SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Irregolaritajiet fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku – Deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni Ewropea adottata wara l-iffirmar tal-kuntratt – Natura ġuridika – Deċiżjoni li ma tipproduċix esklużivament effetti fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Miżuri amministrattivi – L-eżerċitar tas-setgħat pubbliċi – Rikors għal annullament – Artikolu 263 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑160/22 P u C‑161/22 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressqa fit-3 ta’ Marzu 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn B. Araujo Arce, J. Baquero Cruz u J. Estrada de Solà, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Baquero Cruz, F. Blanc, J. Estrada de Solà u P. Ortega Sánchez de Lerín, bħala aġenti,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

HB, irrappreżentata minn L. Levi, avukat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Lamote, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament parzjali tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Diċembru 2021, HB vs Il-Kummissjoni (IT-795/19, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza appellata”, EU:T:2021:917) u tal-21 ta’ Diċembru 2021, HB vs Il-Kummissjoni (T‑796/19, iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza appellata”, EU:T:2021:918) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikorsi għal annullament ippreżentati minn HB kontra, rispettivament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2019) 7319 final, tal-15 ta’ Ottubru 2019, dwar it-tnaqqis tal-ammonti dovuti taħt il-kuntratt CARDS/2008/166–429 u l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rkupru CARDS”), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2019) 7318 final tal-15 ta’ Ottubru 2019, tal-istess jum, dwar it-tnaqqis tal-ammonti dovuti taħt il-kuntratt TACIS/2006/101–510 u dwar l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rkupru TACIS”) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

2

L-Artikolu 1 tar--Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340) jipprovdi:

“Irregolarità” għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

3

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità.”

4

Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament:

“Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

–

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

–

bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.”

Ir-Regolament Finanzjarju tal-2002

5

L-Artikolu 103 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 48, p. 88) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal-2002”), jipprevedi:

“Meta l-proċedura ta’ għoti tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet għandhom jissospendu l-proċedura u jistgħu jieħdu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tal-proċedura.

Meta, wara l-għoti tal-kuntratt, il-proċedura ta’ għoti jew it-twettiq tal-kuntratt tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet jistgħu, skond l-istadju li jkun intlaħaq fil-proċedura, jibqgħu lura milli jikkonkludu l-kuntratt jew jissospendu t-twettiq tal-kuntratt jew, fejn xieraq, jitterminaw il-kuntratt.

Meta tali żbalji, irregolaritajiet jew frodi huma attribwibbli għall-kuntrattur, l-istituzzjonijiet jistgħu wkoll jirrifjutaw li jagħmlu ħlasijiet, jistgħu jirkupraw ammonti diġà mħallsa jew jistgħu jitterminaw il-kuntratti kollha konklużi ma’ dan il-kuntrattur, fi proporzjon mas-serjetà ta’ l-iżbalji, irregolaritajiet jew frodi.”

Ir-Regolament Finanzjarju tal-2018

6

Intitolat “Dħul assenjat”, l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal-2018”), jipprevedi, fil-paragrafu 3 (b) tiegħu:

“Dawn li ġejjin jikkostitwixxu dħul assenjat intern:

[…]

b)

dħul li joriġina mill-pagament mill-ġdid, f’konformità mal-Artikolu 101, ta’ ammonti mħallsa bi żball”.

7

L-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju tal-2018 intitulat “Sospensjoni, terminazzjoni u tnaqqis”,, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.   Fejn, wara l-għoti, jintwera bil-provi li l-proċedura ta’ għoti kienet soġġetta għal irregolaritajiet jew frodi, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’:

a)

jiċħad milli jassumi l-impenn legali jew iħassar l-għoti ta’ premju;

b)

jissospendi l-pagamenti;

c)

jissospendi l-implimentazzjoni tal-impenn legali;

(d)

fejn xieraq, jittermina l-impenn legali sħiħ jew fir-rigward ta’ riċevitur wieħed jew aktar.

[…]

(4)   Minbarra l-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2 jew 3, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jnaqqas l-għotja, il-premju, il-kontribuzzjoni skont il-ftehim ta’ kontribuzzjoni jew il-prezz dovut taħt kuntratt b’mod proporzjonat għas-serjetà tal-irregolaritajiet, tal-frodi jew tal-ksur ta’ obbligi, inkluż fejn l-attivitajiet ikkonċernati ma jkunux ġew implimentati jew ikunu ġew implimentati ħażin, b’mod parzjali jew tard.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawżi

8

Il-fatti li wasslu għaż-żewġ kawżi inkwistjoni ġew esposti mill-Qorti Ġenerali, rispettivament, fil-punti 1 sa 29 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punti 1 sa 24 tat-tieni sentenza appellata u jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

9

Fir-rigward tal-kawża li tat lok għat-tieni sentenza appellata, fil-25 ta’ Jannar 2006, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mid-delegazzjoni tagħha fl-Ukraina, nediet sejħa għal offerti sabiex tikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza teknika lill-awtoritajiet Ukraini bl-għan tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ukrena ma’ dik tal-Unjoni. Dan il-kuntratt kien jagħmel parti mill-qafas tal-Programm ta’ Assistenza Komunitarja għall-Komunità ta’ Stati Indipendenti (TACIS) li kellu l-għan li jgħin fit-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq u fit-tisħiħ tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt fl-Istati imsieħba tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Asja ċentrali.

10

Fis-17 ta’ Lulju 2006, il-kuntratt TACIS/2006/101–510 (iktar ’il quddiem il- “kuntratt TACIS”) ingħata lill-konsorzju kkoordinat minn HB fost tmien offerenti li ppreżentaw offerti. Il-kuntratt relatat miegħu (iktar ’il quddiem il-“kuntratt TACIS”) ġie ffirmat fl-istess jum għal valur massimu tal-kuntratt ta’ EUR 4 410 000.

11

Fir-rigward tal-kawża li tat lok għall-ewwel sentenza appellata, fl-24 ta’ Ottubru 2007, l-Unjoni, irrappreżentata mill-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (AER), nediet sejħa għal offerti sabiex tikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza teknika lill-Kunsill Ġudizzjarju Għoli, fis-Serbja. Dan il-kuntratt kien jagħmel parti mill-qafas tal-Programm ta’ Assistenza Komunitarja għar-Rikostruzzjoni, l-Iżvilupp u l-Istabbilizzazzjoni (CARDS) li kellu l-għan li jipprovdi assistenza lill-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni mal-Unjoni.

12

Fl-10 ta’ Ġunju 2008, il-kuntratt CARDS/2008/166-429 (iktar ’il quddiem il- “kuntratt CARDS”) ingħata lill-konsorzju kkoordinat minn HB fost ħames offerenti li ppreżentaw offerti. Il-kuntratt korrispondenti Nru 06SER01/05/004 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt CARDS”) ġie ffirmat fit-30 ta’ Lulju 2008 għal valur massimu ta’ EUR 1999125.

13

Kemm il-kuntratt CARDS kif ukoll il-kuntratt TACIS (iktar ’il quddiem, flimkien, il- “kuntratti inkwistjoni”) kienu jistipulaw b’mod partikolari li kull kwistjoni li ma tkunx koperta mill-kuntratt rispettiv kellha tkun irregolata mil-liġi Belġjana u li kull kwistjoni dwar dan il-kuntratt ma setgħetx tiġi riżolta b’mod amikevoli taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ Brussell (il-Belġju). Fil-każ li l-parti kontraenti tal-Unjoni tkun ħatja ta’ żbalji, ta’ irregolaritajiet jew ta’ atti ta’ frodi waqt l-għoti tal-kuntratt, dawn il-kuntratti kienu jipprevedu li l-Unjoni tista’, minn naħa, tirrifjuta li twettaq il-pagamenti dovuti u/jew tirkupra, b’mod proporzjonali, l-ammonti diġà mħallsa u, min-naħa l-oħra, xxolji l-kuntratt, b’mod partikolari fil-każ li l-parti kontraenti tagħha tkun ħatja ta’ nuqqasijiet professjonali serji.

14

Wara investigazzjoni, magħmula mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) huwa rrileva, f’rapport tas-7 ta’ April 2009, l-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji u ta’ atti possibbli ta’ korruzzjoni relatati mal-parteċipazzjoni ta’ HB fis-sejħiet għal offerti li jikkonċernaw kemm il-kuntratt CARDS kif ukoll il-kuntratt TACIS. L-OLAF, fir-rapporti ta’ investigazzjoni finali mibgħuta lill-Kummissjoni fid-19 ta’ April 2010 u fit-28 ta’ Novembru 2011 rispettivament, ikkonferma l-eżistenza ta’ dawn l-irregolaritajiet u ta’ dawn l-atti u rrakkomanda x-xoljiment tal-kuntratti kontenzjużi, li l-eżekuzzjoni tagħhom kienet sadanittant ġiet sospiża, kif ukoll l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament.

15

Fid-19 ta’ Marzu 2013, id-delegazzjoni tal-Unjoni fl-Ukraina informat lill-HB li l-kuntratt TACIS seta’ jiġi kkunsidrat bħala li kien eżegwit wara l-approvazzjoni tar-rapport finali, il-pagament tal-aħħar fattura u r-rimbors tal-garanzija bankarja. Fl-24 ta’ Mejju 2018, din id-delegazzjoni nnotifikat lill-HB bl-intenzjoni tagħha li tirkupra l-ammonti kollha mħallsa taħt dan il-kuntratt, li jikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 4241507. Wara l-oppożizzjoni ta’ HB, l-imsemmija delegazzjoni kkonfermat din l-intenzjoni permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2018.

16

Fil-15 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ rkupru TACIS.

17

Fl-11 ta’ Lulju 2014, id-delegazzjoni tal-Unjoni fis-Serbja, li lilha l-kuntratt CARDS kien ġie ttrasferit wara t-tmiem tal-AER, informat lil HB bl-intenzjoni tagħha li xxolji dan il-kuntratt minħabba allegazzjonijiet gravi dwar l-għoti irregolari tal-kuntratt CARDS u kkonfermat din l-intenzjoni permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2015. Fid-9 ta’ Novembru 2015, din id-delegazzjoni bagħtet lil HB ordni ta’ rkupru fl-ammont ta’ EUR 1197 055.86.

18

Fil-15 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS.

19

Permezz tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru kkontestati, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-premessi tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002, l-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju tal-2018 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti CARDS u TACIS kienu s-suġġett ta’ irregolarità, fis-sens ta’ dawn l-Artikoli 103 u 131, imputabbli lill-konsorzji rispettivi kkoordinati minn HB (Artikolu 1). Konsegwentement, l-ammonti ta’ dawn il-kuntratti kienu mnaqqsa għal EUR 0 (Artikolu 2) u l-ħlasijiet kollha magħmula fir-rigward tal-imsemmija kuntratti kienu kkunsidrati bħala li tħallsu indebitament u bħala li kellhom jiġu rkuprati (Artikolu 3). Skont l-Artikolu 263 [TFUE], din id-deċiżjoni “tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’terminu ta’ xahrejn”.

Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

Kawża T‑795/19

20

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2019, HB ippreżentat rikors skont l-Artikolu 263 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, intiż sabiex:

–

tannulla d-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS;

–

tordna r-rimbors tal-ammonti kollha eventwalment irkuprati mill-Kummissjoni abbażi tad-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati abbażi tar-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda b’seba’ punti perċentwali;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-aħħar fattura maħruġa, fl-ammont ta’ EUR 437 649.39, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati abbażi tar-rata applikata mill-BĊE miżjuda b’seba’ punti;

–

tordna r-rilaxx tal-garanzija bankarja u l-kumpens għad-dannu materjali subit minħabba r-rilaxx tardiv tagħha;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 1 simboliku bħala danni, “suġġett għal żieda”, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għad-danni kollha.

21

Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali:

–

tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS bħala li hija infondata;

–

tiċħad it-talbiet l-oħra bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala li huma infondati, u

–

tikkundanna lil HB għall-ispejjeż.

22

Permezz tal-ewwel sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali qajmet ex officio l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS. Wara li eżaminat, fil-punti 67 sa 88 ta’ din is-sentenza, il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 89 tal-imsemmija sentenza, li din id-deċiżjoni setgħet tipproduċi effetti biss fil-kuntest tal-kuntratt CARDS u li hija ma setgħetx tiġi sseparata minn dan il-kuntratt. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 90 tal-istess sentenza, li d-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS ma kinitx, fid-dawl tan-natura tagħha, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Hija għalhekk ċaħdet bħala inammissibbli l-kap tat-talbiet intiżi għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, sa fejn l-imsemmi rikors kien intiż għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħditu, fil-punti 97 sa 103 tal-ewwel sentenza appellata, bħala infondat. Fl-aħħar nett, fil-punti 107 u 108 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, l-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni kien fl-oriġini tat-tilwima u, għaldaqstant, ordnat ukoll lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ HB, minkejja li din tal-aħħar tilfet it-talbiet tagħha.

Kawża T‑796/19

23

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2019, HB ippreżentat rikors skont l-Artikolu 263 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, intiż sabiex:

–

tannulla d-deċiżjoni ta’ rkupru TACIS;

–

tordna r-rimbors tal-ammonti kollha rkuprati mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni, miżjuda b’interessi moratorji bir-rati applikati mill-BĊE, miżjuda b’7 punti;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 1 simboliku bħala danni, “suġġett għal żieda”, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għad-danni kollha.

24

Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali:

–

tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru TACIS bħala infondat;

–

tiċħad it-talba għad-danni fl-intier tagħha bħala inammissibbli jew bħala infondata;

–

tikkundanna lil HB għall-ispejjeż.

25

Permezz tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qajmet ex officio l-inammissibbiltà tar-rikors, sa fejn kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru TACIS. Wara li eżaminat, fil-punti 62 sa 85 ta’ din is-sentenza, il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, hija ddeċidiet, fil-punt 86 tal-imsemmija sentenza, li din setgħet tipproduċi effetti biss fil-kuntest tal-kuntratt TACIS u ma setgħetx tiġi sseparata minn dan il-kuntratt. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 87 tal-istess sentenza, li d-deċiżjoni ta’ rkupru TACIS ma kinitx, fid-dawl tan-natura tagħha, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE Konsegwentement, hija ċaħdet bħala inammissibbli l-kap tat-talbiet intiżi għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, sa fejn l-imsemmi rikors kien intiż għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħditu, fil-punti 93 sa 99 tat-tieni sentenza appellata, bħala infondat. Fl-aħħar nett, fil-punti 103 u 104 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, l-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni kien fl-oriġini tat-tilwima u, għaldaqstant, ordnat ukoll lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ HB, minkejja li din tal-aħħar tilfet it-talbiet tagħha.

It-talbiet tar-rikors u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑160/22 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla l-ewwel sentenza appellata, sa fejn ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn HB kontra d-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji;

–

tibgħat lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu fir-rigward tar-rikors għal annullament, kif ukoll dwar l-ispejjeż, u

–

tikkundanna lil HB għall-ispejjeż.

27

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑161/22 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla t-tieni sentenza appellata, sa fejn din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn HB kontra d-deċiżjoni ta’ rkupru TACIS u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji;

–

tibgħat lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-mertu fir-rigward tar-rikorsi għal annullament, kif ukoll dwar l-ispejjeż, u

–

tikkundanna lil HB għall-ispejjeż.

28

Fir-risposta tagħha għaż-żewġ appelli, HB titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad iż-żewġ appelli u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2022, il-Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l-appelli

30

Insostenn tal-appelli ppreżentati fil-Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji li huma, fil-fehma tagħha, “marbuta mill-qrib”, peress li l-artikoli inklużi fid-deċiżjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu unità indissoċjabbli, li tkun nieqsa minn sens ġuridiku fl-assenza ta’ xi wieħed minn dawn l-artikoli.

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

31

HB issostni li, sa fejn ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli, l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni huma huma stess inammissibbli, peress li din l-istituzzjoni ma tilfitx, lanqas parzjalment, fit-talbiet tagħha fl-ewwel istanza, kif jeżiġi l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

32

Il-Kummissjoni tirribatti li, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi għal annullament diretti kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi bħala inammissibbli, hija tilfet it-talba tagħha intiża sabiex dawn ir-rikorsi jiġu ddikjarati infondati, li jippreżupponi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, l-ammissibbiltà tal-imsemmija rikorsi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha.

34

F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punti 21 u 24 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni talbet, fl-ewwel istanza, li r-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi jiġu miċħuda bħala infondati.

35

Issa, billi ċaħdet dawn ir-rikorsi bħala inammissibbli, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-premessa bbażata fuq il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti sabiex tieħu konjizzjoni tal-imsemmija rikorsi, li fuqha kien ibbażat ir-raġunament tal-Kummissjoni. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tilfet fit-talbiet tagħha fl-ewwel istanza.

36

Minn dan isegwi li l-appelli fil-Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

37

Permezz tat-tliet aggravji fil-Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P, li jirrigwardaw rispettivament il-punti 67 sa 90 tal-ewwel sentenza appellata u l-punti 62 sa 87 tat-tieni sentenza appellata, li għandhom, minħabba l-konnessjoni tagħhom, jiġu eżaminati flimkien, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli b’mod żbaljat “kuntrattwalizzat” il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lilha b’mod partikolari mill-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 u li permezz tagħhom hija tista’ tikkonstata irregolaritajiet li jivvizzjaw kuntratt pubbliku u, konsegwentement, tnaqqas il-prezz ta’ dan is-suq u tirkupra l-ammonti indebitament imħallsa.

38

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali “tfixkel is-sistema legali tal-Unjoni”, billi tqis, fil-punti 75 u 76 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punti 70 u 71 tat-tieni sentenza appellata, li l-kuntratti kontenzjużi “jassorbu” il-miżuri ta’ awtorità pubblika adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet magħquda ta’ dan l-Artikolu 103 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, imsemmija fl-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, bil-konsegwenza li dawn il-miżuri jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-kuntratt. Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura ġuridika ta’ dawn id-deċiżjonijiet u billi bbażat ruħha fuq is-sempliċi fatt li kuntratt kien ġie ffirmat qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, il-Qorti Ġenerali marret kontra s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punti 69 sa 72).

39

Billi qieset, fil-punti 76 u 77 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 71 u 72 tat-tieni sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kellhom natura “kuntrattwali”, meta dawn kienu l-espressjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, il-Qorti Ġenerali aġixxiet ukoll bi ksur tal-“ispirtu u d-diċitura” tar-Regolament Nru 2988/95 kif ukoll tar-Regolamenti Finanzjarji tal-2002 u tal-2018 u bidlet in-natura stess tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

40

Barra minn hekk, billi ddeċidiet, fil-punt 77 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 72 tat-tieni sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha tinvoka dawn il-prerogattivi quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-kuntratt, il-Qorti Ġenerali tiżnaturahom Fil-fatt, amministrazzjoni li għandha tindirizza lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-kuntratt u tistenna s-sentenza tagħha sabiex tissospendi relazzjoni kuntrattwali li fir-rigward tagħha hija għandha suspetti ta’ frodi ma hijiex effikaċi fil-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet. Dan imur ukoll kontra l-Artikolu 325(1) TFUE.

41

Fit-tieni lok, skont il-Kummissjoni, fil-punti 78 u 86 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 73 u 83 tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kklassifikat l-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjonijiet kontenzjużi bħala miżuri jew atti “kuntrattwali”. B’hekk, il-Qorti Ġenerali injorat il-kompetenza tal-Kummissjoni stess sabiex tiddetermina unilateralment dak li jikkostitwixxi irregolarità, anki meta din tkun twettqet matul il-fażi amministrattiva ta’ qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Barra minn hekk, il-miżuri li, f’din l-okkażjoni jew sussegwentement, il-Kummissjoni tista’ tadotta, bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 jew tal-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju tal-2018, ma humiex intiżi li jikkumpensaw dannu kuntrattwali. Barra minn hekk, l-irkupru tas-somom imħallsa skont il-gravità tal-irregolarità, kif previst f’dan l-Artikolu 131, huwa miżura li ma taqax fil-kuntest kuntrattwali. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-ammont tal-kuntratt għal EUR 0 u l-irkupru sħiħ tal-ammont imħallas ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala konsegwenzi diretti tal-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet imwettqa minn HB, fil-kwalità tagħha ta’ kontraenti, li affettwaw l-għoti tal-kuntratti TACIS u CARDS u, għaldaqstant, il-konklużjoni tal-kuntratti kkontestati.

42

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 73 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 68 tat-tieni sentenza appellata, li hija “kellha l-intenzjoni, essenzjalment, li tistabbilixxi l-konstatazzjoni ta’ difett li jaffettwa l-konklużjoni [tal-]kuntratt”, filwaqt li mill-kontenut tad-deċiżjonijiet kontenzjużi jirriżulta li hija kellha l-intenzjoni tadotta miżuri li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

43

Skont il-Kummissjoni, sa fejn fil-mument meta twettqu l-irregolaritajiet, HB kellha, l-iktar l-iktar, il-kwalità ta’ offerent, il-Qorti tal-Prim’ Istanza wettqet ukoll żball ta’ liġi, fil-punt 79 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 74 tat-tieni sentenza appellata, billi rreferiet għall-irregolaritajiet sostanzjali mwettqa minn HB “fil-kwalità tagħha ta’ kontraenti”.

44

Fl-aħħar nett, fil-punti 80 u 81 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 77 u 78 tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-miżuri ta’ rkupru setgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni bħala miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti kontenzjużi u li l-miżuri msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjonijiet kontenzjużi jikkonsistu f’“konstatazzjoni tax-xoljiment tal-kuntratt, konsegwentement, bl-annullament tal-kuntratt”. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ħawdet il-kunċetti ta’ xoljiment u ta’ annullament ex tunc tal-kuntratti kif ukoll l-effetti tagħhom. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Nru 2988/95 ma jistabbilixxix, fl-Artikolu 4 tiegħu, la n-nullità u lanqas ix-xoljiment tal-kuntratt bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-miżuri amministrattivi ta’ rkupru. L-Artikolu 131(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-2018 lanqas ma jissuġġetta l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tnaqqis fil-prezz għal xoljiment jew għal miżura oħra ta’ natura kuntrattwali.

45

HB tirribatti li l-Kummissjoni tagħti lis-sentenzi appellati portata li ma għandhomx. Fil-fatt, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 72 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 67 tat-tieni sentenza appellata, li jgħid li s-setgħat li l-Kummissjoni tislet mir-Regolament Finanzjarju tal-2002 jew minn regoli oħra tad-dritt sekondarju jaqgħu, sa mill-iffirmar tal-kuntratt, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, ma għandu xejn innovattiv u lanqas ma jfixkel is-sistema legali tal-Unjoni. Mis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 67) jirriżulta, minn naħa, li jekk ir-regolamenti finanzjarji u r-Regolament Nru 2988/95 jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li ġġiegħel lil parti kontraenti tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ natura finanzjarja, l-eżistenza ta’ kuntratt tipprekludi lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi li dawn ir-regolamenti jagħtuha b’mod unilaterali. Min-naħa l-oħra, mill-punt 73 ta’ din is-sentenza jirriżulta li għalkemm l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv taqa’ taħt l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, din l-istituzzjoni teċċedi l-kompetenza tagħha billi tadotta tali deċiżjoni meta jkun hemm relazzjonijiet kuntrattwali u meta l-qorti tal-Unjoni ma tkunx il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-kuntratt.

46

Barra minn hekk, mis-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 21), jirriżulta li, fil-każ li l-Kummissjoni tagħżel, sabiex talloka kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-mezz kuntrattwali skont l-Artikolu 272 TFUE, hija għandha tibqa’ fil-limiti ta’ dan il-qafas. B’hekk, skont HB, il-fatt li l-Kummissjoni riedet teżerċita l-kompetenzi tagħha stess ma jfissirx li hija awtorizzata tagħmel dan jew li, meta tagħmel dan, hija teżerċita dawn il-kompetenzi barra mill-isfera kuntrattwali.

47

Fl-aħħar nett, HB issostni li l-Qorti Ġenerali ġustament ikklassifikatha bħala parti kontraenti u kkunsidrat, għar-raġunijiet esposti fil-punti 67 sa 78 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punti 62 sa 73 tat-tieni sentenza appellata, li l-irregolaritajiet għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali, peress li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ġew adottati wara l-konklużjoni tal-kuntratti kontenzjużi. L-istess japplika għall-klassifikazzjoni tat-tnaqqis għal EUR 0 tal-ammont tal-kuntratti ta’ annullament retroattiv tal-kuntratt u għall-konstatazzjoni li x-xoljiment għandu bħala effett l-annullament ex tunc tal-effetti vinkolanti tal-kuntratt. Mill-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 jirriżulta li x-xoljiment tal-kuntratt konkluż huwa previst bl-irkupru jew mingħajru tal-ammonti diġà mħallsa. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirkupra l-ammonti kollha diġà mħallsa, li huwa ekwivalenti għal xoljiment tal-kuntratt.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE huwa disponibbli b’mod ġenerali kontra l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu. Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali rikors meta s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent taqa’ esklużivament fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali li huma rregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali nnominata mill-partijiet kontraenti (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni,C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punti 16 u 18; tas-16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni,C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punti 71 u 72, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni,C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punti 62 u 63).

49

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 274 TFUE jippreċiża li t-tilwimiet li fihom l-Unjoni hija parti ma humiex, minħabba f’hekk, esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 272 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwim li jirriżulta minn kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku jew minn kuntratt irregolat mid-dritt privat konkluż mill-Unjoni, jew f’isimha, biss jekk dan il-kuntratt jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ f’dan is-sens.

50

Minn dan isegwi li, jekk, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, il-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kontenzjuż tal-annullament ta’ atti li jaqgħu esklużivament f’kuntest kuntrattwali, hija tirriskja mhux biss li tneħħi kull effett utli tal-Artikolu 272 TFUE, iżda wkoll li testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 274 TFUE. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni,C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 19; tas-16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni,C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punti 63 u 64).

51

Għaldaqstant, fil-każ ta’ kuntratt li jorbot lir-rikorrent ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tista’ biss titressaq kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE jekk l-att ikkontestat ikun intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li ma jaqgħux taħt ir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, C-506/13 P, EU:C:2015:562, punt 20, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni, C-378/16 P, EU:C:2020:575, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fil-każ fejn istituzzjoni tagħżel, sabiex talloka kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-proċedura kuntrattwali fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE, hija għandha tibqa’ f’dan il-kuntest. Għalhekk, hija għandha, b’mod partikolari, tevita l-użu, fir-relazzjonijiet tagħha mal-kontraenti tagħha, ta’ formulazzjonijiet ambigwi li jistgħu jinftiehmu mill-partijiet kontraenti bħala li jaqgħu taħt setgħat ta’ deċiżjoni unilaterali li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562. punt 21)

53

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 71 u 72 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punti 66 u 67 tat-tieni sentenza appellata, li, bla ħsara għan-natura amministrattiva tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, il-prerogattivi mogħtija lill-awtorità kontraenti permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju jaqgħu, sa mill-iffirmar tal-kuntratt, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali.

54

Fil-punti 75 u 76 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 70 u 71 tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet kontenzjużi, minħabba s-sempliċi fatt li jirrigwardaw il-viżi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002, tal-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju tal-2018 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, jaqgħu, kompletament jew parzjalment, fl-isfera amministrattiva. Skont il-Qorti Ġenerali, anki jekk jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lill-Kummissjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, tadotta miżuri li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, dan ma jkunx biżżejjed sabiex dawn il-miżuri jiġu esklużi immedjatament mill-kuntest kuntrattwali, peress li huwa bħala konsegwenza tan-nuqqasijiet imputati lil parti f’relazzjoni kuntrattwali mal-Unjoni li l-imsemmija dispożizzjonijiet ġew implimentati.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, wara li rrilevat, fil-punt 80 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 75 tat-tieni sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ġew adottati f’mument meta l-partijiet kienu ntrabtu ma’ xulxin skont il-kuntratti kontenzjużi u li dawn il-partijiet kienu diġà eżegwixxew parti sostanzjali, jew saħansitra t-totalità, tal-obbligi rispettivi tagħhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 89 u 90 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 86 u 87 tat-tieni sentenza appellata, li dawn id-deċiżjonijiet setgħu jipproduċu biss effetti li jaqgħu taħt dawn il-kuntratti, li ma setgħux jiġu sseparati minnhom u, għaldaqstant, li ma kinux jappartjenu għall-kategorija tal-atti li l-annullament tagħhom jista’ jintalab lill-qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE.

56

Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 48 sa 52 ta’ din is-sentenza.

57

Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 u 51 ta’ din is-sentenza, ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE ma huwiex miftuħ għar-rikorrent li s-sitwazzjoni legali tiegħu taqa’ esklużivament fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali li huma rregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali magħżula mill-partijiet kontraenti. Għaldaqstant, fil-preżenza ta’ kuntratt li jorbot lir-rikorrent ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu aditi b’tali rikors biss bil-kundizzjoni doppja li l-att ikkontestat ikun intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li, minn naħa, jaqgħu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u, min-naħa l-oħra, jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva.

58

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li dawn ma jaqgħux esklużivament fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali.

59

Fil-fatt, l-ewwel nett, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li ġew adottati abbażi b’mod partikolari tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002, tal-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju tal-2018 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tirrimedja irregolaritajiet, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan l-aħħar regolament, li affettwaw l-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti TACIS et CARDS u li għalhekk twettqu qabel il-konklużjoni tal-kuntratti kontenzjużi.

60

It-tieni nett, l-imsemmija deċiżjonijiet ma kinux intiżi li jissanzjonaw eżekuzzjoni żbaljata tal-kuntratti kontenzjużi, iżda li jisiltu l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza minn HB tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti ACIS u CARDS, proċeduri li l-Qorti Ġenerali enfasizzat, ġustament, in-natura amministrattiva tagħhom, rispettivament fil-punt 71 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 66 tat-tieni sentenza appellata.

61

It-tielet nett, mill-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tirkupra mingħand HB s-somom li hija qieset li kienu tħallsu lilha indebitament. Billi tiġġustifika r-rimbors ta’ dawn is-somom mhux bil-gravità tad-dannu mġarrab, iżda minn dik tal-irregolarità mwettqa minn HB matul il-proċedura tal-għoti tal-kuntratti TACIS u CARDS, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2988/95, li timponi fuq din tal-aħħar miżura amministrattiva ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva sabiex tiżgura protezzjoni legali adegwata tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

62

F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni barra minn hekk ippreċiżat, fl-appelli tagħha, li s-somom imħallsa indebitament lil HB kienu intiżi li jerġgħu jintużaw għall-azzjoni jew il-programm jew għall-azzjoni inizjalment prevista, sa fejn dawn jikkostitwixxu dħul assenjat, fis-sens tal-Artikolu 21(3) (b) tar-Regolament Finanzjarju tal-2018, u sa fejn huma, għal dan l-għan, jitħallsu lura lill-linja baġitarja oriġinali sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw.

63

Ir-raba’ nett, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 80 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 75 tat-tieni sentenza appellata, iż-żmien tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-fatt li dawn iseħħu qabel jew wara l-għoti ta’ kuntratt u, konsegwentement, qabel jew wara l-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni, ma jistax jikkostitwixxi l-fattur determinanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita n-natura, kuntrattwali jew le, ta’ tilwima.

64

Għall-kuntrarju, huwa determinanti l-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jissanzjonaw irregolarità mwettqa qabel il-konklużjoni tal-kuntratti kontenzjużi u li dawn ma humiex relatati mal-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti. F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti li l-partijiet kontraenti jkunu diġà eżegwixxew parti sostanzjali, jew saħansitra t-totalità, tal-obbligi rispettivi tagħhom jew ukoll li l-imsemmija deċiżjonijiet ikollhom riperkussjonijiet fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratti kontenzjużi. B’mod partikolari, il-fatt li parti sostanzjali tal-kuntratt diġà ġiet eżegwita jista’, ċertament, ikollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-mertu tan-natura proporzjonata tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tas-somom kollha li l-Kummissjoni tqis li ġew allokati indebitament lill-parti kontraenti tagħha. Min-naħa l-oħra, din iċ-ċirkustanza bl-ebda mod ma taffettwa l-evalwazzjoni tan-natura, amministrattiva jew kuntrattwali, ta’ din id-deċiżjoni.

65

Fir-realtà, il-kundizzjoni doppja, imfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, u, konsegwentement, il-kompetenza sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ kawża bejn il-Kummissjoni u l-parti kontraenti tagħha, għandha tiġi eżaminata permezz tal-għan imfittex mill-Kummissjoni. Jekk din tal-aħħar tfittex li tikseb l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ir-rikors għandu jitressaq quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq il-kuntratt. Min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jekk hija teżerċita biex tagħmel dan il-prerogattivi li jagħtuha kemm ir-Regolament Nru 2988/95 kif ukoll ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ratione temporis, it-tilwima għandha titressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjonijiet kontenzjużi għandhom jiġu kklassifikati bħala “att li jista’ jiġi kkontestat”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li rikors intiż sabiex jinkiseb l-annullament tagħhom għandu jitressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni.

67

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fis-sentenzi appellati, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jaqgħu fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali.

68

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, l-appelli għandhom jintlaqgħu u s-sentenzi appellati għandhom jiġu annullati.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

69

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

70

Peress li l-kawżi ma humiex fi stat li jiġu deċiżi, hemm lok li l-kawżi jintbagħtu lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Diċembru 2021, HB vs Il-Kummissjoni (T-795/19, EU:T:2021:917), u s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, HB vs Il-Kummissjoni (T-796/19, EU:T:2021:918), huma annullati.

 

2)

Il-kawżi għandhom jintbagħtu lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.