European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4020

17.7.2024

P9_TA(2023)0255

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: l-applikazzjoni EGF/2023/001 BE/LNSA - Il-Belġju

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2023 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2023/001 BE/ LNSA (COM(2023)0210 – C9-0194/2023 – 2023/0152(BUD))

(C/2024/4020)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2023)0210 – C9-0194/2023),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1) (“ir-Regolament dwar il-FEG”),

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (3) (“FII tas-16 ta’ Diċembru 2020 ”), u b’mod partikolari l-punt 8 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-proċedura ta’ trilogu prevista fil-punt 9 tal-FII tas-16 ta’ Diċembru 2020,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0228/2023),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta’ appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom ikunu ħadmu;

B.

billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2023/001 BE/ LNSA għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 603 sensji (4) fis-settur ekonomiku kklassifikata taħt id-diviżjoni 52 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Magazzinaġġ u attivitajiet ta’ sostenn għat-trasport) fil-provinċja ta’ Brabant Wallon, f’perjodu ta’ referenza għall-applikazzjoni mit-23 ta’ Awwissu 2022 sat-23 ta’ Diċembru 2022;

C.

billi l-applikazzjoni tirrigwarda 603 ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kumpaniji Logistics Nivelles SA (“LNSA”) u SuperTransport SA/NV, fornitur ta’ Logistics Nivelles;

D.

billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 200 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;

E.

billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna naqqsu l-kompetittività ekonomika u għandhom impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku fil-Belġju;

F.

billi l-LNSA kienet tipprovdi servizzi loġistiċi fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel friski u xotti, inbejjed u spirti lil Carrefour; billi s-sensji rriżultaw mid-deċiżjoni tal-kumpanija omm ta’ LNSA Kuehne + Nagel li tagħlaq is-sussidjarja Belġjana tagħha, wara diffikultajiet finanzjarji tal-LNSA u telf sinifikanti tal-kumpanija fl-2020, li qabeż il-baġit totali għall-2020, kif ukoll fl-2021 fejn it-telf reġa’ kien akbar milli mistenni;

G.

billi Kuehne + Nagel iddeċidiet li tibdel id-distribuzzjoni reġjonali tagħha f’distribuzzjoni nazzjonali u li tiddependi fuq is-sussidjarja tagħha Kontich NV biex tforni l-ħwienet ta’ Carrefour madwar il-Belġju; billi Kuehne + Nagel għandha wkoll faċilitajiet f’Kampenhout (loġistika tat-toroq); billi l-ebda ħaddiem ma ġie rilokat bejn iċ-ċentri loġistiċi ta’ Kuehne + Nagel;

H.

billi l-LNSA, f’konformità mal-liġi Belġjana dwar is-sensji kollettivi, infurmat u kkonsultat lir-rappreżentanti tal-ħaddiema: billi din il-proċedura obbligatorja żgurat EUR 1 500 għal kull ħaddiem biex tkopri l-ispejjeż tat-taħriġ mill-ġdid;

I.

billi kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għandhom ikunu diretti primarjament lejn miżuri attivi ta’ politika tas-suq tax-xogħol u servizzi personalizzati li jkollhom l-għan li jintegraw mill-ġdid u malajr lill-benefiċjarji f’impjieg deċenti u sostenibbli fi ħdan is-settur ta’ attività inizjali tagħhom jew barra minnu, filwaqt li jħejjuhom għal ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali;

J.

billi l-FEG m’għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (bi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093;

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 2 153 358 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-ispiża totali ta’ EUR 2 533 363, spiża li tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta’ EUR 2 484 363 u n-nefqa għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u riklamar, kontroll u rapportar ta’ EUR 49 000;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni fis-17 ta’ Frar 2023, u li, wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2023 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess jum;

3.

Jinnota li l-applikazzjoni tirrigwarda 603 ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kumpaniji Logistics Nivelles SA (LNSA) u SuperTransport SA/NV, fornitur ta’ LNSA; jinnota wkoll li 542 mis-603 benefiċjarji eliġibbli ġew issensjati matul il-perjodu ta’ referenza, filwaqt li 61 ħaddiem ingħataw is-sensja qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza iżda l-ispostament tagħhom ġie kkawżat mill-istess avveniment li wassal għall-ispostament ta’ dawk tal-ewwel; jilqa’ l-fatt li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;

4.

Jieħu nota li l-ispostamenti f’LNSA huma mistennija li jkollhom impatt partikolari fuq il-ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena u/jew b’ħiliet baxxi, peress li huwa aktar diffiċli li jiġu integrati mill-ġdid f’impjieg stabbli, speċjalment meta jitqies li r-rata tal-qgħad f’Brabant Wallon hija ta’ 8,4 %, 2,8 % ogħla mil-livell nazzjonali u aktar minn 30 % tal-persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg fi Frar 2023 kellhom aktar minn 50 sena; jindika l-fatt li 86,3 % tal-ħaddiema ssensjati jgħixu fil-provinċja ta’ Hainaut, fejn l-għadd ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg żdied b’9,8 % sena wara sena; jenfasizza li 53,3 % tal-eks ħaddiema ta’ LNSA għandhom aktar minn 45 sena u l-profil ta’ impjieg tal-maġġoranza tal-ħaddiema ta’ LNSA kien ta’ handler;

5.

Jinnota li l-ebda ħaddiem ma ġie rilokat bejn iċ-ċentri loġistiċi ta’ Kuehne + Nagel; jinnota li l-Loġistika Nivelles SA kkonformat mal-liġi Belġjana dwar is-sensji kollettivi, li tistabbilixxi proċedura obbligatorja għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li tippermetti l-esplorazzjoni ta’ kwalunkwe possibbiltà li jiġi evitat jew jitnaqqas l-għadd ta’ sensji;

6.

Jilqa’ l-fatt li l-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal mill-Belġju b’konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, ir-rappreżentanti tagħhom u s-sħab soċjali;

7.

Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: servizzi ta’ informazzjoni, għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg, inkluża l-identifikazzjoni ta’ perspettivi ta’ impjiegi f’reġjuni jew fi Stati Membri oħra, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, u appoġġ lejn il-ħolqien ta’ negozju u kontribuzzjoni għalih, kif ukoll inċentivi u benefiċċji;

8.

Jilqa’ l-inklużjoni ta’ modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi li ġie żviluppat għall-eks ħaddiema ta’ Swissport (EGF/2020/005 BE/Swissport), bħala parti mill-offerta standard ta’ taħriġ tas-Servizz Pubbliku Reġjonali tal-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali (Forem), li se jiġi kofinanzjat mill-FSE+; itenni, f’dan il-kuntest, ir-rwol importanti li l-Unjoni għandu jkollha biex tipprovdi l-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ġusta f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappoġġja bil-qawwa l-fatt li, matul il-perjodu tal-QFP 2021-2027, il-FEG se jkompli juri solidarjetà mal-persuni affettwati u jżomm l-enfasi fuq l-impatt tar-ristrutturar fuq il-ħaddiema; jitlob li l-applikazzjonijiet futuri jimmassimizzaw il-koerenza tal-politika;

9.

Jinnota li anki t-trasformazzjoni diġitali u dik ekoloġika se jkollhom effett fuq is-suq tax-xogħol, speċjalment fis-settur tal-loġistika; jappella, għalhekk, għal attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni kwalifikata, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni tal-hekk imsejħa sistema doppja tal-edukazzjoni vokazzjonali, li wriet li hija effettiva fi Stati Membri oħra;

10.

Jinnota li l-Belġju beda joffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Awwissu 2022 u li għaldaqstant, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta’ Awwissu 2022 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ finanzjament;

11.

Jinnota li l-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex jimplimenta l-FEG fit-22 ta’ Settembru 2021 u li għaldaqstant, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ riklamar, ta’ kontroll u ta’ rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-22 ta’ Settembru 2021 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament;

12.

Jisħaq li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li l-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u n-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;

13.

Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta’ kumpaniji, skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt tal-ħaddiema ssensjati, biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni; ifakkar li l-Istati Membri li japplikaw għal appoġġ finanzjarju mill-FEG jeħtiġilhom jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar is-sensji kollettivi jkunu ġew rispettati u li l-kumpanija kkonċernata tkun ipprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq;

14.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex tiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)   ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.

(2)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(3)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(4)  Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju (EGF/2023/001 BE/LNSA)

(It-test ta' dan l-anness mhuwiex riprodott hawnhekk peress li jaqbel mal-att finali, id-Deċiżjoni (UE) 2023/1558.)


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4020/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)