3.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 157/82


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Strument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku”

(2023/C 157/11)

Relatur:

Muhterem ARAS (DE/Il-Ħodor), President tal-Parlament tal-Land ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja

Dokumenti ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument għas-Suq Uniku f’emerġenza u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98

COM(2022) 459 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426, (UE) 2019/1009 u (UE) Nru 305/2011 fir-rigward tal-proċeduri ta’ emerġenza għall-valutazzjoni tal-konformità, tal-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni u tas-sorveljanza tas-suq minħabba emerġenza fis-Suq Uniku

COM(2022) 461 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/14/KE, 2006/42/KE, 2010/35/UE, 2013/29/UE, 2014/28/UE, 2014/29/UE, 2014/30/UE, 2014/31/UE, 2014/32/UE, 2014/33/UE, 2014/34/UE, 2014/35/UE, 2014/53/UE u 2014/68/UE fir-rigward tal-proċeduri ta’ emerġenza għall-valutazzjoni tal-konformità, tal-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni u tas-sorveljanza tas-suq minħabba emerġenza fis-Suq Uniku

COM(2022) 462 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument għas-Suq Uniku f’emerġenza u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98

COM(2022) 459 final

Emenda 1

Emenda għall-Premessa 33

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Barra minn hekk, biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet matul l-emerġenza tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda li l-Istati Membri jiddistribwixxu riżervi strateġiċi, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-prinċipji tas-solidarjetà, tan-neċessità u tal-proporzjonalità.

Barra minn hekk, biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet matul l-emerġenza tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda li l-Istati Membri jiddistribwixxu riżervi strateġiċi, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-prinċipji tas-solidarjetà, tan-neċessità u tal-proporzjonalità. Dan għandu jqis il-ħtiġijiet lokali u reġjonali differenti bħal dawk tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-bliet b’densità għolja ta’ popolazzjoni, iż-żoni rurali u r-reġjuni tal-fruntiera.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 2

Emenda għall-Artikolu 1(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament bejniethom u mal-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament bejniethom u mal-Kummissjoni , kif ukoll mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew .

Raġuni

L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma mistiedna jimplimentaw ħafna mill-miżuri attivati taħt l-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku. Għalhekk, dawn għandhom tal-anqas jiġu infurmati dwar il-KtR.

Emenda 3

Emenda għall-Artikolu 2(8)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali jew is-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet tal-Istat essenzjali, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet ġenerali tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali jew is-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet tal-Istat essenzjali, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku.

Raġuni

Il-kelma “ġenerali” għandha tiżdied għal kjarifika sabiex jiġu ppreservati r-regoli dwar il-moviment liberu fl-Artikolu 16 et seq.

Emenda 4

Emenda u żieda għall-Artikolu 4(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha tippresjedi l-grupp konsultattiv u tiżgura s-segretarjat tiegħu. Il-Kummissjoni tista’ tistieden rappreżentant tal-Parlament Ewropew, rappreżentanti tal-Istati tal-EFTA li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 49, rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi, organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, sħab soċjali u esperti, biex jattendu l-laqgħat tal-grupp konsultattiv bħala osservaturi. Din għandha tistieden lir-rappreżentanti ta’ korpi oħrajn rilevanti għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni bħala osservaturi għal-laqgħat rilevanti tal-grupp konsultattiv.

Il-Kummissjoni għandha tippresjedi l-grupp konsultattiv u tiżgura s-segretarjat tiegħu. Il-membri permanenti tal-grupp konsultattiv jinkludu wkoll rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Il-Kummissjoni tista’ tistieden rappreżentanti tal-Istati tal-EFTA li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 49, rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi, organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, sħab soċjali u esperti, biex jattendu l-laqgħat tal-grupp konsultattiv bħala osservaturi. Din għandha tistieden lir-rappreżentanti ta’ korpi oħrajn rilevanti għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni bħala osservaturi għal-laqgħat rilevanti tal-grupp konsultattiv.

Raġuni

Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għandhom ikunu rappreżentati fil-grupp konsultattiv b’siġġijiet permanenti sabiex jiġi żgurat skrutinju parlamentari u jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-post. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma wkoll dawk esposti direttament għall-problemi u l-impatti tal-kriżijiet u jistgħu jirrapportaw dan direttament. Permezz tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiġu rappreżentati fil-grupp konsultattiv.

Emenda 5

Emenda għall-Artikolu 5(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jaħtru uffiċċji ċentrali ta’ kollegament responsabbli għal kuntatti, koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni mal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament ta’ Stati Membri oħrajn u mal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament fil-livell tal-Unjoni skont dan ir-Regolament. Tali uffiċċji ta’ kollegament għandhom jikkoordinaw u jiġbru l-inputs mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti.

L-Istati Membri għandhom jaħtru , flimkien ma’ awtoritajiet lokali u reġjonali, uffiċċji ċentrali ta’ kollegament responsabbli għal kuntatti, koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni mal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament ta’ Stati Membri oħrajn u mal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament fil-livell tal-Unjoni skont dan ir-Regolament. Tali uffiċċji ta’ kollegament għandhom jikkoordinaw u jiġbru l-inputs mill-awtoritajiet nazzjonali , reġjonali u lokali kompetenti rilevanti.

Raġuni

L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa importanti, peress li l-uffiċċji nazzjonali ta’ kollegament waħedhom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw l-iskambju ta’ informazzjoni. Skont l-istruttura politika u kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, jistgħu jiġu involuti uffiċċji reġjonali jew lokali.

Emenda 6

Emenda għall-Artikolu 6(1)(a)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(a)

il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-Suq Uniku fis-setturi kollha tas-Suq Uniku;

(a)

il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali , lokali, reġjonali u tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-Suq Uniku fis-setturi kollha tas-Suq Uniku;

Raġuni

L-involviment tal-livell lokali u reġjonali huwa importanti.

Emenda 7

Emenda għall-Artikolu 6(2)(a)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

inventarju tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti, tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament maħtura f’konformità mal-Artikolu 5 u tal-punti uniċi ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 21, id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet assenjati matul il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza ta’ dan ir-Regolament skont il-liġi nazzjonali;

inventarju tal-awtoritajiet nazzjonali lokali u reġjonali kompetenti rilevanti, tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament maħtura f’konformità mal-Artikolu 5 u tal-punti uniċi ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 21, id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet assenjati matul il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza ta’ dan ir-Regolament skont il-liġi nazzjonali;

Raġuni

L-involviment tal-livell lokali u reġjonali, skont l-istruttura tal-Istati Membri.

Emenda 8

Emenda u żieda għall-Artikolu 8(3)(c)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

iż-żona ġeografika; il-proporzjon tas-Suq Uniku affettwat mit-tfixkil jew mit-tfixkil potenzjali; l-impatt fuq żoni ġeografiċi speċifiċi partikolarment vulnerabbli jew esposti għal interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE;

iż-żona ġeografika; il-proporzjon tas-Suq Uniku affettwat mit-tfixkil jew mit-tfixkil potenzjali; l-impatt fuq żoni ġeografiċi speċifiċi partikolarment vulnerabbli jew esposti għal interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista inklużi r-reġjuni tal-fruntiera u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE;

Raġuni

Evidenti.

Emenda 9

Emenda għall-Artikolu 9(1)(a)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Meta l-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-grupp konsultattiv, tqis li hemm it-theddida msemmija fl-Artikolu 3(2), hija għandha tattiva l-modalità ta’ viġilanza għal tul ta’ żmien massimu ta’ sitt xhur permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Tali att ta’ implimentazzjoni għandu jkun fih dan li ġej:

(a)

valutazzjoni tal-impatt potenzjali tal-kriżi;

Meta l-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-grupp konsultattiv, tqis li hemm it-theddida msemmija fl-Artikolu 3(2), hija għandha tattiva l-modalità ta’ viġilanza għal tul ta’ żmien massimu ta’ sitt xhur permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Tali att ta’ implimentazzjoni għandu jkun fih dan li ġej:

(a)

valutazzjoni tal-impatt potenzjali tal-kriżi , inkluża s-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni tal-fruntiera ;

Raġuni

Evidenti.

Emenda 10

Emenda għall-Artikolu 11(5)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iqisu kif xieraq il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi u b’mod partikolari l-SMEs, li jistgħu jkunu assoċjati mat-talbiet għall-informazzjoni u jiżguraw li jinżamm baxx kemm jista’ jkun .

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iqisu kif xieraq il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi u b’mod partikolari l-SMEs, li jistgħu jkunu assoċjati mat-talbiet għall-informazzjoni u jiżguraw li l-kontenut ta’ talbiet bħal dawn ikun proporzjonat u strettament limitat għal dak meħtieġ għall-konformità mal-Artikolu 9 .

Raġuni

L-evitar ta’ burokrazija bla bżonn fuq in-negozji.

Emenda 11

Emenda għall-Artikolu 12(2)(a)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar l-oġġetti elenkati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 9(1), fir-rigward ta’ dan kollu li ġej:

(a)

l-istokk attwali fit-territorju tagħhom;

Il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar l-oġġetti elenkati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 9(1), fir-rigward ta’ dan kollu li ġej:

(a)

l-istokk attwali u s-siti fit-territorju tagħhom;

Raġuni

Huwa importanti li jiġi vverifikat fejn l-Istati Membri jaħżnu l-oġġetti rilevanti għall-kriżijiet sabiex, f’każ ta’ emerġenza, dawn ikunu jistgħu jitqassmu wkoll f’żoni remoti fil-ħin.

Emenda 12

Emenda għall-Artikolu 12(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Filwaqt li jqisu l-ħażniet miżmuma jew li qegħdin jinbnew mill-operaturi ekonomiċi fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jibnu riżervi strateġiċi tal-oġġetti ta’ importanza strateġika identifikati f’konformità mal-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jikkoordinaw u jissimplifikaw l-isforzi tagħhom.

Filwaqt li jqisu l-ħażniet miżmuma jew li qegħdin jinbnew mill-operaturi ekonomiċi fit-territorju tagħhom , inkluż il-bilanċ territorjali b’attenzjoni speċjali għaż-żoni insulari u muntanjużi u żoni remoti oħra , l-Istati Membri għandhom jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jibnu riżervi strateġiċi tal-oġġetti ta’ importanza strateġika identifikati f’konformità mal-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jikkoordinaw u jissimplifikaw l-isforzi tagħhom.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 13

Emenda għall-Artikolu 15(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Meta l-Kummissjoni tqis, filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-grupp konsultattiv, li tkun neċessarja estensjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku, hija għandha tipproponi lill-Kunsill biex jestendi l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku. Soġġetta għal bidliet urġenti u eċċezzjonali fiċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel dan mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-iskadenza tal-perjodu li għalih tkun ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku. Il-Kunsill jista’ jestendi l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku b’mhux aktar minn sitt xhur fi żmien partikolari permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.

Meta l-Kummissjoni tqis, filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-grupp konsultattiv, li tkun neċessarja estensjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku, hija għandha tipproponi lill-Kunsill biex jestendi l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku. Soġġetta għal bidliet urġenti u eċċezzjonali fiċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel dan mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-iskadenza tal-perjodu li għalih tkun ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku. Il-Kunsill jista’ jestendi l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku b’mhux aktar minn sitt xhur fi żmien partikolari permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Fin-nuqqas ta’ estensjoni, il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tiskadi awtomatikament.

Raġuni

Il-miżuri f’sitwazzjoni ta’ emerġenza għandhom dejjem ikunu limitati fiż-żmien u jintemmu awtomatikament biex jiġi evitat l-abbuż. Dan huwa msemmi fl-Artikolu 14(3) dwar l-attivazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, iżda mhux fl-Artikolu dwar id-diżattivazzjoni tagħhom, u għalhekk qed tiġi pprovduta kjarifika.

Emenda 14

Emenda għall-Artikolu 16(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Meta jadottaw u japplikaw miżuri nazzjonali b’reazzjoni għal emerġenza tas-Suq Uniku u għall-kriżi sottostanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet tagħhom jikkonformaw bis-sħiħ mat-Trattat u mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Meta jadottaw u japplikaw miżuri nazzjonali b’reazzjoni għal emerġenza tas-Suq Uniku u għall-kriżi sottostanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet tagħhom jikkonformaw bis-sħiħ mat-Trattat u mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti prijoritarji stabbiliti f’dan l-Artikolu , speċjalment fir-rigward ta’ miżuri skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen .

Raġuni

Sabiex ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku jkunu effettivi, dawn irid ikollhom preċedenza parzjali fuq il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, inkella l-Istati Membri jistgħu jintroduċu kontrolli unilaterali u mhux koordinati fuq il-fruntieri, li fin-natura tagħhom jistgħu jfissru wkoll l-għeluq tal-fruntieri.

Emenda 15

Emenda għall-Artikolu 16(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien u titneħħa malli s-sitwazzjoni tkun tippermetti dan. Barra minn hekk, kwalunkwe restrizzjoni jenħtieġ li tqis is-sitwazzjoni tar-reġjuni tal-fruntiera.

Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien , riveduta regolarment u titneħħa malli s-sitwazzjoni tkun tippermetti dan. Barra minn hekk, kwalunkwe restrizzjoni jenħtieġ li tqis is-sitwazzjoni tar-reġjuni tal-fruntiera.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 16

Emenda u żieda għall-Artikolu 16(5)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati affettwati kollha jiġu informati b’miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-persuni, inklużi l-ħaddiema u l-fornituri tas-servizzi, qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw djalogu kontinwu mal-partijiet ikkonċernati, inkluża komunikazzjoni mas-sħab soċjali u mas-sħab internazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet lokali u reġjonali affettwati kollha jiġu informati b’miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-persuni, inklużi l-ħaddiema u l-fornituri tas-servizzi, qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw djalogu kontinwu mal-partijiet ikkonċernati, inkluża komunikazzjoni mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, mas-sħab soċjali u mas-sħab internazzjonali.

Raġuni

Niżguraw l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Emenda 17

Emenda għall-Artikolu 19(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tar-Raġunijiet li jagħmlu l-promulgazzjoni ta’ tali miżura ġġustifikata u proporzjonata, fejn dawk ir-Raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fil-miżura notifikata. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test sħiħ tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali li jinkludu l-miżura jew li huma modifikati minnha

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tar-Raġunijiet li jagħmlu l-promulgazzjoni ta’ tali miżura ġġustifikata u proporzjonata, fejn dawk ir-Raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fil-miżura notifikata. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test sħiħ tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dak ir-rigward fl-Istat Membru tagħhom li tinkludi l-miżura jew li hija modifikata minnha.

Raġuni

F’xi Stati Membri, ir-reġjuni jistgħu jadottaw ir-regoli tagħhom stess jew addizzjonali, u għalhekk m’għandhiex tissemma biss il-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda l-leġiżlazzjoni kollha applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat.

Emenda 18

Emenda għall-Artikolu 21(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli għaċ-ċittadini, għall-konsumaturi, għall-operaturi ekonomiċi u għall-ħaddiema u għar-rappreżentanti tagħhom li jirċievu, fuq talba tagħhom u permezz tal-punti uniċi ta’ kuntatt rispettivi, informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-mod li bih il-miżuri nazzjonali rispettivi ta’ rispons għall-kriżijiet jiġu interpretati u applikati b’mod ġenerali. Fejn xieraq, tali informazzjoni għandha tinkludi gwida pass b’pass. L-informazzjoni għandha tingħata b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Din għandha tkun aċċessibbli faċilment mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi u għandha tinżamm aġġornata.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli għaċ-ċittadini, għall-konsumaturi, għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, għall-operaturi ekonomiċi u għall-ħaddiema u għar-rappreżentanti tagħhom li jirċievu, fuq talba tagħhom u permezz tal-punti uniċi ta’ kuntatt rispettivi, informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-mod li bih il-miżuri nazzjonali rispettivi ta’ rispons għall-kriżijiet jiġu interpretati u applikati b’mod ġenerali. Fejn xieraq, tali informazzjoni għandha tinkludi gwida pass b’pass. L-informazzjoni għandha tingħata b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Din għandha tkun aċċessibbli faċilment mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi u għandha tinżamm aġġornata.

Raġuni

Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-punti uniċi ta’ kuntatt tal-Istati Membri. Dan jista’ jiġi ffaċilitat mil-livell reġjonali. Dan huwa partikolarment essenzjali fir-reġjuni tal-fruntiera u ż-żoni periferiċi.

Emenda 19

Emenda għall-Artikolu 22(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-punt uniku ta’ kuntatt fil-livell tal-Unjoni għandu jipprovdi liċ-ċittadini, lill-konsumaturi, lill-operaturi ekonomiċi, lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom bl-assistenza li ġejja: […]

Il-punt uniku ta’ kuntatt fil-livell tal-Unjoni għandu jipprovdi liċ-ċittadini, lill-konsumaturi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-operaturi ekonomiċi, lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom bl-assistenza li ġejja: […]

Raġuni

Niżguraw l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Emenda 20

Emenda għall-Artikolu 24(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Fejn ikun hemm nuqqasijiet kbar relatati ma’ kriżi jew theddida immedjata tagħha, il-Kummissjoni tista’ tistieden lil organizzazzjonijiet rappreżentattivi jew operaturi ekonomiċi fi ktajjen tal-provvista rilevanti għall-kriżi biex jibagħtu fuq bażi volontarja, f’limitu ta’ żmien stabbilit, informazzjoni speċifika lill-Kummissjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-ħażniet eżistenti possibbli ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi u l-komponenti tagħhom f’faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-Unjoni u f’faċilitajiet ta’ pajjiżi terzi li hija topera, għandha kuntratt magħhom jew tixtri provvista mingħandhom, kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe tfixkil rilevanti fil-katina tal-provvista fi ħdan skadenza partikolari.

Fejn ikun hemm nuqqasijiet kbar relatati ma’ kriżi jew theddida immedjata tagħha, il-Kummissjoni tista’ tistieden lil organizzazzjonijiet rappreżentattivi jew operaturi ekonomiċi fi ktajjen tal-provvista rilevanti għall-kriżi biex jibagħtu fuq bażi volontarja, f’limitu ta’ żmien stabbilit, informazzjoni speċifika lill-Kummissjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-ħażniet eżistenti possibbli ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi u l-komponenti tagħhom f’faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-Unjoni u f’faċilitajiet ta’ pajjiżi terzi li hija topera, għandha kuntratt magħhom jew tixtri provvista mingħandhom, kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe tfixkil rilevanti fil-katina tal-provvista fi ħdan skadenza partikolari. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-piż amministrattiv u kummerċjali għall-operaturi ekonomiċi, u b’mod partikolari l-SMEs, jiġi minimizzat, li l-iskadenzi għat-tweġiba jkunu realistiċi u li l-kontenut tas-sejħiet ikun proporzjonat u strettament meħtieġ.

Raġuni

L-evitar ta’ burokrazija bla bżonn fuq in-negozji.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

1.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Strument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq uniku, inkluż il-moviment liberu tal-persuni, f’sitwazzjonijiet futuri ta’ kriżi;

2.

jenfasizza kif l-azzjoni koordinata tal-UE ppermettiet li l-libertajiet tas-suq uniku jiġu restawrati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u kif il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bi ksur tad-dritt internazzjonali, turi kemm tista’ tfeġġ malajr kriżi ġdida;

3.

jirrimarka kif il-kriżijiet jista’ jkollhom konsegwenzi serji għas-suq uniku; jisħaq fuq l-importanza ta’ miżuri bbażati fuq il-ħtiġijiet biex jiġu indirizzati d-diverġenzi relatati mal-kriżi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali u politika ta’ koeżjoni bbażata fuq il-ħtiġijiet li tippromovi r-reżiljenza għall-kriżijiet bl-istess objettivi;

4.

itenni l-fehma tiegħu li, b’mod partikolari, il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni u tas-servizzi jrid jiġi ssalvagwardjat kontra l-kriżijiet; jenfasizza r-rwol partikolari tar-reġjuni tal-fruntiera għall-funzjonament tas-suq uniku;

5.

jenfasizza li l-oqsma koperti mill-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma partikolarment affettwati mill-impatt tal-kriżijiet, peress li diġà qed jiffaċċjaw sfidi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tagħhom;

6.

iqis, għalhekk, il-ħtieġa ta’ qafas tal-UE b’saħħtu u ġenerali għall-kriżijiet għas-suq uniku li jikkomplementa r-regoli eżistenti u ppjanati speċifiċi għas-settur;

Il-ġestjoni tal-fruntieri fl-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku

7.

jenfasizza li r-reġjuni tal-fruntiera, b’mod partikolari, ibatu minn għeluq tal-fruntieri b’rabta mal-kriżi u, b’mod partikolari, unilaterali u fuq terminu qasir; dan jikkonċerna l-kooperazzjoni transfruntiera kollha f’oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-enerġija, kif ukoll it-trasport ta’ oġġetti, ħaddiema transfruntiera, fornituri ta’ servizzi, iżda wkoll familji u relazzjonijiet interpersonali oħra;

8.

jirrimarka, b’mod partikolari, li l-kontrolli fil-fruntieri mhumiex tant differenti mill-għeluq tal-fruntieri minħabba l-konġestjoni twila kilometri fil-qsim tal-fruntieri;

9.

jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea tagħti prijorità parzjali lir-regoli dwar il-moviment liberu tal-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku fuq il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi u tal-merkanzija fi żminijiet ta’ kriżi;

10.

jistieden lill-Kunsill, wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament, biex jibda negozjati ma’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni tal-UE sabiex jiġu infurzati tali regoli dwar il-moviment liberu;

11.

ifakkar, f’dan ir-rigward, fl-Opinjoni tiegħu dwar Governanza riveduta taż-żona Schengen (1), li tappella sabiex il-kontrolli fil-fruntieri interni jkunu strettament limitati għal massimu ta’ 24 xahar b’kollox u li jispjegaw għaliex miżuri alternattivi mhumiex adegwati;

12.

iħeġġeġ ukoll lill-Kunsill ineħħi l-ostakli għall-ħolqien tal-Mekkaniżmu Transfruntier Ewropew sabiex jiġu implimentati soluzzjonijiet intergovernattivi sempliċi tul il-fruntieri;

L-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku minn perspettiva reġjonali

13.

jilqa’ b’mod ġenerali l-approċċ ibbażat fuq il-post tal-proposta u l-enfasi tagħha fuq l-attivitajiet tal-ivvjaġġar u tan-negozju; jappella, fl-istess ħin, għal fokus territorjali aktar qawwi tal-istrument f’sitwazzjoni ta’ emerġenzi sabiex tiġi żgurata l-effettività tiegħu fuq il-post;

14.

filwaqt li jibni fuq dan, jappella għall-involviment permanenti tar-rappreżentanti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-grupp konsultattiv;

15.

jappella wkoll sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fit-tfassil tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament u l-aċċess ugwali għall-punti ta’ kuntatt nazzjonali u uniċi fil-livell tal-UE;

16.

ifakkar li l-oġġetti rilevanti għall-kriżi huma (potenzjalment) distribwiti b’mod mhux uniformi fi ħdan is-suq uniku; jenfasizza l-ħtieġa assoluta għal solidarjetà Ewropea fl-azzjoni sabiex tiġi żgurata d-distribuzzjoni ta’ tali oġġetti liż-żoni l-aktar affettwati; jilqa’ f’dan ir-rigward il-projbizzjoni fuq ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni;

17.

jipproponi li d-definizzjonijiet u l-kriterji rilevanti jsiru aktar konsistenti fil-proposta kollha u li, f’dan il-kuntest, it-tħassib reġjonali għandu jiġi kkunsidrat aktar;

Governanza tal-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku

18.

jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu ċċarati d-definizzjonijiet individwali sabiex tinkiseb ċertezza legali u jiġi ċċarat taħt liema kundizzjonijiet, ċirkostanzi u kriżijiet għandu jintuża l-istrument għall-emerġenzi;

19.

jilqa’ s-sistema proposta tad-dawl tat-traffiku bit-tliet fażijiet tal-ippjanar ta’ kontinġenza, is-sorveljanza tas-suq uniku u l-emerġenzi fis-suq uniku għal prevenzjoni, tħejjija u ġestjoni aħjar tal-kriżijiet;

20.

jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-enfasi fuq l-iskambju ta’ informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u jissuġġerixxi li tiġi stabbilita interfaċċa ta’ informazzjoni online komuni għal kriżijiet futuri, fuq il-linji ta’ “Re-open EU” li nħolqot matul il-pandemija tal-COVID-19;

21.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-komplementarjetà u l-koerenza ma’ regoli speċifiċi għas-settur u regoli ġenerali oħra, b’mod partikolari l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, sabiex ma jwassalx għal inċertezza legali akbar;

22.

ifakkar fil-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni hija estensiva ħafna; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jiġu żgurati skrutinju u trasparenza suffiċjenti fl-implimentazzjoni tal-istrument, anke sabiex tiġi vverifikata u kkumpensata l-estensjoni potenzjalment wiesgħa tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni; jirrimarka li dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ kriterji ċari u mhux ambigwi u limiti kwantifikabbli flimkien ma’ proċess ġust li ma jiggarantixxix biss l-involviment tal-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew, iżda wkoll tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali;

23.

jenfasizza li kwalunkwe miżura f’sitwazzjoni ta’ emerġenza trid tirrispetta u tiggarantixxi l-infurzar effettiv u r-rispett sħiħ tal-liġijiet tax-xogħol u d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet soċjali, tal-ħaddiema u tat-trade unions;

24.

jappella għal rieżami tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista, il-ġbir ta’ informazzjoni mill-kumpaniji u t-twettiq ta’ ordnijiet ta’ prijorità; huwa preċiżament fi żminijiet ta’ kriżi li l-piżijiet addizzjonali fuq in-negozji, speċjalment l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, għandhom jiġu minimizzati; bħala minimu, għandhom jiġu estiżi skadenzi stretti għat-tweġiba;

25.

jilqa’ l-aċċellerazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-konformità ta’ prodotti strateġikament importanti; jissuġġerixxi li dan jiġi estiż għal gruppi oħra ta’ prodotti;

26.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel l-akkwist konġunt trasparenti u tislet tagħlimiet min-nuqqas li jiġu konklużi kuntratti mal-manifatturi tal-vaċċini kontra l-COVID-19;

27.

fl-aħħar nett, jilqa’ d-dibattiti reċenti dwar it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika Ewropea indipendentement mill-kriżi u jistenna bil-ħerqa l-abbozz ta’ liġi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-materja prima kritika; f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex fl-abbozz ta’ leġiżlazzjoni tagħha tinkludi l-proposti tal-Opinjoni tal-KtR dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Materja Prima Kritika (2).

Brussell, it-8 ta’ Frar 2023.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Governanza riveduta taż-żona Schengen (COR-2022-01129-00-01) (ĠU C 498, 30.12.2022, p. 114).

(2)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għall-Materja Prima Kritika (COR-2020-04292-00-01) (ĠU C 175, 7.5.2021, p. 10).