fl-Istati Membri kollha biex jitnaqqas il-faqar. Din l-istrateġija għandha tkun allinjata mill-qrib mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tinvolvi sforzi kkoordinati fl-Istati Membri, waqt li tinkorpora l-aħjar prattiki biex jiġi żgurat tnaqqis sostenibbli u li jista’ jitkejjel tal-faqar. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ approċċ olistiku li jsaħħaħ ix-xbieki ta’ sikurezza soċjali u jrawwem it-tkabbir ekonomiku inklużiv, u li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Il-KESE jappella sabiex tiġi żviluppata ekonomija soċjali b’saħħitha billi tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ekonomija Soċjali biex jissaħħu l-prattiki kummerċjali soċjalment responsabbli u l-benefiċċju pubbliku. |
|
4.7. |
Il-KESE jappoġġja l-ħatra ta’ Kummissarju Ewropew għall-Akkomodazzjoni, kif ukoll il-pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli. Dan tal-aħħar huwa inizjattiva ewlenija biex tiġi pprovduta akkomodazzjoni affordabbli, aċċessibbli, deċenti u sostenibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Għandu jiġi mobilizzat finanzjament robust taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, b’enfasi speċjali fuq gruppi vulnerabbli bħall-anzjani, il-persuni b’diżabilità, u l-familji b’introjtu baxx. Il-KESE jirrakkomanda pjattaforma ta’ investiment tal-UE biex jiġu ffaċilitati s-sħubijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, bil-għan li tintemm l-esklużjoni tal-akkomodazzjoni u jiġi żgurat li l-politiki dwar l-akkomodazzjoni jkunu inklużivi u ekwi. |
|
4.8. |
L-involviment taż-żgħażagħ huwa kritiku għall-futur tal-Ewropa. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissarji kollha se jorganizzaw l-ewwel djalogi annwali tagħhom maż-żgħażagħ dwar l-inizjattivi politiki fl-ewwel 100 jum tal-mandat. Iridu jiġu pprovduti spazji għall-parteċipazzjoni strutturata taż-żgħażagħ u għandha ssir enfasi fuq kif l-innovazzjoni, l-involviment u d-dedikazzjoni tagħhom jistgħu jsawru l-futur tal-UE waqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-djalogu soċjali u l-prerogattivi tal-imsieħba soċjali. Il-Kumitat jistieden lill-KE tieħu passi konkreti biex ittejjeb il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-inizjattiva ALMA, kif ukoll tivvaluta l-Garanzija Ewropea għat-Tfal. |
|
4.9. |
Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu passi urġenti biex tiġi stabbilita “Unjoni ta’ Ugwaljanza” għan-nies kollha, mibnija fuq il-prinċipji tal-ġustizzja interġenerazzjonali, u jistieden lill-KE tistabbilixxi DĠ iddedikat għall-Ugwaljanza. Dan irid jinkludi rimedji immedjati biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni sistemika, jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs, u jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet għal kulħadd, irrispettivament mill-isfond jew l-identità. L-oqfsa legali eżistenti għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jeħtieġ li jissaħħu u jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ. Dan jeħtieġ li jkun il-bażi tal-valutazzjoni tal-istrateġiji preċedenti u l-iżvilupp tal-istrateġija l-ġdida għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għal wara l-2025, il-Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa, l-istrateġija l-ġdida kontra r-razziżmu għal wara l-2025, l-istrateġija aġġornata dwar l-ugwaljanza tal-LGBTQI, l-istrateġija Ewropea għall-anzjani u l-parti tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità wara l-2025. Il-komunitajiet emarġinati u l-gruppi li qajla jingħataw widen iridu jkunu fil-qalba tat-tiswir ta’ UE aktar inklużiva. Il-KESE jappella sabiex jintlaħaq ftehim dwar id-Direttiva Orizzontali tal-UE dwar in-Nondiskriminazzjoni, li ilha mblukkata fil-Kunsill għal aktar minn 16-il sena. |
|
4.10. |
Il-KESE jirrakkomanda l-promozzjoni tal-mudell Ewropew tal-ekonomija soċjali tas-suq permezz ta’ dawn li ġejjin: l-appoġġ għall-intraprenditorija u l-innovazzjoni; l-iżgurar ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba, inkluż f’forom ġodda ta’ xogħol u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; l-investiment f’edukazzjoni, taħriġ u ħiliet ta’ kwalità tajba; l-iżgurar tad-dritt għat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, inkluż it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet ta’ kwalifiki professjonali ta’ kwalità tajba; it-trawwim tal-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ; u l-iżgurar ta’ aċċess effettiv għal taħriġ ta’ kwalità tajba għal kulħadd. Barra minn hekk, l-inklużività fl-edukazzjoni għandha tingħata prijorità, b’miżuri biex jissaħħaħ l-aċċess ekwu, speċjalment fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. It-tisħiħ tal-mobbiltà ta’ Erasmus+ fil-livelli kollha tal-edukazzjoni jista’ jrawwem identità u valuri Ewropej kondiviżi fost iż-żgħażagħ. |
5. Insostnu l-kwalità tal-ħajja tagħna: is-sigurtà tal-ikel, l-ilma u n-natura
|
5.1. |
It-tibdil fil-klima huwa theddida serja għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u jeżiġi strateġija komprensiva fit-tul u azzjoni koordinata fil-livelli kollha. |
|
5.2. |
Il-Kummissjoni għandha tieħu passi biex timxi ’l quddiem bl-istrateġija għall-finanzi sostenibbli, sabiex tidderieġi mill-ġdid il-flussi ta’ investiment lejn attivitajiet sostenibbli. F’dan il-kuntest, għandha tiġi kkunsidrata tassonomija soċjali għall-investiment sostenibbli. |
|
5.3. |
Il-KESE jappella għal UE li tipproteġi kontra r-riskji attwali u futuri tat-tibdil fil-klima, it-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità. L-UE jeħtiġilha tieħu passi biex tikseb tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet sal-2040, tibni reżiljenza għat-tibdil fil-klima u tirrestawra n-natura u l-bijodiversità, sabiex tiżgura li d-dispożizzjonijiet għall-ħtiġijiet bażiċi (l-ikel, l-ilma, l-enerġija, is-saħħa pubblika, eċċ.) fl-UE u globalment ma jkunux f’riskju. |
|
5.4. |
Il-Patt Blu tal-UE huwa wkoll wieħed mill-oqsma ta’ prijorità ewlenin. Minħabba n-natura essenzjali tal-ilma u l-isfidi attwali u futuri li qed jiffaċċjaw id-dinja u l-kontinent tagħna, l-ilma għandu jitqies bħala prijorità u għandu jiġi adottat Patt Blu tal-UE bħala politika strateġika awtonoma, peress li l-politika dwar l-ilma ma tistax tkun limitata biss għall-politika dwar il-klima. L-Ewropa tista’ tittrasforma l-isfidi relatati mal-ilma f’opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp teknoloġiku, il-progress tas-soċjetà, l-impjiegi ġodda, il-ħiliet u t-tkabbir tan-negozju, u fl-istess ħin tirrispetta l-ambjent u tissalvagwardja r-riżorsi tal-ilma għall-benefiċċju ta’ kulħadd. |
|
5.5. |
Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu passi biex jissaħħaħ is-settur tal-biedja tal-UE u jitrawwem l-iżvilupp rurali billi jsir aktar attraenti għaż-żgħażagħ, għan-nisa, għall-familji, għall-bdiewa u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u b’hekk jiġi evitat l-eżodu rurali. Dawn il-bdiewa għandhom jiġu appoġġjati minn Politika Agrikola Komuni ffinanzjata b’mod adegwat għal wara l-2027, li ser tipproteġi l-produzzjoni Ewropea tal-ikel u tiżgura r-reżiljenza tagħha. Il-biedja u l-komunitajiet rurali vibranti se jkunu sostenibbli biss meta l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali jiġu ssodisfati b’mod ibbilanċjat. Dan għandu jiġi rifless fil-Viżjoni għall-Agrikoltura u l-Ikel, li trid tintegra l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali biex jinħoloq pajsaġġ agrikolu reżiljenti u sostenibbli. Dan għandu jinkludi miżuri li jinċentivaw l-innovazzjoni fi prattiki tal-biedja sostenibbli u reżiljenti għall-ilma, u jappoġġja s-sistemi tal-ikel lokali, li huma essenzjali għas-sigurtà tal-ikel u l-benesseri tal-komunitajiet rurali. |
6. Nipproteġu d-demokrazija tagħna, niddefendu l-valuri tagħna
|
6.1. |
L-isforzi bla heda tas-soċjetà civili biex tippromovi l-involviment taċ-ċittadini u ċ-ċittadinanza attiva, issaħħaħ id-djalogu soċjali, trawwem id-djalogu ċivili, tippromovi d-drittijiet tal-bniedem u tippromovi prattiki demokratiċi, huma assi imprezzabbli li jikkontribwixxu għas-saħħa, ir-reżiljenza u l-leġittimità tal-UE. |
|
6.2. |
Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jirrikonoxxu l-valur tas-soċjetà ċivili bħala atturi ewlenin fit-tfassil u t-twettiq tal-politiki tal-UE għat-tkabbir sostenibbli, id-difiża tad-demokrazija u l-ġustizzja soċjali, inklużi t-tranżizzjonijiet ġusti li huma ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini, għall-ħaddiema u anke għan-negozji. Permezz tal-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, u l-kapaċità tagħhom li joħorġu s-suġġett mill-arena politika u d-dritt għall-komunità, dawn jgħinu biex jappoġġjaw lil dawk l-aktar vulnerabbli u lil dawk li huma inqas kapaċi jadattaw għall-bidla. Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-volontarjat għandu jiġi rikonoxxut u ċċelebrat bħala espressjoni kruċjali taċ-ċittadinanza attiva. Iridu jittieħdu passi biex jiġi apprezzat u appoġġjat il-volontarjat bħala forma ta’ azzjoni ċivika li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ċivika u d-demokrazija parteċipattiva. |
|
6.3. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tieħu azzjoni fir-reviżjonijiet futuri eventwali tat-Trattat biex tiżgura r-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-diversità billi tesplora bidliet fil-mekkaniżmi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Is-salvagwardja tad-demokrazija kontra t-theddid intern u estern jeħtieġ li jinkiseb permezz tal-iżvilupp ta’ spazju ċiviku abilitanti fi ħdan il-fruntieri tal-UE u lil hinn minnhom u l-emendar tal-Pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija biex jixxejnu d-distakki li jheddu l-istituzzjonijiet demokratiċi, u fl-istess ħin jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jaderixxu mal-valuri u l-prinċipji Ewropej kondiviżi. |
|
6.4. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni se tibda tiżviluppa kapitolu li jindirizza d-dimensjoni tas-Suq Uniku fir-rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt. |
|
6.5. |
Il-KESE jilqa’ l-istabbiliment ta’ Tarka Ewropea għad-Demokrazija ġdida, li għandha tipproteġi kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni u tiddefendi l-integrità tal-proċessi demokratiċi fl-UE kollha; L-implimentazzjoni bikrija tal-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea għandha tipproteġi d-drittijiet ċivili, tiġġieled id-diskriminazzjoni u trawwem l-inklużività, u fl-istess ħin issaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-bini ta’ soċjetajiet sostenibbli u ekwi. |
|
6.6. |
Il-KESE jappella għal appoġġ strutturali għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u robusti fil-livelli Ewropej u nazzjonali, waqt li jirrikonoxxi r-rwol tagħhom, flimkien ma’ dak tal-filantropija u l-imsieħba soċjali, fit-trawwim ta’ soċjetajiet u demokrazija reżiljenti permezz ta’ djalogi ċivili u soċjali. Biex jinħoloq ambjent li jkun tabilħaqq abilitanti, l-UE jeħtiġilha tipprijoritizza dawk id-djalogi u tistabbilixxi Direttiva dwar l-Istatut tal-Assoċjazzjonijiet Transfruntiera Ewropej. Il-KESE jirrakkomanda l-involviment attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politika, biex tissaħħaħ il-vitalità demokratika, soċjali u ekonomika tal-UE. Sabiex l-Artikolu 11 tat-TUE jiġi implimentat b’mod effettiv, id-djalogu mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jrid ikun miftuħ, trasparenti u regolari. Il-KESE jħeġġeġ kriterji bbażati fuq il-valuri għall-programmi ta’ finanzjament tal-UE bħal Erasmus+, Orizzont Ewropa, u fondi ta’ koeżjoni biex jiġi żgurat li l-proġetti appoġġjati jkunu allinjati mal-prinċipji demokratiċi. |
|
6.7. |
Waqt li jinnota l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li żżid l-involviment tagħha mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ikunu minn ta’ quddiem u jiżviluppaw strateġija għas-soċjetà ċivili, bi pjan ta’ azzjoni ċar. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal tabella ta’ valutazzjoni annwali tad-djalogu ċivili jew tal-ispazju ċiviku, li se tirrevedi jekk il-kontributi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-konsultazzjonijiet ikunux ġew ikkunsidrati. Din it-tabella ta’ valutazzjoni tista’ tintuża biex jiġi prodott Rapport biennali dwar id-Djalogu Ċivili, li jevalwa d-djalogu ċivili u l-effettività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; Il-KESE beħsiebu jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u partijiet interessati ewlenin oħra, dwar il-ħolqien, il-governanza u l-operat regolari ta’ pjattaforma tas-soċjetà ċivili, kif imħabbar fl-ittra ta’ missjoni lill-Kummissarju nnominat tal-Kummissjoni Ewropea McGrath. |
|
6.8. |
Il-KESE jinsab imħasseb ferm dwar l-iżviluppi f’xi Stati Membri li wasslu għal spazju dejjem jiċkien għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol ewlieni fid-difiża tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u fil-ġlieda kontra l-mewġa dejjem tikber tal-populiżmu. Jeħtieġ li l-UE tkompli tiġġieled dawn l-iżviluppi permezz tal-proċeduri tal-Artikolu 7, u billi tiffriża l-fondi Ewropej allokati għall-Istati Membri li ma jirrispettawx l-istat tad-dritt, l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja jew id-drittijiet fundamentali bħal-libertà ta’ assoċjazzjoni jew id-dritt tal-espressjoni, jew li jirrestrinġu l-libertà tal-istampa u tal-media sabiex jiġi mmanipulat id-diskors pubbliku. |
7. Ewropa globali: nisfruttaw is-setgħa u s-sħubijiet tagħna;
|
7.1. |
Biex tinkiseb integrazzjoni politika aktar b’saħħitha u tiġi promossa l-paċi globali, huma essenzjali awtonomija strateġika msaħħa, il-protezzjoni tal-ekonomija tagħna mill-ħrib tat-teknoloġija u politika barranija komuni, ġenwina u kompluta. Għal dan l-għan, l-UE għandha titkellem b’vuċi waħda fl-istituzzjonijiet multilaterali, u jkollha rwol ewlieni fir-riforma tagħhom u tisfrutta r-rwol internazzjonali tal-Euro bħala assi strateġiku. Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-politika barranija tal-UE. |
|
7.2. |
Il-KESE jirrakkomanda t-trawwim ta’ politika kummerċjali Ewropea miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, li tikkomplementa u tirfed politiki ewlenin oħra tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, kif ukoll il-politika klimatika, diġitali, tal-innovazzjoni, soċjali u industrijali. Il-ftehimiet kummerċjali għandhom iżidu r-reżiljenza permezz tad-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet, joħolqu opportunitajiet tas-suq għall-kumpaniji Ewropej, itejbu s-sigurtà u jtaffu r-riskji ġeopolitiċi, u fl-istess ħin jippromovu l-infurzar tal-istandards soċjali u ambjentali u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi globali għal kompetizzjoni ġusta. L-aċċess addizzjonali li joffru għal materja prima kritika u inputs oħra – inkluża l-enerġija – jista’ jgħin biex jiġu żgurati ktajjen tal-provvista tal-UE reżiljenti, sostenibbli u responsabbli; |
|
7.3. |
Il-KESE jirrakkomanda approċċ strateġiku għat-tkabbir tal-UE, b’enfasi ċara fuq iż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà Ewropej u t-trawwim ta’ prosperità kondiviża. Il-Kummissarju inkarigat mit-Tkabbir irid jaħdem biex jiżgura li l-proġett Ewropew ikompli jimxi fid-direzzjoni tal-paċi, il-prosperità u d-demokrazija, u jiżgura stabbiltà fit-tul fil-kontinent tagħna, f’kuntest fejn membri ġodda – pajjiżi fil-Balkani tal-Punent jew pajjiżi ġirien tar-Russja, bħall-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia – jintlaqgħu fil-familja tal-UE. Il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jistgħu ma jkunux adegwati għal Unjoni ta’ 30-35 pajjiż. It-tħejjija u – jekk ikun meħtieġ – l-adattament tal-istituzzjonijiet waqt li, fl-istess ħin, jiġi mmonitorjat bir-reqqa l-progress tal-pajjiżi kandidati fir-rigward tal-valuri fundaturi tal-UE u l-acquis tagħha se jkunu kompitu importanti għall-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. B’ħidma mill-qrib mal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea trid tiżgura li kwalunkwe tkabbir futur ikun ta’ benefiċċju kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati, u li jinżammu l-istandards għoljin ta’ sostenibbiltà tal-UE. |
|
7.4. |
Dan il-proċess għandu jagħti spinta lill-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata, bi rwol speċifiku għall-imsieħba soċjali, u l-partiti politiċi kollha għandhom jimpenjaw ruħhom li jiddefendu d-dritt tagħhom ta’ assoċjazzjoni, id-dritt tal-espressjoni u tal-istampa u l-media ħielsa, u li jiġġieldu kontra kwalunkwe monopolju ta’ informazzjoni jew manipulazzjoni tad-diskors pubbliku. Il-KESE diġà ħa pass importanti lejn it-tkabbir billi ta lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi kandidati parteċipazzjoni ad hoc f’xi laqgħat tal-KESE, u jħeġġeġ istituzzjonijiet oħra tal-UE biex isegwu l-eżempju tiegħu. |
|
7.5. |
Il-KESE jappella sabiex l-UE tikkunsidra l-possibbiltà li tintroduċi votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE mill-inqas għall-istadji intermedjarji kollha, u li d-deċiżjonijiet ikunu miftuħa, trasparenti u aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali. Għandhom jiġu adottati miżuri ta’ infurzar aktar b’saħħithom tad-drittijiet fundamentali. |
|
7.6. |
Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ Patt Ġdid għall-Mediterran li jippromovi l-istabbiltà, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u t-tkabbir sostenibbli fir-reġjun kollu. Dan il-patt għandu jipprijoritizza l-kooperazzjoni reġjonali f’oqsma bħall-enerġija rinnovabbli, is-sigurtà marittima, u l-opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg inklużivi, waqt li jiżgura li l-pajjiżi tal-Mediterran ikunu msieħba attivi fl-indirizzar tal-isfidi kondiviżi. |
|
7.7. |
Il-KESE jirrakkomanda Strateġija Komprensiva bejn l-UE u l-Lvant Nofsani li tindirizza l-isfidi tar-reġjun fir-rigward tal-paċi, is-sigurtà u dawk soċjoekonomiċi, permezz ta’ kooperazzjoni mmirata. L-ewwel u qabel kollox din l-istrateġija għandha tiffoka fuq ir-riżoluzzjoni immedjata u paċifika tal-kunflitti, it-trawwim tal-governanza demokratika, it-tisħiħ tas-sħubijiet kummerċjali, u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, waqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tan-nazzjonijiet kollha, u l-kisba ta’ stabbiltà paċifika u prosperità fir-reġjun. |
|
7.8. |
Il-KESE jqis is-Summit UE-Unjoni Afrikana tal-2025 bħala opportunità kruċjali biex jiġu approfonditi r-rabtiet bejn l-UE u l-Afrika, b’enfasi fuq l-iżvilupp ekonomiku reċiproku, it-trasformazzjoni diġitali u r-reżiljenza għall-klima. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ sħubijiet ekwi li jindirizzaw sfidi kondiviżi, bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-agrikoltura sostenibbli, li jrawmu prosperità fit-tul għaż-żewġ kontinenti. |
|
7.9. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tibda t-tħejjijiet għal kooperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti anke fir-rigward tas-Sena Internazzjonali tal-Volontarjat għall-Iżvilupp Sostenibbli mħabbra min-Nazzjonijiet Uniti għall-2026. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha mal-Istati Membri tan-NU, mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat biex tiżgura li ċ-ċelebrazzjoni tal-2026 effettivament toħloq sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-volontarjat u tintegrah fil-politiki tal-iżvilupp tal-UE u nazzjonali. |
8. Inwettqu flimkien u nħejju l-Unjoni tagħna għall-futur
|
8.1. |
Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, sa nofs l-2025 tippreżenta l-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2027, u fl-istess ħin tagħti lill-UE l-mezzi finanzjarji meħtieġa biex tissodisfa l-prijoritajiet politiċi tagħha. |
|
8.2. |
Neħtieġu riżorsi proprji ġodda biex niggarantixxu baġit tal-UE solidu u sostenibbli; u l-UE għandha żżid progressivament il-proporzjon tar-riżorsi proprji tal-UE meta mqabbel mad-dħul tal-Istati Membri bbażat fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING). |
|
8.3. |
It-tħejjija għat-tkabbir u r-riformi jirrikjedu aġġustament għall-baġit tal-UE, u għar-riżorsi proprji tal-UE, biex jiġu implimentati l-politiki Ewropej għall-investiment. Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali effiċjenti u integrata, u Unjoni Bankarja kompluta, inklużi l-Istati Membri kollha, biex ikomplu jiġu armonizzati u jitneħħew l-ostakli transfruntiera, u fl-istess ħin jiġu salvagwardjati regolamenti u sorveljanza sodi, bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja u s-sostenibbiltà tal-mudell soċjali Ewropew, jiġu protetti l-konsumaturi, l-investituri u dawk li jfaddlu, u li jinkiseb Suq Uniku sod. |
|
8.4. |
Il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit fond ta’ investiment tal-UE bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss. Għandu jkollu l-għan li jipprovdi riżorsi finanzjarji għal proġetti ta’ investiment li huma ta’ interess strateġiku Ewropew u amministrati direttament fil-livell tal-UE b’mod partikolari f’oqsma li huma ta’ rilevanza transfruntiera. |
|
8.5. |
Il-KESE jipproponi sett ta’ kriterji li jiggwidaw il-prijoritizzazzjoni u l-għażla tal-investimenti taħt il-kapaċità ta’ investiment futura tal-UE. Dan il-fond għandu jiġi ffinanzjat minn taħlita ta’ riżorsi, inklużi kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, riżorsi proprji ġodda u ħruġ ta’ dejn konġunt tal-UE. L-investimenti ffinanzjati mill-UE u l-għajnuna mill-Istat għandhom jistabbilixxu kundizzjonalitajiet biex jirrispettaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u d-djalogu soċjali. |
|
8.6. |
Id-deċentralizzazzjoni fiskali u l-awtonomija huma essenzjali għat-trawwim tal-kompetittività. Għandna nagħmlu l-aħjar użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-fondi ta’ koeżjoni, b’approċċ orjentat lejn ir-riżultati. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taċċellera l-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li se tiskadi fl-2026, bl-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u ssaħħaħ l-appoġġ tekniku biex jiġi żgurat assorbiment sħiħ tal-fondi, waqt li timmassimizza l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir sostenibbli. Is-Semestru Ewropew jista’ jservi bħala l-qafas li jiggwida l-finanzjament tal-UE u jista’ jsaħħaħ ukoll il-leġittimità u l-effettività tal-istrateġiji tat-tkabbir tal-UE. |
|
8.7. |
L-impatt tar-regoli l-ġodda ta’ governanza ekonomika fuq iċ-ċiklu l-ġdid tas-Semestru Ewropew 2025 mhux se jżid l-ispazju fiskali għall-investimenti biżżejjed biex ixejjen id-distakk fl-investiment fil-livell tal-Istati Membri, inkluż biex jintlaħqu l-miri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. It-tisħiħ tal-konnessjoni bejn il-Pilastru u l-proċess tas-Semestru Ewropew ser ikun kruċjali għat-traċċar tal-progress u jiġi żgurat li l-politiki soċjali jiġu ffinanzjati u implimentati b’mod adegwat. Il-KESE jappella sabiex l-objettivi u l-kriterji stabbiliti fil-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali l-ġdid jiġu mmonitorjati regolarment bl-involviment tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu identifikati l-politiki u l-miżuri adatti biex jiġi protett mudell soċjali ta’ kwalità fil-pajjiżi tagħna. Dan jirrikjedi investimenti f’miżuri ta’ tranżizzjoni ġusta, protezzjoni soċjali inklużiva u adegwata, sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, kif ukoll l-indirizzar tat-telf tal-kapaċità tal-akkwist u ż-żieda fl-inugwaljanzi fost ir-reġjuni u l-gruppi ta’ persuni, sabiex jiġu evitati żbilanċi bejn il-prijoritajiet tal-politika industrijali u soċjali. |
|
8.8. |
L-iskeda ta’ żmien stretta tal-proċess tas-Semestru Ewropew tillimita l-opportunità għal konsultazzjoni adegwata mas-soċjetà ċivili organizzata iżda huwa kruċjali li r-rwol tagħha jissaħħaħ. Huwa rrakkomandat li jittejjeb il-proċess ta’ konsultazzjoni billi jiġi ssemplifikat l-aċċess għall-informazzjoni, jittejbu l-mezzi ta’ komunikazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti, jiġu integrati mekkaniżmi ta’ feedback regolari u jiġi stabbilit proċess ta’ djalogu strutturat. |
|
8.9. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi fil-Programm ta’ Ħidma għall-2025: ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku, li għandha tippermetti “li tingħata preferenza lill-prodotti Ewropej fl-akkwist pubbliku għal ċerti setturi strateġiċi” u t-teknoloġiji, u l-immodernizzar u s-semplifikazzjoni tar-regoli “tagħna dwar l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni għan-negozji ġodda u l-innovaturi tal-UE” (1), waqt li titqies il-ħtieġa għal trasparenza fil-proċess, u jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u d-djalogu soċjali. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-abbużi li jistgħu jseħħu fil-ktajjen tas-sottokuntrattar. |
|
8.10. |
Il-politika ta’ koeżjoni hija u trid tibqa’ l-aktar politika importanti ta’ investiment fit-tul fl-UE, bir-rwol essenzjali tagħha li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-Ewropa. Dan jista’ jitwettaq billi jiġu salvagwardjati l-prinċipji ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni bħall-governanza f’diversi livelli, il-prinċipju tas-sħubija u l-ġestjoni kondiviża. |
|
8.11. |
Il-Fondi ta’ Koeżjoni jibqgħu vitali għall-konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq. Il-politiki ta’ koeżjoni għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ Direttorat Ġenerali għall-Koeżjoni ddedikat u jippreservaw l-identità tal-governanza f’diversi livelli tagħhom, u b’hekk jiffaċilitaw l-aħjar użu tal-programmi tiegħu, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), fuq skala akbar b’inizjattivi ta’ politika ta’ kofinanzjament iffinanzjati fil-livell nazzjonali u privati. Approċċ ta’ politika olistiku, koordinat u integrat fil-livell tal-UE huwa kruċjali. Dan jista’ jinkludi baġit tal-UE li jirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet soċjali u jitwettaq permezz tas-Semestru Ewropew riformat u l-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali tiegħu, f’konformità ma’ politika ekonomika, soċjali u finanzjarja soda. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jevalwaw il-ħtieġa għal strument finanzjarju permanenti li jibni fuq l-esperjenza tal-programm SURE, bil-ħsieb li tiġi stabbilizzata n-nefqa soċjali tal-Istati Membri f’każ ta’ xokkijiet ekonomiċi esterni u li jiġu appoġġjati l-ħaddiema u l-intrapriżi f’dawk is-setturi industrijali u r-reġjuni l-aktar affettwati mill-proċessi ta’ tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. |
Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Ursula von der Leyen, L-Għażla Quddiem l-Ewropa: Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024-2029, p.13.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/760/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)