31994D0168



Official Journal L 077 , 19/03/1994 P. 0051 - 0058
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 3 P. 0116
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 3 P. 0116


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-22 ta' Frar 1994

dwar miżuri li għandhom jittieħdu għal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom dwar l-armonizzazzjoni tal-kompilazzjoni tal-prodott gross domestiku fi prezzijiet tas-suq

(94/168/KE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom tat-13 ta' Frar 1989 dwar l-armonizzazzjoni tal-kompilazzjoni tal-prodott gross domestiku fi prezzijiet tas-suq [1],

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti definittivi uniformi għall-ġbir tar-riżorsi proprji li joħorġu mit-taxxa fuq il-valur miżjud [2] jistipula li:

- il-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għandu jkun ikkalkolat billi jintużaw il-figuri tal-kontijiet nazzjonali (Artikolu 4),

- il-Kummissjoni għandha tassigura li t-tagħrif użat u l-kalkolazzjonijiet magħmula huma adattati (Artikolu 11),

- l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa (Artikolu 12)

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tad-29 ta' Mejju 1989 li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet [3] jistipulat li l-Kummissjoni għandha kull sena tispezzjona l-aggregati provduti għal żbalji fil-kompilazzjoni u li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw il-miżuri ta' spezzjoni;

Billi d-dikjarazzjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, rekordjata fil-minuti tal-Kunsill, fl-okkażżjoni ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 89/130/KEE, Euratom, indikat li l-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 6 ta' l-imsemmija Direttiva, hawnhekk iżjed ‘l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat GNP", għandu jikkonċentra x-xogħol tiegħu biex jittejjeb il-grad ta' kopertura ta' l-hekk imsejjaħ parallel ta' l-ekonomija fil-kontijiet nazzjonali;

Billi l-kopertura ta' l-attività ekonomika mwettqa bi ksur tal-leġislazzjoni tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali fl-estimi ta' l-Istati Membri tal-prodott gross nazzjonali fi prezzijiet tas-suq, hawnhekk iżjed ‘l quddiem imsejjaħ il-"GNPmp", fil-present m'hijiex uniformi;

Billi l-idea tal-popolazzjoni ta' l-unitajiet ta' produzzjoni hija relevanti għall-kalkolazzjoni tal-GNPmp, irrispettivament mil-liema tlett attitudnijiet għall-prodott gross domestiku fi prezzijiet tas-suq, hawnhekk iżjed ‘l quddiem imsjjaħ il-"GDPmp", hija applikata;

Billi l-idea ta'l-impiegi li ssostni l-GDPmp hija pertinenti għall-kompilazzjoniiet tal-GDPmp min-naħa tal-ħruġ u d-dħul, billi l-Istati Membri kollha japplikaw ta' l-anqas waħda minn dawn iż-żewġ attitudnijiet għall-GDPmp;

Billi s-sorsi demografiċi (ċensimenti tal-popolazzjoni, l-istħarriġ tal-forza tax-xogħol tal-Komunità) jikkostitwixxu mezz effiċjenti għall-validazzjoni ta' l-impiegi li jsostnu l-GDPmp;

Billi disa' Stati Membri wettqu ċensimenti tal-popolazzjoni fl-1990/91 u l-Istati Membri l-oħra kienu kapaċi jissottomettu tagħrif komparabbli bbażat fuq reġistri u/jew kampjuni ta' stħarriġ;

Billi l-istħarriġ dwar il-forza tax-xogħol twettaq b'mod konsistenti fit-12-il Stat Membru sa mill-1987;

Billi l-intervistar dirett applikat fl-istħarriġ tal-forza tax-xogħol jista' jwassal, u f'xi każi wera li wassal, għal kxif ta' impiegi f'eċċess ta' dak rekordjat miċ-ċensimenti tal-popolazzjoni;

Billi sistemi tat-taxxa tad-dħul personali u korporata u tat-taxxa fuq il-valur miżjud, flimkien mal-mekkaniżmi li jikkorrisspondu tal-verifiki fiskali, jeżistu fl-Istati Membri kollha;

Billi l-informazzjoni mill-verifiki fiskali tista' tintuża biex isiru aġġustamenti għall-evażjoni fit-tagħrif dwar it-taxxi u rapportar ħażin fl-istħarriġ;

Billi f'xi Stati Membri l-informazzjoni minn verifiki fiskali diġà tintuża' għal dan il-għan;

Billi skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà il-miżuri biex tittejjeb il-kompjutezza tal-GNPmp huma programmi li jistgħu jitwettqu b'mod effiċjenti biss fil-livell tal-Komunità; billi dawk il-miżuri għandhom jiġi applikati f'kull Stat Membru taħt l-awtorità tal-korpi u l-istituzzjonijiet inkarigati mill-kumpilazzjoni ta' l-istatiska uffiċjali;

Billi l-Kumitat tal-GNP ġie konsultat u ma rrifjutax il-miżura li għaliha tipprovdi din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

TITOLU I

Għan u kamp ta' applikazzjoni

Artikolu 1

1. L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tittejjeb il-kompletezza tal-GDPmp bħala komponent prinċipali tal-GNPmp ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' l-attività ekonomika fi ħdan il-fruntiera ta' produzzjoni tas-sistema Ewropea ta' kontijiet integrati ekonomiċi ("ESA"). Din tinkludi l-attività ekonomika li hija legali fiha nnifisha iżda li ma titwettaqx b'konformità mar-regolamenti tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali.

2. Attività li hija llegali fiha nnifisha skond il-liġi nazzjonali hija barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni.

3. L-ewwel riżultati tal-programmi stipulati taħt it-Titoli III, IV, V u VI għandhom ikunu ntegrati fl-estimi tal-GNP ta' l-Istati Membri mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 1995.

TITOLU II

Definizzjoni ta' l-espressjonijiet

Artikolu 2

Estimi tal-GNP u tal-GDP huma kompluti meta ma jkoprux biss il-produzzjoni, id-dħul primarju u l-infieq li huma direttament osservati fl-istħarriġ statistiku jew fil-fajls amministrattivi, iżda jinkludu produzzjoni, dħul primarju u nfieq li m'humiex direttament osservati. Dan ta' l-aħħar jirrelata, fost ħwejjeġ oħra, ma' fenominu wieħed jew aktar milli ġejjin:

- nuqqas ta' unitajiet reġistrati u ekonomikament attivi mill-fajls statistiċi,

- evażjoni tal-ħals tat-taxxi u jew tal-premiums tas-sigurtsoċjali,

- eżenzjoni mill-obbligu li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali.

In-nuqqas mill-fajls statistiċi jinkludi n-nuqqas ta' rapportar fil-fajls statistiċi ta' unitajiet ekonomikament attivi reġistrati ma' l-awtoritajiet fiskali jew tas-sigurtà soċjali, u għandu kontroparti fl-irrekordjar ta' fajls statistiċi ta' unitajiet li m'għandhomx ekonomikament attivi.

L-evażjoni tal-ħlas tat-taxxi u tal-premiums tas-sigurtà soċjali tinkludi s-sottomissjoni ta' figuri lill-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali li jkun fihom ommissjonijiet jew ikunu falsifikati u tinkludi in-nuqqas ta' sottomissjoni ta' denunzji obbligatorji tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali, per eżempju min-naħa ta' unitajiet klandestini ta' produzzjoni.

L-eżenzjoni mill-obbligu li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali hija relatata, fost ħwejjeġ oħra, mal-limiti minimi għar-reġistrazzjoni obbligatorja ta' ċerti attivitajiet jew transazzjonijiet. Din tinkludi eżenzjoni għal gruppi speċifiċi ta' persuni jew intrapriżi u s-sottomissjoni ta' denunzji parzjali li ma jiksrux ir-regolamenti li jirregolaw is-sistemi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali.

L-impiegi għandhom jinftehmu li huma dawk tal-popolazzjoni domestika okkupata skond l-ESA paragrafi 808 sa 814.

TITOLU III

Deskrizzjoni tal-kalkoli u l-aġġustamenti li jassiguraw il-kompjutezza ta' l-estimi tal-GNP presenti

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom iħejju deskrizzjoni tal-kalkolazzjonijiet kollha u l-aġġustamenti li m'humiex konsidrati li jaqbdu l-produzzjoni, id-dħul primarju u l-infieq li mhumiex direttament osservabbli skond l-Artikolu 2. Il-kalkolazzjonijiet u l-aġġustamenti huma jew espliċiti jew impliċiti. Eżempji ta' kalkolazzjonijiet impliċiti huma kalkolazzjonijiet ta' prezz skond il-kwantità u estimi li joħorġu min-naħa tat-talba bl-użu ta' stħarriġ ta' xerrejja ta' oġġetti u servizzi. Sa fejn hu possibbli d-deskrizzjonijiet għandhom jipprovdu analiżi ta' l-aġġustamenti u l-kalkolazzjonijiet konċernati f'dawk għal:

1. nuqqas ta' unitajiet reġistrati u ekonomikament attivi minn fajls statistiċi;

2. evażjoni tal-ħlas ta' taxxi u/jew premiums tas-sigurtà soċjali;

2.1. unitajiet klandestini ta' produzzjoni;

2.2. evażjoni oħra, b'mod partikolari rapportar ħażin u nuqqas ta' rapportar minn intrapriżi reġistrati;

3. eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ma' l-awtoritajiet fiskali jew tas-sigurtà soċjali:

3.1. minħabba l-livelli l-baxxi tar-reġistrazzjoni;

3.2. raġunijiet oħra għall-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni.

Id-deskrizzjoni għandha tirreferi għal sena reċenti li għaliha l-etimi finali huma disponibbli.

Artikolu 4

L-Istati Membri li japplikaw l-attitudni ta' ħruġ għall-GDP għandhom iħejju tabella ta' dawk l-aġġustamenti kollha u kalkolazzjonijiet skond il-fergħa, billi jsegwu n-NACE-CLIO R44 jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fil-livell ta' l-aggregazzjoni wżat għall-kalkolazzjonijiet tagħhom u fil-livell tan-NACE-CLIO R25 (ara ESA, taqsima dwar klassifikazzjonijiet u kodifika). It-tabella għandha:

- tiddeskrivi t-tip ta' aġġustament (per eżempju, r-raġuni għall-aġġustament, jekk huwiex aġġustament impliċitu jew espliċitu, id-daqs ta' l-limitu tar-reġistrazzjoni, eċċ.),

- tiddeskrivi s-sors/i tat-tagħrif użat għall-aġġustamenti (tip, sena, relazzjoni ma' l-iskop ta' l-attività fil-klassi NACE-CLIO),

- tiddeskrivi l-metodu ta' kalkolazzjoni (varjabbli wżati, assunzjonijiet, waqt li turi eżempju konkret tal-metodu ta' kalkolazzjoni),

- għal aġġustamenti espliċiti: turi l-valur ta' l-aġġustament f'termini assoluti u bħala perċentwali tal-valur miżjud gross (li għalih l-estimu finali wara l-modifikazzjonijiet kollha u l-integrazzjoni għandhom jintuża),

- għal aġġustamenti impliċiti: tispjega għaliex għandhom jitqiesu bħala tali u fejn possibbli tipprovdi prova tal-validità ta' l-assunzjonijiet magħmula.

Il-format tat-tabella għandu jkun kif muri fl-Anness I.

Artikolu 5

L-Istati Membri li japplikaw l-attitudni tad-dħul għall-GDP għandhom jistabbilixxu deskrizzjoni ta' dawk l-aġġustamenti kollha u kalkolazzjonijiet fir-rigward ta' kumpens lill-impjegati, bilanċ gross żejjed ta' operazzjoni ta' intrapriżi mhux inkorporati u bilanċ gross żejjed ta' impriżi inkorporati. It-tabella wżata għal din id-deskrizzjoni għandha, fil-waqt li tipproċedi skond is-settur jew il-fergħa, turi:

- it-tip ta' aġġustament (kif imniżżel fl-Artikolu 4),

- is-sorsi tat-tagħrif għall-aġġustamenti (kif imniżżla fl-Artikolu 4),

- il-metodi ta' kalkolazzjoni (kif imniżżla fl-Artikolu 4),

- għal aġġustamenti espliċiti: id-daqs assolut u relattiv (kif imniżżel fl-Artikolu 4),

- għal aġġustamenti impliċiti: ir-raġuni fundamentali (kif imniżżel fl-Artikolu 4).

Il-format ta' din it-tabella huwa mniżżel fl-Anness II.

Artikolu 6

L-Istati Membri li japplikaw l-attitudni tan-nefqa għall-GDP għandhom, fil-każi kollha fejn il-figuri tan-nefqa huma bbażati fuq bejgħ jew xiri ta' unitajiet tal-produttur (per eżempju, bejgħ bl-imnut jew xiri ta' oġġetti kapitali minn produtturi), jħejju deskrizzjoni ta' dawk l-aġġustamenti kollha u kalkolazzjonijiet. It-tabella wżata għal din id-deskrizzjoni għandha turi fil-livell ta' aggregazzjoni wżat għall-kalkolazzjonijiet:

- it-tip ta' aġġustament (kif imniżżel fl-Artikolu 4),

- is-sorsi tat-tagħrif għall-aġġustamenti (kif imniżżla fl-Artikolu 4),

- il-metodu ta' kalkolazzjoni (kif imniżżel fl-Artikolu 4),

- għal aġġustamenti espliċiti: id-daqs assolut u relattivi ta' l-aġġustament, bid-daqs jiġi espress bħala perċentwali tan-nefqa (li għaliha l-estimu finali wara l-modifikazzjonijiet kollha għandu jintuża)),

- għal aġġustamenti impliċiti: ir-raġuni fundamentali (kif imniżżel fl-Artikolu 4).

Il-format tat-tabella għal din id-deskrizzjoni huwa mniżżel fl-Anness III.

Artikolu 7

Jekk fl-istima tal-GNP ma jsiru ebda aġġustamenti jew aġġustamenti parzjali għan-nuqqas, evażjoni jew eżenzjoni, l-Istati Membri għandhom jipproponu proposti għal programm ta' azzjoni biex jirrimedjaw dawk in-nuqqasijiet.

Artikolu 8

L-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 għandha tintbagħat lill-Uffiċċju Statistiku tal-Komunitajiet Ewropej mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1994. Huma għandhom jiġu diskussi mill-Kumitat tal-GNP matul it-tieni nofs ta' l-1994.

TITOLU IV

Validazzjoni ta' l-impiegi li jsostnu l-estimi preżenti tal-GDP

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom iqabblu t-tagħrif dwar l-impiegi skond is-sorsi demografiċi ma' l-impiegi li jsostnu l-estimi presenti tal-GNP. Il-kunċett ta' impiegi li għandu jiġi applikat huwa dak tal-popolazzjoni domestika okkupata. Jekk is-sors tat-tagħrif demografiku ma jikkonformax ma' dan il-kunċett ta' impiegi, l-ewwel għandha titħejja tabella li turi l-modifikazzjonijiet li għandhom isiru biex tinkiseb dik il-konformità. It-tabella għandha turi, sa fejn hu possibbli u skond il-prattika nazzjonali:

- ir-raġuni għall-modifikazzjoni,

- is-sors tat-tagħrif użat għall-modifikazzjoni u l-fatturi prinċipali tagħhom,

- il-metodu ta' kalkolazzjoni (varjabbli, assunzjonijiet u eżempju konkret ta' kalkolazzjoni),

- id-daqs tal-kalkolazzjoni (assolut u bħala perċentwali tal-volum tax-xogħol).

Il-format tat-tabella huwa mniżżel fl-Anness IV. Għall-figuri ta' l-istħarriġ tal-forza tax-xogħol, għandhom isiru modifikazzjonijiet, per eżempju, għall-persuni li jgħijxu f'familji istituzzjonali u ħaddiema bejn il-fruntieri. Billi l-istħarriġ tal-forza tax-xogħol huwa stħarriġ kampjun, il-proċedura għall-iggrossar tat-total nazzjonali għandha wkoll tiġi deskritta (sors ta' l-informazzjoni u metodu tal-kalkolazzjoni). L-Istati membri huma mitluba li jipprovdu informazzjoni dwar il-marġini ta' żball fiċ-ċensiment tal-popolazzjoni u l-istħarriġ tal-forza tax-xogħol. Għandhom ukoll jitħejjew tabelli biex juri l-modifikazzjonijiet skond il-fergħa. Il-klassifikazzjoni li għandha tintuża hija n-NACE-CLIO R44 għas-servizzi u n-NACE-CLIO R25 għall-fergħat l-oħra. Il-format għal din it-tabella huwa mniżżel fl-Anness V.

Artikolu 10

Għas-sena 1990 jew 1991, l-Istati membri għandhom iħejju tabella fergħa b'fergħa tan-numru totali ta' impjegati u persuni impjegati għal rashom skond iċ-ċensiment tal-popolazzjoni, l-istħarriġ tal-forza tax-xogħol u l-kontijiet nazzjonali. Il-klassifikazzjoni li għandha tintuża hija n-NACE-CLIO R44 għas-servizzi u n-NACE-CLIO R25 għall-fergħat l-oħra. Is-sors tal-figuri ta' l-impiegi li jsostnu l-kontijiet nazzjonali u l-mod li bih huma relatati ma' figuri għall-valur miżjud u fatturi ta' dħul għandhom ikunu deskritti. It-tagħrif mill-istħarriġ tal-forza tax-xogħol għandu jispeċifika:

- l-impiegi kollha ta' l-i mpjegati li jaħdmu full-time u part-time,

- in-numru ta' l-ewwel impiegi,

- in-numru ta' sigħat maħduma fl-ewwel impiegi,

- in-numru tat-tieni impiegi,

- in-numru medju ta' siegħat maħduma fit-tieni impiegi,

- l-ekwivalenti full-time għall-ewwel u t-tieni mpieġi.

Il-format ta' din it-tabella huwa mniżżel fl-Anness VI. Barra minn dan, kull estimi uffiċjali disponibbli tan-numru ta' immigranti klandestini u l-attività tagħhom għandhom jiġu pprovduti.

Il-konverzjoni min-numru ta' impiegi għall-ekwivalenti full-time għandha tiġi deskritta. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi s-sorsi ta' l-informazzjoni, il-varjabbli, l-assunzjonijiet u eżempju konkret tal-kalkolazzjoni ta' l-ekwivalenti full-time. Il-konverzjoni għandha tagħti kont ta' fenomini bħal impiegi temporanji, xogħol staġonali, apprendisti u immigranti klandestini.

Meta għal xi attivitajiet ekonimiċi differenzi sinjifikanti jimmanifestaw irwieħhom, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa fil-livell l-aktar dettaljat tal-klassifikazzjoni nazzjonali ta' l-attivitajiet ekonomiċi.

Artikolu 11

L-Istati Membri li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ċensimenti tal-post tax-xogħol, stħarriġ imtejjeb tal-forza tax-xogħol, stħarriġ ta' l-estimi taż-żmien, stħarriġ speċjalment immirat lejn in-nefqa tal-familja u kull informazzjoni oħra li titfa dawl fuq l-impiegi b'mod ġenerali u attivitajiet sekondarji b'mod partikolari jistgħu jipprovdu tabelli supplimentari li jinkludu din l-informazzjoni. B'mod partikolari:

- L-Istati Membri li għalihom huwa disponibbli ċensiment tal-post tax-xogħol (għadd ta' l-impiegi ibbażat fuq reġistru) jistgħu jħejju tabella skond il-fergħa tan-numru ta' impiegi ġestiti minn impjegati u persuni impjegati għal rashom skond iċ-ċensiment tal-post tax-xogħol,

- L-Istati Membri li jżommu stħarriġ imtejjeb tal-forza tax-xogħol li jitolbu domandi supplimentari, stħarriġ ta' estimi skond iż-żmien jew stħarriġ speċjalment immirat lejn in-nefqa tal-familja jistgħu jħejju tabelli li juri n-numru ta' tieni impiegi implikati minn dawn is-sorsi.

Artikolu 12

L-informazzjoni indikata fl-Artikoli 9, 10 u 11 għandha tintbagħat lill-Uffiċċju Statistiku tal-Komunitajiet Ewropej mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1994. Din għandha tiġi diskussa mill-Kumitat GNP fit-tieni nofs ta' l-1994.

TITOLU V

Deskrizzjoni tar-regolamenti u aġġustamenti statistiċi li jappartjenu għal dħul f'oġġetti u tips jew gratwitajiet

Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom iħejju stħarriġ tar-regoli tat-taxxa fis-seħħ dwar kull waħda mill-partiti li ġejjin:

- vetturi tan-negozju għall-użu privat,

- kontribuzzjonijiet ta' min iħaddem għall-ispejjeż ta' kuljum ta' canteens, inkluża l-ispiża ta' l-ikel servut, u l-ħlas lill-impjegati tal-canteen iżda eskluża l-kera, tindif, tisħin, elettriku u spejjeż oħra konnessi mat-tmexxija tal-post,

- kupuni ta' l-ikel provduti minn min iħaddem lill-impjegati,

- ikel u akkommodazzjoni provduti mingħajr ħlas jew bi prezzijiet imnaqqsa lill-impjegati f'lukandi, stabbilimenti ta' l-ikel u agrikoltura,

- postijiet ta' abitazzjoni mingħajr kera u postijiet ta' abitazzjoni mikrija b'kera mnaqqsa lill-impjegati,

- il-valur ta' imgħax ċedut minn min iħaddem meta jipprovdu self lill-impjegati b'rati mnaqqsa ta' imgħax jew ukoll mingħajr imgħax,

- biljetti ta' l-ivvjaġġar provduti mingħajr imgħax jew bi prezzijiet imnaqqsa lill-impjegati,

- elettriku u faħam provduti mingħajr ħlas jew bi prezzijiet imnaqqsa lill-impjegati,

- telefon mingħajr ħlas (id-dar),

- konsum minn negozjanti minn oġġetti u servizzi tan-negozju tagħhom stess,

- l-oġġetti l-oħra kollha li huma kwantitattivament importanti.

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu għal kull wieħed minn dawn l-oġġetti, il-proċeduri wżati biex jassiguraw li kemm il-parti li hija dħul taxxabbli u l-parti li hija eżenti mit-taxxa huma ttrattati bħala ħlas lill-impjegati jew kapital żejjed gross ta' operazzjoni minn intrapriżi mhux inkorporati (u mhux bħala konsum immdejat). Jekk isiru aġġustamenti għal oġġetti speċifiċi, is-sors ta' l-informazzjoni, l-metodu tal-kalkolazzjoni u d-daqs ta' l-aġġustament għandhom jiġu deskritti.

2. L-istati membri għandhom iqabblu l-estimi tagħhom tad-dħul mod ieħor mar-riżultati ta' l-istħarriġ ta' kull erba' snin tan-nefqa tax-xogħol tal-Komunità billi dan ta' l-aħħar jinkludi wkoll informazzjoni dwar dħul mod ieħor. Dan it-tqabbil għandu jiġi deskritt mill-Istati Membri.

Artikolu 14

Il-kalkolazzjonijiet applikati fir-rigward ta' tips u gratwitajiet għandhom jiġu deskritti. Dan għandu jinkludi l-fatturi prinċipali tas-sors tat-tagħrif użat (tip, sena, eċċ.).

Artikolu 15

Jekk id-deskrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 13 u 14 jagħmluha ċara li xi wieħed minn dawn il-komponenti ta' dħul mod ieħor jew tips jew gratwitajiet m'humiex ittrattati adegwatament fil-kompilazzjoni tal-GNP, l-Istati Membri għandhom iressqu proposti għall-inklużjoni ta' din il-parti tad-dħul.

Artikolu 16

Id-deskrizzjonijiet u l-proposti għandhom jintbagħtu lill-Uffiċċju Statistiku tal-Komunitajiet Ewropej mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1994. Huma għandhom jiġu disussi mill-Kumitat GNP fit-tieni nofs ta' l-1994.

TITOLU VI

Investigazzjoni ta' l-użu ta' informazzjoni mill-verifiki fiskali għat-titjib tal-kompjutezza ta' l-estimi tal-GNP

Artikolu 17

L-Istati Membri għandhom jibgħatu rapport mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju lill-Uffiċċju Statitiku tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-possibbiltà ta' l-użu ta' verifiki fiskali biex tittejjeb il-komjutezza ta' l-estimi tal-GNP. Ir-rapport għandu jkopri b'mod partikolari:

- it-tip ta' informazzjoni li hija disponibbli (jekk il-verifiki humiex ta' kull tant jew regolari, is-snin konċernati, il-kriterji għall-għażla ta' l-unitajiet verifikati u l-varjabbli wżati),

- l-aċċessibilità ta' din l-informazzjoni. Dan jinkludi l-kalkolazzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-uffiċċi statistiċi li jiksbu aċċess għal informazzjoni anonimizzata mir-rekords fiskali. Ikopri wkoll il-kalkolazzjonijiet li jkollhom isiru mill-awtoritajiet fiskali nnifishom, minħabba regolamenti tal-protezzjoni tad-data,

- l-utilità ta' din l-informazzjoni għat-titjib tal-komjutezza ta' l-estimi tal-GNP ta' l-Istati Membri.

Il-rapporti għandhom jiġu diskussi mill-Kumitat GNP matul it-tieni nofs ta' l-1994.

Artikolu 18

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Frar 1994.

Għall-Kummissjoni

Henning Christophersen

Viċi-President

[1] ĠU L 49, tal-21.2.1989, p. 26.

[2] ĠU L 155, tas-7.6.1989, p. 9.

[3] ĠU L 155, tas-7.6.1989, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Tabella li tissupplimenta l-Artikolu 4: id-deskrizzjoni tal-kalkolazzjonijiet u l-aġġustamenti li jaqbu l-assenza, l-evażjoni jew l-eżenzjoni għall-attitudni tal-ħruġ.

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS II

Tabella li tissupplimenta l-Artikolu 5: deskrizzjoni tal-kalkolazzjonijiet u l-aġġustamenti li jaqbdu l-assenza, l-evażjoni jew l-eżenzjoni għall-attitudni tad-dħul.

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS III

Tabella li tissupplimenta l-Artikolu 6: id-deskrizzjoni tal-kalkolazzjonijiet u l-aġġustamenti li jaqbdu l-assenza, l-evażjoni jew l-eżenzjoni għall-attitudni tan-nefqa.

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS IV

Tabella li tissupplimenta l-Artikolu 9: modifikazzjonijiet li jikkonformaw mal-kunċetta ta' popolazzjoni domestika okkupata.

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS V

Tabella li tissupplimenta l-Artikolu 9: il-modifikazzjonijiet li jikkonformaw mal-kunċett ta' popolazzjoni domestika okkupata murija skond il-fergħa.

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS VI

Tabella li tissupplimenta l-Artikolu 10: il-volum tax-xogħol skond iċ-ċensiment tal-popolazzjoni, l-istħarriġ tal-forza tax-xogħol u l-kontijiet nazzjonali (

NB:

wara li saru l-modifikazzjonijiet meħtieġa għall-konformità mal-kunċett ta' popolazzjoni domestika okkpata, ara tabelli li jissupplimentaw l-Artikolu 9

).

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------