SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
13 ta’ Mejju 2020 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea BIO-INSECT Shocker – Raġuni assoluta għal rifjut – Trade mark ta’ natura li tfixkel lill-pubbliku – Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”
Fil-Kawża T‑86/19,
SolNova AG, stabbilita fi Zollikon (l-Isvizzera), irrappreżentata minn P. Lee, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Söder, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Canina Pharma GmbH, stabbilita fi Hamm (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Bischof, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑11 ta’ Diċembru 2018 (Każ R 276/2018-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn SolNova u Canina Pharma,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
komposta minn M. J. Costeira, President, B. Berke (Relatur) u T. Perišin, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Frar 2019,
wara li r-rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ April 2019,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ April 2019,
wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Fis‑26 ta’ Novembru 2015, l-intervenjenti, Canina Pharma GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)). |
|
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali BIO-INSECT Shocker. |
|
3 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 1, 5 u 31 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:
|
|
4 |
L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 2015/229 tat‑2 ta’ Diċembru 2015 u t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fl‑10 ta’ Marzu 2016 bin-numru 014837553. |
|
5 |
Fit‑12 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti, SolNova AG, ippreżentat osservazzjonijiet ta’ terzi kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, filwaqt li sostniet li l-Artikolu 7(1)(b)(c) u (f) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b)(c) u (f) tar-Regolament 2017/1001) kien jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. Peress li dawn l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati wara li t-trade mark ikkontestata kienet diġà ġiet irreġistrata, dawn ma ġewx ikkunsidrata mill-EUIPO. |
|
6 |
Fil‑25 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), skont l-Artikolu 7(1)(b)(c)(f) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b)(c)(f) u (g) tar-Regolament 2017/1001), għall-prodotti kollha koperti mill-imsemmija trade mark. |
|
7 |
Fl-20 ta’ Diċembru 2017, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi qieset, qabelxejn, li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tiddeskrivi l-prodotti rreġistrati skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 u, b’mod partikolari, li l-użu tat-terminu “shocker” kien inabitwali b’riferiment għal dawn il-prodotti. |
|
8 |
Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li t-trade mark ikkontestata kellha karattru distintiv suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. |
|
9 |
Fl-aħħar nett, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddeċidiet li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tikser l-ordni pubbliku skont l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001 u li din ma kinitx tfixkel fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g) tal-istess regolament. |
|
10 |
Fis-7 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
|
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. |
|
12 |
Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ċaħad il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, li skontu t-trade mark ikkontestata kienet tiddeskrivi prodotti koperti minnha. L-ewwel nett, hija kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti kien parzjalment kompost mill-pubbliku ġenerali u speċjalisti u parzjalment kompost minn speċjalisti biss. Hija qieset ukoll li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumaturi kien medju għal għoli skont it-tip ta’ prodotti u li, sa fejn it-trade mark ikkontestata kienet komposta minn kliem Ingliż, il-konsumatur rilevanti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kien il-komsumatur Anglofonu. |
|
13 |
It-tieni nett, il-Bord tal-Appell irrileva li ċerti prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata kellhom rabta mal-insettiċidi jew prodotti insettiċidi (iktar ’il quddiem il-“prodotti li għandhom rabta mal-insettiċidi”) filwaqt li prodotti oħrajn ma kellhom l-ebda rabta magħhom u li r-rikorrenti kienet naqset milli tinvoki motivi u tressaq argumenti favur il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għal dawn il-prodotti tal-aħħar. |
|
14 |
It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kliem Ingliż “bio insect shocker” ma kienx jirrappreżenta deskrizzjoni diretta tal-karatteristiċi tal-prodotti li għandhom rabta mal-insettiċidi, li l-frażi kienet sempliċement evokattiva u allużiva u li, sabiex wieħed jasal għat-tifsira tat-trade mark ikkontestata li waslet għaliha r-rikorrenti, jiġifieri prodott ekoloġiku għall-qerda tal-insetti bit-tqegħid tagħhom fi stat ta’ xokk, il-konsumaturi rilevanti jkollhom jagħmlu riflessjoni li tinvolvi diversi stadji u jagħmlu sforz intellettwali. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell irrileva li l-kelma Ingliża “shocker” kienet tfisser “ħaġa li tixxokkja” u li din it-tifsira kienet differenti minn dik ta’ “qtil” jew ta’ “repellent”. |
|
15 |
Ir-raba’ nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx uriet użu mifrux ħafna tal-kliem “insect shocker” fil-ħajja tan-negozju. F’dan ir-rigward, huwa qies li parti mill-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux rilevanti peress li din kienet tikkonċerna jew użu sussegwenti għall-applikazzjoni għal trade mark, jew impriżi li kienu jużaw it-trade mark ikkontestata bil-kunsens tal-intervenjenti u li l-provi rimanenti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit użu komuni. |
|
16 |
Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ċaħad il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, li skontu t-trade mark ikkontestata ma kellhiex karattru deskrittiv, minħabba li dan kien ibbażat biss fuq l-allegat karattru deskrittiv tal-imsemmija trade-mark. |
|
17 |
Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ċaħad il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, li skontu t-trade mark ikkontestata kienet tmur kontra l-ordni pubbliku, minħabba li r-rikorrenti ma kinitx uriet li l-użu tal-imsemmija trade mark kienet neċessarjament fil-mument tal-applikazzjoni għal trade mark tikser ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 280, p. 1). |
|
18 |
Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell ċaħad il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament 2017/1001, li skontu t-trade mark ikkontestata kienet ta’ natura li tfixkel lill-pubbliku, minħabba li r-rikorrenti ma kinitx uriet li t-trade mark setgħet tiġi kklassifikata bħala ta’ tfixkil, li huwa kien iddeduċa minn allegat ksur tar-Regolament Nru 528/2012, u li l-użu mingħajr tfixkil tat-trade mark ikkontestata kien possibbli. |
It-talbiet tal-partijiet
|
19 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Frar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
|
20 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
21 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
22 |
L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq id-dritt applikabbli
|
23 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dipartimenti tal-EUIPO għandhom, sabiex jeżaminaw jekk il-motivi assoluti indikati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew għandhomx iwasslu għad-dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ trade mark irreġistrata preċedentement, jikkunsidraw il-kwistjoni fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2013, Heede vs UASI (Matrix-Energetics), T‑313/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:603, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Mejju 2019, VI.TO. vs EUIPO – Bottega (Forma ta’ flixkun kulur id-deheb), T‑324/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:297, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Ir-Regolament 2017/1001 huwa applikabbli, skont l-Artikolu 212 tiegħu, mill‑1 ta’ Ottubru 2017 u mill-kliem tiegħu, mill-għan tiegħu u mill-istruttura tiegħu jirriżulta li l-Artikolu 7 tiegħu għandu japplika għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. |
|
25 |
F’dan il-każ, peress li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ntalbet fis‑26 ta’ Novembru 2015, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa applikabbli. |
|
26 |
Issa, kif jirriżulta mill-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001, kif għamlet ukoll ir-rikorrenti li invokat dan ir-regolament fir-rikors. |
|
27 |
Madankollu, peress li l-Artikolu 7(1)(b)(c)(f) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009 ma ġiex emendat bir-Regolament 2017/1001, il-fatt li l-Bord tal-Appell u r-rikorrenti invokaw l-Artikolu 7 tar-Regolament 2017/1001 ma għandu l-ebda effett fuq din il-kawża. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata u r-rikors għandhom jinqraw bħala li jagħmlu riferiment għar-Regolament 207/2009. |
Fuq il-mertu
|
28 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(f) ta’ dan ir-regolament u t-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tal-imsemmi regolament. |
|
29 |
Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel tittratta l-ewwel motiv, sussegwentement it-tielet motiv. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009
|
30 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-assenza ta’ karattru distintiv u dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tal-prodotti li għandhom rabta mal-insettiċidi. |
|
31 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
32 |
Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodott jew ta’ meta s-servizz ġie pprovdut jew karatteristiċi oħrajn ta’ dawn. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, il-paragrafu 1 huwa applikabbli anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut ikunu jeżistu f’parti biss tal-Unjoni Ewropea. |
|
33 |
Għalhekk, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet koperti minnu jkunu riżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni ssegwi, għalhekk, għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31 u tas‑27 ta’ Frar 2015, Universal Utility International vs UASI (Greenworld), T‑106/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:123, punt 14). |
|
34 |
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, fid-dawl tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tiegħu u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2017, Klassisk investment vs EUIPO (CLASSIC FINE FOODS), T‑194/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:498, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 207/2009, huwa neċessarju li jkollu rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’mod li tippermetti li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi mill-ewwel, u mingħajr l-ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi jew ta’ xi waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2017, Klassisk investment vs EUIPO (CLASSIC FINE FOODS), T‑194/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:498, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit parzjalment mill-pubbliku ġenerali u speċjalisti u kien parzjalment kompost minn speċjalisti biss, li l-livell ta’ attenzjoni kien medju għal għoli skont it-tip ta’ prodotti u li, sa fejn it-trade mark ikkontestata kienet komposta minn kliem Ingliż, wieħed kellu jibbaża ruħu fuq il-pubbliku Anglofonu. |
|
37 |
Dawn l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti. |
|
38 |
Sussegwentement, il-Bord tal-Appell irrileva li, skont l-Oxford English Dictionary, il-kelma Ingliża “shocker” kienet tfisser, essenzjalment, ħaġa li tixxokkja, speċjalment peress li hija inaċċettabbli jew sensazjonali u li l-verb Ingliż relatat “to shock” kien ifisser “twassal lil xi ħadd iħossu sorpriż jew imħarbat” jew “taffettwa lil xi ħadd permezz ta’ xokk psikoloġiku jew elettriku”. |
|
39 |
Wara li kkonstata, essenzjalment, li l-prodotti li għalihom it-trade mark ikkontestata kienet irreġistrata u li għandhom rabta mal-insettiċidi kellhom il-funzjoni li joqtlu l-insetti jew li jirripellawhom u mhux li jagħtuhom xokk elettriku jew li jqegħduhom fi stat ta’ xokk, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li diversi stadji intellettwali kienu neċessarji sabiex tiġi stabbilita rabta bejn il-kliem “bio insect shocker” u t-tifsira preżunta tar-rikorrenti u, għaldaqstant, li t-trade mark ma kinitx sinjal deskrittiv, iżda sinjal evokattiv jew allużiv. |
|
40 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx uriet użu mifrux ħafna tal-kliem “insect shocker” fil-ħajja tan-negozju. F’dan ir-rigward, huwa qies li parti mill-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux rilevanti peress li din kienet tikkonċerna jew użu sussegwenti għall-applikazzjoni għal trade mark, jew impriżi li kienu jużaw it-trade mark ikkontestata bil-kunsens tal-intervenjenti u li ż-żewġ provi rimanenti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit użu komuni. |
|
41 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kelma “shocker” tiddeskrivi mod ta’ azzjoni ta’ repellent tal-insetti evidenti, possibbli jew mixtieq u li jista’ faċilment jinftiehem li prodotti kimiċi ta’ repellent tal-insetti jipprovokaw għall-insetti stat ta’ xokk jew jirripellawhom, b’tali mod li l-konsumatur jistabbilixxi, mingħajr riflessjoni ulterjuri, rabta diretta u konkreta bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti koperti mill-applikazzjoni. |
|
42 |
Ir-rikorrenti ma tikkontestax it-tifsira tal-kelma “shocker” stabbilita mill-Bord tal-Appell, li abbażi tagħha din il-kelma tagħti l-idea ta’ ħaġa li tixxokkja, iżda żżid li l-imsemmija kelma tista’ faċilment tinftiehem ukoll bħala li tagħti l-idea ta’ prodott repellent jew repellent tal-insetti. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat madankollu li, fid-dawl tad-definizzjoni tal-Oxford English Dictionary, xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-pubbliku rilevanti ser jagħmel konnessjoni bejn il-kelma “shocker” u prodotti repellenti jew repellenti tal-insetti. |
|
44 |
Fil-fatt, peress li t-tifsira tal-kelma tagħti l-idea ta’ ħaġa li tixxokkja u mhux ta’ qtil jew ta’ repellent, huma neċessarji diversi stadji intellettwali sabiex il-pubbliku rileventi jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala deskrizzjoni tal-prodotti kkonċernati jew ta’ waħda jew iktar mill-karatteristiċi tagħhom. |
|
45 |
Għalhekk ma teżistix rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, ta’ natura li wieħed immedjatament jipperċepixxi, mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni jew ta’ waħda jew iktar mill-karatteristiċi tagħhom. |
|
46 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kliem “shocker” u “insect shocker” intużaw qabel id-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata sabiex jiddeskrivu diversi prodotti tal-kategorija ġenerali tal-prodotti ta’ repellent tal-insetti. Konsegwentement, il-konsumatur rilevanti ma jassoċjax il-kelma ma’ oriġini partikolari tad-diversi prodotti, iżda unikament ma’ terminu ġeneriku li jindika prodotti ta’ repellent tal-insetti. |
|
47 |
Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, prodotti ta’ repellent tal-insetti ta’ diversi produtturi huma kkummerċjalizzati taħt id-denominazzjoni Bio Insect Shocker u l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li tnejn mill-provi prodotti kienu jikkonċernaw kumpanniji li kienu użaw it-trade mark ikkontestata bil-kunsens tal-invervenjenti. |
|
48 |
Insostenn tal-prova tal-karattru komuni tal-kelma “shocker” għal prodotti ta’ repellent tal-insetti, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tipproduċi tliet provi fl-Annessi L 5, L 6 u L 7 tar-rikors. |
|
49 |
Kif isostni l-EUIPO, dawn id-dokumenti ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
50 |
Issa, l-azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali hija intiża sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2017/1001, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu skartati mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ppoduċiet quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja tas-sit internet “amazon.co.uk” tal‑11 ta’ Marzu 2017 li turi ġeranju repellent tal-insetti bl-isem “Mosquito-Shocker”. Minn dan id-dokument jirriżulta li l-prodott kien disponibbli fuq dan is-sit mill‑31 ta’ Marzu 2014. |
|
52 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja ta’ avviż pubbliċitarju tal‑11 ta’ Marzu 2017 għal prodott bl-isem “Dr. Obermann’s Insect shocker spray for dogs and cats”. |
|
53 |
Ir-rikorrenti ppreżentat ukoll quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja tal-paġna tal-internet “sk-snakes.de” tal‑11 ta’ Marzu 2017 li turi l-“Bio Insect Shocker 150 ml – Milbenspray” tal-produttur Dragon. |
|
54 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja tal-paġna tal-internet “www.aponeo.de” tal‑11 ta’ Marzu 2017 li turi l-“Bio Insect Shocker flüssig” tal-produttur organicVet GmbH, stabbilit f’Gutenbergstr. 11, 26632 Ihlow. |
|
55 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja tal-paġna tal-internet “www.canina.de” tal‑14 ta’ Marzu 2017 dwar il-“Petvital Bio-Insect-Shocker”, aerosol antiparassitiku bijoloġiku kontra l-briegħed, il-qamel, il-qamel li jigdem, id-dud u l-qurdien. |
|
56 |
It-tielet nett, quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ppreżentat ritratt tal-iskrin mingħajr data tal-paġna tal-internet “Dr. Obermann’s”, u tal-paġna tal-internet “Dr. Obermann’s”, li fih “Dr. Obermann’s Insect shocker spray for dogs and cats” ritratt tal-iskrin mingħajr data tal-paġna tal-internet “Amazon” li fiha kien hemm suġġerimenti tal-prodotti tat-trade mark Dr. Obermann’s u ritratt tal-iskrin mingħajr data tat-tfittxija fuq Google abbażi tal-kelma prinċipali “Fahrrad (rota)”. |
|
57 |
Il-Bord tal-Appell qies li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti, minħabba li, bl-eċċezzjoni tal-kopja tal-paġna tal-internet “amazon.co.uk” prodott fl-Anness L2 tal-fajl tal-EUIPO, il-provi proposti kellhom dati sussegwenti għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew ma kellhomx data, li tnejn mill-erba’ eżempji kienu ġejjin minn impriżi li jużaw is-sinjal Bio Insect Shocker bil-kunsens tal-intervenjenti u li t-tielet eżempju kien ġej minn impriża li fil-konfront tagħha l-intervenjenti kienet ressqet azzjoni għall-ksur tat-trade mark ikkontestata. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dipartimenti tal-EUIPO għandhom, sabiex jeżaminaw jekk il-motivi assoluti indikati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew għandhomx iwasslu għad-dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ trade mark irreġistrata preċedentement, jikkunsidraw il-kwistjoni fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2013, Matrix-Energetics, T‑313/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:603, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Mejju 2019, VI.TO vs EUIPO – Bottega (Forma ta’ flixkun kulur id-deheb), T‑324/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:297, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Tali obbligu, madankollu, ma jeskludix li d-dipartimenti tal-EUIPO jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, provi sussegwenti għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, sa fejn dawn jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni hekk kif kienet teżisti f’din fl-istess data (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
Il-provi tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għandhom għalhekk ikunu relatati mal-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri s‑26 ta’ Novembru 2015, jew jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni hekk kif kienet teżisti f’din l-istess data. |
|
61 |
Huwa biss l-Anness L2 prodott quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li jindika l-użu tal-element “shocker” għal prodott ta’ repellent tal-insetti mill-2014, li jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni hekk kif kienet teżisti fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
|
62 |
Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, jikkunsidra li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit użu ġenerali tal-kelma “shocker” għall-indikazzjoni ta’ prodotti ta’ repellent tal-insetti. |
|
63 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata konformement mal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
64 |
Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark ikkontestata hija nieqsa minn karattru distintiv, minħabba li l-pubbliku rilevanti ma jkollux iwettaq diversi stadji intellettwali sabiex jifhem il-mod ta’ azzjoni mfittex. |
|
65 |
Peress li l-argument tagħha dwar l-assenza allegata ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa bbażat esklużivament fuq il-karattru allegatament deskrittiv u li t-trade mark ikkontestata ma tiddeskrivix il-prodotti kkonċernati, dan ma jistax jintlaqa’. |
|
66 |
L-ewwel motiv huwa għaldaqstant infondat u għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009
|
67 |
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-trade mark ikkontestata hija ta’ natura li tfixkel lill-konsumatur fir-rigward tan-natura jew tal-kwalità tal-prodotti, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn hija tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li tirrigwarda prodotti bijoloġiċi jew relatati mar-rispett tal-ambjent. |
|
68 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta biss l-evalwazzjoni tan-natura li tfixkel tat-trade mark f’dak li jirrigwarda l-prodotti li l-Bord tal-Appell identifikat bħala bijoċidi fil-punti 48 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
69 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jsostnu, essenzjalment, li ma jeżistix riskju suffiċjenti ta’ tfixkil, minn naħa, minħabba li l-pubbliku rilevanti ma huwiex ser jassoċja l-kelma “bijo” mal-fatt li l-prodotti jirrispettaw l-ambjent jew is-saħħa u, min-naħa l-oħra, minħabba li użu li ma jfixkilx tas-sinjal huwa possibbli. |
|
70 |
Skont l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati t-trade marks li huma ta’ natura li jfixklu lill-pubbliku, pereżempju fir-rigward tan-natura, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz. |
|
71 |
Minn ġurisprudenza stabblita jirriżulta li l-każijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 jippreżupponu li jista’ jkun hemm tfixkil effettiv jew riskju suffiċjentement serju ta’ tfixkil tal-konsumatur (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Khadi and Village Industries Commission vs EUIPO – BNP Best Natural Products (Khadi Ayurveda), T‑683/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:860, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan essenzjali ta’ trade mark huwa l-provvista ta’ garanzija għall-konsumatur jew għall-utent finali dwar l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, billi dan ikun jista’ jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli bejn dan il-prodott jew bejn dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini differenti. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha ta’ element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni ġusta li t-Trattat għandu l-għan li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, din għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha koperti minnha ġew immanifatturati jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom. Issa, trade mark titlef dan ir-rwol ta’ garanzija meta l-informazzjoni inkluża fiha hija ta’ natura li tfixkel lill-pubbliku (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Khadi Ayurveda, T‑683/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:860, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, f’dak li jirrigwarda l-prodotti li huwa identifika bħala bijoċidi, li, sa fejn ir-rikorrenti ma wrietx li t-trade mark ikkontestata kisret l-Artikolu 69(2) u l-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012, ma setax ikun hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
74 |
Huwa speċifika wkoll li ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 kien eskluż, peress li użu li ma jfixkilx tas-sinjal kien possibbli. |
|
75 |
Skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, prodott bijoċidali huwa ddefinit bħala kwalunkwe sustanza jew taħlita, fl-għamla li tiġi pprovduta lill-utent, li tikkonsisti minn, li fiha jew li tiġġenera sustanza attiva waħda jew iktar, intiża sabiex teqred, tirrepella jew sabiex tirrendi mhux dannuż l-organiżmi ta’ ħsara, sabiex tipprevjeni l-azzjoni tagħhom jew li teżerċita b’mod ieħor effett ta’ kontroll fuqhom bi kwalunkwe mezz minbarra b’azzjoni sempliċiment fiżika jew mekkanika. |
|
76 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 528/2012, huwa previst dan li ġej: “[B]arra mill-konformità mal-paragrafu 1, id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw li t-tikketti ma għandhomx iqarrqu fir-rigward tar-riskji tal-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu u, fi kwalunkwe każ, ma għandhomx isemmu l-indikazzjonijiet ‘prodott bijoċidali ta’ riskju baxx’, ‘mhux tossiku’, ‘ma jagħmilx ħsara’, ‘naturali’, “favur l-ambjent”, ‘favur l-annimali’ jew indikazzjonijiet simili […]” |
|
77 |
Barra minn hekk l-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 huwa fformulat kif ġej: “3. Ir-reklami għall-prodotti bijoċidali ma għandhomx jirriferu għall-prodott b’manjiera li tqarraq fir-rigward tar-riskji mill-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu. Fi kwalunkwe każ, ir-reklamar ta’ prodott bijoċidali ma għandux isemmi ‘prodott bijoċidali ta’ riskju baxx’, ‘mhux tossiku’, ‘mhux ta’ ħsara’, ‘naturali’, ‘favur l-ambjent’, ‘favur l-annimali’ jew kwalunkwe indikazzjoni simili.” |
|
78 |
Qabel kollox, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-eżistenza ta’ kliem fuq prodott bijoċidu bħal dawk li għalihom it-trade mark ikkontestata hija rreġistrata li jistgħu jindikaw li dan il-prodott huwa naturali, li ma huwiex ta’ ħsara għas-saħħa jew li jirrispetta l-ambjent hija ta’ natura li tqarraq u tfixkel lill-konsumatur. |
|
79 |
Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ kliem ta’ dan it-tip fuq prodott bijoċidu hija suffiċjenti għall-istabbiliment ta’ riskju suffiċjentement serju ta’ tfixkil tal-konsumatur fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 71 iktar ’il fuq. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-element verbali “bijo” illum kiseb portata evokattiva ħafna, li tista’ possibbilment tiġi pperċepita b’mod differenti skont il-prodott imqiegħed għall-bejgħ li huwa relatat miegħu, iżda li, b’mod ġenerali, jagħmel riferiment għall-idea ta’ rispett tal-ambjent, tal-użu ta’ materji naturali, saħansitra ta’ proċessi ta’ manifattura ekoloġiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2010, Kerma vs UASI (BIOPIETRA), T‑586/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:171, punt 25; tal‑21 ta’ Frar 2013, Laboratoire Bioderma vs UASI – Cabinet Continental (BIODERMA), T‑427/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:92, punti 45 u 46, u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Laverana vs UASI (BIO FLUIDE DE PLANTE PROPRE FABRICATION), T‑568/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:625, punt 17). |
|
81 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 300, p. 72), jirriżulta li l-kelma “organiku” tfisser prodotti li jirriżultaw mill-produzzjoni bijoloġika jew relatati magħha. Mill-premessa 1 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-imsemmija kelma hija relatata ma’ kunċetti bħar-rispett tal-ambjent, il-bijodiversità u l-prodotti minn sustanzi jew proċessi naturali. L-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament jindika li din id-definizzjoni tikkonċerna wkoll id-diminuttivi bħal “bio” (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Biolatte vs EUIPO (Biolatte), T‑229/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:375, punt 49). |
|
82 |
Tali konstatazzjonijiet jistgħu jitwettqu wkoll, f’dan il-każ, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-element verbali “bijo” mill-pubbliku Anglofonu rilevanti. |
|
83 |
Il-preżenza tal-kelma “bijo” fuq il-prodotti bijoloġiċi li għalihom it-trade mark ikkontestata hija rreġistrata hija għalhekk suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit riskju ta’ tfixkil suffiċjentement serju għall-konsumatur. |
|
84 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika anki meta użu wieħed li ma jfixkilx tat-trade mark inkwistjoni jkun possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Caffè Nero Group vs EUIPO (CAFFÈ NERO), T‑29/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:635, punti 48 u 49). |
|
85 |
Il-possibbiltà ta’ użu li ma jfixkilx tat-trade mark, jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit, ma tistax għalhekk teskludi ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament 207/2009. |
|
86 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li l-intervenjenti ma hijiex detentriċi ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 528/2012 huwa irrilevanti, peress li ma huwiex ta’ natura li jċaħħad il-kelma “bijo” imqiegħda fuq prodotti bijoċidali min-natura li tfixkel li tirriżulta minn dan ir-regolament. |
|
87 |
Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tfixkel fir-rigward tal-prodotti li huwa kien identifika bħala prodotti bijoċidali. |
|
88 |
Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ t-tielet motiv u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonċerna l-“[p]reparazzjonijiet tal-bijoċidi għall-użu fil-manifattura; preparazzjonijiet kimiċi għall-użu fil-manifattura ta’ bijoċidi; sustanzi kimiċi miżjuda ma’ insettiċidi”, inklużi fil-Klassi 1, u d-“[d]iżinfettanti; preparazzjonijiet għall-qirda tad-dud u l-parassiti; parassitiċidi; preparazzjonijiet batterjoloġiċi għal użu mediku u veterinarju; sprejs mediċinali; sprejs antibatteriċi; insettiċidi; sustanzi li jiġbdu l-insetti lejhom; sprejs ripellenti tal-insetti; ripellenti tal-insetti; tixus imxarrba b’sustanzi li jkeċċu l-insetti; trab tal-briegħed; sprejs tal-briegħed; kullari tal-briegħed; preparazzjonijiet kontra l-briegħed; kullari kontra l-briegħed tal-annimali; trab tal-briegħed għall-annimali; bijoċidi; elementi kimiċi li jbegħdu l-annimali; preparazzjonijiet veterinarji; vaċċini veterinarji; preparazzjonijiet tal-iġjene għal skopijiet veterinarji”, inklużi fil-Klassi 5. |
|
89 |
Fid-dawl tal-konklużjoni preċedenti u sa fejn it-tieni motiv ikopri l-istess prodotti bħat-tielet motiv, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminiat it-tieni motiv. |
Fuq l-ispejjeż
|
90 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tal-istess regolament, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. |
|
91 |
F’dan il-każ, l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu l-biċċa l-kbira tat-talbiet tagħhom, iżda r-rikorrenti talbet biss il-kundanna tal-intervenjenti għall-ispejjeż. |
|
92 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, f’dan il-każ, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-intervenjenti għandha tbati nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha. L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
93 |
Ir-rikorrenti talbet ukoll il-kundanna tal-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, ma huwiex l-istess fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Għaldaqstant, l-intervenjenti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla), taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Costeira Berke Perišin Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2020. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.