Brussell, 4.3.2020

COM(2020) 77 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju ta’ delega ta’ setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/45/UE, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 1999/37/KE u l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/47/UE


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju ta’ delega ta’ setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/45/UE, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 1999/37/KE u l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/47/UE

1. Introduzzjoni

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/45/UE 1 , l-Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/37/KE 2 kif emendata bir-Regolament 2014/46/UE 3 , u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/47/UE 4 ikkonferixxew setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati. Dawn is-setgħat ingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mid-19 ta’ Mejju 2014 u għandhom jiġu estiżi b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul ta’ żmien identiku.



2. Bażi ġuridika tar-rapport

Skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/45/UE, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 1999/37/KE u l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/47/UE, rispettivament, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħat prevista f’kull waħda minn dawn id-Direttivi, sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin, jiġifieri qabel id-19 ta’ Awwissu 2018. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi bis-sħiħ u jiddispjaċiha ħafna għas-sottomissjoni tard ta’ dan ir-rapport.

3. Eżerċizzju tad-delega

Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitat ebda setgħa, għal kwalunkwe waħda mit-tliet Direttivi. It-tabella li ġejja turi l-miżuri speċifiċi skont is-setgħat rilevanti:

Setgħat mogħtijin fid-Direttiva 2014/45/UE

Deskrizzjoni tas-setgħat għall-adozzjoni tal-atti delegati

Artikolu 17

·Biex taġġorna d-deżinjazzjonijiet tal-kategoriji tal-vetturi kif xieraq f’każ ta’ bidliet fil-kategoriji tal-vetturi li jirriżultaw minn emendi tal-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, mingħajr ma jiġu affettwati l-kamp ta’ applikazzjoni u l-frekwenza tal-ittestjar.

·Li taġġorna l-punt 3 tal-Anness I fil-każ li jsiru disponibbli metodi ta’ ttestjar aktar effiċjenti u effettivi, mingħajr ma tiġi estiża l-lista tal-elementi li jridu jiġu ttestjati.

·Li tadatta l-punt 3 tal-Anness I, wara l-valutazzjoni pożittiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji involuti, fir-rigward tal-lista tal-elementi li jridu jiġu ttestjati, il-metodi, ir-raġunijiet għaliex elementi ma jgħaddux mit-test u l-valutazzjoni tan-nuqqasijiet fil-każ ta’ modifika tar-rekwiżiti obbligatorji rilevanti għall-approvazzjoni tat-tip fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza u l-ambjent.

Setgħat mogħtijin fid-Direttiva 1999/37/KE

Deskrizzjoni tas-setgħat għall-adozzjoni tal-atti delegati

Artikolu 6

·Li temenda l-Annessi I u II fil-każ ta’ tkabbir tal-Unjoni.

·L- temenda l-Anness I fir-rigward ta’ elementi mhux obbligatorji fil-każ ta’ bidliet fid-definizzjonijiet jew tal-kontenut ta’ ċertifikati ta’ konformità fil-leġislazzjoni rilevanti dwar l-approvazzjoni tat-tip.

Setgħat mogħtijin fid-Direttiva 2014/47/UE

Deskrizzjoni tas-setgħat għall-adozzjoni tal-atti delegati

Artikolu 21

·Li taġġorna l-Anness IV kif xieraq biex jitqiesu l-bidliet fil-kategoriji tal-vetturi li jirriżultaw minn emendi tal-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, mingħajr ma jiġi affettwat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

·Li taġġorna l-punt 2 tal-Anness II fil-każ li jsiru disponibbli metodi ta’ ttestjar aktar effiċjenti u effettivi, mingħajr ma tiġi estiża l-lista tal-elementi li jridu jiġu ttestjati.

·Li tadatta l-punt 2 tal-Anness II fir-rigward tal-lista ta’ elementi li jridu jiġu ttestjati, il-metodi, ir-raġunijiet għaliex elementi ma jgħaddux mit-test u l-valutazzjoni tan-nuqqasijiet fil-każ ta’ modifika tar-rekwiżiti obbligatorji rilevanti għall-approvazzjoni tat-tip fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza u l-ambjent.

Is-setgħat fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/45/UE, kif imsemmi hawn fuq, ma ġewx eżerċitati. Madankollu, minħabba l-bidliet fid-deżinjazzjonijiet tal-kategoriji tal-vetturi li jirriżultaw minn emendi tal-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip (ir-Regolament 2018/858/UE), il-Kummissjoni għandha teżerċita din is-setgħa li tadotta att delegat.

Fir-rigward tal-metodi ta’ ttestjar, dawn baqgħu ma nbidlux u għalhekk ma kienx hemm bżonn li tiġi eżerċitata s-setgħa relatata ma’ dan il-punt.

Fl-aħħar nett, wara l-valutazzjoni pożittiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji involuti, fir-rigward tal-lista ta’ elementi li jridu jiġu ttestjati, il-metodi, ir-raġunijiet għaliex elementi ma jgħaddux mit-test u l-valutazzjoni tan-nuqqasijiet fil-każ ta’ modifika tar-rekwiżiti obbligatorji rilevanti għall-approvazzjoni tat-tip fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza u l-ambjent, il-Kummissjoni għandha teżerċita s-setgħa li tadatta l-punt 3 tal-anness I tad-Direttiva 2014/45/UE.

Speċifikament, ġie ffinalizzat studju li vvaluta jekk hux kosteffikaċi li s-sistema tal-eCall tiġi inkluża fil-qafas tal-iskema ta’ spezzjoni perjodika tal-Unjoni Ewropea, u dan wassal għar-rakkomandazzjoni li l-eCall tiġi inkluża fl-Anness I u fl-Anness III tad-Direttiva 2014/45/UE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni dalwaqt taħtar grupp ta’ esperti sabiex tikseb il-pariri u l-għarfien espert tal-Istati Membri u ta’ partijiet interessati rilevanti oħra għat-tħejjija tal-att delegat.

Is-setgħat mogħtija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/37/KE kif imsemmi hawn fuq ma ġewx eżerċitati minħabba li la kien hemm tkabbir tal-Unjoni, u lanqas bidla fil-kontenut taċ-ċertifikati ta’ konformità fil-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-approvazzjoni tat-tip (id-Direttiva 2007/46/KE).

Is-setgħat mogħtija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/47/UE kif imsemmi hawn fuq ma ġewx eżerċitati, madankollu, b’mod simili għad-Direttiva 2014/45/UE, il-Kummissjoni dalwaqt teżerċita s-setgħa li taġġorna d-deżinjazzjonijiet tal-kategoriji ta’ vetturi (vetturi tal-kategorija T5) li jirriżultaw minn emendi fil-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip (ir-Regolament 2019/519/UE). Il-grupp ta’ esperti msemmi hawn fuq dalwaqt jirċievi wkoll informazzjoni għat-tħejjija tal-att delegat għall-aġġornament tad-denominazzjonijiet tal-kategoriji tal-vetturi fid-Direttiva 2014/45/UE u fid-Direttiva 2014/47/UE. Barra minn hekk, minħabba li l-metodi tal-ittestjar u l-lista ta’ elementi li jridu jiġu ttestjati, il-metodi, ir-raġunijiet għaliex elementi ma jgħaddux mit-test u l-valutazzjoni tan-nuqqasijiet għadhom l-istess, ma ġiet eżerċitata l-ebda setgħa oħra.



4. Konklużjoni

Permezz ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni qed tikkonforma mal-obbligu ta’ rapportar tagħha skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/45/UE, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 1999/37/KE u l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/47/UE.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

Id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51.

(2)

2 Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi

ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57–65

(3)

Id-Direttiva 2014/46/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi, ĠU L 127, 29.4.2014, p. 129.

(4)

4 Id-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta’ vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li tirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 127, 29.4.2014, p. 134.