SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Appell – Dritt istituzzjonali – Membri tal-Parlament Ewropew – Komunikazzjoni uffiċjali mill-Istati Membri tal-ismijiet tal-Membri tal-Parlament eletti – Setgħat tal-Parlament – Talba għall-ħarsien tal-immunità – Atti li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament”
Fil-Kawża C‑600/22 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑16 ta’ Settembru 2022,
Carles Puigdemont i Casamajó, residenti f’Waterloo (il-Belġju),
Antoni Comín i Oliveres, residenti f’Waterloo,
irrappreżentati minn P. Bekaert, S. Bekaert, advocaten, u G. Boye, abogado,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Görlitz, T. Lukácsi u J.-C. Puffer, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ April 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Lulju 2022, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament, (T‑388/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2022:421), li permezz tagħha hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħhom intiż għall-annullament tal-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 tal-President tal-Parlament Ewropew li tirrifjutalhom il-benefiċċju tas-servizz ta’ akkoljenza u ta’ assistenza offrut lill-Membri tal-Parlament Ewropew il-ġodda u l-għoti ta’ akkreditazzjoni temporanja (iktar ’il quddiem l-“Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019”), kif ukoll tar-rifjut tal-President ta’ dik l-istituzzjoni li jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ Membru tal-Parlament li jinsab fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem l-“ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019”) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”). |
Il‑kuntest ġuridiku
L‑Att Elettorali
|
2 |
L-Artikolu 5 tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali (ĠU 1976, L 278, p. 5), anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ĠU 1976, L 278, p. 1), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal‑25 ta’ Ġunju 2002 u tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137) (iktar ’il quddiem l-“Att Elettorali”), jipprovdi: “1. It-terminu ta’ ħames snin li għalih il-membri tal-Parlament […] jiġu eletti għandu jibda mal-ftuħ tal-ewwel sessjoni ta’ wara kull elezzjoni. […] 2. Il-mandat ta’ kull membru tal-Parlament […] għandu jibda u jispiċċa fl-istess żmien bħall-perijodu msemmi fil-paragrafu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
3 |
L-Artikolu 8 tal-Att Elettorali jipprovdi: “Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f’kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu, jekk xieraq, jieħdu akkont tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri, m’għandhomx jaffettwaw in-natura proporzjonali essenzjali tas-sistema tal-votazzjoni”. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 12 ta’ dan l-att: “Il-Parlament […] għandu jivverifika l-kredenzjali tal-membri tal-Parlament […]. Għal dan il-għan, huwa għandu jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri u għandu jagħti deċiżjoni dwar xi kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att barra minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dan l-att.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
5 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmi att huwa fformulat kif ġej: “1. Siġġu […] jispiċċa vojt meta l-mandat ta’ membru tal-Parlament […] jispiċċa bħala riżultat ta’ riżenja, mewt jew tneħħija ta’ dak il-mandatt. 2. Suġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Att, kull Stat Membru jista jistabbilixxi l-proċeduri xierqa għall-mili ta’ kwalunkwe siġġu li jispiċċa vojt ma tul it-terminu ta’ ħames snin tal-offiċċju li hemm referenza għalih f’Artikolu [5] għall-kumplament ta’ dak il-perijodu 3. Meta l-liġi ta’ Stat Membru tgħamel dispożizzjoni espliċita għat-tneħħija tal-mandatt ta’ membru tal-Parlament […], dak il-mandatt għandu jispiċċa permezz ta’ dawk id-dispożizzjonijiet legali. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw lil-Parlament […] b’dan”. |
Ir‑Regoli ta’ Proċedura
|
6 |
L-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament applikabbli għad-disa’ leġiżlatura (2019‑2024) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), bit-titolu “Verifika ta’ kredenzjali”, huwa fformulat kif ġej: “1. Wara l-elezzjonijiet ġenerali għall-Parlament […], il-President [tal-Parlament] għandu jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jgħaddu lill-Parlament mingħajr dewmien l-ismijiet tal-Membri eletti sabiex il-Membri kollha jkunu jistgħu jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament b’effett mill-ftuħ tal-ewwel seduta wara l-elezzjonijiet. Fl-istess ħin, il-President [tal-Parlament] għandu jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet għad-dispożizzjoniiet rilevanti tal-Att [Elettorali] u jistedinhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw kull inkompatibbiltà mal-mandat ta’ Membru tal-Parlament […] 2. Kull Membru li l-elezzjoni tiegħu jiġi mgħarraf biha l-Parlament għandu jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub, qabel jieħu s-siġġu tiegħu fil-Parlament, li huwa ma għandu ebda kariga inkompatibbli mal-mandat ta’ Membru tal-Parlament […] fis-sens tal-Artikolu 7(1) u (2) tal-Att [Elettorali]. Wara l-elezzjonijiet ġenerali, din id-dikjarazzjoni għandha ssir, fejn hu possibbli, mhux aktar tard minn sitt ijiem qabel is-seduta kostituttiva tal-Parlament wara l-elezzjonijiet. Sakemm il-kredenzjali ta’ Membru jkunu ġew ivverifikati jew tkun ingħatat deċiżjoni fuq kwalunkwe tilwima u kemm-il darba jkun iffirma minn qabel id-dikjarazzjoni bil-miktub imsemmija aktar ‘l fuq, il-Membru għandu jieħu s-siġġu tiegħu fil-Parlament u fil-korpi tiegħu u għandu jgawdi mid-drittijiet kollha marbuta ma’ dak is-siġġu. Fejn ikun stabbilit minn fatti vverifikati minn sorsi disponibbli għall-pubbliku li Membru jkollu kariga inkompatibbli mal-mandat ta’ Membru tal-Parlament […], fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew (2) tal-Att [Elettorali], il-Parlament, abbażi ta’ tagħrif provdut mill-President tiegħu, għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ post vakanti. 3. Abbażi ta’ rapport magħmul mill-kumitat responsabbli, il-Parlament għandu jivverifika l-kredenzjali mingħajr dewmien u jiddeċiedi dwar il-validità tal-mandat ta’ kull wieħed mill-Membri tiegħu li jkunu għadhom kemm ġew eletti kif ukoll dwar kwalunkwe kontestazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Att [Elettorali], għajr dawk li, skont dak l-Att, jaqgħu esklużivament taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dak l-Att. Ir-rapport tal-kumitat għandu jkun ibbażat fuq in-notifika uffiċjali tar-riżultati sħaħ tal-elezzjoni min-naħa ta’ kull Stat Membru. Fin-notifika għandhom ikunu speċifikati l-ismijiet tal-kandidati eletti u l-ismijiet ta’ kwalunkwe sostituti flimkien mal-ordni tagħhom skont ir-riżultat tal-votazzjoni. Il-validità tal-mandat ta’ Membru ma tistax tiġi kkonfermata jekk ma jkunux saru ddikjarazzjonijiet bil-miktub rikjesti taħt dan l-Artikolu u l-Anness I ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. […]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 5 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Privileġġi u immunitajiet”: “[…] 2. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura lindipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta’ Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu. […]” |
|
8 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Ħarsien tal-privileġġi u l-immunità”, jipprevedi: “1. Fil-każijiet fejn jiġi allegat li seħħ jew li jkun se jseħħ ksur tal-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Membru jew ex Membru mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, tista’ ssir talba għal deċiżjoni tal-Parlament dwar jekk seħħx ksur jew hux probabbli li se jseħħ ksur ta’ dawk il-privileġġi u immunitajiet skont it-termini tal-Artikolu 9(1). 2. B’mod partikolari, tali talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tista’ ssir jekk jitqies li ċ-ċirkostanzi jkunu jikkostitwixxu restrizzjoni amministrattiva jew ta’ xorta oħra fuq il-moviment liberu ta’ Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-post tal-laqgħa tal-Parlament jew restrizzjoni amministrattiva jew ta’ xorta oħra fuq l-opinjoni espressa jew vot mixħut fit-twettiq ta’ dmirijiethom, jew jekk iċ-ċirkostanzi jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. 3. Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Membru m’għandhiex tkun ammissibbli jekk talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità ta’ dak il-Membru tkun ġa ġiet riċevuta fir-rigward tal-istess fatti, kemm jekk tali talba preċedenti tkun tat lok għal deċiżjoni kemm jekk le. 4. Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Membru ma tkomplix tiġi eżaminata jekk tasal talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ dak il-Membru b’rabta mal-istess fatti. 5. F’każijiet fejn tkun ittieħdet deċiżjoni li l-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Membru ma jitħarsux, il-Membru eċċezzjonalment jista’ jagħmel talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni, billi jippreżenta evidenza ġdida skont l-Artikolu 9(1). It-talba għal eżami mill-ġdid m’għandhiex ammissibbli jekk ikunu nbdew proċedimenti kontra d-deċiżjoni skont l-Artikolu 263 [TFUE], jew jekk il-President [tal-Parlament] iqis li l-evidenza l-ġdida preżentata ma tkunx suffiċjentement sostanzjali li titlob għal eżami mill-ġdid”. |
|
9 |
L-Artikolu 8 tal-istess Regoli ta’ Proċedura, bit-titolu “Azzjoni urġenti mill-President [tal-Parlament] għall-asserzjoni tal-immunità” jistabbilixxi dan li ġej: “1. Bħala kwestjoni ta’ urġenza, meta jkun hemm ċirkostanzi li fihom jiġi arrestat Membru jew il-libertà tiegħu jew tagħha tal-moviment tkun tnaqqset f’dak li jkun jidher bħala ksur tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru, il-President [tal-Parlament], wara li jikkonsulta mal-president u mar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista’ jieħu inizjattiva għall-asserzjoni tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President [tal-Parlament] għandu jinnotifika lill-kumitat b’dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament. 2. Meta l-President [tal-Parlament] jagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilu mill-paragrafu 1, il-kumitat responsabbli għandu jieħu nota tal-inizjattiva [ta’ dan il-]President fil-laqgħa li jkun imiss tiegħu. Jekk il-kumitat iħoss li jkun meħtieġ, dan jista’ jħejji rapport biex jitressaq quddiem il-Parlament”. |
|
10 |
L-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, bit-titolu “Proċeduri dwar l-immunità”, jipprovdi kif ġej: “1. Kwalunkwe talba indirizzata lill-President [tal-Parlament] minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta’ xi Membru, jew minn Membru jew xi ex Membru għal ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli. 2. Bil-qbil tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat, it-talba tista’ ssir minn Membru ieħor, li għandu jitħalla jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat fl-istadji kollha tal-proċedura. Il-Membru li jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat ma għandux jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-kumitat. 3. Il-kumitat għandu jeżamina mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet. 4. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet. L-emendi m’għandhomx ikunu ammissibbli. Jekk proposta tiġi miċħuda, id-deċiżjoni kuntrarja għandha titqies li tkun ġiet adottata. 5. Il-kumitat jista’ jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista’ jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità ttneħħa jew titħares. 6. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema’ u jista’ jippreżenta kwalunkwe dokument jew evidenza oħra bil-miktub li jħoss li huma rilevanti. Il-Membru kkonċernat ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu. Il-President tal-Kumitat jistieden lill-Membru għal seduta, filwaqt li jindikalu d-data u l-ħin tiegħu. Il-membru kkonċernat jista’ jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jinstema’. Jekk il-Membru kkonċernat ma jattendix għas-smigħ skont dik l-istedina, huwa jitqies li rrinunzja id-dritt li jiġi mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f’dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet tiegħu. Il-president tal-kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba għall-eżonerazzjoni tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija. Il-Membru kkonċernat ma jkunx jista’ appella minn din id-deċżjoni. Jekk il-president tal-kumitat jilqa’ t-talba għall-eżonerazzjoni, huwa għandu jistieden lill-Membru kkonċernat jinstema’ f’data u ħin ġodda. Jekk il-Membru kkonċernat jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema’, il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema’ l-Membru. L-ebda talba ulterjuri għall-eżonerazzjoni, jew għas-smigħ, ma tista’ tintlaqa’. 7. Jekk it-talba tfittex li tneħħi jew li tħares l-immunità għal aktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista’ tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista’, bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tapplika biss għal proċeduri ta’ prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta’ detenzjoni jew rimandar jew minn kull miżura oħra li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu. 8. Il-kumitat jista’ jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibbiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m’għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas m’għandu jippronunzja ruħu dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-kumitat jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ. 9. Il-proposta għal deċiżjoni tal-kumitat għandha titqiegħed fuq l-aġenda tal-ewwel seduta wara l-jum li fih ikun imqiegħed fuq il-Mejda. L-ebda emenda għal tali proposta ma tista’ tiġi mqiegħda fuq il-Mejda. Id-diskussjoni għandha tiġi ristretta għar-raġunijiet favur jew kontra kull proposta biex jitneħħew jew jitħarsu l-privileġġ jew l-immunità. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 173, il-Membru li tiegħu l-privileġġi u l-immunitajiet ikunu qed jiġu eżaminati, m’għandux jieħu sehem fid-dibattitu. Il-proposta jew proposti għal deċiżjoni li jinsabu fir-rapport għandu jittieħed vot fuqhom fl-ewwel ħin tal-votazzjonijiet wara d-dibattitu. Wara li l-Parlament ikun eżamina l-każ, għandu jittieħed votazzjoni separata fuq kull waħda mill-proposti li jinsabu fir-rapport. Jekk proposta tiġi miċħuda, jitqies li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni kuntrarja. 10. Il-President [tal-Parlament] għandu jikkomunika minnufih id-deċiżjoni tal-Parlament lill-Membru kkonċernat u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, b’talba li l-President jinżamm infurmat dwar żviluppi u sentenzi ġudizzjarji mogħtija fil-proċedimenti rilevanti. Meta l-President [tal-Parlament] jirċievi l-informazzjoni għandu jgħaddiha lill-Parlament bil-mod li huwa jaħseb li jkun l-aktar xieraq, u jekk ikun meħtieġ wara li jkun ikkonsulta l-kumitat responsabbli. 11. Il-kumitat għandu jittratta dawn l-affarijiet u juża d-dokumenti li jkun irċieva bl-akbar kunfidenzjalità. Il-kumitat għandu dejjem jeżamina t-talbiet relatati mal-proċeduri dwar l-immunità bil-magħluq. 12. Il-Parlament għandu jeżamina biss talbiet biex titneħħa l-immunità ta’ xi Membru li jkunu ġew trażmessi lilu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew mir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri. 13. Il-kumitat għandu jistabbilixxi l-prinċipji għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. 14. Kull talba għal informazzjoni dwar il-firxa tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membri magħmula minn awtorità kompetenti għandha tiġi eżaminata skont ir-regoli t’hawn fuq.” |
|
11 |
L-Artikolu 4(1) tal-Anness I ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, bit-titolu “Kodiċi ta’ kondotta għall-membri tal-Parlament […] fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta’ interessi”, jistabbilixxi dan li ġej: “Għal raġunijiet ta’ trasparenza, il-Membri għandhom ikunu personalment responsabbli għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ interessi finanzjarji lill-President qabel it-tmiem tal-ewwel perjodu ta’ sessjoni wara l-elezzjoni tal-Parlament […] (jew, fil-kors tal-leġiżlatura, fi żmien 30 jum wara li jkunu ħadu l-kariga fil-Parlament), permezz tal-formola adottata mill-[b]ureau [ta’ dik l-istituzzjoni] skont l-Artikolu 9. Huma għandhom jgħarrfu lill-President [tal-Parlament] b’kull bidla li taffettwa d-dikjarazzjoni tagħhom sa tmiem ix-xahar ta’ wara dak li fih tkun seħħet kull bidla.” |
Il‑Liġi Elettorali Spanjola
|
12 |
L-Artikolu 224 tal-Ley orgánica 5/1985 del Régimen Electoral General (il-Liġi Organika 5/1985 dwar is-Sistema Elettorali Ġenerali) tad‑19 ta’ Ġunju 1985 (BOE Nru 147 tal‑20 ta’ Ġunju 1985, p. 19110, iktar ’il quddiem il-“Liġi Elettorali Spanjola”) jistabbilixxi dan li ġej: “1. Il-Junta Electoral Central [(il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, Spanja)] għandha, sa mhux iktar tard minn għoxrin jum wara l-elezzjonijiet, twettaq l-għadd tal-voti fuq livell nazzjonali, talloka s-siġġijiet rispettivi lil kull wieħed mill-kandidati u tiddikjara l-kandidati eletti. 2. Fi żmien ħamest ijiem mid-dikjarazzjoni tagħhom, il-kandidati eletti għandhom jaħilfu jew iwegħdu li josservaw il-Constitución española (il-Kostituzzjoni Spanjola) quddiem il-[Kummissjoni Elettorali Ċentrali]. Fi tmiem dan it-terminu, il-[Kummissjoni Elettorali Ċentrali] għandha tiddikjara vakanti s-siġġijiet allokati lill-Membri tal-Parlament […] li ma jkunux ħalfu jew wegħdu li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola u tiddikjara sospiżi l-prerogattivi kollha li huma seta’ kellhom dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tagħhom, sakemm huma jieħdu dan il-ġurament. […]” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
13 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 13 sa 36 tas-sentenza appellata. Huma jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din is-sentenza, jiġu deskritti fil-qosor kif ġej. |
|
14 |
C. Puigdemont i Casamajó kien il-President tal-Generalitat de Cataluña (il-Generalità ta’ Cataluña, Spanja) u A. Comín i Oliveres kien membru tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu ta’ Cataluña, Spanja) meta ġew adottati l-Ley 19/2017 del Parlamento de Cataluña, reguladora del referéndum de autodeterminación (il-Liġi 19/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña li Tirregola r-Referendum Dwar l-Awtodeterminazzjoni) tas‑6 ta’ Settembru 2017 (DOGC Nru 7449A tas‑6 ta’ Settembru 2017, p. 1), u l-Ley 20/2017 del Parlamento de Cataluña, de transitoriedad jurídica y fundacional de la República (il-Liġi 20/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña Dwar it-Tranżizzjoni Ġuridika u Funzjonali tar-Repubblika) tat‑8 ta’ Settembru 2017 (DOGC Nru 7451A tat‑8 ta’ Settembru 2017, p. 1), kif ukoll meta, fl‑1 ta’ Ottubru 2017, sar ir-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni previst mill-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ liġijiet, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu, sadanittant, ġew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja). |
|
15 |
Wara l-adozzjoni tal-imsemmija liġijiet u ż-żamma ta’ dan ir-referendum, il-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja) u l-partit politiku VOX bdew proċeduri kriminali kontra, b’mod partikolari, l-appellanti, taħt il-kapi ta’ “sedizzjoni” u ta’ “miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi”. |
|
16 |
Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Lulju 2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddikjarat lill-appellanti kontumaċi, wara t-tluq tagħhom mit-territorju Spanjol, u ssospendiet dawn il-proċeduri kriminali sakemm jinstabu. |
|
17 |
Sussegwentement, l-appellanti ġew eletti fl-elezzjonijiet għall-Parlament li nżammu fi Spanja fis‑26 ta’ Mejju 2019, fil-lista tal-koalizzjoni Lliures per Europa (Junts) (Liberi għall-Ewropa (Flimkien)), li huma kienu qegħdin imexxu. Din il-lista kisbet żewġ siġġijiet fil-Parlament. |
|
18 |
Permezz tal-istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019, il-President tal-Parlament indika lis-Segretarju Ġenerali ta’ dik l-istituzzjoni li kellu jiġi rrifjutat, għall-kandidati kollha eletti fi Spanja, l-aċċess għall-“Villaġġ ta’ Akkoljenza” (welcome village) kif ukoll il-benefiċċju tal-għajnuna mogħtija lill-kandidati eletti l-ġodda fil-Parlament (iktar ’il quddiem is-“servizz speċjali ta’ akkoljenza”) u kellha wkoll tiġi sospiża l-akkreditazzjoni tagħhom sal-konferma uffiċjali tal-elezzjoni tagħhom, konformement mal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali. L-appellanti għalhekk ma setgħux jibbenefikaw mis-servizz speċjali ta’ akkoljenza u ġew miċħuda l-aċċess għall-“Villaġġ ta’ Akkoljenza” kif ukoll l-għoti ta’ akkreditazzjoni u ta’ badge temporanji. |
|
19 |
Fit‑13 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali adottat deċiżjoni dwar “Dikjarazzjoni tad-Deputati Eletti fil-Parlament Ewropew fl-Elezzjonijiet li saru fis‑26 ta’ Mejju 2019” (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019”), li kienet tindika li, konformement mal-Artikolu 224(1) tal-Liġi Elettorali Spanjola, u skont id-data indikata fid-dikjarazzjonijiet ikkonsolidati trażmessa minn kull waħda mill-kummissjonijiet elettorali provinċjali, hija kienet ippreparat dikjarazzjoni tal-voti ġdida fuq livell nazzjonali, allokat is-siġġijiet korrispondenti lil kull wieħed mill-kandidati u ddikjarat l-ismijiet tal-kandidati eletti, li fosthom kien hemm l-appellanti. Id-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 kienet tindika wkoll li l-kandidati eletti kellhom jieħdu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola, kif meħtieġ fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, fis‑17 ta’ Ġunju 2019. |
|
20 |
Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2019, l-appellanti talbu lill-President tal-Parlament jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, kif kienu jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019, jirtira l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 sabiex ikun jista’ jkollhom aċċess għall-bini tal-Parlament u jibbenefikaw mis-servizz speċjali ta’ akkoljenza, kif ukoll jippermettilhom jieħdu pussess tas-siġġijiet tagħhom u jgawdu d-drittijiet marbuta mal-kwalità tagħhom ta’ Membru tal-Parlament mit‑2 ta’ Lulju 2019, data ta’ ftuħ tal-ewwel seduta plenarja wara l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019. |
|
21 |
Fil‑15 ta’ Ġunju 2019, l-imħallef inkwirenti tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ċaħad talba tal-appellanti intiża għall-irtirar tal-mandati ta’ arrest nazzjonali maħruġa kontrihom mill-qrati kriminali Spanjoli sabiex ikunu jistgħu jiġu ġġudikati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza. |
|
22 |
Fis‑17 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali kkomunikat lill-Parlament il-lista tal-kandidati eletti fi Spanja (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2019”). L-ismijiet tal-appellanti ma kinux inklużi f’din il-lista. |
|
23 |
Fl‑20 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali rrifjutat li l-appellanti jieħdu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola, meħtieġ fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub quddiem nutar fil-Belġju jew permezz ta’ mandatarji nnominati permezz ta’ att notarili fil-Belġju, minħabba li dan il-ġurament kellu, skont dik il-qorti, isir personalment. |
|
24 |
Fl-istess jum, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali indikat lill-Parlament li l-appellanti ma kinux ħadu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola u li, konformement mal-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, hija kellha tiddikjara vakanti s-siġġijiet allokati lil dawn tal-aħħar fil-Parlament kif ukoll is-sospensjoni tal-prerogattivi kollha relatati mal-funzjonijiet tagħhom sakemm huma jkunu ħadu dan il-ġurament (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2019”). |
|
25 |
Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2019, l-appellanti talbu lill-President tal-Parlament jadotta b’urġenza, abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura, kull miżura neċessarja sabiex jiġu kkonfermati l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom u, b’mod partikolari, sabiex jiġu difiżi dawn il-privileġġi u immunitajiet, jiddikjara li l-mandati ta’ arrest nazzjonali li huma kienu s-suġġett tagħhom kienu jiksru l-imsemmija privileġġi u immunitajiet, li huma kienu jibbenefikaw minnhom skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet”), jiddikjara li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll kien jipproteġi lill-Membri tal-Parlament Ewropew minn kull restrizzjoni ġudizzjarja tal-libertà ta’ moviment tagħhom li tista’ timpedixxihom milli jwettqu l-formalitajiet neċessarji sabiex huma jkunu jistgħu jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom u, fl-aħħar, jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu immedjatament lill-awtoritajiet Spanjoli kompetenti. |
|
26 |
Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ġunju 2019, l-appellanti, essenzjalment, tennew it-talbiet kollha ppreżentati fl-ittri tagħhom tal‑14 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, li kienu baqgħu mingħajr tweġiba. |
|
27 |
Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, il-President wieġeb għall-ittri tal‑14, tal‑20 u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, billi indika, essenzjalment, lill-appellanti li huwa ma setax jittrattahom bħala Membri futuri tal-Parlament, peress li isimhom ma kienx inkluż fil-lista tal-kandidati eletti kkomunikata uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli. |
|
28 |
Fit‑28 ta’ Ġunju 2019, l-appellanti talbu lill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ rikors irreġistrat bin-numru T‑388/19, minn naħa, tannulla l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 u, min-naħa l-oħra, tannulla d-diversi atti li, fil-fehma tagħhom, jinsabu fl-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, jiġifieri, l-ewwel, ir-rifjut tal-President tal-Parlament li jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019; it-tieni, id-dikjarazzjoni mill-President tal-Parlament li s-siġġu allokat lil kull wieħed mill-appellanti, huwa vakanti; it-tielet, ir-rifjut tal-President tal-Parlament li jippermettilhom jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, li jeżerċitaw il-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u li jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019 u, ir-raba’, ir-rifjut tal-President tal-Parlament li jieħu inizjattiva b’urġenza abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura intiża li tikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom. |
|
29 |
Fl-istess jum, l-appellanti ppreżentaw, flimkien mar-rikors tagħhom, talba għal miżuri provviżorji, irreġistrata taħt in-numru T‑388/19 R, intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, l-ewwel, tad-deċiżjoni tal-President tal-Parlament li ma jiħux nota tar-riżultati, uffiċjalment ipproklamati mir-Renju ta’ Spanja, tal-elezzjonijiet għall-Parlament tas‑26 ta’ Mejju 2019 u tad-deċiżjoni sussegwenti li tieħu nota ta’ lista differenti u inkompleta ta’ Membri eletti, ikkomunikata fis‑17 ta’ Ġunju 2019 mill-awtoritajiet Spanjoli, it-tieni, tad-deċiżjoni tal-President tal-Parlament li tqis il-komunikazzjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2019 bħala li ċċaħħad minn effett id-dikjarazzjoni tal-appellanti bħala Membri eletti tal-Parlament u, it-tielet, tad-deċiżjoni tal-Parlament li tirrifjuta li tiżgura, konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, id-dritt tal-appellanti li jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament u fil-korpi tiegħu bi tgawdija sħiħa tad-drittijiet tagħhom mill-ftuħ tas-sessjoni Parlamentari u sa meta dan ikun iddeċieda fuq il-kontestazzjonijiet miġjuba quddiem il-Parlament u l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli. L-appellanti talbu wkoll li l-Parlament jiġi ordnat jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluża l-konferma tal-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, sabiex jitħallew jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament sa mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet. |
|
30 |
Permezz ta’ posta elettronika tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Riba i Giner, Membru tal-Parlament Ewropew, li kienet qiegħda taġixxi f’isem l-appellanti, bagħtet lill-President tal-Parlament elett fit‑3 ta’ Lulju 2019 kif ukoll lill-President u lill-Viċi President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ta’ dik l-istituzzjoni, talba minn 38 Membru tal-Parlament Ewropew ta’ diversi nazzjonalitajiet u ta’ diversi partiti politiċi, fosthom hija stess, intiża b’mod partikolari sabiex il-Parlament jiddefendi, abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, l-immunità parlamentari tal-appellanti, imsemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. |
|
31 |
Fl‑14 ta’ Ottubru 2019, l-imħallef inkwirenti tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali, mandat ta’ arrest Ewropew u mandat ta’ arrest internazzjonali kontra C. Puigdemont i Casamajó, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiġi ġġudikat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza. L-istess mandati ta’ arrest inħarġu kontra A. Comín i Oliveres fl‑4 ta’ Novembru 2019. C. Puigdemont i Casamajó u A. Comín i Oliveres tqiegħdu taħt detenzjoni fil-Belġju fis‑17 ta’ Ottubru u fis‑7 ta’ Novembru 2019, rispettivament, u nħelsu, fl-istess dati, taħt kundizzjonijiet. |
|
32 |
Permezz ta’ żewġ ittri tal‑10 ta’ Diċembru 2019 miktuba f’termini simili, waħda indirizzata lil D. Riba i Giner u l-oħra lit‑38 Membru tal-Parlament kollha msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-President tal-Parlament indika li huwa ma setax jikkunsidra lill-appellanti bħala Membri tal-Parlament fl-assenza ta’ komunikazzjoni uffiċjali tal-elezzjoni tagħhom mill-awtoritajiet Spanjoli. |
|
33 |
Permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet li persuna li kienet ġiet uffiċjalment iddikjarata eletta fil-Parlament, iżda li ma kinitx ġiet awtorizzata tikkonforma ruħha ma’ ċerti rekwiżiti previsti mid-dritt nazzjonali wara tali dikjarazzjoni, kif ukoll tmur il-Parlament sabiex tipparteċipa fl-ewwel sessjoni tiegħu, kellha titqies bħala li tibbenefika minn immunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. |
|
34 |
Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Lulju 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (T‑388/19 R, EU:T:2019:467), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza u rriżerva l-ispejjeż. |
|
35 |
Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (C‑646/19 P(R), EU:C:2019:1149), il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Lulju 2019 (T‑388/19 R, EU:T:2019:467), bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż. |
|
36 |
Waqt is-sessjoni plenarja tat‑13 ta’ Jannar 2020, il-President tal-Parlament iddikjara li dik l-istituzzjoni kienet qiegħda tieħu nota, wara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), tal-elezzjoni tal-appellanti fil-Parlament b’effett mit‑2 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem l-“att tat‑13 ta’ Jannar 2020”). |
|
37 |
Fl‑20 ta’ Frar 2020 l-appellanti ppreżentaw rikors għal annullament kontra l-ittra tal‑10 ta’ Diċembru 2019 indirizzata lil D. Riba i Giner mill-President tal-Parlament. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T‑115/20. |
|
38 |
Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Marzu 2020, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (T‑388/19 R‑RENV, EU:T:2020:114), il-President tal-Qorti Ġenerali, f’deċiżjoni fuq rinviju wara d-digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (C‑646/19 P (R), EU:C:2019:1149), iddeċieda li, fid-dawl tat-teħid tal-att tat‑13 ta’ Jannar 2020, ma kienx hemm iktar lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż. |
|
39 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ċaħdet ir-rikors imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza għar-raġuni li kien indirizzat kontra atti li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet
|
40 |
Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
41 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
42 |
Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appell
|
43 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu erba’ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, huma jikkontestaw il-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament tal-atti kontenzjużi bħala inammissibbli minħabba li ma kinux biddlu s-sitwazzjoni legali tagħhom. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, huma jitolbu sussidjarjament lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi l-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275) u jqajmu, fin-nuqqas ta’ dan, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali. Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw il-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-assenza ta’ adozzjoni, mill-President tal-Parlament, ta’ inizjattiva ta’ urġenza sabiex jiġu kkonfermati l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom, abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura, ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-argument tagħhom intiż għall-kontestazzjoni tal-allegat rifjut tal-President tal-Parlament li jittrażmetti t-talba tagħhom għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet tagħhom lill-kumitat kompetenti ta’ dik l-istituzzjoni kien dirett kontra att ineżistenti, peress li l-persuni kkonċernati ma ressqux tali talba abbażi tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura. |
Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell
L‑argumenti tal‑partijiet
|
44 |
Ir-Renju ta’ Spanja jsostni prinċipalment li l-appell kollu huwa inammissibbli għar-raġuni, essenzjalment, li ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 168(1)(d) u fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ma jidentifikawx b’mod suffiċjentement preċiż u ċar il-punti tal-motivi kkritikati tas-sentenza appellata u l-argumenti legali li fuqhom hija bbażata t-talba tagħhom. Huwa jallega wkoll li l-appell sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti diġà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li fir-realtà jikkostitwixxi talba għal eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem din tal-aħħar, li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
45 |
Fl-argumenti tagħhom bi tweġiba għad-diversi aggravji mqajma mill-appellanti, il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jsostnu wkoll li dawn l-aggravji huma, fil-parti l-kbira tagħhom, inammissibbli. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
46 |
Għalkemm huwa minnu li s-sottomissjonijiet bil-miktub tal-appellanti jixbhu parzjalment talba għal eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u jidhru f’diversi postijiet konfużi u superfluwi, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-appell kollu kemm hu, l-istess bħall-argument prinċipali żviluppat insostenn ta’ kull wieħed mill-aggravji tal-appell isemmi l-punti tal-motivi kkritikati tas-sentenza appellata u jirreferi, b’mod suffiċjentement preċiż sabiex iqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tiddeċiedi, argumenti ġuridiċi li permezz tagħhom l-appellanti għandhom l-intenzjoni li jikkontestawhom. |
|
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, l-appell, fl-intier tiegħu, ma jiksirx ir-rekwiżiti previsti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 168(1) (d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Dan lanqas ma huwa l-każ tal-argument invokat insostenn ta’ kull wieħed mill-aggravji tal-appell. |
|
48 |
Minn dan isegwi li l-aggravji ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mir-Renju ta’ Spanja għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq il‑mertu
L‑argumenti tal‑partijiet
|
49 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jqisu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), bi żbalji ta’ klassifikazzjoni ġuridika u b’diversi istanzi ta’ żnaturament meta ddeċidiet li l-atti kontenzjużi ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament minħabba li ma kinux wasslu għal bidla fis-sitwazzjoni legali tagħhom. |
|
50 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, l-appellanti jikkritikaw prinċipalment lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-President tal-Parlament kien obbligat jieħu nota tal-komunikazzjonijiet tas‑17 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, li kienu jirriflettu l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li huma ma kinux jagħmlu parti mill-Membri tal-Parlament eletti għar-raġuni li ma kinux ħadu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola, previst fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, u mhux tar-riżultati tat‑13 ta’ Ġunju 2019, li jirriflettu l-voti espressi matul il-votazzjoni tas‑26 ta’ Mejju 2019. F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żnaturament sa fejn hija bbażata fuq l-idea li l-komunikazzjonijiet tas‑17 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019 kienu jirriflettu r-riżultati tal-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019. |
|
51 |
L-appellanti jsostnu li, skont l-Artikolu 5(1) tal-Att Elettorali, huma kellhom fi kwalunkwe każ id-dritt li jieħdu s-siġġu tagħhom provviżorjament mal-Membri l-oħra tal-Parlament b’effett mis-sessjoni miftuħa fit‑2 ta’ Lulju 2019, anki jekk il-kredenzjali tagħhom kienu għadhom ma ġewx ivverifikati. L-adozzjoni, sussegwentement, tal-att tat‑13 ta’ Jannar 2020 ikkonfermat din l-interpretazzjoni. |
|
52 |
Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi fir-rigward tal-Artikolu 223 TFUE u vvizzjat is-sentenza appellata bi żnaturament meta ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet jew tar-rekwiżiti meħtieġa għad-dħul fil-kariga tal-Membri tal-Parlament Ewropew kienet taqa’ taħt kompetenza kondiviża mal-Istati Membri, filwaqt li din taqa’ taħt kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Bħalma jirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115) u mid-digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (C‑646/19 P(R), EU:C:2019:1149), id-dritt Spanjol jikser id-dritt tal-Unjoni sa fejn jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għal dawk previsti minn dan tal-aħħar, li ma jaqgħux taħt il-proċedura elettorali nazzjonali, peress li din tal-aħħar tintemm, fil-fehma tagħhom, bid-dikjarazzjoni tar-riżultati. L-appellanti jqisu li huwa l-Parlament, skont l-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, li għandu jiddeċiedi dan il-punt bħala kontestazzjoni elettorali mressqa quddiemu abbażi ta’ dan l-att. Il-Qorti Ġenerali vvizzjat ukoll is-sentenza appellata b’nuqqas li tagħti deċiżjoni u bi żball ta’ liġi, kif ukoll kisret l-Artikolu 47 tal-Karta, billi ċaħdet bħala ineffettiv l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tar-Renju ta’ Spanja sabiex jistabbilixxi r-rekwiżit li jittieħed il-ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola previst fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola. |
|
53 |
Barra minn hekk, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet sostituzzjoni illegali tal-motivi tal-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 u żnaturat il-kliem ta’ din tal-aħħar billi rrilevat f’diversi punti tas-sentenza appellata li din ma kinitx ibbażata fuq il-konstatazzjoni li l-appellanti ma kinux kisbu l-kwalità ta’ Membri tal-Parlament Ewropew iżda biss fuq dik li huma ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet formali li jippermettu li jeżerċitaw il-mandati tagħhom. |
|
54 |
Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żnaturament, b’kontradizzjoni tal-motivi u tikser l-Artikoli 8 u 12 tal-Att Elettorali, l-Artikolu 39(2) tal-Karta kif ukoll is-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275), sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Parlament ma setax jieħu nota tar-riżultati ddikjarati fit‑13 ta’ Ġunju 2019, filwaqt li din id-dikjarazzjoni ma kienet is-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni u kienet tikkostitwixxi l-uniku att legalment vinkolanti li kellha tieħu inkunsiderazzjoni, bl-esklużjoni tal-komunikazzjonijiet tas‑17 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, li ma kinux jorbtuha. Iċ-ċirkustanza li r-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali billi ma kkomunikax lill-Parlament ir-riżultati ddikjarati uffiċjalment fit‑13 ta’ Ġunju 2019 ma kinitx teżenta lil dik l-istituzzjoni milli tieħu konjizzjoni tagħhom. |
|
55 |
Anki jekk jitqies li għandu jiġi kkunsidrat li komunika tar-riżultati lill-Parlament kienet neċessarja, aspett li l-appellanti jikkontestaw, huma jqisu li, kuntrarjament għal dak li jsegwi mill-motivi tas-sentenza appellata, id-dikjarazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 kienet fi kwalunkwe każ suffiċjenti sabiex il-Parlament ikun obbligat jieħu nota tal-aspett li huma kienu ġew eletti bħala Membri tal-Parlament Ewropew. |
|
56 |
L-appellanti jsostnu wkoll li l-motivi tas-sentenza appellata jwasslu sabiex jiġi deċiż li l-Parlament għandu jieħu nota ta’ kwalunkwe att maħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali, anki dawk li ġew adottati minn dawn tal-aħħar mingħajr ma kellhom kompetenza, li jkun kuntrarju għas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49). Huma jqisu li dawn il-motivi jmorru kontra wkoll il-fatt li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 223(2) u l-Artikolu 232 TFUE, ma jawtorizzax lill-Istati Membri jippronunzjaw is-sospensjoni, anki temporanja, tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew u, b’hekk, ibiddlu n-numru ta’ Membri tal-Parlament u għalhekk il-kompożizzjoni tal-Parlament. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il‑Kummissjoni (C‑97/91, EU:C:1992:491) hija differenti minn din il-kawża. |
|
57 |
Filwaqt li jindikaw li dan il-punt jirrigwarda l-mertu tal-kawża u mhux l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE, l-appellanti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni meħuda, fil-fehma tagħhom, mill-President tal-Parlament, li tipprekludihom milli jieħdu s-siġġijiet tagħhom f’dik l-istituzzjoni wasslet fil-konfront tagħhom għal ksur “partikolarment gravi u mingħajr preċedent” tal-Artikolu 39(2) tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 1(3) tal-Att Elettorali, dwar l-eliġibbiltà tagħhom, li jmur kontra l-pożizzjonijiet meħuda mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt, imsejħa “Il-Kummissjoni ta’ Venezia”. |
|
58 |
Fl-aħħar, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali vvizzjat ukoll is-sentenza appellata bi żnaturament jew, għall-inqas, interpretat ħażin il-portata tas-sottomissjonijiet bil-miktub li kienu tressqu quddiemha meta ddeċidiet li kien paċifiku li l-appellanti ma kinux osservaw l-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, filwaqt li rikors fuq dan is-suġġett kien pendenti quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali). |
|
59 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019, l-appellanti jsostnu li dan l-att, li kien jikkonċernahom direttament u individwalment, kien indissoċjabbli mill-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 u li l-Qorti Ġenerali żnaturat jew, tal-inqas, għawġet il-fatti u vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni tal-motivi meta ddeċidiet li l-effetti ta’ din l-istruzzjoni kienu ntemmu fis‑17 ta’ Ġunju 2019. Il-motivi ta’ dik is-sentenza huma wkoll ivvizzjati bi żbalji manifesti ta’ liġi sa fejn jindikaw li l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 ma kinitx il-kawża tal-impossibbiltà għall-appellanti li jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom. |
|
60 |
Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jqisu li l-argumenti invokati mill-appellanti insostenn tal-ewwel aggravju tagħhom għandu jiġi miċħud. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
61 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 5(1) u (2) u mal-Artikolu 13(2) TUE, il-Parlament għandu jaġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilu mit-Trattati. |
|
62 |
Fir-rigward tal-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament, fl-assenza ta’ adozzjoni ta’ proċedura elettorali uniformi, il-proċedura tibqa’ rregolata, f’kull Stat Membru, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Att Elettorali, konformement mal-Artikolu 8 ta’ dan l-att (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Junqueras i Vies vs Il‑Parlament, C‑115/21 P, EU:C:2022:1021, punt 60). |
|
63 |
L-Artikolu 12 tal-imsemmi att jipprovdi li l-Parlament “għandu jieħu nota tar-riżultati mħabbra uffiċjalment mill-Istati Membri u għandu jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet [tiegħu], bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li [dan l-att] jagħmel riferiment għalihom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
64 |
Bħalma diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-Att Elettorali, l-espressjoni “jieħu nota” teskludi kull marġni ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Parlament sabiex jaħtar il-Membri tal-Parlament eletti, peress li l-awtoritajiet nazzjonali biss huma kompetenti sabiex jagħmlu dan, konformement mal-proċedura rregolata mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punti 55 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Mill-kliem stess tal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali jsegwi li, f’dan il-kuntest, huwa biss il-Parlament li għandu jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet imqajma abbażi tal-Att Elettorali. Min-naħa l-oħra, dik l-istituzzjoni ma għandha ebda kompetenza li tawtorizzaha tistħarreġ ir-regolarità jew il-konformità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-proċedura elettorali nazzjonali jew tad-dikjarazzjoni tar-riżultati mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament, C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275, punti 55 sa 57, 60, 67 u 68). Dan japplika wkoll fil-każijiet fejn l-Att Elettorali stess jagħmel riferiment għad-dritt nazzjonali. |
|
66 |
L-implimentazzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri prevista fl-Att Elettorali hija żgurata b’mod partikolari mill-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Parlament l-ismijiet tal-Membri eletti. Huma biss il-Membri li isimhom jidher fil-lista kkomunikata mill-awtoritajiet nazzjonali li mbagħad ikunu suġġetti għall-formalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, li fosthom hemm il-verifika tal-kredenzjali tagħhom. |
|
67 |
Iċ-ċirkustanza li l-lista kkomunikata lill-Parlament mill-awtoritajiet nazzjonali ma tikkorrispondix għar-riżultati ddikjarati uffiċjalment minn Stat Membru, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, jew, b’mod iktar ġenerali, li din il-lista hija vvizzjata bi żbalji jew b’ommissjonijiet, ma tistax jippermetti lil dik l-istituzzjoni tinjora l-ismijiet tal-Membri eletti li ġew ikkomunikati lilha uffiċjalment mill-awtoritajiet nazzjonali. |
|
68 |
Fil-fatt, minbarra li l-verifika tal-eżattezza tal-lista tal-Membri eletti kkomunikata mill-Istati Membri tikkostitwixxi kompitu li fil-prattika huwa impossibbli li jitwettaq b’suċċess mill-Parlament, din tkun twassal sabiex dik l-istituzzjoni tkun tista’ tistħarreġ il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-proċedura elettorali nazzjonali, u għalhekk ir-riżultati tal-elezzjonijiet irregolati minn din il-proċedura, li jkun imur kontra t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri previst fl-Att Elettorali. |
|
69 |
Fis-sistema sħiħa ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, tali stħarriġ għandu jsir biss mill-qrati nazzjonali, jekk ikun il-każ wara rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, jew minn din tal-aħħar, adita b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Junqueras i Vies vs Il‑Parlament, C‑201/20 P(R), EU:C:2020:818, punt 66). |
|
70 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-appellanti dwar l-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019. |
|
71 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset li l-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019 ma kinitx biddlet is-sitwazzjoni legali tal-appellanti u li għalhekk ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE peress li, bħalma ddeċidiet, b’mod partikolari, fil-punti 104, 114 u 117 sa 119 ta’ din is-sentenza, il-President tal-Parlament kien sempliċement ħa nota, kif kien meħtieġ, tal-lista tal-Membri eletti li kienet ġiet ikkomunikata lilu mill-awtoritajiet Spanjoli fis‑17 u fl‑20 ta’ Ġunju 2019, li kienet tikkostitwixxi għalih sitwazzjoni preeżistenti. |
|
72 |
Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 130 u 131 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jitqies li r-rekwiżit li jittieħed il-ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola previst fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola jmur kontra d-dritt tal-Unjoni minħabba li ma jagħmilx parti mill-proċedura elettorali nazzjonali li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, la huwa l-Parlament u lanqas, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tar-rikors li kellha quddiemha, li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt, liema kontestazzjoni għandha tiġi deċiża mill-qrati nazzjonali, jekk ikun il-każ wara rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, jew direttament minn din tal-aħħar fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE. |
|
73 |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, fil-punti 142 sa 144 tas-sentenza appellata, li l-argument tal-appellanti li l-formalitajiet neċessarji sabiex wieħed jieħu s-siġġu tiegħu fil-Parlament għandhom jitwettqu esklużivament quddiem dik l-istituzzjoni ma kienx ikkonfermat mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115). |
|
74 |
Fl-appell tagħhom, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żbalji ta’ liġi u vvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ deċiżjoni u b’diversi istanzi ta’ żnaturament meta ddeċidiet li l-Parlament kien obbligat jieħu nota tal-lista tal-Membri eletti li kienet ġiet ikkomunikata lilu uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli. |
|
75 |
Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 60 sa 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali la wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-Artikoli 8 u 12 tal-Att Elettorali, la kisret l-Artikolu 39(2) tal-Karta, u lanqas ivvizzjat is-sentenza appellata bi żnaturament fir-rigward tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet tas‑17 u tal‑20 ta’ Ġunju 2019 jew tal-kontenut tal-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, meta ddeċidiet li l-President tal-Parlament ma setax, mingħajr ma jikser it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri stabbilit permezz tal-Att Elettorali, jinjora l-lista tal-Membri eletti li kienet ġiet uffiċjalment ikkomunikata lilu mill-awtoritajiet Spanjoli, li hija ma kellhiex l-kompetenza li tistħarreġ l-eżattezza tagħha. |
|
76 |
L-Artikolu 5(1) tal-Att Elettorali, li jippreċiża li l-perijodu ta’ ħames snin li għalih huma eletti l-Membri tal-Parlament jibda mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni miżmuma wara kull elezzjoni, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni peress li din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi l-limiti ratione temporis tal-mandat tal-membri tal-Parlament u ma tirregolax it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam elettorali. |
|
77 |
Lanqas ma huwa l-każ tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115). Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li tat lok għal dij is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet saritilha domanda preliminari mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) dwar il-kwistjoni, distinta, dwar f’liema mument persuna eletta fil-Parlament tikseb il-kwalità ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni, sabiex tiġi ddeterminata d-data li minnha hija tibbenefika mill-immunità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, marbuta ma’ din il-kwalità. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwalità ta’ membru tal-Parlament kienet inkisbet b’effett mid-dikjarazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali, li hija rrilevat li kienet seħħet fit‑13 ta’ Ġunju 2019 fir-rigward tal-elezzjonijiet li nżammu fi Spanja fis‑26 ta’ Mejju 2019. Min-naħa l-oħra, hija ma ħaditx pożizzjoni dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, mill-Parlament, mill-komunikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-lista tal-Membri eletti, u b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk dik l-istituzzjoni kinitx marbuta jew le b’tali komunikazzjoni, li ma kinitx is-suġġett tad-domandi tal-qorti tar-rinviju. |
|
78 |
Fir-realtà, minflok ma ssostni l-allegazzjonijiet tal-appellanti, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115) tikkorrobora għall-kuntrarju l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 69 ta’ dik is-sentenza, li l-Parlament ma għandu ebda kompetenza li tawtorizzah jikkontesta r-regolarità tad-dikjarazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali jew li jistħarreġ il-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni, aspett li, bħalma jsegwi mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, jagħti x’jifhem li l-Parlament għandu l-obbligu li jieħu nota tal-komunikazzjonijiet uffiċjali tar-riżultati indirizzati lilu mill-awtoritajiet nazzjonali, bħal, f’dan il-każ, il-komunikazzjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2019. |
|
79 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma marritx kontra s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), meta qieset, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li l-Parlament kien obbligat jieħu nota tal-lista tal-kandidati eletti kkomunikata uffiċjalment mill-awtoritajiet nazzjonali, peress li dik l-istituzzjoni ma kinitx kompetenti sabiex teżerċita tali kontroll fuq il-kontenut ta’ din il-lista. |
|
80 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li marret kontra d-digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il‑Parlament (C‑646/19 P(R), EU:C:2019:1149), li permezz tiegħu l-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, qabel ma tat id-deċiżjoni, li ma setax jiġi eskluż li l-proċedura elettorali nazzjonali li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri għandha titqies li ntemmet bid-dikjarazzjoni tar-riżultati, bl-esklużjoni ta’ kull formalità sussegwenti. Fil-fatt, bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 139 tas-sentenza appellata, jekk jitqies li r-Renju ta’ Spanja eċċeda l-kompetenza tiegħu meta stabbilixxa l-obbligu li jittieħed il-ġurament li tiġi osservata l-Kostituzzjoni Spanjola previst fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax l-obbligu tal-President tal-Parlament li jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet li huma uffiċjalment ikkomunikati lilu mill-awtoritajiet nazzjonali. |
|
81 |
F’dan ir-rigward, mis-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-kwistjonijiet dwar jekk ir-Renju ta’ Spanja kellux kompetenza, fid-dawl tal-Artikolu 223(2) TFUE u tal-Artikolu 8 tal-Att Elettorali, sabiex jistabbilixxi r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola, jew jekk dan ir-rekwiżit kienx kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. Wara li rrilevat, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, permezz ta’ motivi li ma kinux żnaturati, li l-appellanti ma kinux ħadu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola previst minn dan l-Artikolu 224(2), hija għall-kuntrarju qieset fil-punt 131 ta’ dik is-sentenza, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u mingħajr ma vvizzjat l-imsemmija sentenza b’nuqqas ta’ deċiżjoni, li, bl-istess mod kif il-Parlament ma setax jikkontesta l-legalità tal-lista tal-kandidati eletti kkomunikata uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli fis‑17 ta’ Ġunju 2019, hija stess ma kellhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar tali kwistjonijiet. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet ġustament, fil-punt 135 tal-istess sentenza, li l-argument tal-appellanti bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtoritajiet Spanjoli sabiex jipprevedu l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 224(2) tal-Liġi Elettorali Spanjola kellu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
|
82 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, l-argument tal-appellanti intiż kontra l-motivi superfluwi adottati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 132 sa 134 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom hija qieset li l-Parlament ma kellux kompetenza esklużiva sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti qabel id-dħul fil-kariga tal-Membri, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
|
83 |
Iċ-ċirkustanza li, wara l-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, il-Parlament adotta l-att tat‑13 ta’ Jannar 2020 li jawtorizza lill-appellanti jieħdu s-siġġu tagħhom mingħajr ma jwettaq il-verifika minn qabel tal-kredenzjali tagħhom, u b’hekk ħa l-konsegwenzi li huwa kien jaħseb li għandu jorbot mas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), fi kwalunkwe każ ma hijiex ta’ natura li tbiddel in-natura ġuridika tal-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 121 u 122 tas-sentenza appellata. |
|
84 |
Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, l-analiżi preċedenti ma tfissirx li l-Istati Membri jistgħu jinjoraw it-tqassim tal-kompetenzi previst fl-Att Elettorali jew jiksru l-Artikolu 223(2) u l-Artikolu 232 TFUE, peress li n-nuqqas ta’ osservanza potenzjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali, jekk ikun il-każ wara rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, jew direttament quddiemha abbażi tal-Artikolu 258 TFUE. |
|
85 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019, il-Qorti Ġenerali, wara li ddeskriviet u analizzat il-kontenut tagħha, iddeċidiet, fil-punti 184 u 185 tas-sentenza appellata, li din l-istruzzjoni ma kellhiex l-effett li tipprekludi lill-appellanti milli jwettqu l-formalitajiet qabel it-teħid tal-kariga tal-Membri tal-Parlament li tikkostitwixxi d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà u d-dikjarazzjoni ta’ interessi finanzjarji, u li għalhekk ma kinitx il-kawża tal-impossibbiltà tagħhom li jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament mill-ftuħ, fit‑2 ta’ Lulju 2019, tal-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet. Fil-punti 186 u 187 ta’ dik is-sentenza, hija qieset li din l-istruzzjoni ma kinitx biddlet is-sitwazzjoni legali tal-appellanti u li t-talbiet tagħhom għall-annullament ta’ din tal-aħħar kellhom konsegwentement jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
|
86 |
Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 179 sa 182 tas-sentenza appellata, l-ewwel, li din l-istruzzjoni, li permezz tagħha l-President tal-Parlament sempliċement indika li kellu jiġi “ffriżat” jew sospiż l-aċċess għall-“Villaġġ ta’ Akkoljenza” u li ma ssirx l-akkreditazzjoni temporanja tal-Membri tal-Parlament Spanjoli sal-komunikazzjoni tar-riżultati definittivi mill-awtoritajiet Spanjoli, kienet simili għal miżura ta’ organizzazzjoni interna u kienet ta’ natura provviżorja, peress li l-effetti tagħha ntemmu fid-data ta’ din il-komunikazzjoni. It-tieni, il-Qorti Ġenerali rrilevat li min-natura provviżorja tagħha jirriżulta li l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 ma kinitx tippreġudika l-possibbiltà għall-appellanti li jkunu jistgħu jibbenefikaw sussegwentement minn akkreditazzjoni definittiva. It-tielet, hija fakkret li kien il-fatt li l-appellanti ma jidhrux fuq il-komunikazzjoni tal-lista uffiċjali tar-riżultati kkomunikata mill-awtoritajiet Spanjoli li jipprekludi li jkunu jistgħu jieħdu s-siġġu tagħhom, u mhux l-assenza tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ interessi finanzjarji u ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà, peress li dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu, skont ir-Regoli ta’ Proċedura, isiru wara l-ftuħ tal-ewwel sessjoni parlamentari wara l-elezzjonijiet. |
|
87 |
Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jsegwix li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żnaturament jew żnaturat il-fatti billi analizzat l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 bħala att distint mill-ittra tas‑27 ta’ Ġunju 2019, u billi qieset li l-effetti ta’ din l-istruzzjoni kienu ntemmu fid-data tal-komunikazzjoni uffiċjali tar-riżultati mill-awtoritajiet Spanjoli, fis‑17 ta’ Ġunju 2019. L-argument ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta mill-iżnaturament allegat għandu konsegwentement jiġi miċħud ukoll. |
|
88 |
Fir-rigward tal-kontradizzjoni eventwali li teżisti bejn il-motivi li jinsabu fil-punt 181 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li l-appellanti ma għamlux id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ interess finanzjarju u ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà ma kienx ta’ natura li jipprekludihom milli jieħdu s-siġġijiet tagħhom mill-ftuħ tal-ewwel sessjoni tal-Parlament wara l-elezzjonijiet, u dawk li jinsabu fil-punt 183 ta’ dik is-sentenza, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali indikat li l-appellanti ma allegawx li l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 kienu pprekludewhom milli jagħmlu tali dikjarazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma juri l-użu tal-kliem “barra minn hekk”, dan il-punt 183 huwa ta’ natura superfluwa meta mqabbel mal-motivi li ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi jew bi żnaturament li jinsabu fil-punti 179 sa 182 tal-imsemmija sentenza. Konsegwentement, l-argument tal-appellanti speċifikament dirett kontra l-imsemmi punt 183 għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
|
89 |
Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fil-punti 184 sa 187 tas-sentenza appellata, meta ddeduċiet mill-motivi li jinsabu, b’mod partikolari, fil-punti 179 sa 182 ta’ dik is-sentenza li l-Istruzzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2019 ma kinitx il-kawża tal-impossibbiltà għall-appellanti li jieħdu s-siġġu tagħhom fil-Parlament u li din ma kinitx biddlet is-sitwazzjoni legali tagħhom, b’tali mod li t-talbiet għall-annullament imressqa mill-appellanti kontra din l-istruzzjoni kellhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
|
90 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it‑tieni aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
91 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, li huma jqajmu sussidjarjament, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li adottat interpretazzjoni żbaljata tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Parlament prevista fl-Artikolu 12 tal-Att Elettorali. B’hekk, huma jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275). Huma jqisu b’mod partikolari li l-Parlament kellu fi kwalunkwe każ kompetenza, inkella jikser il-prinċipju ta’ effettività, sabiex jiddeċiedi fuq kontestazzjoni elettorali bbażata fuq l-Artikolu 3(1) tar-Regoli ta’ Proċedura u li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi meta ddeċidiet, mingħajr riżerva, li l-Att Elettorali kien jeskludi l-kompetenza tal-Parlament sabiex jiddeċiedi dwar il-kontestazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali, inkluż meta l-Att Elettorali jirreferi għal dan id-dritt. Huma jżidu li l-qorti tal-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tistħarreġ l-atti kollha li jċaħħdu lil Membru tal-Parlament Ewropew mid-drittijiet tiegħu. |
|
92 |
B’mod iktar sussidjarju, l-appellanti jsostnu li l-Artikolu 12 tal-Att Elettorali jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan l-att, tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew jew tad-dritt tal-Unjoni li minnu jirriżulta li dik l-istituzzjoni hija marbuta bil-komunikazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri fil-qasam elettorali, anki meta dawn jeċċedu l-kompetenza tagħhom, imur kontra d-dritt primarju, u b’mod partikolari l-Artikoli 10 u 14 TUE kif ukoll l-Artikolu 39(2) tal-Karta. |
|
93 |
Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jsostnu essenzjalment li, fid-dawl tat-tweġiba għall-ewwel aggravju, ma hemmx lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li teżamina t-tieni aggravju sa fejn jirrigwarda l-kontestazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275). |
|
94 |
Barra minn hekk, il-Parlament iqis li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-appellanti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li tqajmet għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell jew, sussidjarjament, bħala, fi kwalunkwe każ, infondata. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
95 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam elettorali, u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 12 tal-Att Elettorali, billi applikat, fis-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ April 2009, L‑Italja u Donnici vs Il‑Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, EU:C:2009:275). Issa, mill-motivi mogħtija bi tweġiba għall-ewwel aggravju tal-appell, b’mod partikolari għall-punti 59 sa 67 ta’ din is-sentenza, isegwi li dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
|
96 |
Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma sussidjarjament mill-appellanti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi u tal-argumenti li jkunu ġew ittrattati quddiemha. Jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda fil-fatt titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Euranimi vs Il‑Kummissjoni, C‑95/23 P, EU:C:2024:177, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
97 |
F’dan il-każ, minbarra li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni aggravju ma tinkludix preċiżazzjonijiet li jippermettu li tiġi evalwata l-fondatezza tagħha, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità tqajmet għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell. Konsegwentement, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
|
98 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it‑tielet u r‑raba’ aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
99 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi u ma mmotivatx suffiċjentement is-sentenza appellata meta ddeċidiet li r-rifjut tal-President tal-Parlament li jieħu inizjattiva ta’ urġenza abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura ma kienx jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Huma jqisu li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li tali rifjut ma kienx marbut mar-rifjut li tiġi rrikonoxxuta lilhom il-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew. Skont l-appellanti, billi ddeċidiet kif għamlet, il-Qorti Ġenerali kisret id-dmir ta’ assistenza tal-Parlament lejn il-membri tiegħu li jirriżulta mill-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura. Huma jindikaw ukoll li, jekk is-sentenza appellata għandha kellha tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rifjut ikkontestat kien jikkostitwixxi att ineżistenti, is-sentenza appellata tkun ivvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żnaturament. |
|
100 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żnaturament meta ddeċidiet li huma ma kinux ressqu talba għall-ħarsien tal-immunità tagħhom abbażi tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura. Huma jqisu wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u injorat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579) meta ddeċidiet li r-rifjut li tiġi kkomunikata tali talba f’seduta plenarja ma kienx jipproduċi effetti legali li jistgħu jiġu kkontestati abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
101 |
Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jsostnu, essenzjalment, li, fin-nuqqas li jiġi miċħud bħala inammissibbli, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Huma jsostnu li r-raba’ aggravju għandu, min-naħa tiegħu, jiġi miċħud bħala ineffettiv jew, fin-nuqqas ta’ dan, bħala infondat ukoll. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
102 |
It-tielet u r-raba’ aggravju jqajmu kwistjonijiet komuni dwar il-portata u l-kontenut tal-mekkaniżmi ta’ ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet previsti fl-Artikoli 7 u 9 u fl-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura, rispettivament. Għalhekk, dawn għandhom jiġu ttrattati flimkien. |
|
103 |
Fil-punti 155 sa 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li l-President ta’ dik l-istituzzjoni astjena milli jieħu inizjattiva ta’ urġenza sabiex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet ta’ C. Puigdemont i Casamajó u ta’ A. Comín i Oliveres abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura ma jirriżultax mir-rifjut eventwali tal-President li jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, iżda mill-assenza ta’ implimentazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li jieħu tali inizjattiva jew le. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-assenza ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, hija ppreċiżat, permezz ta’ motivi superfluwi li, anki jekk jitqies li l-assenza ta’ adozzjoni mill-President tal-Parlament ta’ tali inizjattiva tirriżulta mill-allegat rifjut ta’ dan tal-aħħar li jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, tali rifjut fi kwalunkwe każ ma kellux effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet Spanjoli. |
|
104 |
Fil-punti 160 sa 167 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ċaħdet bħala dirett kontra att ineżistenti l-argument li permezz tiegħu l-appellanti kkontestaw, fid-dawl tal-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, ir-rifjut tal-President tal-Parlament li jikkomunika lill-kumitat kompetenti t-talba tagħhom għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet tagħhom, minħabba li huma ma kinux ressqu tali talba abbażi tal-Artikoli 7 u 9 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. |
|
105 |
L-Artikolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura jirregola l-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament. Huwa jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafu (1) tiegħu, li, meta jiġi allegat li seħħ jew li jkun ser iseħħ ksur tal-privileġġi u tal-immunitajiet ta’ Membru jew ta’ ex Membru tal-Parlament mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, tista’ ssir talba konformement mal-Artikolu 9(1) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura sabiex il-Parlament jiddeċiedi jekk seħħx ksur jew jekk hux probabbli li jseħħ ksur ta’ dawn il-privileġġi u immunitajiet. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(5) tal-imsemmija Regoli ta’ Proċedura timplika li d-deċiżjoni li ma tintlaqax tali talba tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
106 |
L-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jirrigwarda l-proċeduri dwar l-immunità, jippreċiża li t-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura tista’ tiġi indirizzata lill-Parlament minn Membru jew ex Membru tal-Parlament, jew inkella minn Membru ieħor, awtorizzat li jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru tal-Parlament ikkonċernat. L-Artikolu 9(3) sa (14) tal-imsemmija Regoli ta’ Proċedura jispeċifika l-proċedura applikabbli għal tali talbiet, li tinkludi b’mod partikolari fażi ta’ eżami mill-kumitat kompetenti tal-Parlament, il-possibbiltà li l-Membru jew l-ex Membru tal-Parlament ikkonċernat jinstema’ u li jippreżenta kull prova li huwa jqis rilevanti, l-eżami mill-Parlament tal-proposta jew proposti ta’ deċiżjoni tal-kumitat kif ukoll il-komunikazzjoni tal-miżura adottata lill-Membru jew lill-ex Membru u lill-Istat Membru kkonċernati. |
|
107 |
L-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura jirregola, min-naħa tiegħu, l-azzjoni b’urġenza mill-President tal-Parlament sabiex jikkonferma l-immunità ta’ Membru tal-Parlament. Dan l-artikolu jipprevedi li, meta Membru tal-Parlament jiġi arrestat jew imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u tal-immunitajiet tiegħu, il-President tal-Parlament, wara li jkun ikkonsulta lill-President u lir-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista’ jieħu, b’urġenza, inizjattiva intiża sabiex jiġu kkonfermati l-privileġġi u l-immunitajiet tal-persuna kkonċernata. Meta jagħmel użu minn din is-setgħa, il-President tal-Parlament għandu jikkomunika l-inizjattiva tiegħu lil dan il-kumitat, li għandu jieħu konoxxenza tagħha fil-laqgħa sussegwenti tiegħu, u għandu jinforma lil dik l-istituzzjoni b’dan. |
|
108 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-Regoli ta’ Proċedura jipprevedu żewġ mekkaniżmi distinti ta’ ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Wieħed, previst fl-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, jibda fuq talba indirizzata lill-President tal-Parlament u ttrattata skont il-modalitajiet proċedurali previsti f’dan l-Artikolu 9, intiżi b’mod partikolari sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-Membru jew tal-ex Membru tal-Parlament ikkonċernat. Din tagħti lok għal deċiżjoni tal-Parlament, li l-Artikolu 7(5) tal-imsemmija Regoli ta’ Proċedura jindika li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. L-ieħor, previst fl-Artikolu 8 tal-istess Regoli ta’ Proċedura, jaqa’ min-naħa l-oħra taħt l-inizjattiva individwali tal-President tal-Parlament, li jiddeċiedi waħdu, u ma huwa rregolat minn ebda formaliżmu proċedurali, peress li dan tal-aħħar huwa biss obbligat li sussegwentement jinforma lill-kumitat kompetenti tal-Parlament u lil dik l-istituzzjoni stess. |
|
109 |
Għalhekk, kuntrarjament għall-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, l-Artikolu 8 tagħhom jagħti lill-President tal-Parlament is-setgħa li jieħu inizjattiva b’urġenza sabiex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Membru tal-Parlament, meta l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 8 jkunu ssodisfatti. Mill-istruttura tal-imsemmi Artikolu 8, moqri fid-dawl tal-kumplament tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura, isegwi wkoll li l-President tal-Parlament ma huwiex obbligat jieħu tali inizjattiva iżda għandu, f’dan ir-rigward, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li teskludi d-dritt tal-Membri li jeżiġu minnu li jieħu pożizzjoni b’mod partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament, C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 24). |
|
110 |
Minn dan isegwi li, bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 155 sa 157 tas-sentenza appellata, b’mod suffiċjentement motivat u mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, l-assenza ta’ implimentazzjoni mill-President tal-Parlament tal-possibbiltà mogħtija lilu mill-Artikolu 8 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, li ma tirriżultax mill-allegat rifjut ta’ dan tal-aħħar li jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew iżda mill-eżerċizzju, minnu, tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li huwa għandu, ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
111 |
L-argument żviluppat mill-appellanti kontra l-motivi kkunsidrati b’mod sussidjarju mill-Qorti Ġenerali fil-punt 158 tas-sentenza appellata għandu, min-naħa tiegħu, jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
|
112 |
Barra minn hekk, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx is-sentenza appellata bi żnaturament meta ddeċidiet, fil-punti 163 u 164 tagħha, li t-talba tal-appellanti intiża għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet tagħhom kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regoli ta’ Proċedura u mhux fuq l-Artikoli 7 u 9 ta’ dawn tal-aħħar, li hija ma kinitx issemmi. |
|
113 |
Huwa wkoll ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 165 u 166 ta’ dik is-sentenza, li l-kontestazzjoni mill-appellanti tal-allegat rifjut tal-President tal-Parlament li jikkomunika t-talba tagħhom lill-kumitat kompetenti ta’ dik l-istituzzjoni kienet diretta kontra att materjalment ineżistenti, fl-assenza ta’ talba ppreżentata abbażi tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura. Tali komunikazzjoni preliminari għal eżami mill-kumitat kompetenti fil-fatt tikkonċerna biss it-talbiet għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet imressqa abbażi tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, li jistabbilixxu, bħalma ġie deċiż fil-punti 107 u 108 ta’ din is-sentenza, mekkaniżmu distint minn dak previst fl-Artikolu 8 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. |
|
114 |
Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-argument ibbażat fuq il-kwistjoni li, meta ddeċidiet kif għamlet, il-Qorti Ġenerali injorat is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579) ma jistax jintlaqa’ peress li din is-sentenza tirrigwarda l-kwistjoni, distinta, tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, minn qorti nazzjonali adita b’kawża kontra Membru tal-Parlament Ewropew, mill-eżistenza ta’ talba għall-ħarsien ta’ privileġġi u ta’ immunitajiet imressqa quddiem il-Parlament mill-persuna kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, minn dan ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tan-natura tal-assenza ta’ adozzjoni ta’ inizjattiva ta’ urġenza bħal dik prevista fl-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura. |
|
115 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tielet u r-raba’ aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
116 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
117 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
118 |
Peress li l-Parlament kien talab li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu l-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Parlament, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑600/22 P‑R. |
|
119 |
Konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, meta ma jkunx huwa stess ippreżenta l-appell, intervenjent fl-ewwel istanza li jkun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura tal-appell għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li r-Renju ta’ Spanja, intervenjent fl-ewwel istanza li pparteċipa fil-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kuntest tal-appell, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑600/22 P‑R. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.