31.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1164/2014

tal-31 ta' Ottubru 2014

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 411/2014 li jwassal għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-importazzjoni taċ-ċanga u tal-vitella friska u ffriżata li toriġina mill-Ukraina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi arranġamenti preferenzjali għall-2014 għad-dazji doganali marbuta mal-importazzjoni ta' ċerti oġġetti li joriġinaw mill-Ukraina. Skont l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament, il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness III tiegħu għandhom jitħallew jiġu impurtati fl-Unjoni fil-limiti tal-kwoti tariffarji stabbiliti f'dak l-Anness.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 411/2014 (3) fetaħ u ppreveda l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-importazzjoni taċ-ċanga u tal-vitella li joriġinaw mill-Ukraina sal-31 ta' Ottubru 2014.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 374/2014 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1150/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Primarjament, l-emenda tipprevedi l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 374/2014 sal-31 ta' Diċembru 2015, u għall-istabbiliment tal-kwantitajiet u tal-kwoti għall-2015. Għalhekk, jixraq li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 411/2014 jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 411/2014

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 411/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Il-perjodi tal-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni

1.   Il-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tinfetaħ mill-25 ta' April sal-31 ta' Diċembru 2014 u mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2015.

2.   Il-kwantità stabbilita għall-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni għall-2015 għan-numru tal-ordni stabbilit fl-Anness I għandha tiġi maqsuma għal darba oħra f'erba' perjodi sekondarji, kif jidher hawn taħt:

(a)

25 % mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu;

(b)

25 % mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju;

(c)

25 % mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru;

(d)

25 % mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru.”

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“L-applikazzjonijiet tad-drittijiet tal-importazzjoni għall-perjodu tal-kwota tal-2014”

;

(b)

fil-paragrafu 8, id-data tal-“31 ta' Ottubru 2014” hija sostitwita bid-data “31 ta' Diċembru 2014”;

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej:

“Artikolu 3a

L-applikazzjonijiet tad-drittijiet tal-importazzjoni għall-perjodu tal-kwota tal-2015

1.   L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni għandhom jitressqu matul l-ewwel sebat ijiem tax-xahar qabel kull perjodu sekondarju msemmi fl-Artikolu 2(2).

2.   Mat-tressiq tal-applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni għandha tiġi ddepożitata garanzija ta' EUR 6 għal kull 100 kilogramma ta' piż nett.

3.   Huma u jressqu l-ewwel applikazzjoni għal kull sena speċifika tal-kwota, l-applikanti għad-drittijiet tal-importazzjoni jridu juru li kwantità ta' ċanga li taqa' taħt il-kodiċijiet tan-NM 0201 jew 0202 tkun ġiet impurtata minnhom jew f'isimhom, skont id-dispożizzjonijiet tad-dwana rilevanti, matul il-perjodu ta' 12-il xahar eżatt qabel l-ewwel applikazzjoni tagħhom (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘il-kwantità ta' referenza’). Kumpanija ffurmata mill-fużjoni ta' kumpaniji li kull waħda minnhom tkun impurtat kwantitajiet ta' referenza, tista' tuża dawk il-kwantitajiet ta' referenza bħala l-bażi għall-applikazzjoni tagħha.

4.   Il-kwantità totali koperta minn applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni mressqa fil-perjodu sekondarju tal-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni ma għandhiex taqbeż il-25 % tal-kwantità ta' referenza tal-applikant. L-applikazzjonijiet li ma jħarsux din ir-regola ma jiġux aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti.

5.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet totali, fosthom dikjarazzjonijiet nulli, tal-applikazzjonijiet kollha, espressi f'kilogrammi ta' piż tal-prodott, fl-14 tax-xahar li fih jitressqu l-applikazzjonijiet.

6.   Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom jingħataw mit-23 jum tax-xahar li fih jitressqu l-applikazzjonijiet, u mhux aktar tard mill-aħħar jum ta' dak ix-xahar.

7.   Jekk l-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 tirriżulta fl-allokazzjoni ta' inqas drittijiet tal-importazzjoni milli jkunu tressqu applikazzjonijiet għalihom, il-garanzija ddepożitata skont il-paragrafu 2 għandha tinħeles proporzjonatament, mingħajr dewmien.

8.   Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom ikunu validi mill-ewwel jum tal-perjodu sekondarju li għalih tressqet l-applikazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2015. Id-drittijiet tal-importazzjoni ma għandhomx ikunu trasferibbli.”

;

(4)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Ħruġ ta' liċenzji tal-importazzjoni għall-perjodu tal-kwota 2014”

;

(b)

fil-paragrafu 8, id-data tal-“31 ta' Ottubru 2014” hija sostitwita bid-data “31 ta' Diċembru 2014”;

(5)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 4 a li ġej:

“Artikolu 4a

Ħruġ ta' liċenzji tal-importazzjoni għall-perjodu tal-kwota 2015

1.   Il-ħelsien fiċ-ċirkulazzjoni libera tal-kwantitajiet assenjati skont il-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni ta' liċenzja tal-importazzjoni.

2.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikopru l-kwantità totali tad-drittijiet tal-importazzjoni allokati. Għandu jiġi rispettat l-obbligu msemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (*1).

3.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji għandhom jitressqu biss fl-Istat Membru fejn l-applikant ikun applika għad-drittijiet tal-importazzjoni skont il-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) u fejn ikun kisibhom.

4.   Kull ħruġ tal-liċenzja ta' importazzjoni għandu jirriżulta fi tnaqqis korrispondenti fid-drittijiet tal-importazzjoni li nkisbu u l-garanzija ddepożitata bi qbil mal-Artikolu 3a(2) għandha tiġi rrilaxxata b'mod proporzjonali mingħajr dewmien.

5.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jinħarġu f'isem l-operatur li jkun ingħata d-drittijiet tal-importazzjoni mal-applikazzjoni tiegħu.

6.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji għandhom jirreferu għal numru tal-ordni wieħed biss. Jistgħu jikkonċernaw diversi prodotti koperti minn kodiċijiet tan-NM differenti. F'dan il-każ, il-kodiċijiet kollha tan-NM u d-deskrizzjonijiet tagħhom għandhom jiġu indikati fil-kaxex 15 u 16 tal-applikazzjoni għal-liċenzja u tal-liċenzja stess, rispettivament.

7.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji u l-liċenzji tal-importazzjoni għandhom juru:

(a)

fil-kaxxa 8, l-isem ‘L-Ukraina’ bħala l-pajjiż tal-oriġini u l-kaxxa ‘iva’ mmarkata b'salib;

(b)

fil-kaxxa 20, waħda mill-entrati elenkati fl-Anness II.

8.   Kull liċenzja għandha ssemmi l-kwantità għal kull kodiċi tan-NM.

9.   B'deroga mill-Artikolu 5(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 382/2008, il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jibqgħu validi għal 30 jum mid-data reali tal-ħruġ tagħhom fit-tifsira tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008. Madankollu. il-perjodu ta' validità tal-liċenzji tal-importazzjoni, ma għandux jaqbeż il-31 ta' Diċembru 2015.

(*1)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).” "

(6)

L-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Notifiki lill-Kummissjoni għall-perjodu tal-kwota 2014

1.   B'deroga mit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

sa mhux aktar tard mill-10 ta' Jannar 2015, bil-kwantitajiet tal-prodotti, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, li għalihom ikunu nħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni fil-perjodu tal-kwota;

(b)

sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2015, bil-kwantitajiet tal-prodotti, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, koperti b'liċenzji tal-importazzjoni li ma jkunux intużaw jew li jkunu ntużaw parzjalment u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imniżżla fin-naħa ta' wara tal-liċenzji tal-importazzjoni, u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu.

2.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li jkunu effettivament inħelsu fiċ-ċirkolazzjoni libera matul il-perjodu tal-kwota tariffarja tal-2014.

3.   Fil-każ tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-kwantitajiet għandhom jingħataw f'kilogrammi.”

;

(7)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a

Notifiki lill-Kummissjoni għall-perjodu tal-kwota 2015

1.   B'deroga mit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-10 jum tax-xahar wara l-aħħar jum ta' kull perjodu sekondarju, bil-kwantitajiet, fosthom id-dikjarazzjonijiet nulli, koperti mil-liċenzji li jkunu ħarġu tul dak il-perjodu sekondarju.

2.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet, fosthom id-dikjarazzjonijiet nulli, koperti minn liċenzji tal-importazzjoni mhux użati jew parzjalment użati, u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imdaħħla fuq wara tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu:

(a)

flimkien man-notifiki msemmijin fl-Artikolu 3a(5) ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjonijiet imressqa għall-aħħar perjodu sekondarju tal-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni 2015;

(b)

għall-kwantitajiet li ma jkunux għadhom ġew innotifikati fil-ħin tal-ewwel notifika stipulata fil-punt (a), sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2016.

3.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2016, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li jkunu effettivament inħelsu fiċ-ċirkolazzjoni libera matul dak il-perjodu tal-kwota tariffarja.

4.   Fil-każ tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-kwantità għandha tingħata f'kilogrammi ta' piż tal-prodott.”

;

(8)

L-Anness I għandu jiġi ssostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-2 ta' Novembru 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw mill-Ukraina (ĠU L 118, 22.4.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 411/2014 tat-23 ta' April 2014 li jwassal għall-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-importazzjoni taċ-ċanga u tal-vitella friska u ffriżata li toriġina mill-Ukraina (ĠU L 121, 24.4.2014, p. 27).

(4)  Regolament (UE) Nru 1150/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 374/2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukraina (ĠU L 313, 31.10.2014, p. 1).


ANNESS

“ANNESS I

Irrispettivament mir-regoli għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti għandu jitqies bħala ta' valur indikattiv biss, minħabba li l-applikabbiltà tal-arranġamenti preferenzjali, fil-kuntest ta' dan l-Anness, tiddependi mill-ambitu tal-kodiċijiet tan-NM.

Numru tal-ordni

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni

Perjodu ta' importazzjoni

Kwanità f'tunnellati (piż nett)

Dazju applikabbli

(f'EUR/t)

09.4270

0201 10 00

0201 20 20

0201 20 30

0201 20 50

0201 20 90

0201 30 00

0202 10 00

0202 20 10

0202 20 30

0202 20 50

0202 20 90

0202 30 10

0202 30 50

0202 30 90

Laħam tal-annimali bovini: frisk, imkessaħ jew iffriżat

Sena 2014

Sena 2015

12 000

12 000

0”