28.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 780/2009

tas-27 ta' Awwissu 2009

li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni tal-Artikoli 28 (a) paragrafu 2, subparagrafu 3 u 96 paragrafu 2, subparagrafu 3 tas-sistema applikabbli għall-ħaddiema l-oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej (S.Ħ.O.)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat is-sistema applikabbli għall-ħaddiema l-oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej stabbilita mir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (1), u b'mod partikulari l-Artikoli 28 (a) paragrafu 2, subparagrafu 3 u 96 paragrafu 2, subparagrafu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-kumitat tal-esperti stabbilit mill-paragrafu 2 tal-Artikoli msemmijin,

Billi:

(1)

L-Artikoli 28 (a) paragrafu 2, subparagrafu 3 u 96 paragrafu 2, subparagrafu 3 tas-sistema applikabbli għall-ħaddiema l-oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej stabbilixxew rispettivament il-kundizzjonijiet biex jingħata benefiċċju tal-qgħad lill-ex ħaddiem temporanju u lill-ex ħaddiem kuntrattwali li jsib ruħu bla xogħol wara li jiġi tterminat is-servizz tiegħu ma' istituzzjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

(2)

Huwa f'idejn il-Kummissjoni biex tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 tal-Artikoli msemmijin.

(3)

Għandu jiġi żgurat li l-ex ħaddiem temporanju jew kuntrattwali jkun jissodisfa l-obbligi previsti mil-leġislazzjoni li japplikaw is-servizzi kompetenti tal-post fejn joqgħod daqslikieku kien persuna li tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad skont dik il-leġiżlazzjoni.

(4)

Ir-relazzjonijiet bejn il-benefiċjarji u s-servizzi amministrattivi, minn naħa, u bejn is-servizzi nazzjonali u dawk Komunitarji, min-naħa l-oħra, għandhom ikunu msejsa fuq il-ħsieb li jiġu ssimplifikati l-proċeduri.

(5)

It-tisħiħ tal-effikaċità tal-koperazzjoni bejn is-servizzi nazzjonali kompetenti fejn jidħlu x-xogħol u l-qgħad u l-Kummissjoni jiddependi b'mod partikulari fuq l-iskambju elettroniku ta' informazzjonijiet notament fil-qafas tal-proġett EESSI (Skambju Elettroniku tal-Informazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà Soċjali),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Biex jibbenefika mill-benefiċċju tal-qgħad previst fl-Artikoli 28 (a) paragrafu 2, subparagrafu 3 u 96 paragrafu 2, subparagrafu 3 tas-sistema applikabbli għall-ħaddiema l-oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa 'l quddiem S.Ħ.O.), l-ex ħaddiem temporanju jew kuntrattwali ta' dawn il-Komunitajiet, li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-Artikoli msemmijin, huwa obbligat iwettaq il-formalitajiet li ġejjin:

(1)

jippreżenta dikjarazzjoni lill-istituzzjoni tal-Komunitajiet li kien jagħmel parti minnha, fi żmien tmint ijiem li jibdew jgħoddu mid-data ta' meta jieqaf jaħdem ma' dik l-istituzzjoni, li fija jistqarr:

(a)

li jinsab bla xogħol wara din it-terminazzjoni tas-servizz;

(b)

li hu residenti jew li stabbilixxa r-residenza tiegħu fit-territorju ta' Stat Membru tal-Komunitajiet;

(c)

il-post u l-indirizz fejn joqgħod;

(2)

u

(a)

jirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma' servizzi kompetenti tal-impjiegi tal-post fejn joqgħod, mill-aktar fis possibbli u l-iktar tard fi żmien tletin jum li jibdew jgħoddu mit-terminazzjoni tas-servizz tiegħu ma' istituzzjoni tal-Komunitajiet;

(b)

meta jkun hemm leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi benefiċċji tal-qgħad, jagħmel talba biex jiksibhom mis-servizz jew istituzzjoni kompetenti tal-post fejn joqgħod, mill-aktar fis possibbli u l-iktar tard fi żmien tletin jum li jibdew jgħoddu mit-terminazzjoni tas-servizz tiegħu ma' istituzzjoni tal-Komunitajiet;

(3)

fil-mument tar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, punt a), jippreżenta l-attestazzjoni mpoġġija għad-dispożizzjoni tiegħu mill-istituzzjoni tal-Komunitajiet li kien jagħmel parti minnha, lis-servizzi tal-impjiegi msemmija aktar ′il fuq, li mingħajr dewmien jimlewha u, għall-inqas, jimlew is-sezzjoni li tiċċertifika r-reġistrazzjoni tal-interessat bħala persuna li qed tfittex xogħol. Minflok l-attestazzjoni, li l-mudell tagħha huwa anness ma' dan ir-Regolament, tista' ssir komunikazzjoni ssimplifikata, trażmessa ngħidu aħna elettronikament, b'soġġezzjoni għal ftehim bejn il-Kummissjoni, li tidher f'isem l-istituzzjonijiet kollha tal-Komunitajiet, u s-servizzi nazzjonali kkonċernati;

(4)

jgħaddi mill-ewwel l-attestazzjoni mimlija b'dan il-mod lill-istituzzjoni tal-Komunitajiet li kien jagħmel parti minnha;

(5)

joqgħod għall-obbligi u għall-kontrolli imposti mil-leġislazzjoni applikata mis-servizzi kompetenti tal-post fejn joqgħod fuq dawk li jfittxu x-xogħol u fuq dawk li jieħdu l-benefiċċji tal-qgħad jew benefiċċji oħrajn tal-istess natura;

(6)

u

(a)

mit-tieni xahar kalendarju wara dak tar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jippreżenta, fil-bidu ta' kull xahar, formola ta' attestazzjoni lis-servizzi tal-impjiegi u, jekk ikun il-każ, waħda tal-qgħad tal-post fejn joqgħod, li għandhom jiċċertifikaw b'dan il-mod, mill-iktar fis possibbli:

—

jekk ikunx irreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol u jekk talabx li jieħu l-benefiċċji tal-qgħad jew benefiċċji oħrajn tal-istess natura b'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-post fejn joqgħod,

—

jekk ikunx issodisfa l-obbligi msemmijin fil-paragrafu 5,

—

jekk ikollux id-dritt għal benefiċċji tal-qgħad jew għal benefiċċji oħrajn tal-istess natura u, jekk iva, liema huma l-ammont tagħhom u t-tul ta' żmien li għalih jingħataw;

(b)

fi żmien ħmistax-il jum li jibdew jgħoddu mill-ħruġ tal-attestazzjoni msemmija fil-punt a), li l-mudell tagħha huwa anness ma' dan ir-Regolament, jgħadduha lill-istituzzjoni tal-Komunitajiet li kien jagħmel parti minnha li tgħaddiha minnufih lill-Kummissjoni. Minflok l-attestazzjoni tista' ssir komunikazzjoni ssimplifikata, trażmessa ngħidu aħna elettronikament, b'soġġezzjoni għal ftehim bejn il-Kummissjoni, li tidher f'isem l-istituzzjonijiet kollha tal-Komunitajiet, u s-servizz tal-impjiegi kkonċernat.

Artikolu 2

L-ex ħaddiem temporanju jew kuntrattwali huwa marbut li jgħarraf minnufih lill-istituzzjoni li kien jagħmel parti minnha u lill-Kummissjoni b'kull bidla fis-sitwazzjoni tiegħu jew f'dik tal-membri tal-familja tiegħu li jkollha impatt fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 (a) paragrafu 2, subparagrafu 3 u 96 paragrafu 2, subparagrafu 3 tas-S.Ħ.O.

Artikolu 3

Anki jekk ikun tilef kull dritt għall-benefiċċji nazzjonali minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-ex ħaddiem temporanju jew kuntrattwali huwa mitlub jibqa′ jissottometti ruħu għall-obbligi u għall-kontrolli previsti għal min jieħu dawn il-benefiċċji biex jibqa′ jkollu l-jedd għall-benefiċċju previst fl-Artikoli 28 (a) paragrafu 2, subparagrafu 3 u 96 paragrafu 2, subparagrafu 3 tas-S.Ħ.O.. Bl-istess mod, is-servizzi kompetenti tal-post fejn ikun joqgħod huma mitluba jkomplu jimponu fuqu dawn l-obbligi u dawn il-kontrolli.

Artikolu 4

Kull darba li l-ex ħaddiem temporanju jew kuntrattwali, wara li jkun lesta l-formalitajiet imsemmijin fl-1el Arikolu fi Stat Membru, jistabbilixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, matul il-perjodu meta jkun qed jieħu l-benefiċċju tal-qgħad previst fl-Artikolu 28 (a), paragrafu 4, u fl-Artikolu 96, paragrafu 4, tas-S.Ħ.O., għandu jirreġistra fi żmien mhux aktar minn tletin jum bħala persuna li qed tfittex xogħol fil-pajjiż tar-residenza l-ġdida tiegħu u jwettaq il-formalitajiet elenkati fl-1el Artikolu.

Artikolu 5

Ir-Regolament (KEFA, KEE, Euratom) Nru 91/88 tal-Kummissjoni, tat-13 ta' Jannar 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 28a tal-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-impjegati l-oħrajn, (2) huwa mħassar.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)   ĠU L 56, 4.03.1968, p. 1. Ir-Regolament kif immodifikat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 420/2008 (ĠU L 127, 15.5.2008 p. 1).

(2)   ĠU L 11, 15. 1. 1988, p. 31.


ANNESS

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni