|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2554 |
18.12.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2554
tas-16 ta’ Diċembru 2025
li ġġedded l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708, li jkunu jikkonsistu minnha, jew li jkunu magħmulin minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2025) 8555)
(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/700 (2) awtorizzat l-introduzzjoni fis-suq ta’ ikel u għalf li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708, li jkunu jikkonsistu minnha, jew li jkunu magħmulin minnha. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni jkopri wkoll l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti, għajr l-ikel u l-għalf, li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708, jew li jkunu jikkonsistu minnha, biex tintuża għall-istess skopijiet bħal kull fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. |
|
(2) |
Fit-8 ta’ Marzu 2024, Bayer Agriculture B.V., ibbażata fil-Belġju, f’isem Bayer CropScience LP, ibbażata fl-Istati Uniti tal-Amerka, (“l-applikant”) issottomettiet applikazzjoni lill-Kummissjoni għat-tiġdid ta’ dik l-awtorizzazzjoni. |
|
(3) |
Fit-13 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ħarġet opinjoni xjentifika favorevoli dwar il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 (3) f’konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Ikkonkludiet li l-applikazzjoni għat-tiġdid ma kienx fiha evidenza ta’ xi perikli, esponiment immodifikat jew inċertezzi xjentifiċi ġodda li jibdlu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju oriġinali dwar il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708, adottata mill-Awtorità fl-2013 (4). |
|
(4) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità qieset il-mistoqsijiet u t-tħassib kollu mressqa mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif previst fl-Artikolu 6(4) u fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(5) |
L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, li jikkonsisti minn pjan ta’ sorveljanza ġenerali, kif issottometta l-applikant, jaqbel mal-użi maħsuba tal-prodotti. |
|
(6) |
Fid-dawl ta’ dawk il-konklużjonijiet, jenħtieġ li tiġġedded l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta’ ikel u għalf li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708, li jkunu jikkonsistu minnha, jew li jkunu magħmulin minnha, u ta’ prodotti li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708, jew li jkunu jikkonsistu minnha għal użi għajr għall-ikel u għall-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. |
|
(7) |
Ġie assenjat identifikatur uniku lill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 (5), fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni oriġinali bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/700. Dak l-identifikatur uniku jenħtieġ li jibqa’ jintuża. |
|
(8) |
Ma jidher li hu meħtieġ l-ebda rekwiżit speċifiku tat-tikkettar fir-rigward tal-prodotti koperti minn din id-Deċiżjoni, għajr dawk previsti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Madankollu, biex ikun żgurat li l-użu ta’ prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708, li jikkonsistu minnha, jew li huma magħmulin minnha jinżamm fil-limiti tal-awtorizzazzjoni mogħtija b’din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li t-tikketti ta’ tali prodotti, bl-eċċezzjoni tal-ikel u tal-ingredjenti tal-ikel, ikollhom indikazzjoni ċara li mhumiex maħsuba għall-kultivazzjoni. |
|
(9) |
Jenħtieġ li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jressaq rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u dwar ir-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali. Jenħtieġ li dawk ir-riżultati jiġu ppreżentati f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE (7). |
|
(10) |
L-opinjoni tal-Awtorità ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew ta’ restrizzjonijiet speċifiċi għall-introduzzjoni fis-suq, għall-użu u għall-manipulazzjoni, u lanqas ta’ rekwiżiti ta’ monitoraġġ ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq rigward il-konsum tal-ikel u l-għalf li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708, li jikkonsistu minnha, jew li huma magħmulin minnha, jew għall-ħarsien ta’ ekosistemi/ambjenti u/jew żoni ġeografiċi partikolari, kif previst fl-Artikolu 6(5)(e) u fl-Artikolu 18(5)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti koperti b’din id-Deċiżjoni tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikat imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata permezz taċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza lill-Partijiet tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà lill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika, skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15(2), il-punt (c) tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
|
(13) |
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat mill-President tiegħu. Dan l-att ta’ implimentazzjoni tqies li huwa meħtieġ u l-President ressqu lill-kumitat ta’ appell għal deliberazzjoni ulterjuri. Il-kumitat ta’ appell ma tax opinjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Organiżmu ġenetikament modifikat u identifikatur uniku
Il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata (Glycine max (L.) Merr.) MON 87708, kif speċifikat fil-punt (b) tal-Anness, ġiet assenjata l-identifikatur uniku MON-877Ø8-9, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 65/2004.
Artikolu 2
Tiġdid tal-awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti li ġejjin tiġġedded fir-rigward ta’:
|
(a) |
ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma magħmula mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø8-9; |
|
(b) |
għalf li fih, li jikkonsisti minn, jew li huwa magħmul mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø8-9; |
|
(c) |
prodotti li jkun fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø8-9, jew li jikkonsistu minnha, għal użi għajr dawk previsti fil-punti (a) u (b), bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. |
Artikolu 3
Tikkettar
1. Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-isem tal-organiżmu għandu jkun “fażola tas-sojja”.
2. Il-kliem “mhux għall-kultivazzjoni” għandu jidher fuq it-tikketta tal-prodotti, u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti, li fihom jew li jikkonsistu mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata msemmija fl-Artikolu 1, bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (a).
Artikolu 4
Metodu għad-detezzjoni
Il-metodu stabbilit fil-punt (d) tal-Anness għandu japplika għad-detezzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø8-9.
Artikolu 5
Monitoraġġ tal-effetti ambjentali
1. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, kif stabbilit fil-punt (h) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.
2. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ f’konformità mal-format stabbilit fid-Deċiżjoni 2009/770/KE.
Artikolu 6
Reġistru Komunitarju
L-informazzjoni stipulata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.
Artikolu 7
Detentur tal-awtorizzazzjoni
Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun Bayer CropScience LP, l-Istati Uniti tal-Amerka, irrappreżentat fl-Unjoni minn Bayer Agriculture B.V., il-Belġju.
Artikolu 8
Validità
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 9
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Bayer CropScience LP, 800 N. Lindbergh Boulevard, St Louis, MO 63167, l-Istati Uniti tal-Amerka, irrappreżentata fl-Unjoni minn Bayer Agriculture B.V., Scheldelaan 460, 2040, Antwerp, il-Belġju.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1829/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/700 tal-24 ta’ April 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON87708 (MON-877Ø8-9) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, 30.4.2015, p. 81, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/700/oj).
(3) EFSA GMO Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2025. Scientific Opinion on the assessment of genetically modified soybean MON 87708 for renewal authorisation under Regulation (EC) No 1829/2003 (dossier GMFF-2023-21237). EFSA Journal, 2025; 23:e9379. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9379.
(4) EFSA GMO Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2013. Scientific opinion on application EFSA-GMO-NL-2011-93 for the placing on the market of the herbicide-tolerant genetically modified soybean MON 87708 for food and feed uses, import and processing under Regulation (EC) No 1829/2003 from Monsanto. EFSA Journal, 11(10), 3355; https://doi.org/10.2903/j.efsa.2013.3355.
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/65/oj).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1830/oj).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE tat-13 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi formati standard tar-rappurtar għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, bħala jew fi prodotti, għal għan tat-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 275, 21.10.2009, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/770/oj).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1946/oj).
ANNESS
|
(a) |
Applikant u detentur tal-awtorizzazzjoni:
|
||||||||||||||||
|
(b) |
Deżinjazzjoni u speċifikazzjoni tal-prodotti:
Il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON-877Ø8-9 tesprimi l-ġene dmo, li jikkonferixxi tolleranza għall-erbiċidi li għandhom bażi ta’ dikamba. |
|
(c) |
Tikkettar:
|
|
(d) |
Metodu tad-detezzjoni:
|
|
(e) |
Identifikatur uniku: MON-877Ø8-9 |
|
(f) |
Informazzjoni meħtieġa skont l-Anness II tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà lill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika: [Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza, Numru tal-ID tar-Rekord: ippubblikat fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati meta jiġi nnotifikat]. |
|
(g) |
Kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet għall-introduzzjoni fis-suq, għall-użu jew għall-immaniġġar tal-prodotti: Mhux meħtieġa. |
|
(h) |
Pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali: Pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali f’konformità mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).
|
|
(i) |
Rekwiżiti ta’ monitoraġġ tal-użu tal-ikel għall-konsum mill-bniedem wara l-introduzzjoni fis-suq: Mhux meħtieġa. |
|
Nota: |
il-links għad-dokumenti relevanti jaf ikollhom bżonn jinbidlu minn żmien għall-ieħor. Dawk il-bidliet jiġu ppubblikati permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati. |
(*1) Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/18/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2554/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)