SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali – Obbligi ta’ dikjarazzjoni statistika applikabbli għal fondi tal-pensjoni – Sistemi ta’ pensjoni speċjali għall-professjonijiet liberi – Affiljazzjoni u kontribuzzjonijiet obbligatorji”

Fil-Kawżi magħquda C‑758/22 u C‑759/22,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑27 ta’ Settembru 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Diċembru 2022, fil-proċeduri

Bayerische Ärzteversorgung,

Bayerische Architektenversorgung,

Bayerische Apothekerversorgung,

Bayerische Rechtsanwalts- und Steuerberaterversorgung,

Bayerische Ingenieurversorgung-Bau m. Psychotherapetenversorgung (C‑758/22),

Sächsische Ärzteversorgung (C‑759/22)

vs

Deutsche Bundesbank,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, E. Regan u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Diċembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Bayerische Ärzteversorgung, għall-Bayerische Architektenversorgung, għall-Bayerische Apothekerversorgung, għall-Bayerische Rechtsanwalts- und Steuerberaterversorgung, għall- Bayerische Ingenieurversorgung‑Bau m. Psychotherapeutenversorgung, minn S. Altenschmidt u P. Müller, Rechtsanwälte,

–

għas-Sächsische Ärzteversorgung, minn C. Köhler, Rechtsanwalt,

–

għad-Deutsche Bundesbank, minn L. Luyken, M. Mogendorf u W. Spoerr, Rechtsanwälte,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, S. Delaude u L. Mantl, bħala aġenti,

–

għall-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), minn S. J. Hlásková Murphy, K. Kaiser u B. van der Eem, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/231 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑26 ta’ Jannar 2018 dwar rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku għal fondi tal-pensjoni (ĠU 2018, L 45, p. 3, rettifika fil-ĠU 2019, L 132, p. 47), moqri flimkien mar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 174, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn diversi istituzzjonijiet ta’ previdenza, jiġifieri, minn naħa, il-Bayerische Ärzteversorgung (il-fond ta’ previdenza tat-tobba ta’ Bayern), il-Bayerische Architektenversorgung (il-fond ta’ previdenza tal-periti ta’ Bayern), il-Bayerische Apothekerversorgung (il-fond ta’ previdenza tal-ispiżjara ta’ Bayern), il-Bayerische Rechtsanwalts- und Steuerberaterversorgung (il-fond ta’ previdenza tal-avukati u tal-kontabbilisti ta’ Bayern), u l-Bayerische Ingenieurversorgung-Bau mit Psychotherapetenversorgung (il-fond ta’ previdenza tal-inġiniera ċivili kif ukoll tal-psikoterapewti ta’ Bayern), fil-Kawża C‑758/22, u, min-naħa l-oħra, is-Sächsische Ärzteversorgung (fond ta’ previdenza tat-tobba tal-Land ta’ Sachsen, il-Ġermanja), fil-Kawża C‑759/22, u, min-naħa l-oħra, id-Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja), dwar l-issuġġettar ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ previdenza għal obbligu ta’ dikjarazzjoni statistika applikabbli għall-fondi ta’ pensjoni.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 549/2013.

3

Skont il-premessi 1, 3, 12 u 14 tar-Regolament Nru 549/2013:

“(1)

It-tfassil ta’ politika fl-Unjoni u s-sorveljanza tal-ekonomiji tal-Istati Membri u tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) jeħtieġu informazzjoni li tista’ titqabbel, u li hi aġġornata u affidabbli dwar l-istruttura tal-ekonomija u l-iżvilupp tal-qagħda ekonomika ta’ kull Stat Membru jew reġjun.

[…]

(3)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni jeħtieġu l-kontijiet ekonomiċi bħala strument bażiku għall-analiżi tal-qagħda ekonomika ta’ Stat Membru jew reġjun. Għall-fini tal-komparabbiltà, dawn il-kontijiet għandhom jitfasslu fuq il-bażi ta’ sett wieħed ta’ prinċipji li ma jkunux miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti. L-informazzjoni pprovduta għandha tkun kemm jista’ jkun preċiża, kompluta u fil-ħin sabiex tiżgura trasparenza massima għas-setturi kollha.

[…]

(12)

Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet riveduta stabbilita b’dan ir-Regolament (SEK 2010) tinkludi metodoloġija, u programm ta’ trasmissjoni li jiddefinixxi l-kontijiet u t-tabelli li jridu jiġu pprovduti mill-Istati Membri skont l-iskadenzi speċifikati. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli dawk il-kontijiet u t-tabelli għall-utenti f’dati speċifiċi u, fejn rilevanti, skont kalendarju ta’ rilaxx imħabbar minn qabel, b’mod partikolari fir-rigward tas-sorveljanza tal-konverġenza ekonomika u l-ksib ta’ koordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika tal-Istati Membri.

[…]

(14)

Is-SEK 2010 għandha gradwalment tieħu post is-sistemi l-oħrajn kollha bħala qafas ta’ referenza tal-istandards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabbiltà għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-Unjoni, biex b’hekk jinkisbu riżultati li jistgħu jitqabblu bejn l-Istati Membri.”

4

Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament:

“Is-SEK 2010 jipprevedi:

a)

metodoloġija (Anness A) dwar standards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabbiltà li għandhom jintużaw għat-tħejjija tal-kontijiet u t-tabelli fuq bażijiet li jistgħu jitqabblu għall-finijiet tal-Unjoni, flimkien mar-riżultati kif meħtieġ taħt l-Artikolu 3;

[…]”

5

L-Anness A tal-imsemmi regolament jinkludi l-Kapitolu 1, intitolat “Karatteristiċi ġenerali u prinċipji bażiċi”, li l-punti 1.34, 1.35, 1.37 u 1.57 huma fformulati kif ġej:

“1.34

Il-kontijiet tas-setturi huma kkreati permezz tal-allokazzjoni ta’ unitajiet għas-setturi u dan jippermetti li t-transazzjonijiet u l-entrati saldatorji ta’ kontijiet jiġu ppreżentati skont is-settur. Il-preżentazzjoni skont is-settur tikxef ħafna miżuri prinċipali għal skopijiet ta’ politika ekonomika u fiskali. Is-setturi prinċipali huma l-unitajiet domesitiċi, il-gvern, il-korporazzjonijiet (finanzjarji u mhux finanzjarji), istituzzjonijiet mhux għall-profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi (NPISHs) u l-bqija tad-dinja.

Id-distinzjoni bejn l-attività tas-suq u dik li mhix tas-suq hija waħda importanti. Entità kkontrollata mill-gvern, li jintwera li hija korporazzjoni tas-suq, tiġi kklassifikata fis-settur tal-korporazzjoni, barra mis-settur tal-gvern ġenerali. Għaldaqstant id-defiċit u l-livelli ta’ dejn tal-korporazzjoni mhumiex sejrin ikunu parti mid-defiċit u d-dejn tal-gvern ġenerali.

1.35

Huwa importanti li jiġu stabbiliti kriterji ċari u b’saħħithom għall-allokazzjonijiet ta’ entitajiet għas-setturi.

Is-settur pubbliku jikkonsisti mill-unitajiet istituzzjonali kollha residenti fl-ekonomija kkontrollati mill-gvern. Is-settur privat jikkonsisti mill-unitajiet residenti l-oħrajn kollha.

It-Tabella 1.1 tistabbilixxi l-kriterji użati sabiex issir distinzjoni bejn is-settur pubbliku u privat, u fis-settur pubbliku bejn is-settur tal-gvern u s-settur tal-korporazzjonijiet pubbliċi, u fis-settur privat bejn is-settur tal-NPISHs u s-settur tal-korporazzjonijiet privati.

Tabella 1.1

Kriterji

Ikkontrollati mill-gvern

(Settur pubbliku)

Ikkontrollati privatament

(Settur privat)

Output mhux tas-suq

Gvern ġenerali

NPISH

Output tas-suq

Korporazzjonijiet pubbliċi

Korporazzjonijiet privati

[…]

1.37

Id-diffrenzjar bejn tas-suq u mhux tas-suq, u għalhekk, għall-entitajiet tas-settur pubbliku, li jikklassifikawhom fis-settur tal-gvern ġenerali jew fis-settur tal-korporazzjonijiet, tiġi deċiża permezz tar-regola li ġejja:

Attività għandha titqies bħala attività tas-suq meta l-oġġetti u s-servizzi korrispondenti jiġu kkumerċjalizzati taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

1)

il-bejjiegħa jaġixxu sabiex jimmassimizzaw il-profitti tagħhom fuq medda twila ta’ żmien, u jagħmlu dan billi jbigħu l-oġġetti u s-servizzi liberament fis-suq, u lil min ikun lest li jħallas il-prezz mitlub;

2)

ix-xerrejja jaġixxu sabiex jimmassimizzaw l-utilità tagħhom minħabba r-riżorsi limitati tagħhom, billi jixtru skont liema prodotti jaqdu bl-aqwa mod il-ħtiġijiet tagħhom bil-prezz offrut;

3)

jeżistu swieq effettivi fejn il-bejjiegħa u x-xerrejja għandhom aċċess għal informazzjoni dwar is-suq. Suq effettiv jista’ jopera anke jekk dawn il-kondizzjonijiet ma jintlaħqux totalment.

[…]

1.57

L-unitajiet istituzzjonali huma entitajiet ekonomiċi li kapaċi jkunu proprjetarji ta’ oġġetti u assi, jidħlu għal passivi u jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet ekonomiċi u transazzjonijiet ma’ unitajiet oħrajn fihom infushom. Għall-iskopijiet tas-sistema SEK 2010, l-unitajiet istituzzjonali huma raggruppati flimkien f’ħames setturi istituzzjonali domestiċi reċiprokament esklużivi:

a)

korporazzjonijiet mhux finanzjarji;

b)

korporazzjonijiet finanzjarji;

c)

gvern ġenerali;

d)

unitajiet domestiċi;

e)

istituzzjonijiet mhux għal profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi.

Il-ħames setturi flimkien jagħmlu l-ekonomija domestika totali. Kull settur huwa maqsum ukoll f’sottosetturi. Is-sistema SEK 2010 tippermetti sett komplut ta’ kontijiet ta’ fluss u karti tal-bilanċ li għandhom jiġu kkompilati għal kull settur, u għal kull sottosettur, u għall-ekonomija totali. Unitajiet mhux residenti jistgħu jinteraġixxu ma’ dawn il-ħames setturi domestiċi, u l-interazzjonijiet jintwerew bejn il-ħames setturi domestiċi u s-sitt settur istituzzjonali: is-settur tal-bqija tad-dinja.”

6

L-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jinkludi, fil-Kapitolu 2 tiegħu, intitolat “Unitajiet u raggruppamenti tal-unitajiet”, il-punti 2.32 sa 2.35, 2.38, 2.40, 2.43, 2.105 sa 2.110 u 2.117, li jipprovdu:

“2.32

Kull settur u sottosettur jiġbor flimkien l-unitajiet istituzzjonali li għandhom tip ta’ mġiba ekonomika simili.

Dijagramma2.1 —Allokazzjoni tal-unitajiet għas-setturi

Image

2.33

L-unitajiet istituzzjonali huma miġburin f’setturi fuq il-bażi tat-tip ta’ produttur li huma u skont l-attività u l-funzjoni prinċipali tagħhom — elementi li huma kkunsidrati bħala indikattivi tal-imġieba ekonomika tagħhom.

2.34

Dijagramma 2.1 turi kif l-unitajiet huma allokati fis-setturi ewlenin. Sabiex jiġi ddeterminat is-settur ta’ unità li hija residenti u mhux unità domestika, skont id-dijagramma, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-unità hijiex ikkontrollata mill-gvern ġenerali jew le, u jekk hijiex produttur għas-suq jew mhux għas-suq.

2.35

Il-kontroll ta’ korporazzjoni finanzjarja jew mhux finanzjarja għandu jiġi definit bħala l-abbiltà li tiddetermina l-politika korporattiva ġenerali, pereżempju billi jingħażlu d-diretturi adattati jekk meħtieġ.

[…]

2.38

Il-gvern ġenerali jiżgura l-kontroll ta’ korporazzjoni b’riżultat ta’ leġislazzjoni speċjali, digriet jew regolament li jagħti s-setgħa lill-gvern jiddeċiedi dwar il-politika korporattiva. L-indikaturi li ġejjin huma l-fatturi ewlenin li jridu jitqiesu biex jiġi deċiż jekk korporazzjoni hijiex ikkontrollata minn gvern:

[…]

b)

kontroll mill-gvern tal-bord jew entità tat-tmexxija;

c)

kontroll mill-gvern tal-ħatra jew it-tneħħija ta’ persunal ewlieni;

[…]

f)

regolamenti speċjali;

[…]

Biżżejjed indikatur wieħed biex jiġi stabbilit il-kontroll, iżda, f’xi każijiet oħra, għadd ta’ indikaturi separati jistgħu flimkien jindikaw il-kontroll.

[…]

2.40

Id-differenzjar bejn l-entitajiet tas-suq u dawk li mhumiex tas-suq, u allura fil-każ tal-entitajiet tas-settur pubbliku l-klassifika tagħhom bejn is-settur tal-gvern ġenerali u s-settur tal-korporazzjonijiet, jiddependi fuq il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1.37.

[…]

2.43

It-Tabella 2.2 turi t-tip ta’ produttur, u l-attività prinċipali u l-funzjonijiet li jikkaratterizzaw lil kull settur:

Tabella 2.2 – It-tip ta’ produttur, u l-attivitajiet prinċipali u l-funzjonijiet ikklassifikati skont is-settur

Tip ta’ produttur

Attività prinċipali u funzjoni

Settur

Produttur tas-suq

Produzzjoni ta’ oġġetti tas-suq u servizzi mhux finanzjarji

Korporazzjonijiet mhux Finanzjarji (S.11)

Produttur tas-suq

Intermedjazzjoni finanzjarja inkluża attivitajiet finanzjarji awżiljarji ta’ assigurazzjoni

Korporazzjonijiet finanzjarji (S.12)

Produttur pubbliku mhux tas-suq

Produzzjoni u provvista ta’ output mhux għas-suq għall-konsum kollettiv u individwali, u li jwettqu transazzjonijiet intiżi għar-ridistribuzzjoni tal-introjtu u l-ġid nazzjonali

Gvern ġenerali (S.13)

Produttur tas-suq jew produttur privat għal użu finali proprju

Konsum

Produzzjoni ta’ output tas-suq u output għal użu proprju

Unitajiet domestiċi (S.14)

Bħala konsumaturi

Bħala intraprendituri

Produttur privat mhux tas-suq

Produzzjoni u provvista ta’ output mhux tas-suq għall-konsum individwali

Istituzzjonijiet mhux intiżi għall-profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi (S.15)

[…]

Fondi tal‑pensjoni (S.129)

2.105

Definizzjoni: Is-sottosettur tal-fondi tal-pensjonijiet (S.129) jikkonsisti mill-korporazzjonijiet u l-kważikorporazzjonijiet li huma involuti prinċipalment f’intermedjazzjoni finanzjarja bħala konsegwenza tal-ġbir komuni tar-riskji soċjali u l-ħtiġijiet tal-persuni assigurati (assigurazzjoni soċjali). Fondi tal-pensjoni bħal skemi tal-assigurazzjoni soċjali jipprovdu introjtu waqt il-pensjoni, u ħafna drabi benefiċċji għal mewt u diżabbiltà.

2.106

Is-sottosettur S.129 jikkonsisti biss f’dawk il-fondi tal-pensjoni tal-assigurazzjoni soċjali li huma unitajiet istituzzjonali separati mill-unitajiet li joħolquhom. Dawn il-fondi awtonomi għandhom awtonomija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jżommu ġabra sħiħa ta’ kontijiet. Il-fondi mhux awtonomi tal-pensjonijiet mhumiex unitajiet istituzzjonali u jibqgħu parti mill-unità istituzzjonali li tistabbilixxihom.

2.107

Eżempji ta’ parteċipanti fi skemi tal-fondi tal-pensjonijiet jinkludu impjegati ta’ intrapriża unika jew grupp ta’ intrapriżi, impjegati ta’ fergħa jew industrija, u persuni li huma tal-istess professjoni. Il-benefiċċji inklużi fil-kuntratt tal-assigurazzjoni jistgħu jkunu:

a)

jitħallsu wara l-mewt tal-assigurat lill-armel jew l-armla u t-tfal;

b)

jitħallsu wara l-irtirar; jew

c)

mħallsa wara li l-assigurat jibda jbati minn diżabbiltà.

2.108

F’xi pajjiżi, dawk it-tipi kollha ta’ riskji jistgħu jiġu assigurati minn korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja kif ukoll minn fondi tal-pensjonijiet. F’pajjiżi oħrajn, huwa meħtieġ li xi wħud minn dawn il-klassijiet ta’ riskji jiġu assigurati permezz tal-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja. F’kuntrast mal-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, il-fondi tal-pensjonijiet huma ristretti bil-liġi għal gruppi speċifiċi ta’ impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom.

2.109

Skemi tal-fondi tal-pensjonijiet jistgħu jiġu organizzati minn min iħaddem jew mill-gvern ġenerali. Dawn jistgħu jiġu organizzati wkoll minn korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni f’isem l-impjegati; jew unitajiet istituzzjonali separati jistgħu jiġu stabbiliti biex iżommu u jamministraw l-assi għall-użu ta’ ssodisfar tal-intitolamenti tal-pensjoni u tad-distribuzzjonijiet tal-pensjonijiet.

2.110

Sottosettur S.129 ma jinkludix:

a)

unitajiet istituzzjonali li jissodisfaw kull wieħed miż-żewġ kriterji elenkati fil-paragrafu 2.117. Dawn huma kklassifikati fis-sottosettur S.1314;

[…]

Il‑fondi tas‑sigurtà soċjali (S.1314)

2.117

Definizzjoni:Is-sottosettur tal-fondi tas-sigurtà soċjali jinkludi l-unitajiet istituzzjonali ċentrali, tal-istat, u lokali li l-attività prinċipali tagħhom hija li jipprovdu benefiċċji soċjali u li jissodisfaw iż-żewġ kriterji li ġejjin:

a)

bil-liġi jew b’regolamentazzjoni, ċerti gruppi tal-popolazzjoni huma obbligati li jipparteċipaw fl-iskema jew li jħallsu kontribuzzjonijiet; u

b)

il-gvern ġenerali huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-istituzzjoni fejn għandhom x’jaqsmu s-saldu jew l-approvazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji, indipendentement mir-rwol tiegħu bħala korp sorveljanti u bħala entità li tipprovdi l-impjieg.

Normalment, ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn individwu u r-riskju li għalih l-individwu huwa espost.”

7

Fl-Anness A ta’ dan ir-regolament hemm il-Kapitolu 3, intitolat “Transazzjonijiet fi prodotti u assi mhux prodotti”, li l-punti 3.17 sa 3.19, 3.24, 3.26 sa 3.28 jipprovdu kif ġej:

“3.17

Definizzjoni: L-output tas-suq jikkonsisti minn output prodott li huwa disponibbli fis-suq jew maħsub biex ikun disponibbli fis-suq.

3.18

L-output tas-suq jinkludi:

a)

prodotti mibjugħin bi prezzijiet ekonomikament sinifikanti;

[…]

3.19

Definizzjoni: Prezzijiet ekonomikament sinifikanti huma prezzijiet li għandhom effett sostanzjali fuq l-ammonti tal-prodotti li l-produtturi huma lesti jipprovdu u fuq l-ammonti tal-prodotti li x-xerrejja jixtiequ jakkwistaw. Tali prezzijiet jirriżultaw meta japplikaw iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

il-produttur għandu inċentiv biex jaġġusta l-provvista jew bil-għan li jagħmel profitt għall-perijodu fit-tul jew, bħala minimu, li jkopri l-kapital u spejjeż oħra; u

b)

il-konsumaturi għandhom il-libertà li jixtru jew li ma jixtrux u jagħmlu l-għażla abbażi tal-prezzijiet li jintalbu.

Probabbli li jiġu mitluba prezzijiet li mhumiex ekonomikament sinifikanti sabiex jinġabar xi dħul jew jinkiseb xi tnaqqis fid-domanda żejda li tista’ sseħħ meta s-servizzi jiġu provduti kompletament b’xejn.

Il-prezz ekonomikament sinifikanti ta’ prodott huwa definit f’relazzjoni mal-unità istituzzjonali u l-KAU lokali li pproduċiet l-output. Pereżempju, l-output kollu ta’ intrapriżi mhux inkorporati posseduti mill-unitajiet domestiċi mibjugħin lil unitajiet istituzzjonali oħra jinbiegħ bi prezzijiet ekonomikament sinifikanti; għalhekk irid jitqies bħala output tas-suq. Fil-każ ta’ output ta’ unitajiet istituzzjonali oħra, il-ħila li titwettaq attività tas-suq bi prezzijiet ekonomikament sinifikanti tiġi kkontrollata notevolment permezz ta’ kriterju kwantitattiv (il-kriterju tal-50 %), bl-użu tal-proporzjoni tal-bejgħ kontra l-ispejjeż tal-produzzjoni. Biex tkun produttur tas-suq, l-unità għandha tkopri talanqas 50 % tal-ispejjeż tagħha permezz tal-bejgħ tagħha tul perijodu sostnut ta’ għadd ta’ snin.

[…]

3.24

Definizzjoni: Il-produtturi tas-suq huma KAUs lokali jew unitajiet istituzzjonali li l-maġġoranza tal-output tagħhom hija output tas-suq.

Jekk KAU lokali jew unità istituzzjonali hija produttur tas-suq, l-output prinċipali tagħha hija b’definizzjoni output tas-suq, peress li l-kunċett ta’ output tas-suq jiġi definit wara li tkun ġiet applikata d-distinzjoni tas-suq, għal użu finali proprju u output mhux tas-suq, lill-KAU lokali u l-unità istituzzjonali li pproduċew dak l-output.

[…]

3.26

Definizzjoni: Produtturi mhux tas-suq huma KAUs lokali jew unitajiet istituzzjonali li l-parti l-kbira tal-output tagħhom hija pprovduta mingħajr ħlas jew bi prezzijiet mhux ekonomikament sinifikanti.

Unitajiet istituzzjonali: distinzjoni bejn tas-suq, għall-użu finali proprju u mhux tas‑suq

3.27

Għall-unitajiet istituzzjonali bħala produtturi, id-distinzjoni bejn tas-suq, għall-użu finali proprju u mhux tas-suq hija mogħtija fil-qosor fit-Tabella 3.1. Hija murija wkoll il-klassifikazzjoni skont is-settur.

Tabella 3.1 – Id-distinzjoni bejn produtturi għas-suq, produtturi għall-użu finali proprju u produtturi mhux għas-suq għall-unitajiet istituzzjonali

Tip ta’ unità istituzzjonali

Klassifikazzjoni

Privata jew pubblika?

 

NPI jew le?

Produttur tas-suq?

Tip ta’ produttur

Settur(i)

1.Produtturi privati

1.1.Impriżi mhux inkorporati li huma proprjetà ta’ unitajiet domestiċi (bl-esklużjoni ta’ impriżi kważikorporattivi proprjetà ta’ unitajiet domestiċi)

 

 

1.1 = Għas-suq jew għall-użu finali proprju

Unitajiet domestiċi

 

1.2 Produtturi privati oħrajn (inkluż l-impriżi kważikorporattivi proprjetà ta’ unitajiet domestiċi)

1.2.1 | NPIs privati

1.2.1.1Iva

1.2.1.1 = Suq

Korporazzjonijiet

 

 

 

1.2.1.2Le

1.2.1.2 = Mhux għas-suq

NPISH

 

 

1.2.2Produtturi privati oħrajn mhux NPI

 

1.2.2 = Suq

Korporazzjonijiet

2. Produtturi pubbliċi

 

 

2.1. Iva

2.1 = Suq

Korporazzjonijiet

 

 

 

2.2. Le

2.2 = Mhux għas-suq

Gvern ġenerali

3.28

It-Tabella 3.1 turi li sabiex jiġi determinat jekk unità istituzzjonali għandhiex tiġi kklassifikata bħala produttur għas-suq, produttur għall-użu finali proprju jew produttur mhux għas-suq, diversi distinzjonijiet isiru b’mod sekwenzjali. L-ewwel distinzjoni hija bejn produtturi privati u pubbliċi. Produttur pubbliku huwa produttur li huwa kkontrollat mill-gvern ġenerali, fejn il-kontroll ikun kif iddefinit fil-paragrafu 2.38.

”

8

L-Anness A tal-imsemmi regolament jinkludi l-Kapitolu 17, li l-punt 17.43 tiegħu jipprovdi:

“Definizzjoni: L-iskemi tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali huma skemi tal-assigurazzjoni kuntrattwali fejn il-benefiċjarji bħala parteċipanti ta’ skema tal-assigurazzjoni soċjali huma obbligati mill-gvern ġenerali jassiguraw kontra x-xjuħija u riskji oħra relatati mal-età bħal diżabbiltà, saħħa, eċċ. Il-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali huma pprovduti lill-benefiċjarji mill-gvern ġenerali.”

9

Il-Kapitolu 20 tal-Anness A, intitolat “Il-kontijiet tal-gvern”, jinkludi fost l-oħrajn il-punti 20.05, 20.15, 20.32 sa 20.34, 20.38, 20.39, 20.306, 20.309 u 20.310, li jipprovdu:

“DEFINIZZJONI TAS-SETTUR TAL-GVERN ĠENERALI

20.05

Is-settur tal-gvern ġenerali (S.13) jikkonsisti mill-unitajiet tal-gvern kollha u l-istituzzjonijiet kollha mingħajr skop ta’ qligħ (NPIs) mhux tas-suq li huma kkontrollati mill-unitajiet tal-gvern. Huwa jkopri wkoll produtturi oħra mhux tas-suq kif identifikati fil-paragrafi 20.18 sa 20.39.

[…]

NPIs klassifikati fis-settur tal-gvern ġenerali

[…]

20.15

Il-kontroll ta’ NPI huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-NPI. L-intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività, mhuwiex rilevanti waqt id-deċiżjoni dwar jekk il-gvern għandux kontroll fuq unità individwali. Għad-determinazzjoni ta’ jekk NPI hijiex ikkontrollata mill-gvern, għandhom jiġu kkunsidrati l-ħames indikaturi ta’ kontroll li ġejjin:

[…]

b)

dispożizzjonijiet oħra tal-istrument ta’ aġevolazzjoni bħall-obbligi fl-istatut tal-NPI;

[…]

e)

l-esponiment għar-riskju.

Indikatur wieħed jista’ jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit kontroll. Madankollu, jekk NPI li tkun iffinanzjata prinċipalment mill-gvern tibqa’ kapaċi tiddetermina l-politika jew il-programm tagħha sa punt sinifikanti skont kif imsemmi fl-indikaturi l-oħra, għalhekk ma tkunx meqjusa li hija kkontrollata mill-gvern. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, għadd ta’ indikaturi jistgħu jindikaw kontroll b’mod kollettiv. Deċiżjoni bbażata fuq dawn l-indikaturi kollha tkun waħda ġudizzjarja min-natura tagħha.

[…]

Intermedjazzjoni finanzjarja u l-limitu tal-gvern

20.32

Il-każ tal-unitajiet impenjati f’attivitajiet finanzjarji jeħtieġ kunsiderazzjoni speċjali. L-intermedjazzjoni finanzjarja hija l-attività li fiha l-unitajiet jiksbu assi finanzjarji u fl-istess ħin jeħlu passivi akkont proprju billi jimpenjaw ruħhom fi transazzjonijiet finanzjarji.

20.33

Intermedjarju finanzjarju jpoġġi ruħu fir-riskju li jeħel passivi akkont proprju. Pereżempju, jekk unità finanzjarja pubblika tiġġestixxi assi iżda ma tpoġġix ruħha fir-riskju li teħel passivi akkont proprju, din mhix intermedjarju finanzjarju u l-unità tiġi klassifikata fis-settur tal-gvern ġenerali aktar milli fis-settur tal-korporazzjonijiet finanzjarji.

20.34

L-applikazzjoni tal-kriterju kwantitattiv tat-test tas-suq/mhux tas-suq għal korporazzjonijiet pubbliċi involuti fl-intermedjazzjoni finanzjarja jew fil-ġestjoni tal-assi ġeneralment mhijiex rilevanti, minħabba li l-qligħ tagħhom jiġi kemm minn introjtu minn proprjetà kif ukoll minn qligħ nominali.

[…]

Fondi tal‑pensjonijiet

20.38

L-iskemi tal-pensjoni ta’ min iħaddem huma arranġamenti stabbiliti biex jipprovdu benefiċċji tal-irtirar lill-parteċipanti, abbażi ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn min iħaddem u l-impjegat. Dawn jinkludu skemi iffinanzjati, mhux iffinanzjati u parzjalment iffinanzjati.

20.39

Skema ffinanzjata ta’ kontribuzzjoni definita, stabbilita minn unità tal-gvern, mhijiex trattata bħala skema tas-sigurtà soċjali, fejn ma hemm l-ebda garanzija tal-gvern dwar il-livell tal-pensjonijiet dovuti u l-livell tal-pensjonijiet huwa inċert għaliex jiddependi mill-prestazzjoni tal-assi. Bħala konsegwenza, l-unità identifikata bħala li tiġġestixxi l-iskema - kif ukoll il-fond stess jekk hija unità istituzzjonali separata - hija kkunsidrata bħala korporazzjoni finanzjarja, klassifikata taħt is-sottosettur tal-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet.

[…]

IS-SETTUR PUBBLIKU

[…]

20.306

L-unitajiet istituzzjonali kollha inklużi fis-settur pubbliku huma unitajiet residenti kkontrollati mill-gvern, direttament jew indirettament mill-unitajiet tas-settur pubbliku aggregati. Il-kontroll fuq entità hu definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali tal-entità. Dan huwa deskritt f’aktar dettall hawn taħt.

[…]

Kontroll tas‑settur pubbliku

20.309

Il-kontroll ta’ unità tas-settur pubbliku residenti huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali tal-unità. Dan jista’ jseħħ permezz tad-drittijiet diretti ta’ unità unika tas-settur pubbliku jew id-drittijiet kollettivi ta’ ħafna unitajiet. L-indikaturi ta’ kontroll li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati:

[…]

h)

kontroll permezz ta’ regolazzjoni eċċessiva. Meta r-regolazzjoni hija tant stretta li tiddetta effettivament il-politika ġenerali tan-negozju, din hija forma ta’ kontroll. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu f’xi każijiet ikollhom involviment regolatorju b’saħħtu, b’mod partikolari fl-oqsma bħal tal-monopolji u l-utilitajiet privatizzati li jkollhom element ta’ servizz pubbliku. Huwa possibbli li jkun jeżisti involviment regolatorju fl-oqsma importanti, bħall-iffissar tal-prezzijiet, mingħajr ma l-entità ċċedi l-kontroll tal-politika ġenerali. L-għażla li tidħol jew topera f’ambjent irregolat ħafna hija wkoll indikatur li l-entità mhijiex soġġetta għal kontroll;

i)

oħrajn. Il-kontroll jista’ jinkiseb ukoll minn setgħat jew drittijiet statutorji li jinsabu fil-kostituzzjoni tal-entità, pereżempju rigward il-limitazzjoni tal-attivitajiet, l-għanijiet u l-aspetti operattivi, l-approvazzjoni tal-baġits jew il-prevenzjoni tal-entità milli tbiddel il-kostituzzjoni tagħha, ixxolji lilha nfisha, tapprova dividendi, jew ittemm ir-relazzjoni tagħha mas-settur pubbliku. Entità li hija ffinanzjata kompletament jew kważi kompletament mis-settur pubbliku hija kkunsidrata li hija kkontrollata jekk il-kontrolli fuq dak il-fluss ta’ finanzjament ikunu restrittivi biżżejjed biex jiddettaw il-politika ġenerali f’dak il-qasam.

20.310

Kull każ ta’ klassifikazzjoni jeħtieġ jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu u xi wħud minn dawn l-indikaturi kollha jistgħu ma jkunux rilevanti għall-każ individwali. Xi indikaturi, bħal (a), (c) u (d) fil-paragrafu 20.309, huma biżżejjed waħedhom biex jistabbilixxu kontroll. Għal oħrajn għadd ta’ indikaturi separati jistgħu kollettivament jindikaw kontroll.”

Ir‑Regolament 2018/231

10

Skont il-premessa 2 tar-Regolament 2018/231:

“L-iskop tal-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku fuq PFs huwa li l-BĊE jingħata statistika adegwata dwar l-attivitajiet finanzjarji tas-subsettur tal-PFs fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem ‘Stati Membri taż-żona tal-euro’), li għandhom jitqiesu bħala territorju ekonomiku wieħed. Il-ġbir ta’ informazzjoni statistika dwar PFs huwa meħtieġ sabiex jissodisfa ħtiġijiet analitiċi regolari u ad hoc, biex jagħti appoġġ lill-BĊE fit-twettiq ta’ analiżi monetarja u finanzjarja, u għall-kontribut tas-SEBĊ għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.”

11

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1) ‘fond tal-pensjoni’ (PF)’ (subsettur S.129 tal-ESA 2010) tfisser korporazzjoni finanzjarja jew kważi-korporazzjoni li hija prinċipalment imqabbda f’intermedjazzjoni finanzjarja bħala konsegwenza tal-ġabra ta’ riskji soċjali u bżonnijiet tal-persuni assigurati (assigurazzjoni soċjali). Fond tal-pensjoni bħala skema ta’ assigurazzjoni soċjali jipprovdi dħul fl-irtirar u jista’ jipprovdi benefiċċji għall-mewt u d-diżabilità.

Dawn li ġejjin mhumiex inklużi fid-definizzjoni:

[…]

f)

fondi tas-sigurtà soċjali kif iddefiniti fil-paragrafu 2.117 tal-ESA 2010;

[…]”

Id‑dritt Ġermaniż

Il‑VersoG

12

F’Bayern, l-istituzzjonijiet ta’ previdenza huma s-suġġett, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1, intitolat “Forma ġuridika, sede, kamp ta’ applikazzjoni, setgħa leġiżlattiva”, tal-Gesetz über das öffentliche Versorgungswesen (il-Liġi dwar is-Sistema Pubblika ta’ Previdenza), tas‑16 ta’ Ġunju 2008 (BayGVBl. p. 182), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-Kawża C‑758/22 (iktar ’il quddiem il-“VersoG”).

13

L-Artikolu 9 tal-VersoG, intitolat “Prinċipji li jirregolaw l-attivitajiet kummerċjali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“(1)   L-istituzzjonijiet ta’ previdenza għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom abbażi tal-mutwalità u esklużivament għall-finijiet ta’ utilità pubblika. Huma għandhom jipprattikaw ġestjoni ekonomika u prudenti. L-assi tal-istituzzjonijiet ta’ previdenza għandhom ikunu separati.

(2)   L-istituzzjonijiet ta’ previdenza għandhom ikopru l-ispejjeż amministrattivi tagħhom, inklużi r-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali u tal-impjegati kif ukoll il-benefiċċji mogħtija lill-aventi kawża, permezz tar-riżorsi proprji tagħhom. It-tqassim bejn id-diversi istituzzjonijiet ta’ previdenza għandu jsir skont l-ispejjeż effettivament sostnuti.

(3)   Ir-riżorsi u l-assi tal-istituzzjonijiet ta’ previdenza jistgħu jintużaw biss għat-twettiq tad-dmirijiet ta’ previdenza tagħhom. Fil-każ ta’ xoljiment ta’ istituzzjoni, il-fondi li jifdal għandhom jitħallsu lill-membri, lill-assigurati u lill-benefiċjarji, skont id-dispożizzjonijiet tal-istatuti.”

14

L-Artikolu 10 tal-VersoG, intitolat “Statuti”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“(1)   L-istituzzjonijiet ta’ previdenza għandhom jirregolaw l-affarijiet tagħhom permezz ta’ statuti skont din il-liġi.

(2)   L-istatuti għandhom jinkludu, minbarra l-elementi speċifikament imsemmija f’din il-liġi, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw:

1.

il-kompożizzjoni, it-tul ta’ żmien tal-mandat u l-konvokazzjoni tal-bord amministrattiv u tal-kumitati;

2.

il-proposta u t-tluq tal-membri tal-bord amministrattiv u s-supplenti tagħhom […];

3.

il-bidu u t-tmiem tar-relazzjonijiet ta’ affiljazzjoni, ta’ assigurazzjoni u ta’ pensjoni;

4.

l-ammont tal-kontribuzzjonijiet kif ukoll l-iskadenza tagħhom jew il-prinċipji tal-iffissar tat-tqassim;

5.

il-kundizzjonijiet, in-natura u l-ammont kif ukoll it-tmiem tad-drittijiet tal-membri, tal-persuni assigurati u tal-benefiċjarji tal-benefiċċji;

6.

il-proċedura ta’ pensjoni.

(3)   L-istatuti u l-emendi tagħhom għandhom jitfasslu mill-president tal-bord amministrattiv wara approvazzjoni prudenzjali u ppubblikati fil-Bayerischer Staatsanzeiger. Huma għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħhom, sakemm ma tiġix stabbilita data oħra.”

15

It-tieni parti tal-VersoG, intitolata “Fond ta’ previdenza tat-tobba ta’ Bayern, Fond ta’ previdenza tal-ispiżjara tal-Bayern, Fond ta’ previdenza tal-periti ta’ Bayern, Fond ta’ previdenza tal-inġiniera ċivili kif ukoll tal-psikoterawpewti ta’ Bayern, Fond ta’ previdenza tal-avukati u tal-kontabbilisti ta’ Bayern”, li fiha hemm inkluż l-Artikolu 28 ta’ din il-liġi, intitolat “Kompiti”. Dan l-artikolu jipprovdi, fit-tielet sentenza tiegħu, li “l-istituzzjonijiet ta’ previdenza għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex il-membri tagħhom jiġu eżentati mill-obbligu li jkunu assigurati mal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni statutorja”.

16

L-Artikolu 30 tal-VersoG, intitolat “Adeżjoni”, jiddikjara, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“(1)   L-affiljazzjoni f’istituzzjonijiet ta’ previdenza hija obbligatorja.

(2)   L-istatuti jistgħu jipprovdu eċċezzjonijiet u eżenzjonijiet mill-affiljazzjoni obbligatorja, b’mod partikolari meta l-membru tal-professjoni:

1.

ikun jeżerċita l-attività professjonali tiegħu biss b’mod temporanju jew fuq skala żgħira;

2.

jibda jeżerċita l-attività professjonali tiegħu f’età avvanzata jew jaffilja ruħu mal-assoċjazzjoni professjonali;

3.

ikun affiljat ma’ skema oħra ta’ previdenza professjonali.

[…]

(3)   Il-membri obbligatorji li jkunu waqfu milli jkunu affiljati jistgħu jibqgħu membri volontarji, skont id-dispożizzjonijiet tal-istatuti.”

17

L-Artikolu 31 tal-VersoG, intitolat “Kontribizzjonijiet, tranżizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“(1)   Il-membri għandhom iħallsu kontribuzzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-istatuti. L-istatuti jistgħu jipprevedu kontribuzzjonijiet minimi indipendenti mid-dħul. Huma jistgħu jistipulaw li, sabiex tinżamm il-protezzjoni tal-pensjoni, għandhom jitħallsu kontribuzzjonijiet xierqa għall-perijodi mingħajr attività professjonali jew lukrattiva jew mingħajr dħul. Il-kontribuzzjoni obbligatorja ma għandhiex taqbeż il-limitu li jiddetermina l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji li tibbenefika minnu l-istituzzjoni ta’ previdenza.

[…]

(4)   L-istatuti jistgħu jippermettu ħlasijiet volontarji addizzjonali sabiex jiżdiedu d-drittijiet tal-pensjoni. Dawn, miżjuda mal-kontribuzzjoni obbligatorja, ma għandhomx jaqbżu l-limitu stabbilit fir-raba’ sentenza tal-paragrafu 1.”

18

L-Artikoli 33 sa 36 u 38 tal-VersoG jippreċiżaw ir-regoli dwar l-affiljazzjoni obbligatorja mal-istituzzjonijiet ta’ previdenza kkonċernati.

Il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet tal-Professjonisti tas-Saħħa ta’ Sachsen

19

L-Artikolu 6 tas-Sächsisches Heilberufekammergesetz (il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet tal-Professjonijiet tas-saħħa ta’ Sachsen), tal‑24 ta’ Mejju 1994 (SächsGVBl. p. 935), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali fil-Kawża C‑759/22, intitolat “Istituzzjonijiet ta’ previdenza”, kien jipprevedi:

“(1)   L-assoċjazzjonijiet jistgħu, permezz tal-istatuti tagħhom, joħolqu istituzzjoni ta’ previdenza sabiex tiġi żgurata l-previdenza tal-affiljati tagħhom u tal-membri tal-familja tagħhom. […] L-affiljati tal-assoċjazzjoni għandhom ikunu membri tal-istituzzjoni ta’ previdenza skont l-istatuti.

[…]

(3)   L-istatuti għandhom jistabbilixxu regoli dwar:

1.

il-kompiti, il-formazzjoni, il-kompożizzjoni, l-elezzjoni u t-tul tal-mandat tal-korpi tal-istituzzjoni ta’ previdenza kif ukoll ir-rappreżentanza ġudizzjarja u ekstraġudizzjarja tiegħu, sa fejn dan ma huwiex diġà rregolat minn dispożizzjonijiet legali,

2.

il-bidu u t-tmiem tal-affiljazzjoni obbligatorja kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom l-eċċezzjonijiet u l-eżenzjonijiet mill-affiljazzjoni obbligatorja jkunu permessi,

3.

il-kundizzjonijiet li fihom affiljazzjoni volontarja tiġi awtorizzata, b’mod partikolari wara li tispiċċa l-affiljazzjoni mal-assoċjazzjoni,

4.

il-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet jistgħu jiżdiedu wara li jkun ġie stabbilit divorzju,

5.

il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni retroattiva,

6.

l-obbligu ta’ parteċipazzjoni tal-membri, il-bidu u t-tmiem tal-obbligu ta’ kontribuzzjoni, il-proċedura ta’ ffissar tal-kontribuzzjonijiet kif ukoll l-iskadenza u d-dettalji dwar l-ammont tal-kontribuzzjonijiet, li huma kkalkolati skont id-dħul

a)

minn attività professjonali indipendenti jew bħala persuna impjegata,

b)

minn kapital, sa fejn id-dħul jiġi minn kumpanniji b’kapital azzjonarju li l-għan tagħhom huwa wkoll li jipprovdu servizzi mediċi, dentali, veterinarji jew ta’ spiżerija, u

c)

attivitajiet kummerċjali, sa fejn jirriżultaw ukoll servizzi mediċi, dentali, veterinarji jew farmaċewtiċi, u li ma għandhomx jeċċedu l-ammont li jirriżulta mil-[liġi rilevanti] fil-verżjoni fis-seħħ,

7.

l-ammont ta’ tnaqqis u ta’ eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet li jistgħu jingħataw f’sitwazzjonijiet partikolari,

8.

il-kundizzjonijiet u l-ammont ta’ eventwali penalitajiet moratorji fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet dovuti,

9.

il-kundizzjonijiet li fihom il-kontribuzzjonijiet jew il-penalitajiet moratorji jistgħu jiġu posposti, irtirati jew jew imħassra,

10.

il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-ammont tal-benefiċċji, tal-pensjoni tax-xjuħija, tal-pensjoni tal-invalidità u tal-pensjoni tas-superstiti,

[…]

L-istatuti jistgħu jipprevedu l-kundizzjonijiet li taħthom affiljat jista’ jittrasferixxi l-kontribuzzjonijiet li huwa jkun ħallas lill-istituzzjoni ta’ previdenza jew lil istituzzjoni oħra ta’ assigurazzjoni rregolata mid-dritt pubbliku jew lil istituzzjoni ta’ previdenza oħra fil-kategorija professjonali tiegħu (istituzzjoni ta’ previdenza professjonali), kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-ammont tad-dritt għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet imħallsa meta tispiċċa l-affiljazzjoni.

[…]

(4)   L-assi tal-istituzzjoni ta’ previdenza jikkostitwixxu patrimonju speċjali li huwa disponibbli biss sabiex jissodisfa l-obbligi tal-istituzzjoni ta’ previdenza. Huwa għandu jiġi ġestit separatament mill-assi l-oħra tal-assoċjazzjoni. Dan jista’ jintuża biss għal skopijiet awtorizzati mil-liġi, inkluż il-kumpens għall-ispejjeż amministrattivi meħtieġa.”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

20

Matul is-snin 2018 u 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċevew komunikazzjonijiet mingħand il-Bank Federali tal-Ġermanja li informawhom li, skont l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament 2018/231, huma kienu suġġetti, bħala fondi ta’ pensjoni, għal obbligi ta’ dikjarazzjoni statistika li abbażi tagħhom huma kellhom jittrażmettu, mit‑30 ta’ Settembru 2019, informazzjoni iktar preċiża dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, fuq bażi trimestrali għal ċerti rikorrenti u fuq bażi annwali għal oħrajn.

21

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) b’rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament ta’ dawn il-komunikazzjonijiet u, sussidjarjament, għall-konstatazzjoni li huma ma humiex suġġetti għall-obbligi ta’ dikjarazzjoni statistika msemmija iktar ’il fuq.

22

Dik il-qorti ċaħdet dawn ir-rikorsi, minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma fondi ta’ pensjoni, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/231 u li, konsegwentement, huma suġġetti għal obbligi ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament. Skont din il-qorti, l-istituzzjonijiet ta’ previdenza bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jagħmlu parti, bħala produtturi tas-suq, minn kumpanniji b’kapital finanzjarju u jaqgħu għalhekk taħt is-subsettur tal-fond tal-pensjoni (S.129) tas-SEK 2010 previst mir-Regolament Nru 549/2013. Fil-kuntest tal-attività prinċipali tagħhom, huma jipprovdu servizzi ta’ previdenza. Sabiex jagħmlu dan, huma jistabbilixxu prezzijiet sinjifikattivi mill-perspettiva ekonomika. L-istess japplika fir-rigward tal-benefiċċji obbligatorji. Fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, l-istituzzjonijiet ta’ previdenza jkunu obbligati jirregolaw il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji b’mod li jiggarantixxu l-kapaċità kontributtiva tagħhom. Fi kwalunkwe każ, il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji obbligatorji bħala produzzjoni tas-suq tirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 3.19 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali koprew matul diversi snin mill-inqas 50 % tal-ispejjeż tagħhom bil-bejgħ tal-prodotti tagħhom. L-imsemmija qorti ssostni li l-punt 1.37 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament ma jipprekludix tali klassifikazzjoni, peress li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-entitajiet tas-settur pubbliku, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jagħmb6lux parti minnhom sa fejn dawn ma humiex ikkontrollati mill-Istat. Konsegwentement, allokazzjoni lis-subsettur tal-fondi tas-sigurtà soċjali (S.1314) tas-SEK 2010, li għalih ma japplikax l-obbligu ta’ informazzjoni, hija eskluża wkoll. Il-punt 20.39 tal-Anness A tal-imsemmi regolament jikkonferma din il-klassifikazzjoni bħala fond ta’ pensjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Skont din id-dispożizzjoni, skema ta’ kontribuzzjonijiet predeterminati ġestita minn entità pubblika ma għandhiex titqies bħala skema ta’ sigurtà soċjali jekk, bħalma huwa l-każ għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, topera mingħajr garanzija mill-Istat fir-rigward tal-ammont tal-benefiċċji li għandhom jitħallsu u dan l-ammont, li jiddependi fuq il-qligħ tal-attiv ġestit, huwa neċessarjament inċert.

23

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu li ma humiex produtturi tas-suq. Is-servizzi obbligatorji tagħhom, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produzzjoni tagħhom, ma jinbigħux bi prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi. F’dan ir-rigward, l-affiljati li għandhom obligu ta’ affiljazzjoni ma jistgħux liberament jiddeċiedu li jixtru benefiċċji ta’ previdenza abbażi tal-kontribuzzjonijiet mitluba, li jikser waħda mill-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ tali prezzijiet, jiġifieri dik tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-punt 3.19 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, li tipprovdi li “il-konsumaturi għandhom il-libertà li jixtru jew li ma jixtrux u jagħmlu l-għażla abbażi tal-prezzijiet li jintalbu”. Ir-rikorrenti jsostnu li l-kriterju ta’ 50 % previst fit-tielet subparagrafu tal-punt 3.19 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, fejn unità istituzzjonali li, fuq perijodu fit-tul u sostenibbli, tkopri minn tal-inqas 50 % tal-ispejjeż tagħha ta’ produzzjoni bil-bejgħ tagħha, tiġi kklassifikata bħala produttur tas-suq, ma huwiex rilevanti, peress li jservi biss sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-produzzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjonijiet ta’ previdenza, bħall-assigurazzjoni għall-pensjoni statutorja, jaqgħu taħt is-sigurtà soċjali.

24

Il-Bank Federali tal-Ġermanja jsostni li s-sentenza tal-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main) ma hijiex ivvizzjata bl-iżbalji ta’ liġi allegati.

25

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-punt 1(f) tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/231 u tal-punti 1.37, 2.107, 2.117, 3.17 sa 3.19, 3.24, 3.26, 17.43, 20.10, 20.12 u 20.39 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013. Hija tistaqsi jekk għandhomx jiġu kklassifikati bħala fondi ta’ pensjoni jew bħala fondi ta’ sigurtà soċjali, jew inkella jekk għandhomx jiġu kklassifikati mod ieħor.

26

Din il-qorti tenfasizza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma stabbilimenti rregolati mid-dritt pubbliku li għandhom personalità ġuridika. Huma jistgħu jeżerċitaw biss attività ta’ interess ġenerali u ma jistgħux jużaw ir-riżorsi u l-patrimonju tagħhom ħlief għall-finijiet tat-twettiq tal-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku. Huma għandhom isostnu l-ispejjeż amministrattivi tagħhom, inkluża r-remunerazzjoni tal-persunal tagħhom u l-benefiċċji mogħtija lill-aventi kawża, mir-riżorsi proprji stess.

27

Il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont id-dritt Ġermaniż, il-maġġoranza l-kbira tal-affiljati mal-iskemi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma suġġetti għal affiljazzjoni obbligatorja minħabba l-fatt li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’Bayern jew f’Sachsen. Meta tintemm din l-affiljazzjoni obbligatorja, ikun possibbli li wieħed jibqa’ affiljat fuq bażi volontarja, sabiex ikun jista’ jkompli jikseb drittijiet għall-pensjoni. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiddeterminaw, fl-istatuti tagħhom, il-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet jew ta’ kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tal-missjoni tagħhom, kif ukoll il-kundizzjonijiet, in-natura, l-ammont u t-tneħħija tad-drittijiet għall-pensjoni. Il-pagamenti addizzjonali volontarji huma possibbli wkoll, iżda huma limitati għal massimu awtorizzat. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jipprovdu iktar minn 50 % tal-benefiċċji tagħhom lill-affiljati tagħhom suġġetti għal affiljazzjoni obbligatorja.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑443/14 u C‑444/22:

“1)

a)

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 3.19 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jeżiġi li l-konsumaturi kollha tal-prodotti ipprovduti mill-produtturi jkunu liberi li jixtru jew li ma jixtrux u li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-prezzijiet iffatturati?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda:

b)

Fil-każ li l-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-konsumaturi, mingħajr ma jkollhom tali libertà ta’ deċiżjoni, jirċievu mingħand il-produttur, skont affiljazzjoni legali obbligatorja miegħu, prodotti li jammontaw għal iktar min-nofs il-produzzjoni tal-imsemmi produttur u jkunu obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ ammont stabbilit mill-istess produttur, ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti meta minorità tal-imsemmija konsumaturi kellha l-possibbiltà li taderixxi volontarjament mal-imsemmi produttur u għamlet użu minn din il-possibbiltà sabiex tirċievi prodotti billi ħallset l-istess kontribuzzjonijiet bħall-affiljati obbligatorji?

2.

Ikun hemm dejjem produzzjoni tas-suq bi prezzijiet ekonomikament sinjifikattivi, fis-sens tal-punti 3.17 sa 3.19 tal-Anness tar-Regolament Nru 549/2013, bil-kundizzjoni li jiġi ssodisfatt il-‘kriterju ta’ 50%’ iddefinit fit-tielet u fir-raba’ sentenza tat-tielet subparagrafu tal-punt 3.19 tal-imsemmi anness, li jikkonsisti f’kopertura ta’ mill-inqas 50 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni għal bejgħ fuq diversi snin, jew għandu jitqies li dan il-kriterju ma huwiex kundizzjoni suffiċjenti (waħda li hija suffiċjenti fiha nnifisha) iżda pjuttost neċessarja li tapplika flimkien maż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti taħt (a) u (b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-punt 3.19 tal-imsemmi anness?

3.

Għall-evalwazzjoni dwar jekk unitajiet istituzzjonali humiex produtturi tas-suq kif iddefinit fil-punt 3.24 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandu jsir mhux biss riferiment għall-punti 3.17, 3.19 u 3.26 tal-Anness A iżda wkoll għar-rekwiżi addizzjonali stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-punt 1.37 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013?

4.

(a)

Sabiex unità istituzzjonali tiġi kklassifikata fis-sottosettur S.129, il-punt 2.107 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jeżiġi neċessarjament li l-benefiċċji kollha ta’ din l-unità jiġu pprovduti lill-parteċipanti kollha abbażi ta’ ftehim kuntrattwali?

Jekk dan ikun il-każ:

(b)

Ir-rekwiżit għall-provvista ta’ benefiċċji fuq bażi kuntrattwali huwa diġà ssodisfatt f’dan ir-rigward jekk, minkejja l-fatt li l-affiljazzjoni obbligatorja, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji u l-benefiċċji obbligatorji tal-unità istituzzjonali huma rregolati minn korp pubbliku skont l-istatut tiegħu, membri obbligatorji għandhom ukoll il-possibbiltà li jiksbu drittijiet għal benefiċċji addizzjonali permezz tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali?

5.

Il-punt (f) tat-[tieni subparagrafu] tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament [2018/231] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kunċett ta’ ‘fondi ta’ pensjoni’, kif iddefinit fl-ewwel [subparagrafu] ta’ din id-dispożizzjoni, biss dawk l-unitajiet istituzzjonali li jissodisfaw iż-żewġ kriterji stabbiliti fil-punt 2.117 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jew din l-eċċezzjoni tkopri wkoll unitajiet istituzzjonali oħra li, skont il-punt 17.43 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, għandhom jitqiesu bħala skemi ta’ pensjoni tas-sigurtà soċjali, mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-punt 2.117 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013?

6.

(a)

Il-kunċett ta’ ‘gvern ġenerali’ fil-punt 2.117(b) u fil-punt 17.43 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jirreferi biss għall-unità prinċipali rispettiva, jew jinkludi wkoll istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali stabbiliti mil-liġi, organizzati skont affiljazzjoni obbligatorja u ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijeit, u li għandhom id-dritt għall-awtogovernanza u għal kontabbiltà proprja?

F’dan il-każ tal-aħħar:

(b)

L-istabbiliment u l-approvazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji, kif hemm riferiment għalihom fil-punt 2.117(b) tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, ifissru l-istabbiliment u l-approvazzjoni tal-ammont, jew huwa biżżejjed jekk il-liġi tippreskrivi r-riskji minimi li għandhom jiġu koperti u l-livell minimu ta’ kopertura, u tirregola wkoll il-prinċipji u l-limiti għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet, filwaqt li tħalli l-evalwazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji f’dan il-qafas f’idejn il-fondi ta’ pensjoni?

(c)

Il-kunċett ta’ ‘unità tal-gvern’ fis-sens tal-punt 20.39 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, jinkludi biss unitajiet istituzzjonali li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 20.10 u 20.12 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013?”

Fuq id‑domandi preliminari

29

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi ta’ pensjoni”, fis-sens tal-punt 2.105 ta’ dan l-anness, u konsegwentement, għandhom ikunu suġġetti għall-obbligi ta’ dikjarazzjoni statistika previsti mir-Regolament 2018/231, l-istituzzjonijiet ta’ previdenza li joffru benefiċċji li jkopru r-riskji ta’ rtirar, ta’ mewt u ta’ invalidità favur affiljati li fil-parti l-kbira huma suġġetti għal obbligu ta’ affiljazzjoni minħabba l-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari.

30

Għandu jitfakkar li mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 549/2013 jirriżulta li s-SEK 2010, għall-finijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari għad-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ekonomiki u soċjali tal-Unjoni, tistabbilixxi qafas ta’ referenza intiż għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, skont il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, it-tfassil ta’ dawn il-kontijiet għandu jsir abbażi ta’ prinċipji uniċi li ma humiex suġġett għal interpretazzjoni differenti, b’mod li jippermetti l-kisba ta’ riżultati paragunabbli (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Ferrovienord, C‑363/21 u C‑364/21, EU:C:2023:563, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2)(a) tal-imsemmi regolament, is-SEK 2010 tipprevedi metodoloġija, li tinsab fl-Anness A, dwar in-normi, id-definizzjonijiet, in-nomenklaturi u r-regoli tal-kontabbiltà komuni, intiża li tippermetti t-tfassil ta’ kontijiet nazzjonali u ta’ tabelli fuq bażijiet paragunabbli għall-finijiet tal-Unjoni.

32

Skont l-punt 1.01 ta’ dan l-anness, is-SEK 2010 tikkostitwixxi “qafas ta’ kontabbiltà internazzjonalment kompatibbli għal deskrizzjoni sistematika u dettaljata ta’ ekonomija totali (jiġifieri reġjun, pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi), il-komponenti tiegħu u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ ekonomiji totali oħrajn”.

33

L-imsemmi anness, imfassal bħala manwal, huwa kompost minn 24 kapitolu, li huma deskritti fil-qosor fil-punti 1.03 u 1.04 tiegħu. Il-Kapitolu 1 ikopri l-karatteristiċi bażiċi tas-SEK u jistabbilixxi l-prinċipji. Dan il-kapitolu jiddeskrivi l-unitajiet statistiċi fundamentali u r-raggruppamenti tagħhom u jagħti ħarsa ġenerali lejn is-sekwenza tal-kontijiet. Il-Kapitolu 2 jiddeskrivi l-unitajiet istituzzjonali użati fil-kejl tal-ekonomija, u kif dawn l-unitajiet jiġu klassifikati f’setturi u fi gruppi oħra għall-finijiet ta’ analiżi. Il-Kapitolu 20 jittratta l-kontijiet tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika.

34

Il-punti 1.34 u 1.57 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jipprevedu r-rabta ta’ kull unità istituzzjonali – iddefinita bħala entità ekonomika li għandha l-kapaċità li żżomm beni u assi, li tidħol f’impenji, li teżerċita attivitajiet ekonomiċi u li twettaq, f’isimha stess, tranżazzjonijiet ma’ unitajiet oħra – ma’ wieħed mis-sitt setturi prinċipali identifikati mis-SEK 2010, jiġifieri l-kumpanniji mhux finanzjarji, il-kumpanniji finanzjarji, l-amministrazzjoni pubblika, l-unitajiet domestiċi, l-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li jservu lill-unitajiet domestiċi u l-bqija tad-dinja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Ferrovienord, C‑363/21 u C‑364/21, EU:C:2023:563, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll mill-punt 2.41 ta’ dan l-anness, jirriżulta li dawn is-setturi jeskludu lil xulxin reċiprokament b’tali mod li unità istituzzjonali tista’ tappartjeni biss għal settur jew subsettur wieħed. Konformement mal-punt 2.32 tal-istess anness, kull settur u sottosettur jiġbor flimkien l-unitajiet istituzzjonali li għandhom tip ta’ mġiba ekonomika simili.

36

Is-sottosettur tal-fondi ta’ pensjoni jaqa’ taħt is-settur tal-kumpanniji finanzjarji, kif jippreċiża l-punt 2.66 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013. Konsegwentement, bħal kull unità istituzzjonali ta’ dan is-settur, il-fondi ta’ pensjoni huma kklassifikati bħala “produtturi tas-suq”, konformement mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kumpanniji finanzjarji” li tinsab fil-punt 2.55 ta’ dan l-anness.

37

Fir-rigward ta’ din il-klassifikazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni bħala “produtturi tas-suq”, għandha tiġi enfasizzata l-eżistenza ta’ partikolarità speċifika għall-attivitajiet ta’ dawn il-fondi, li huma ddettaljati fil-punti 2.105 sa 2.110 tal-imsemmi anness. Fil-fatt, mill-punt 2.108 tal-istess anness jirriżulta li, kuntrarjament għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni għall-ħajja, “il-fondi tal-pensjonijiet huma ristretti bil-liġi għal gruppi speċifiċi ta’ impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom”. Għalhekk, is-subsettur tal-fondi ta’ pensjoni jiġbor fi gruppi kumpanniji finanzjarji li ma humiex liberi li jipproponu s-servizzi tagħhom lill-pubbliku kollu.

38

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju jirriżulta li l-istituzzjonijiet ta’ previdenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’Bayern (Kawża C‑758/22) u f’Sachsen (Kawża C‑759/22), jiggarantixxu lill-membri tagħhom benefiċċji fil-każ ta’ rtirar, ta’ mewt, u ta’ invalidità u huma organizzati fuq bażi settorjali, fis-sens li l-parti l-kbira tal-affiljati tagħhom huma suġġetti għal obbligu legali ta’ affiljazzjoni minħabba l-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari bħal dik ta’ tabib, ta’ spiżjar, ta’ avukat jew ta’ perit.

39

Barra minn hekk, hija din l-organizzazzjoni settorjali tal-istituzzjonijiet ta’ previdenza u l-obbligu ta’ affiljazzjoni korrelattiv tal-membri tagħhom li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi jekk l-attivitajiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “produzzjoni tas-suq” jew ta’ “attività tas-suq” fis-sens tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.

40

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li tali organizzazzjoni settorjali tal-fondi ta’ pensjoni hija espressament prevista fil-punti 2.107 u 2.108 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, kif ġie indikat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. Minkejja din il-partikolarità, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jikklassifika l-fondi ta’ pensjoni bħala kumpanniji finanzjarji u, għaldaqstant, bħala produtturi tas-suq. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li wieħed jistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “produzzjoni tas-suq” jew ta’ “attività kummerċjali”, iżda li jiġi ddeterminat jekk istituzzjonijiet ta’ previdenza bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu kklassifikati bħala “fondi ta’ pensjoni” fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-punti 2.105 sa 2.110 ta’ dan l-anness.

41

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-punti 2.105 sa 2.110 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jista’ jiġi dedott li l-attivitajiet tal-fondi ta’ pensjoni jissodisfaw il-kriterji li ġejjin.

42

Fl-ewwel lok, mill-punti 2.105 u 2.107 ta’ dan l-anness jirriżulta li l-fondi ta’ pensjoni, li l-funzjoni prinċipali tagħhom hija li jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja li jirriżultaw mill-mutwalizzazzjoni tar-riskji u tal-bżonnijiet soċjali tal-persuni assigurati, jiggarantixxu benefiċċji lill-assigurat fil-każ ta’ rtirar. Dawn il-fondi jistgħu jiggarantixxu wkoll benefiċċji lill-persuna assigurata fil-każ ta’ invalidità kif ukoll benefiċċji lill-konjuġi u lit-tfal tal-persuna assigurata fil-każ tal-mewt tagħha.

43

Fit-tieni lok, il-punt 2.106 tal-istess anness jistipula li l-fondi ta’ pensjoni, li huma distinti mill-unitajiet li ħolquhom, għandhom l-awtonomija tad-deċiżjoni u għandhom kontabbiltà sħiħa.

44

Fit-tielet lok, u kif indikat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-punti 2.107 u 2.108 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jippreċiżaw li, b’differenza mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni għall-ħajja, il-fondi ta’ pensjoni huma legalment obbligati li jirriżervaw is-servizzi tagħhom għal gruppi speċifiċi ta’ impjegati u ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, bħal, b’mod partikolari, il-persuni li jeżerċitaw l-istess professjoni.

45

Fir-raba’ lok, il-punt 2.110 ta’ dan l-anness jeskludi mill-kunċett ta’ “fondi ta’ pensjoni” l-amministrazzjonijiet ta’ sigurtà soċjali msemmija fil-punt 2.117 tal-imsemmi anness. Skont dan l-aħħar punt, l-amministrazzjonijiet tas-sigurtà soċjali, li l-attività prinċipali tagħhom hija l-provvista ta’ benefiċċji soċjali, huma kkaratterizzati mill-fatt li, minn naħa, ċerti gruppi tal-popolazzjoni huma legalment obbligati jipparteċipaw fl-iskema jew li jħallsu kontribuzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistabbilixxu jew japprovaw il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji, mingħajr ma normalment teżisti rabta diretta bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn individwu u r-riskji li huwa espost għalihom.

46

F’dan ir-rigward, mill-punt 20.39 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013, li jaqa’ taħt il-Kapitolu 20 ta’ dan l-anness intitolat “Il-kontijiet tal-gvern ġenerali”, jirriżulta li skema tal-pensjoni, anki jekk stabbilita minn unità tal-amministrazzjoni pubblika, ma tistax titqies bħala skema ta’ sigurtà soċjali u għandha tiġi kklassifikata fis-subsettur tal-fondi ta’ pensjoni meta l-livell tal-benefiċċji ma jkunx iggarantit mill-amministrazzjoni pubblika u meta jkun inċert għaliex jiddependi fuq il-prestazzjoni tal-assi.

47

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali u hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll li tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, SeGEC et, C‑277/21, EU:C:2022:318, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiemha, li huma ta’ natura li jippermettu lill-imsemmija qorti tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, SeGEC et, C‑277/21, EU:C:2022:318, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom il-karatteristiċi li ġejjin.

50

L-ewwel nett, huwa paċifiku li dawn l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali jiggarantixxu lill-affiljati tagħhom benefiċċji fil-każ ta’ rtirar, ta’ mewt u ta’ invalidità.

51

It-tieni nett, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-istituzzjonijiet ta’ previdenza inkwistjoni fil-Kawża C‑758/22, li għandhom personalità ġuridika, igawdu minn dritt ta’ awtoġestjoni u jżommu kontabbiltà proprja. Skont l-istess indikazzjonijiet, l-istituzzjoni ta’ previdenza inkwistjoni fil-Kawża C‑759/22, minkejja li hija organu li għandu personalità ġuridika parzjali tal-ordni tat-tobba, hija indipendenti fuq il-livell organizzattiv u ekonomiku, tgawdi minn awtonomija wiesgħa, għandha patrimonju tagħha stess u żżomm kontabbiltà sħiħa. Tali istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni reċiproka, li jgawdu minn awtonomija ta’ ġestjoni u jżommu kontabbiltà tagħhom, jissodisfaw il-kriterju stabbilit fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

52

It-tielet nett, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li l-maġġoranza l-kbira tal-affiljati tal-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma suġġetti għal obbligu legali ta’ affiljazzjoni minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali partikolari, peress li dawn l-istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni reċiproka bħala prinċipju ma humiex awtorizzati jipprovdu s-servizzi tagħhom lil persuni oħra. Konsegwentement, tali istituzzjonijiet jidhru li jissodisfaw il-kriterju msemmi fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

53

Ir-raba’ nett, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-livell tal-benefiċċji offruti lill-affiljati, li ma huwiex iggarantit mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, jiddependi mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa kif ukoll mill-prestazzjoni tal-istituzzjoni ta’ previdenza kkonċernata fil-ġestjoni tal-assi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat li l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiddeterminaw, fil-kuntest stabbilit minn dispożizzjonijiet legali, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li huma jirċievu u l-ammont tal-benefiċċji li huma joffru. Għaldaqstant, tali istituzzjonijiet ta’ previdenza jissodisfaw il-kriterji, imsemmija fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, li jeskludu l-klassifikazzjoni ta’ skema ta’ sigurtà soċjali favur dik ta’ fond ta’ pensjoni.

54

Minn dan isegwi li, għalkemm l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ previdenza inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom effettivament il-karatteristiċi elenkati fil-punti 50 sa 53 ta’ din is-sentenza, fatt li għandu jiġi kkonstatat mill-qorti tar-rinviju, dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati fis-subsettur tal- “fondi ta’ pensjoni” fis-sens tal-punt 2.105 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi ta’ pensjoni”, fis-sens tal-punt 2.105 ta’ dan l-anness, u konsegwentement, għandhom ikunu suġġetti għall-obbligi ta’ dikjarazzjoni statistika previsti mir-Regolament 2018/231, l-istituzzjonijiet ta’ previdenza li l-attivitajiet tagħhom ikollhom il-karatteristiċi kollha segwenti:

–

dawn l-istituzzjonijiet ta’ previdenza jkunu joffru benefiċċji li jkopru r-riskji ta’ rtirar, ta’ mewt u ta’ invalidità;

–

ikunu jgawdu minn awtonomija ta’ ġestjoni u jżommu kontabbiltà sħiħa;

–

il-maġġoranza l-kbira tal-affiljati tagħhom ikunu suġġetti għal obbligu legali ta’ affiljazzjoni minħabba l-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari, peress li l-imsemmija istituzzjonijiet ta’ previdenza ma jkunux, fil-prinċipju, awtorizzati jipprovdu s-servizzi tagħhom lil persuni oħra;

–

il-livell ta’ benefiċċji offruti lill-affiljati, li ma jkunx iggarantit mill-amministrazzjoni pubblika, jiddependi mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa kif ukoll mill-prestazzjoni tal-istituzzjoni ta’ previdenza kkonċernata fil-ġestjoni tal-assi.

Fuq l‑ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi ta’ pensjoni”, fis-sens tal-punt 2.105 ta’ dan l-anness, u konsegwentement, għandhom ikunu suġġetti għall-obbligi ta’ dikjarazzjoni statistika previsti mir-Regolament (UE) 2018/231 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑26 ta’ Jannar 2018 dwar rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku għal fondi tal-pensjoni, l-istituzzjonijiet ta’ previdenza li l-attivitajiet tagħhom ikollhom il-karatteristiċi kollha segwenti:

 

–

dawn l-istituzzjonijiet ta’ previdenza jkunu joffru benefiċċji li jkopru r-riskji ta’ rtirar, ta’ mewt u ta’ invalidità;

–

ikunu jgawdu minn awtonomija ta’ ġestjoni u jżommu kontabbiltà sħiħa;

–

il-maġġoranza l-kbira tal-affiljati tagħhom ikunu suġġetti għal obbligu legali ta’ affiljazzjoni minħabba l-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari, peress li l-imsemmija istituzzjonijiet ta’ previdenza ma jkunux, fil-prinċipju, awtorizzati jipprovdu s-servizzi tagħhom lil persuni oħra;

–

il-livell ta’ benefiċċji offruti lill-affiljati, li ma jkunx iggarantit mill-amministrazzjoni pubblika, jiddependi mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa kif ukoll mill-prestazzjoni tal-istituzzjoni ta’ previdenza kkonċernata fil-ġestjoni tal-assi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.