European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2613

6.5.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/2613)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(L-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Fourme de Montbrison”

Nru tal-UE: PDO-MT-0542-AM01 — 20.2.2025

1.   Isem il-prodott

“Fourme de Montbrison”

2.   Tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika

☒

Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP)

☐

Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP)

☐

Indikazzjoni Ġeografika (IĠ)

3.   Settur

☒

prodotti agrikoli

☐

inbid

☐

xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Franza

5.   Isem tal-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew tal-grupp ta’ produtturi stabbilit jew residenti f’pajjiż terz li jikkomunika l-emenda standard lill-Kummissjoni

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sovranità tal-Ikel u l-Foresti

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-applikazzjoni għall-emenda tad-DOP “Fourme de Montbrison” ma tinvolvi l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni, jiġifieri li:

a)

ma tinkludix bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta;

b)

ma tirriskjax li tħassar ir-rabta mal-ambjent ġeografiku;

c)

ma tinvolvix restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni hija għall-hekk imsejħa emenda “standard”.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

1.   Awtorità kompetenti tal-Istat Membru

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru huma aġġornati.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

2.   Grupp applikant

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp applikant huma aġġornati.

Il-kompożizzjoni tal-grupp applikant hija sostitwita bil-kitba li ġejja:

“Kompożizzjoni: Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, li tipparteċipa effettivament fl-attivitajiet tal-produzzjoni, tal-ipproċessar jew tal-produzzjoni previsti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-DOP ‘Fourme de Montbrison’.”

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

3.   Tip ta’ prodott

It-taqsima relatata mat-tip ta’ prodott, li qabel kienet iddefinita mill-klassi tiegħu, hija mħassra fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

4.   Deskrizzjoni tal-prodott

Il-kontenut minimu ta’ xaħam f’materja niexfa tal-“Fourme de Montbrison” huwa emendat: il-valur ta’ 52 gramma għal kull 100 gramma ġobon wara d-dessikazzjoni kompluta jitnaqqas għal 50 gramma għal kull 100 gramma ta’ ġobon wara d-dessikazzjoni kompluta.

Għal bosta snin, il-proċessuri kollha osservaw tnaqqis f’waqtu f’dan il-valur diversi drabi fis-sena, b’mod partikolari waqt perjodi ta’ ragħa (fir-rebbiegħa u xi drabi fil-ħarifa wara sajf niexef).

L-istudji u l-esperimenti ppermettew li jiġu identifikati divers kawżi.

L-ewwel waħda hija l-evoluzzjoni tal-merħliet. Filwaqt li fis-snin 90, il-maġġoranza kienet tar-razza Prim’Holstein, dawn issa huma prinċipalment tar-razza Montbéliarde. Dawn il-merħliet għandhom kontenut ta’ xaħam fil-ħalib għall-proteini (TB/TP, taux butyreux sur taux protéique) ta’ 1,20 (għall-kuntrarju ta’ 1,28 għall-merħliet ta’ Prim’Holstein), iżda huwa magħruf li għandu jkun hemm mira għal proporzjon TB/TP akbar minn 1,20 biex jinkiseb kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa tal-ġobon ta’ aktar minn 52 %. Il-linji gwida tal-iskemi nazzjonali għall-għażla ġenetika għar-razza Montbéliarde wkoll ma humiex favorevoli biex isir titjib f’dan il-proporzjon.

It-tieni kawża hija marbuta mal-evoluzzjoni tas-sistemi tal-għalf. Aktar u aktar azjendi agrikoli qegħdin jipprattikaw ir-ragħa rotazzjonali: il-baqar jikkonsmaw ħaxix żgħir u artab, partikolarment fir-rebbiegħa, meta l-ħażniet tat-tiben ikunu baxxi u dan għandu effett negattiv fuq il-proporzjon TB/TP. It-tisħin globali jamplifika dan il-fenomenu, b’mod partikolari bi ħxejjex aktar bikrija u inqas perjodi favorevoli għall-ħsad tat-tiben (bi preferenza tal-ħażniet immirata lejn ħaxix ippreservat imxarrab). Il-konsum tas-silaġġ tal-qamħirrum itejjeb ftit il-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa tal-ġobon iżda huwa limitat mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u ma jistax jiġi kkombinat ma’ dak tas-silaġġ tal-qamħirrum li spiss jintuża fil-konċentrat. Għalhekk huwa diffiċli li n-nutrizzjoni jkollha effett fuq il-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa tal-ġobon.

Barra minn hekk, ir-riżultati tat-twettiq tal-eżami organolettiku juru li t-tnaqqis fil-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa tal-ġobon minn 52 % għal 50 % ma għandux impatt fuq il-kwalità organolettika tiegħu.

Minħabba raġunijiet differenti, qed jiġi propost li l-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa tal-ġobon jitnaqqas minn 52 % għal 50 %, li jikkorrispondi mal-kontenut li ġie stabbilit inizjalment għall-“Fourme de Montbrison” fis-snin 70.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

5.   Definizzjoni taż-żona ġeografika

Fl-ewwel sentenza, it-termini “żona ċentrali tad-denominazzjoni” huma sostitwit bit-termini “parti ċentrali taż-żona ġeografika tad-denominazzjoni”, li hija aktar preċiża.

Is-sentenza “Iż-żona għalhekk fiha 33 muniċipalità tad-départements ta’ Loire u ta’ Puy-de-Dôme” hija sostitwita bi “Il-perimetru taż-żona ġeografika approvat mill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità waqt il-laqgħa tal-kumitat nazzjonali kompetenti tat-13 ta’ Ottubru 2000, jinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali (COG, code officiel géographique) 2024”. Il-lista ta’ muniċipalitajiet inklużi f’dan il-perimetru hija aġġornata fuq din il-bażi biss, mingħajr modifika tat-trufijiet tiegħu.

Tiżdied is-sentenza “Il-mapep li jirrappreżentaw iż-żona ġeografika jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità”, li tissostitwixxi s-sentenza li ġejja, li tħassret: “Il-mappa mehmuża turi l-limiti amministrattivi ta’ din id-delimitazzjoni (l-Anness 1).”. Għalhekk il-mappa fl-Anness titneħħa.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

6.   Dettalji speċifiċi dwar it-tikkettar

Huwa miżjud li t-termini obbligatorji tat-tikkettar fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa mifhuma bħala “Minbarra l-informazzjoni obbligatorja pprovduta mir-regolamenti relatati mat-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel”.

Huwa ddikjarat li t-terminu tal-isem tad-denominazzjoni u s-simbolu DOP tal-Unjoni Ewropea jinsabu “fl-istess kamp viżiv”.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

7.   Referenzi għall-istrutturi ta’ kontroll

Huma aġġornati d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u l-informazzjoni dwar l-istrutturi ta’ kontroll.

B’mod partikolari, is-sentenza “L-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità huwa stabbiliment amministrattiv pubbliku ta’ natura ċivili, taħt is-superviżjoni tal-Ministeru tal-Agrikoltura, iddikjarat bħala awtorità kompetenti skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tad-29 ta’ April 2004.” titħassar u tiżdied is-sentenza “F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 39 u 40 tar-Regolament (UE) 2024/1143, il-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, qabel it-tqegħid fis-suq, tiġi żgurata minn korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu jistgħu jiġu aċċessati mis-sit web tal-INAO (Institut National de l’Origine et de la Qualité) u mill-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea.”.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

8.   Rekwiżiti nazzjonali

It-tabella tal-punti prinċipali li għandhom jiġu vverifikati hija aġġornata biex minn naħa tqis l-emenda tat-taqsima “Deskrizzjoni tal-prodott” u min-naħa l-oħra tadatta l-metodi ta’ evalwazzjoni kif meħtieġ f’konformità mal-pjan ta’ kontroll.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

1.   Isem/Ismijiet

“Fourme de Montbrison”

2.   Tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika

DOP ☒ IĠP ☐

3.   Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Franza

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u mal-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, skont l-Artikolu 6(1), tar-Regolament (UE) 2024/1143

—

04 — PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAL-GĦASAFAR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MILL-ANNIMALI, LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BANDA OĦRA

0406 — Ġobon u baqta

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Il-“Fourme de Montbrison” huwa ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra miżjud bit-tames ippreżentat f’għamla ċilindrika b’tul ta’ bejn 17 sa 21 ċentimetru u b’dijametru ta’ għoli ta’ 11,5 sa 14,5 ċentimetru, u li jiżen minn 2,1 sa 2,7 kilogrammi, tat-tursina, mhux ippressat, mhux imsajjar, iffermentat u mmellaħ bl-inkorporazzjoni ta’ melħ tal-baqta meta jitqiegħed fil-forom.

Il-kontenut ta’ xaħam huwa ta’ minimu ta’ 50 gramma għal kull 100 gramma ta’ ġobon wara dessikazzjoni sħiħa.

Il-kontenut ta’ materja niexfa ma għandux ikun inqas minn 52 gramma għal kull 100 gramma ta’ ġobon misjur.

Il-ġobon jista’ jibda jibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini “Fourme de Montbrison” mit-32 jum mid-data ta’ meta jiżdied it-tames.

Il-qoxra hija niexfa, immuffata, ta’ kulur oranġjo li jista’ jkollha moffa bajda, safra u ħamra. Il-ġewwieni, kulur il-krema, għandu ftit toqbiet b’disinn qisu tal-irħam ta’ lewn ikħal ċar.

Il-“Fourme de Montbrison” għandu sawra omoġenja, kemxejn iebsa u li ddub fil-ħalq. Għandu togħma fina u tfuħ, togħma ta’ prodott tal-ħalib bil-frott b’karattru ta’ ġobon tat-tursina sottili li jagħtih ċerta ħlewwa. Tikka mluħa u qrusa ħafifa huma aċċettati.

4.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Mid-dispożizzjonijiet previsti huwa mifhum li tal-inqas 70 % tal-materja niexfa tal-porzjon tal-għalf totali tal-baqar tal-ħalib jiġi prodott fiż-żona ġeografika, fuq bażi annwali.

Ir-riljiev u l-klima ta’ qalb il-muntanji taż-żona ġeografika teknikament ma jippermettux li jiġi prodott l-għalf supplimentari kollu li jingħata lill-baqar tal-ħalib.

Peress li l-porzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib jiġi prinċipalment miż-żona ġeografika u l-għalf supplementari huwa tassew limitat, l-impatt ta’ dawn l-elementi esterni fuq il-karatteristiċi essenzjalment dovuti għall-ambjent ġeografiku huwa limitat.

Matul is-sena kollha, il-porzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib jiġi żgurat minn għalf li joriġina miż-żona ġeografika tad-denominazzjoni.

L-użu ta’ supplimenti u addittivi huwa limitat għal massimu ta’ 1 800 kilogramma ta’ materja niexfa għal kull baqra tal-ħalib u fis-sena, bħala medja għall-baqar tal-ħalib kollha.

L-ikel awtorizzat fil-porzjon bażiku huwa l-għalf kollu, ħlief għall-pjanti kruċiferużi fil-forma ta’ għalf.

Il-proporzjon ta’ ħaxix mikul mill-mergħa, fil-forma ta’ tiben, qabel ma jsir tiben, marbut b’qafla jew f’silo, espress f’materja niexfa, huwa aktar minn jew daqs 80 % tal-għalf tal-porzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib, bħala medja għall-baqar tal-ħalib kollha u fuq medda ta’ sena.

Is-sehem ta’ silaġġ tal-qamħirrum, espress bħala materja niexfa, ma għandux jaqbeż l-20 % tal-porzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib, bħala medja għall-baqar tal-ħalib kollha u fuq medda ta’ sena.

Barra mill-perjodu tar-ragħa, it-tiben jirrappreżenta mill-inqas 3 kilogrammi ta’ materja niexfa għal kull baqra u għal kull jum, bħala medja, għall-baqar tal-ħalib kollha.

Fl-istaġun meta l-ħaxix ikun disponibbli, sakemm ikunu jippermettu l-kundizzjonijiet tat-temp, huwa obbligatorju li l-baqar tal-ħalib jirgħu. It-tul ta’ dan il-perjodu ma jistax ikun inqas minn 150 jum fis-sena.

Fis-supplimenti u l-addittivi li jingħataw lill-baqar tal-ħalib huma permessi biss materja prima u addittivi speċifikati f’lista pożittiva.

4.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-ħalib, il-manifattura, il-maturazzjoni u l-konservazzjoni tal-ġobon għal 32 jum li jibdew jgħoddu mid-data ta’ meta jiżdied it-tames għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

It-tqattigħ tal-“Fourme de Montbrison” huwa awtorizzat dment li dan ma jaffettwax is-sawra tiegħu. Il-preżenza tal-qoxra hija obbligatorja għall-porzjonijiet li l-piż tagħhom ikun ta’ aktar minn 50 gramma.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Minbarra t-termini obbligatorji previsti fil-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikketti tal-ġobon bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Fourme de Montbrison” għandu jkollhom fuqhom, fl-istess kamp viżiv:

—

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini miktub b’ittri li jkunu tal-anqas ta’ daqs ekwivalenti għal żewġ terzi tad-daqs tal-akbar ittri li jidhru fuq it-tikketta;

—

Is-simbolu tad-DOP tal-Unjoni Ewropea.

Irrispettivament mit-termini regolamentari applikabbli għal kull ġobon, kull kelma kwalifikattiva miżjuda direttament mal-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini hija pprojbita, ħlief għal trademarks jew marki tal-fabbrika partikolari.

5.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-“Fourme de Montbrison” testendi għat-territorju li ġej:

id-département ta’ Loire: il-muniċipalitajiet ta’ Bard, Cervières, Chalmazel-Jeansagnière, La Chamba, La Chambonie, Champoly, Châtelneuf, La Côte-en-Couzan, Écotay-l’Olme, Essertines-en-Châtelneuf, Lérigneux, Noirétable, Palogneux, Roche, Saint-Bonnet-le-Courreau, Saint-Didier-sur-Rochefort, Saint-Georges-en-Couzan, Saint-Jean-la-Vêtre, Saint-Just-en-Bas, Saint-Laurent-Rochefort, Saint-Priest-la-Vêtre, Saint-Romain-d’Urfé, Les Salles, Sauvain, La Valla-sur-Rochefort, Verrières-en-Forez, Vêtre-sur-Anzon (għat-territorju biss tal-muniċipalità delegata ta’ Saint-Julien-la-Vêtre).

id-département ta’ Puy-de-Dôme: il-muniċipalitajiet ta’ Brugeron, Job, Saint-Anthème, Saint-Pierre-la-Bourlhonne, Valcivières.

6.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Fourme de Montbrison” testendi prinċipalment fuq l-“hautes chaumes” li jiffurmaw il-parti tal-quċċata tal-muntanji ta’ Forez, fil-konfini tad-départements ta’ Loire u ta’ Puy-de-Dôme, kif ukoll fil-parti tal-muntanji ta’ Forez. Din hija żona semimuntanjuża (altitudni ta’ 1 634 m fil-quċċata) li hija globalment orjentata lejn it-Tramuntana-Nofsinhar, tistrieħ fuq sisien tal-granit u hija mdawra b’limiti naturali. Din tippreżenta pajsaġġ ta’ meded ta’ art muntanjużi u subalpini, li tistruttura pajsaġġ ta’ plateaux mikxufin b’għoljiet għat-tond u b’elevazzjoni kbira, imdawrin b’inklinazzjonijiet tal-foresti, b’mod partikolari s-siġar tal-injam artab. Hawnhekk wieħed isib għadd kbir ta’ torbieri u mergħat. Ir-rata ta’ xita hija relattivament importanti (medja ta’ aktar minn 1 000 mm fis-sena). Il-klima hija soġġetta għal influwenza oċeanika u kontinentali. It-temperaturi annwali medji għalhekk huma pjuttost kesħin, ta’ inqas minn 10 °C u ħafna drabi ta’ inqas minn 5 °C. Ix-xtiewi huma twal u kesħin u spiss bis-silġ.

Minħabba l-altitudni u r-rata għolja ta’ xita, il-produzzjoni tal-għalf hija bbażata essenzjalment fil-mergħat permanenti.

Il-manifattura tal-“Fourme de Montbrison” tmur lura għaż-żminijiet tal-bidu tal-Medjuevu fir-reġjun ta’ Haut-Forez fejn kien għad hemm sistema agropastorali sat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-produzzjoni ta’ dan il-ġobon kienet issir fil-“jasseries”, binjiet tal-injam alpini mifruxin fuq iż-żewġ xaqlibiet tal-muntanji ta’ Forez. Il-ġobon dak iż-żmien kien isir matul l-istaġun tas-sajf, minn ħalib ta’ merħliet ta’ daqs modest, min-nisa, waqt li l-irġiel kienu jibqgħu fir-raħal u jkomplu bix-xogħol fl-għelieqi fis-sajf. L-ambjent naturali b’hekk kien jipprovdi siġar tal-injam artab, li kienu jiffurmaw kanali (imsejħa chéneaux) li huma adattati perfettament biex il-ġobon jitqattar waqt il-manifattura. Dawn tal-aħħar spiss kienu jinżammu sal-għeluq tar-ragħa fis-sajf, imbagħad kienu jinbiegħu fis-swieq fuq kull naħa tal-muntanja, inkluż is-suq importanti ta’ Montbrison.

Illum il-ġurnata t-trobbija tal-baqar tal-ħalib issir fil-biċċa l-kbira fil-mergħa permanenti. Il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-“Fourme de Montbrison” u b’mod partikolari r-ragħa obbligatorju matul il-perjodu meta dan ikun possibbli, il-porzjon ibbażat fuq l-użu tal-ħaxix kif ukoll il-limitazzjoni tas-silaġġ tal-qamħirrum juru l-valur ta’ din ir-riżorsa naturali.

L-iskema teknoloġika tal-“Fourme de Montbrison”, li ntirtet mit-teknika tal-antenati, għandha l-valur ta’ għarfien prattiku lokali, bl-implimentazzjoni ta’:

—

taħlit xieraq marbut ma’ daqs żgħir tal-ħabba tal-baqta, ta’ madwar 0,5 ċentimetri sa ċentimetru fuq kull naħa,

—

tmelliħ fil-massa u tmelliħ estern imnaqqas,

—

it-teknika ferm partikolari tat-tqattir supplimentari f’kanal tal-injam artab.

Il-“Fourme de Montbrison”, ġobon tat-tursina b’togħma fina u tfuħ, ippreżentat f’għamla ċilindrika b’tul ta’ bejn 17 u 21 ċentimetru u dijametru ta’ bejn 11,5 u 14,5-il ċentimetru b’qoxra oranġjo, għandu qalba b’toqbiet żgħar u karattru ta’ “ġobon tat-tursina” sottili li jagħtih ċerta ħlewwa.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Fourme de Montbrison” joriġinaw b’mod partikolari mill-użanzi tal-produzzjoni tal-ħalib u l-prattiki tal-manifattura.

Il-produzzjoni tal-ħalib tistrieħ fuq ir-rikkezza tal-mergħat tal-muntanji ta’ Forez u tikkontribwixxi għat-togħma fina u tfuħ tal-“Fourme de Montbrison”.

Id-daqs relattivament żgħir tiegħu huwa marbut mal-oriġini tiegħu: merħliet ta’ daqs żgħir bi produzzjoni baxxa tal-ħalib u manifattura permezz tax-xogħol min-nisa.

It-togħma pjuttost ħelwa tal-“Fourme de Montbrison” hija marbuta mal-qtugħ fin tal-baqta. Dan id-daqs imnaqqas tal-ħabba tal-baqta jiġġenera toqbiet ta’ dimensjoni żgħira fil-qalba, biex b’hekk jiġi llimitat l-iżvilupp tal-moffa Penicillium roqueforti, li hija aktar dgħajfa minn f’ġobniet oħrajn tat-tursina.

Il-lewn oranġjo tal-qoxra, li huwa daqstant partikolari, huwa influwenzat mit-tekniki tat-tmelliħ, li jiffavorixxu l-implantazzjoni ta’ flora superfiċjali. L-iżvilupp tal-flora superfiċjali jinżamm ukoll mit-tqattir f’kanal tal-injam artab. Effettivament, il-kanali tal-injam huma kontenitur tal-flora superfiċjali u jikkontribwixxu direttament għall-iżvilupp ta’ din il-flora biex b’hekk tiġi evitata dessikazzjoni tal-qoxra rapida wisq.

It-tekniki ta’ tmelliħ jagħmlu wkoll il-“Fourme de Montbrison” ġobon inqas mielaħ mill-ġobnijiet l-oħrajn tat-tursina.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika

https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-ed0a24fa-0dbd-44b8-8154-591b0b5d271b/telechargement


(1)  Ir-Regolament Delegat (UE) 2025/27 tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2613/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)