Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fid‑19 ta’ Novembru 2026 (1)

Kawża C‑415/25

De Nederlandsche Bank NV,

2525 Ventures BV,

B4C Markets BV,

Bitmymoney BV,

Bitonic BV,

Bitvavo BV,

Blox BV,

BTC Direct Europe BV,

BUX Alternative Investments BV,

Coinmerce BV,

Digital Currency Services BV (Happycoins),

Phoenix Payments BV (Anycoin Direct)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Artikolu 47 – Obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi relatati mal-muniti virtwali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li, mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tiġi pprovduta data li tippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2015/849 – Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Libertajiet fundamentali”






I.      Daħla

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (2), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/849”).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn De Nederlandsche Bank NV (il-Bank Ċentrali tal-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem “DNB”) u ħdax-il fornitur ta’ servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali kif ukoll ta’ servizzi ta’ kartieri ta’ kustodja (iktar ’il quddiem il-“fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi”), dwar id-deċiżjoni, meħuda minn DNB, li jiċċarġja lil dawn il-fornituri l-ispejjeż ta’ sorveljanza kontinwa li dan il-bank sostna matul is-snin 2020 u 2021. Hija tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-portata tal-kontroll li jista’ jiġi eżerċitat mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza waqt ir-reġistrazzjoni tal-imsemmija fornituri, prevista fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2015/849, peress li l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi huma inklużi fl-ispejjeż ta’ sorveljanza kontinwa.

3.        Ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, waqt ir-reġistrazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-awtorità ta’ sorveljanza tista’ teżiġi li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-impriża li tiggarantixxi l-ġestjoni integra u ordnata tagħha , u tirrifjuta din ir-reġistrazzjoni jekk ma tkunx konvinta mill-eżattezza u mill-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessi 1, 2 u 51 tad-Direttiva 2015/849 jiddikjaraw:

“(1)      Il-flussi ta’ flus illeċiti jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju, u jheddu s-suq intern tal-Unjoni [Ewropea] kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali. Il-ħasil ta’ flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jibqgħu problemi sinifikanti li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. [I]l-prevenzjoni mmirata u proporzjonata tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija indispensabbli […]

(2)      Is-saħħa, l-integrità u l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fiduċja fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi jistgħu jkunu mhedda b’mod serju bl-isforzi tal-kriminali u l-assoċjati tagħhom biex jaħbu l-oriġini tar-rikavat kriminali jew biex jinkanalaw flus legali jew illegali għal finijiet terroristiċi. Sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet kriminali tagħhom, dawk li jaħslu l-flus u li jiffinanzjaw it-terroriżmu jistgħu jippruvaw jieħdu vantaġġ mil-libertà tal-movimenti tal-kapital u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji li jirriżultaw mill-qasam finanzjarju integrat tal-Unjoni. Għalhekk, ċerti miżuri ta’ koordinazzjoni huma meħtieġa fil-livell tal-Unjoni. Fl-istess ħin, l-objettivi tal-protezzjoni tas-soċjetà mill-kriminalità u l-protezzjoni tal-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għandhom jitqiesu fid-dawl tal-ħtieġa li jinħoloq ambjent regolatorju li jippermetti li l-kumpanniji jkabbru n-negozji tagħhom mingħajr ma jeħlu spejjeż ta’ konformità sproporzjonati.

[…]

(51)      L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ uffiċċji tal-kambju ta’ flus, l-uffiċċji li jsarrfu ċ-ċekkijiet, fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew ta’ kumpanniji jew fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard, il-persuni li effettivament imexxu n-negozju ta’ entitajiet bħal dawn u s-sidien benefiċjarji ta’ tali entitajiet ikunu kompetenti u idonei. Bħala minimu, il-kriterji li jiddeterminaw jekk persuna hijiex kompetenti u idonea, jirriflettu l-ħtieġa li tali entitajiet jiġu protetti milli jintużaw ħażin mill-maniġers jew is-sidien benefiċjarji tagħhom għal finijiet kriminali.”

5.        L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti.”

6.        Il-punt 3(g) u (h) tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet marbutin b’obbligu li ġejjin:

[…]

(3)      il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom:

[…]

(g)      fornituri involuti f’servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali;

(h)      fornituri tal-kartieri ta’ kustodja; […]”

7.        Skont il-punti 18 u 19 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(18)      ‘muniti virtwali’ tfisser rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur li ma tkunx maħruġa jew garantita minn bank ċentrali jew awtorità pubblika, ma tkunx neċessarjament marbuta ma’ munita stabbilita b’mod legali u ma jkollhiex status legali ta’ munita jew flus, iżda tkun aċċettata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala mezz ta’ skambju u tkun tista’ tiġi ttrasferita, maħżuna u nnegozjata elettronikament;

(19)      ‘fornitur tal-kartieri ta’ kustodja’ tfisser entità li tipprovdi servizzi għas-salvagwardja ta’ ċwievet kriptografiċi privati f’isem il-klijenti tagħha, biex iżomm, taħżen u tittrasferixxi muniti virtwali.”

8.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tal-liġi tal-Unjoni.”

9.        Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jieħdu l-passi xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tagħhom filwaqt li jieħdu kont ta’ fatturi ta’ riskju, inklużi dawk relattivi għall-klijenti, pajjiżi jew żoni ġeografiċi, prodotti, ervizzi, transazzjonijiet jew kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom. Dawk il-passi għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-entitajiet marbutin b’obbligu.

2.      Il-valutazzjonijiet tar-riskju imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddokumentati, jinżammu aġġornati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-korpi awtoregolatorji rilevanti kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjonijiet tar-riskju individwali ddokumentati mhumiex meħtieġa, fejn ir-riskji speċifiċi inerenti fis-settur ikunu ċari u jinftiehmu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom stabbiliti politiki, kontrolli u proċeduri biex jimmitigaw u jiġġestixxu b’mod effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu identifikati fil-livell tal-Unjoni, il-livell tal-Istati Membri, u l-livell tal-entitajiet marbutin b’obbligu. Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs ta’ dawk l-entitajiet marbutin b’obbligu.

4.      Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu:

(a)      l-iżvilupp ta’ politiki, kontrolli u proċeduri interni, inklużi l-mudelli ta’ prattiki għall-ġestjoni tar-riskju, id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, ir-rappurtar, iż-żamma tar-rekords, il-kontroll intern, il-ġestjoni tal-konformità inkluż, fejn xieraq, skont id-daqs u n-natura tan-negozju, il-ħatra ta’ uffiċjal tal-konformità fil-livell maniġerjali u l-verifiki fuq l-impjegati.

(b)      fejn xieraq, skont id-daqs u n-natura tan-negozju, funzjoni indipendenti ta’ awditu biex tittestja l-politiki, kontrolli u proċeduri interni msemmija fil-punt (a).

[…]”

10.      Il-punt (a) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi:

“Il-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti għandhom jinkludu:

(a)      l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tal-klijent fuq il-bażi ta’ dokumenti, data jew informazzjoni li jinkisbu minn sors affidabbli u indipendenti […]”

11.      L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-identità tal-klijent u l-identità tas-sid benefiċjarju jiġu verifikati qabel ma tiġi stabbilita r-relazzjoni ta’ negozju jew it-twettiq tat-transazzjoni. […]”

12.      Skont l-Artikolu 47(1) u (2) tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali, u fornituri tal-kartieri ta’ kustodja, jkunu rreġistrati, li l-uffiċċji tal-kambju u l-uffiċċji li jsarrfu ċ-ċekkijiet, u l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jew għall-kumpaniji jkollhom liċenzja jew ikunu rreġistrati, u li l-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard huma regolati.

2.      L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-persuni li jkollhom kariga ta’ tmexxija fl-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew li huma s-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet bħal dawn, ikunu persuni kompetenti u idonei.”

13.      Skont l-Artikolu 48 tal-istess direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu monitoraġġ effettiv u jieħdu l-miżuri meħtieġa bil-għan li jiżguraw li jkun hemm konformità ma’ din id-Direttiva.

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħat adegwati, inkluża s-setgħa li jitolbu l-produzzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti għall-monitoraġġ tal-konformità u li jwettqu verifiki, u jkollhom riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal ta’ dawk l-awtoritajiet huma ta’ integrità għolja u għandhom ħiliet xierqa, u jżommu standards professjonali għoljin, inklużi standards ta’ kunfidenzjalità, protezzjoni tad-data u standards li jindirizzaw kunflitti ta’ interess.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-entità marbuta b’obbligu topera xi stabbilimenti, iwettqu superviżjoni biex jiżguraw li dawk l-istabbilimenti jirrispettaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru li jittrasponu din id-Direttiva.

[…]”

B.      Id-dritt Olandiż

1.      Il-Wwft

14.      Il-Wet ter voorkoming van witwassen en financieren van terrorisme (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu) (4), tal‑15 ta’ Lulju 2008, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Wwft”), ittrasponiet id-Direttiva 2015/849 fl-ordinament ġuridiku Olandiż.

15.      Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi ilhom mill‑21 ta’ Mejju 2020 inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Wwft. DNB huwa maħtur bħala l-awtorità ta’ sorveljanza għal dawn il-fornituri skont l-Artikolu 1d(1)(a) tal-Wwft.

16.      Skont l-Artikolu 23b tal-Wwft:

“1.      Kull min joffri, fil-Pajjiżi l-Baxxi jew mill-Pajjiżi l-Baxxi, servizzi professjonali jew kummerċjali ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali għandu jirreġistra ma’ [DNB].

2.      Kull min joffri, fil-Pajjiżi l-Baxxi jew mill-Pajjiżi l-Baxxi, servizzi professjonali jew kummerċjali ta’ kartieri ta’ kustodja għandu jirreġistra ma’ [DNB].”

17.      L-Artikolu 23c(1) tal-Wwft jipprevedi:

“L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 23b għandha tiġi ppreżentata billi tiġi kkomunikata l-informazzjoni stabbilita minn jew bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni amministrattiva ta’ portata ġenerali. Din l-informazzjoni tista’ tirrigwarda:

a)      data ta’ natura fattwali;

b)      data dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew tas-Sanctiewet 1977 [(il-Liġi dwar is-Sanzjonijiet tal‑1977) (5), tal‑15 ta’ Frar 1980].”

18.      L-Artikolu 23d(1)(a) u (b) tal-Wwft jipprovdi:

“[DNB] ma għandux jirreġistra fornitur imsemmi fl-Artikolu 23b meta:

a)      id-data msemmija fl-Artikolu 23c(1) ma tkunx kompluta;

b)      wara li jkun ivverifika l-informazzjoni, ma jkunx konvint mill-eżattezza tad-data msemmija fl-Artikolu 23c(1).”

19.      L-Artikolu 23f(2) u (3) tal-Wwft jipprevedi:

“2.      [DNB] għandu jwettaq ir-reġistrazzjoni […]

3.      Fir-rigward ta’ fornitur imsemmi fl-Artikolu 23b, ir-reġistru għandu jinkludi d-data li ġejja:

a)      l-isem, l-indirizz u, jekk ikun il-każ, is-sede, kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-fergħat tiegħu;

b)      id-data tal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-fornitur imsemmi fl-Artikolu 23b;

c)      in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-fornitur imsemmi fl-Artikolu 23b mal-Kamer van Koophandel [(il-Kamra tal-Kummerċ, il-Pajjiżi l-Baxxi)].”

20.      Skont l-Artikolu 23j tal-Wwft:

“1.      Il-fornitur imsemmi fl-Artikolu 23b għandu jsegwi politika adegwata li tiggarantixxi li l-attività tiegħu tiġi eżerċitata b’mod integru u ordnat […]

2.      Il-fornitur imsemmi fl-Artikolu 23b għandu jorganizza l-impriża tiegħu b’mod li jiggarantixxi l-ġestjoni integra u ordnata tagħha […]

3.      Regoli oħra dwar l-obbligi skont dan l-artikolu jistgħu jiġu stabbiliti minn jew bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni amministrattiva ta’ portata ġenerali. Dawn ir-regoli jistgħu jirrigwardaw:

a)      l-eżerċizzju integru tal-attivitajiet, li jinkludi b’mod partikolari l-ġlieda kontra:

1.      it-taħlit tal-interessi;

2.      ir-reati kriminali jew ksur ieħor tal-liġi mill-fornitur jew mill-impjegati tiegħu li jistgħu jippreġudikaw il-fiduċja fil-fornitur;

3.      ir-relazzjonijiet ma’ klijenti jew ma’ terzi li jistgħu jippreġudikaw il-fiduċja fil-fornitur;

b)      il-kontroll tal-proċessi u tar-riskji operazzjonali.”

2.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Wwft

21.      L-informazzjoni speċifika li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 23c(1) tal-Wwft ġiet elenkata fl-Artikolu 1a tal-Uitvoeringsbesluit Wwft 2018 (id-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-Wwft tal‑2018) (6), tas‑17 ta’ Lulju 2018, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tal-Uitvoeringsregeling Wet ter voorkoming van witwassen en financieren van terrorisme (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-[Wwft]) (7), tat‑23 ta’ Lulju 2008.

22.      Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Wwft:

“L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23c(1) tal-[Wwft] hija din li ġejja:

[…]

n)      l-organizzazzjoni tal-ġestjoni tal-impriża fir-rigward tal-eżerċizzju integru u ordnat tal-attività, imsemmija fl-Artikolu 23j tal-[Wwft];

o)      kull informazzjoni u dokument ieħor li l-awtorità ta’ sorveljanza tqis neċessarji fl-interess tar-reġistrazzjoni.”

23.      Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, DNB juża formola ta’ reġistrazzjoni. Min-nota ta’ spjegazzjoni ta’ DNB annessa ma’ din il-formola jirriżulta li, fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(n) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Wwft, DNB jitlob id-dokumenti li ġejjin:

“Ġestjoni ordnata tal-impriża

–        Deskrizzjoni tal-kompiti u tal-garanziji ta’ indipendenza, funzjoni ta’ konformità u ta’ awditu

–        Proċedura ta’ dikjarazzjoni fil-każ ta’ ksur tal-[Wwft]

–        Politika ta’ esternalizzazzjoni tal-attivitajiet koperti mill-Wwft u mil-Liġi dwar is-Sanzjonijiet tal‑1977

–        Kopja jew kopji tal-kuntratt jew tal-kuntratti ta’ esternalizzazzjoni rilevanti għall-konformità mal-Wwft u mal-Liġi dwar is-Sanzjonijiet tal‑1977

–        Politika dwar it-taħriġ u l-edukazzjoni

Ġestjoni integra tal-impriża

–        Analiżi sistematika tar-riskju għall-integrità […]

–        Politika dwar l-integrità

–        Politika dwar il-ġlieda kontra t-taħlit tal-interessi

–        Deskrizzjoni tal-proċedura għall-ġlieda kontra t-taħlit tal-interessi

–        Politika ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti

–        Deskrizzjoni tal-proċedura ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti

–        Politika ta’ skrinjar fir-rigward tas-sanzjonijiet

–        Deskrizzjoni tal-proċedura ta’ skrinjar fir-rigward tas-sanzjonijiet

–        Politika ta’ sorveljanza tat-tranżazzjonijiet u ta’ rrapportar ta’ tranżazzjonijiet mhux tas-soltu

–        Deskrizzjoni tal-proċedura ta’ sorveljanza tat-tranżazzjonijiet u ta’ rrapportar ta’ tranżazzjonijiet mhux tas-soltu.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24.      Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni huma fornituri ta’ servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali kif ukoll ta’ servizzi ta’ kartieri ta’ kustodja li jaġixxu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, fis-sens tad-Direttiva 2015/849. Mill‑21 ta’ Mejju 2020, dawn il-fornituri saru jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Wwft.

25.      Matul is-sena 2020, għaxra mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni ġew irreġistrati ma’ DNB, li nħatar bħala l-awtorità ta’ sorveljanza tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, filwaqt li l-ħdax-il wieħed minn dawn il-fornituri ġie rreġistrat matul is-sena 2021. DNB talab lil kull wieħed mill-imsemmija fornituri kumpens ta’ EUR 5 000 għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni. Ma sar ebda lment dwar dawn il-kumpensi.

26.      Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Novembru 2021, DNB iċċarġja lil kull wieħed mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni kumpens ta’ bejn EUR 3 284 u EUR 4 776 bħala spejjeż ta’ sorveljanza kontinwa għas-sena 2020. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Jannar 2022, DNB iddikjara infondati l-ilmenti mressqa f’dan ir-rigward minn dawn il-fornituri (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet dwar l-ilmenti tal‑2020”).

27.      Permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Marzu u tat‑8 ta’ April 2022, DNB iċċarġja lil kull wieħed mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni kumpens ta’ bejn EUR 4 299 u EUR 423 364 bħala spejjeż ta’ sorveljanza kontinwa għas-sena 2021. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑11 ta’ Awwissu 2022, DNB iddikjara infondati l-ilmenti mressqa minn dawn il-fornituri kontra dawn id-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Marzu u tat‑8 ta’ April 2022, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed minn dawn l-ilmenti li wassal sabiex l-ispejjeż ta’ sorveljanza kontinwa jiġu ffissati f’ammont inqas minn dak inizjalment iffissat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet dwar l-ilmenti tal‑2021”).

28.      L-imsemmija fornituri kkontestaw id-deċiżjonijiet dwar l-ilmenti tal‑2020 u d-deċiżjonijiet dwar l-ilmenti tal‑2021 quddiem ir-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).

29.      Permezz ta’ sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2023, din il-qorti, minn naħa, ċaħdet ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet dwar l-ilmenti tal‑2020 bħala infondat u, min-naħa l-oħra, laqgħet ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet dwar l-ilmenti tal‑2021, u annullathom billi rrevokat il-kumpensi ċċarġjati għas-sena 2021 u billi ddikjarat li din is-sentenza kienet tissostitwixxi dawn l-aħħar deċiżjonijiet.

30.      Fil-fatt, l-imsemmija qorti laqgħet dan l-aħħar rikors għar-raġuni li, fil-fehma tagħha, il-leġiżlatur Olandiż, billi eżiġa, minn naħa, li fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jipprovdi, flimkien mal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni, kull informazzjoni li DNB jqis neċessarja fl-interess tar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-awtorità ta’ sorveljanza tagħmel, abbażi ta’ din l-informazzjoni, kontroll minn qabel fil-fond sabiex jiġi vverifikat jekk dan il-fornitur jissodisfax l-obbligi tiegħu taħt il-Wwft, ikkonċepixxa l-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst mid-Direttiva 2015/849 bħala obbligu ta’ awtorizzazzjoni, li kien imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ minn din id-direttiva u li, għalhekk, imur kontra din tal-aħħar. Minn dan l-istess qorti ddeduċiet, għalhekk, li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi la setgħu jintalbu jipprovdu d-data msemmija iktar ’il fuq u lanqas li jsostnu l-ispejjeż tal-evalwazzjoni tagħha.

31.      DNB u l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni appellaw mis-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2023 tar-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam) quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. Din il-qorti ddeċidiet b’mod definittiv dwar l-appell mid-deċiżjonijiet dwar l-ilmenti tal‑2020. Fir-rigward tal-appell mid-deċiżjonijiet dwar l-ilmenti tal‑2021, l-imsemmija qorti tqis neċessarju li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 2015/849.

32.      DNB isostni li din il-leġiżlazzjoni ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni peress li d-Direttiva 2015/849 tagħmel armonizzazzjoni minima u li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst mill-Wwft huwa konformi mal-Artikolu 47 ta’ din id-direttiva, peress li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw lill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni jew jiddeċiedu li jmorru lil hinn minn dan l-Artikolu 47. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 47 la jiddetermina kif l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-obbligu ta’ reġistrazzjoni u lanqas l-aspetti li huma għandhom jevalwaw f’dan ir-rigward, b’tali mod li huma liberi li jiddeterminaw il-kontenut ta’ dan l-obbligu, sakemm jilħqu l-għan tal-imsemmija direttiva intiż li jipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti imposti fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ monitoraġġ effettiv fis-sens tal-Artikolu 48 tal-istess direttiva. Issa, l-impossibbiltà li jiġu identifikati nuqqasijiet fil-kuntest ta’ reġistrazzjoni tista’ twassal sabiex jibdew joperaw fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li ma jkollhomx l-organizzazzjoni u l-proċessi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti tal-Wwft, u b’hekk jinħolqu riskji inaċċettabbli ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jistgħu jippreġudikaw serjament l-integrità tas-swieq finanzjarji.

33.      Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni jsostnu li l-ispejjeż tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ġew inklużi b’mod żbaljat fil-kumpensi ta’ DNB u li s-sorveljanza kontinwa eżerċitata minn din l-awtorità tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-ispejjeż ta’ din is-sorveljanza ma kellhomx jiġu ċċarġjati lilhom. Fil-fatt, mix-xogħol preparatorju tal-emendi tad-Direttiva 2015/849 (8), mill-Artikolu 47 tagħha u mill-premessa 8 tad-Direttiva 2018/843 (9) jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li obbligu ta’ reġistrazzjoni biss kien proporzjonat, u dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, anki fil-każ ta’ armonizzazzjoni minima. Barra minn hekk, mill-premessa 9 (10) ta’ din l-aħħar direttiva jirriżulta li l-portata tas-sistema ta’ reġistrazzjoni li hija toħloq fid-Direttiva 2015/849 hija limitata għall-iżvelar tal-identità tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi u tal-utenti tagħhom, għall-irrapportar tat-tranżazzjonijiet mhux tas-soltu u għall-kontroll tal-affidabbiltà u tal-adegwatezza tad-diretturi u tas-sidien benefiċjarji. Barra minn hekk, sistema li tissuġġetta r-reġistrazzjoni għal kontroll fir-rigward ta’ numru kbir ta’ regoli ma hijiex sistema ta’ reġistrazzjoni, iżda strument differenti li jinkludi r-rekwiżiti tipiċi ta’ obbligu ta’ awtorizzazzjoni. Għalhekk, skont it-tifsira normali tat-terminu, ir-reġistrazzjoni għandha tinftiehem bħala l-iskrizzjoni jew l-inklużjoni f’reġistru. Obbligu ta’ awtorizzazzjoni akkoppjat ma’ rekwiżiti iktar stretti għall-provvista ta’ servizzi tal-kriptoassi jsir applikabbli biss mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2023/1114 (11).

34.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-forma li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta lill-obbligu ta’ reġistrazzjoni hijiex konformi mal-obbligu ta’ reġistrazzjoni stabbilit mill-Artikolu 47 tad-Direttiva 2015/849, kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, u jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst mill-Wwft imurx lil hinn minn dak awtorizzat mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, minn din id-direttiva la jirriżulta liema informazzjoni tista’ tintalab mill-awtorità ta’ sorveljanza fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 47 tal-imsemmija direttiva u lanqas jekk din l-awtorità tistax tirrifjuta r-reġistrazzjoni meta din l-informazzjoni ma tkunx kompleta jew jekk ma tkunx konvinta mill-eżattezza tagħha. Din il-qorti tqis li l-leġiżlatur nazzjonali għandu ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni fil-qasam tar-reġistrazzjoni sabiex jiġġieled b’mod effettiv kontra l-ħasil tal-flus.

35.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-fornituri ta’ servizzi [tal-kriptoassi] stabbilit fl-Artikolu 47 tad-Direttiva [2015/849], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeżiġi, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata mill-imsemmi fornitur, li dan l-istess fornitur jipprovdi informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-impriża fir-rigward tal-integrità tat-tmexxija tagħha u tat-tmexxija ordnata tagħha, sabiex jiġi żgurat li huwa jmexxi l-impriża tiegħu b’mod li huwa jkun jista’ jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u fis-sens li jipprekludi li l-Istat Membru jirrifjuta l-imsemmija reġistrazzjoni jekk, abbażi ta’ din id-data, l-awtorità superviżorja ma tkunx konvinta li l-fornitur jista’ jissodisfa l-imsemmija rekwiżiti?”

36.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni u minn DNB kif ukoll mill-Gvern Olandiż, mill-Irlanda u mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

37.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2015/849 għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jistax jieħu l-forma meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Olandiża, jiġifieri, minn naħa, l-obbligu li tiġi pprovduta ċerta informazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-impriża li tiggarantixxi l-ġestjoni integra u ordnata tagħha, sabiex jiġi żgurat li din tal-aħħar tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali wara r-reġistrazzjoni, u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut tar-reġistrazzjoni meta l-awtorità ta’ sorveljanza ma tkunx konvinta mill-eżattezza u mill-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta.

38.      Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat il-kunċett ta’ “reġistrazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kontroll li jippermetti dan it-test kif ukoll ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni wara dan il-kontroll.

39.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura u tal-portata tal-kontroll waqt ir-reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2015/849, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk dan il-kunċett huwiex distint minn dak ta’ “awtorizzazzjoni” li jinsab ukoll f’dan l-Artikolu 47.

40.      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux biss jittieħed inkunsiderazzjoni il-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (12).

41.      L-ewwel nett, fis-sens letterali tagħha, ir-reġistrazzjoni tista’ tiġi ddefinita bħala l-iskrizzjoni f’reġistru pubbliku tal-isem ta’ persuna fiżika kif ukoll tan-numru mogħti lilha sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tagħha, jew ukoll bħala l-iskrizzjoni obbligatorja ta’ kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji (13). L-awtorizzazzjoni, min-naħa tagħha, hija ddefinita bħala l-permess mogħti mill-Istat lil persuna fiżika jew ġuridika, neċessarju għall-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet (14). Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ma timplikax iskrizzjoni f’reġistru pubbliku u reġistrazzjoni tista’ tkun teħtieġ verifiki minn qabel, b’mod partikolari sabiex tkun tista’ ssir identifikazzjoni sussegwenti.

42.      Għalhekk, skont din l-interpretazzjoni letterali, il-kunċett ta’ “reġistrazzjoni” ma jipprekludix kontroll minn qabel dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jiġi rreġistrat.

43.      It-tieni, fir-rigward tal-kuntest tad-dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata, żewġ elementi jistgħu jiċċaraw it-tifsira tagħha.

44.      Minn naħa, huwa minnu li, kif jindikaw il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni, il-formulazzjoni tal-emenda tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2015/849 evolviet bejn il-verżjoni inizjali proposta mill-Kummissjoni u l-verżjoni finali. Fil-fatt, inizjalment, l-Istati Membri kellhom l-għażla bejn reġistrazzjoni u awtorizzazzjoni, bħal fil-każ tal-fornituri tal-kartieri ta’ ħżin, tal-uffiċċji tal-kambji u ta’ dawk li jsarrfu ċ-ċekkijiet, u tal-fornituri ta’ servizzi lill-kumpanniji jew lit-trusts (15). Issa, matul in-negozjati nżamm biss l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi (16).

45.      Madankollu, ma nqisx li l-konklużjoni li jisiltu minn dan il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni, fis-sens li jitnaqqsu l-formalitajiet minħabba t-tneħħija tal-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni”, li ġiet adottata finalment fit-test tad-Direttiva 2015/849, hija korretta.

46.      Il-valutazzjoni tal-impatt tal-emenda tad-Direttiva 2015/849 hija, fir-realtà, ċara ħafna dwar dan il-punt.

47.      Għalhekk, fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-muniti virtwali, kienu previsti żewġ għażliet (17): li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jiġu suġġetti jew għal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jew għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/2366 (18).

48.      L-għażla li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jiġu suġġetti għal din l-aħħar direttiva ġiet eskluża minħabba l-appoġġ qawwi tal-Istati Membri għall-għażla l-oħra, billi, li kellhom il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jitqiesu bħala fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, dan kien jagħti wisq leġittimità lill-muniti virtwali u seta’ jagħti lill-konsumaturi x'jifhmu li dawn il-muniti kienu sikuri (19).

49.      Matul il-proċedura leġiżlattiva, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddikjara li ma għandhiex tingħata l-impressjoni li l-muniti virtwali qegħdin jiġu promossi bħala alternattiva għall-mezzi ta’ ħlas, u dan meta dawn la huma stabbiliti legalment u lanqas ma huma maħruġa minn banek ċentrali jew minn awtoritajiet pubbliċi oħra. Għalhekk, huwa rrakkomanda li wieħed jillimita ruħu għar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) (20) fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (21) u li ma jiġix promoss użu usa’ tal-muniti virtwali (22).

50.      Għandu jiġi osservat li, sussegwentement, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi ġew suġġetti għal sistema komprensiva armonizzata bir-Regolament 2023/1114, li tipprevedi proċedura ta’ awtorizzazzjoni li matulha għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-impriża, sabiex tiġi ggarantita l-ġestjoni integra u ordnata tagħha. Għaldaqstant, huma ma baqgħux suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni stabbilit mid-Direttiva 2015/849 (23).

51.      Min-naħa l-oħra, jekk wieħed jikkunsidra l-loġika implimentata mid-Direttiva 2015/849, jirriżulta li, permezz tal-Artikolu 5 tagħha, hija tipprevedi armonizzazzjoni minima fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni, u dan iħalli marġni ta’ manuvra lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 47 ta’ din id-direttiva (24).

52.      Barra minn hekk, l-Artikolu 48(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw monitoraġġ effettiv tal-osservanza tal-istess direttiva u li dawn igawdu minn setgħat xierqa, fosthom dik li jeżiġu l-produzzjoni ta’ kull informazzjoni rilevanti għall-kontroll tal-osservanza tal-obbligi.

53.      Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jadottaw leġiżlazzjonijiet li jeżiġu informazzjoni addizzjonali fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, sa fejn din l-informazzjoni tkun intiża li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni (25). L-informazzjoni dwar il-ġestjoni integra u ordnata tal-impriża tikkorrispondi preċiżament għall-miżuri li għandhom jiġu implimentati sabiex tissaħħaħ din il-ġlieda, peress li l-muniti virtwali jippreżentaw grad għoli ta’ riskju.

54.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2015/849, dawn ġew imfakkra regolarment mill-Qorti tal-Ġustizzja.

55.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, li huma ta’ natura preventiva, huma intiżi li jistabbilixxu, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, ġabra ta’ miżuri preventivi u dissważivi li jippermettu l-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex jiġi evitat, kif jirriżulta mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva, li flussi ta’ flus illeċiti jkunu jistgħu jippreġudikaw l-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni, u jheddu s-suq intern tagħha kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali (26).

56.      Huwa għalhekk l-għan ta’ prevenzjoni li wassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex iqis lill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi bħala għassiesa tal-integrità tas-suq finanzjarju, suġġetti għall-obbligi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, minħabba l-anonimità marbuta mal-muniti virtwali, flimkien mal-ħeffa tat-tranżazzjonijiet (27), u sabiex jipprevedi obbligu ta’ reġistrazzjoni.

57.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, minn naħa, li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk tkun verament tindirizza l-bżonn li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku u, min-naħa l-oħra, li, fil-każ fejn l-għan ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jkun, bħal f’dan il-każ, il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, din il-leġiżlazzjoni għandha titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan preventiv hekk invokat meta din tgħin sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu (28). Fost dawn il-miżuri preventivi u dissważivi li jippermettu li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jiġu miġġielda b'mod effettiv hemm dawk imsemmija fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2015/849, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jiġu rreġistrati. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet ġew trasposti fid-dritt Olandiż permezz tal-Artikoli 23b sa 23f tal-Wwft (29).

58.      Għalhekk, il-leġiżlatur Olandiż uża l-marġni ta’ manuvra mogħti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849 sabiex jorganizza r-reġistrazzjoni billi eżiġa li, mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġu trażmessi dokumenti li jippermettu li jiġi stabbilit, b’mod partikolari, li l-organizzazzjoni tal-impriża tiggarantixxi l-ġestjoni integra u ordnata tagħha. Dan l-obbligu jista’ jiżgura l-prevenzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu billi jippermetti lil DNB jikkontrolla l-eżistenza ta’ tali fatturi (bħar-reputazzjoni tajba tad-diretturi, il-kontroll tal-proċessi u tar-riskji operazzjonali (30)) qabel ma jidħlu fis-suq il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi. Fil-fatt, mingħajr dan il-kontroll minn qabel, tranżazzjonijiet illeċiti jistgħu jseħħu immedjatament permezz ta’ dawn il-fornituri, saħansitra qabel kull possibbiltà ta’ kontroll a posteriori.

59.      L-imsemmi obbligu nazzjonali jidher xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2015/849, bil-kundizzjoni li l-qorti tar-rinviju tivverifika li l-kundizzjonijiet li fihom l-istess obbligu jiġi implimentat minn DNB josservaw, minbarra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ nondiskriminazzjoni (31).

60.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, għalkemm, fl-aħħar nett, hija l-qorti nazzjonali, li għandha ġuriżdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk dawn ir-rekwiżiti humiex issodisfatti f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġuriżdizzjoni, abbażi tal-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha, sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet utli li jippermettulha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha (32).

61.      Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni bdew il-proċedura tagħhom minħabba l-ammont tal-ispejjeż ta’ sorveljanza li kienu imposti fuqhom minn DNB u li huma kkontestaw. Dawn l-ispejjeż ta’ sorveljanza jikkonsistu fi spejjeż relatati ma’ operazzjonijiet ta’ darba bħar-reġistrazzjoni u fi spejjeż ta’ sorveljanza kontinwa.

62.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni, fil-mument meta saret l-applikazzjoni mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni, kienu jammontaw għal EUR 5 000 u li ma sar ebda lment dwarhom. Dawn il-fornituri saħansitra jippreċiżaw li dawn l-ispejjeż jinsabu bejn dawk applikati fl-istess perijodu fi Franza u fil-Belġju (EUR 8 000) u dawk applikati fid-Danimarka (EUR 1 000). Il-kontestazzjoni tagħhom fil-fatt tirrigwarda l-ispejjeż ta’ sorveljanza kontinwa. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsiniex dwar dawn l-ispejjeż jew jekk jistgħux ikunu sproporzjonati, iżda biss dwar il-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

63.      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni, jidhirli utli li jiġi indikat li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem il-formulazzjoni tad-domanda preliminari, l-Artikolu 23d(1) tal-Wwft ma jindikax li DNB għandu jkun konvint li l-fornitur jista’ jissodisfa l-obbligi legali, iżda li din l-awtorità tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni jekk ma tkunx konvinta mill-eżattezza u mill-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta dwar, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-impriża li tiggarantixxi l-ġestjoni integra u ordnata tagħha.

64.      Madankollu, il-kundizzjonijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni huma stabbiliti b’mod ċar mill-Wwft, u dan jista’ jeskludi deċiżjonijiet arbitrarji: l-informazzjoni meħtieġa għandha tkun inkompleta jew ineżatta.

65.      Għalhekk, DNB jista’ jkollu jivverifika l-koerenza tal-politiki ta’ ġestjoni previsti u, f’każ ta’ dubju, jitlob informazzjoni addizzjonali sabiex jiżgura li l-politiki ta’ ġestjoni tar-riskju kif ukoll ir-reputazzjoni tajba tad-diretturi u tal-azzjonisti jkunu previsti sabiex tiġi evitata ab initio ħsara irrimedjabbli għall-integrità tas-suq finanzjarju.

66.      Peress li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju, jidhirli li d-drittijiet tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jistgħu jiġu protetti.

67.      Mill-premess jirriżulta li l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, minn naħa, obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li jimplika l-provvista ta' ċerta informazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-impriża li tiggarantixxi l-ġestjoni integra u ordnata tagħha , sabiex jiġi żgurat li din tal-aħħar tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali wara r-reġistrazzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, rifjut ta’ tali reġistrazzjoni meta l-awtorità ta’ sorveljanza ma tkunx konvinta mill-eżattezza u mill-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta.

V.      Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

L-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix, minn naħa, obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali kif ukoll ta’ servizzi ta’ kartieri ta’ kustodja li jimplika l-provvista ta' ċerta informazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-impriża li tiggarantixxi l-ġestjoni integra u ordnata tagħha , sabiex jiġi żgurat li din tal-aħħar tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali wara r-reġistrazzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, rifjut ta’ tali reġistrazzjoni meta l-awtorità ta’ sorveljanza ma tkunx konvinta mill-eżattezza u mill-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2015, L 141, p. 73, rettifika fil-ĠU L, 2024/90601.


3      ĠU 2018, L 156, p. 43.


4      Stb. 2008, Nru 303.


5      Stb. 1980, Nru 93.


6      Stb. 2018, Nru 241.


7      Stcrt. 2008, Nru 142.


8      Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi inkwistjoni jirreferu għall-paġni 50 sa 53 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat “Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja d-dokument: proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE” (SWD(2016) 223 finali) (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni tal-impatt tal-emenda tad-Direttiva 2015/849”), disponibbli, bl-Ingliż, fl-indirizz tal-internet li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016SC0223.


9      Din il-premessa tiddikjara: “Il-fornituri involuti f’servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali (fiat currencies) (jiġifieri muniti u karti tal-flus li huma ddikjarati bħala valuta legali u flus elettroniċi, ta’ pajjiż, aċċettati bħala mezz ta’ skambju fil-pajjiż emittenti) kif ukoll fornituri tal-kartieri ta’ kustodja mhuma taħt l-ebda obbligu tal-Unjoni biex jidentifikaw attività suspettuża. Għalhekk, gruppi terroristiċi jkunu jistgħu jittrasferixxu l-flus fis-sistema finanzjarja tal-Unjoni jew f’netwerks tal-muniti virtwali billi jgħattu t-trasferimenti jew billi jibbenefikaw minn ċertu grad ta’ anonimità fuq dawn il-pjattaformi. Huwa għaldaqstant essenzjali li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2015/849] jiġi estiż b’tali mod li jinkludi fornituri involuti f’servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali kif ukoll fornituri tal-kartieri ta’ kustodja. Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li, permezz ta’ entitajiet marbutin b’obbligu, ikunu jistgħu jissorveljaw l-użu ta’ muniti virtwali. Tali sorveljanza tipprovdi approċċ bilanċjat u proporzjonali, is-salvagwardja ta’ avvanzi tekniċi u l-grad għoli ta’ trasparenza miksub fil-qasam tal-finanzjament alternattiv u l-intraprenditorija soċjali.”


10      Din il-premessa tiddikjara: “L-anonimità tal-muniti virtwali tagħti lok għall-potenzjal li jintużaw ħażin għal skopijiet kriminali. L-inklużjoni ta’ fornituri involuti f’servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali u fornituri tal-kartieri ta’ kustodja mhijiex se tittratta għal kollox il-kwistjoni tal-anonimità marbuta mat-tranżazzjonijiet f’munita virtwali, billi parti kbira mill-ambjent tal-munita virtwali se jibqa’ anonimu billi l-utenti jistgħu jmexxu wkoll mingħajr tali fornituri. Biex ikunu kkumbattuti r-riskji relatati mal-anonimità, l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni li tippermettilhom jassoċjaw indirizzi tal-munita virtwali mal-identità tas-sid tal-munita virtwali. Addizzjonalment, jenħtieġ li tkun ivvalutata b’mod ulterjuri l-possibbiltà li l-utenti jkunu jistgħu jiddikjaraw huma stess lill-awtoritajiet maħtura fuq bażi volontarja.”


11      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU°2023, L°150, p.°40, rettifiki fil-ĠU°2023, L°154, p.°49 u fil-ĠU L,°2024/90275).


12      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12), kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Lietuvos bankas (C‑671/23, EU:C:2025:457, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara d-dizzjunarju Larousse.


14      Ara d-dizzjunarju Larousse.


15      Ara l-punt 16 tal-Artikolu 1 tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE (COM(2016) 450 finali).


16      Ara n-nota tat‑28 ta’ Ottubru 2016 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE (dokument 13872/16), punt 16 tal-Artikolu 1.


17      Ara l-valutazzjoni tal-impatt tal-emenda tad-Direttiva 2015/849 (punti 5.3.2.2 u 5.3.2.3).


18      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU°2015, L°337, p.°35, rettifika fil-ĠU°2018, L°102, p.°97).


19      Ara l-valutazzjoni tal-impatt tal-emenda tad-Direttiva 2015/849 (punt 5.3.2.4). F’dan l-istess punt, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jitolbu leġiżlazzjoni li tagħtihom iktar leġittimità. Min-naħa tagħha, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) indikat, sa mill-bidu ta' dawn il-konsultazzjonijiet preliminari, ċertu numru ta’ riskji marbuta ma’ din l-għażla.


20      Il-FATF huwa korp intergovernattiv għat-tfassil tal-politika li għandu l-għan li jistabbilixxi standards internazzjonali, u li jiżviluppa u jippromwovi politiki nazzjonali u internazzjonali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-finanzjament tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva.


21      Ara, b’mod partikolari, fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-awtorizzazzjoni, id-dokument tal-FATF intitolat “Metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-konformità teknika mar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF u tal-effettività tas-sistemi ta’ [ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu]”, adottat fit‑22 ta’ Frar 2013 u aġġornat l-aħħar f’Ġunju 2023, punt 15.4 (p. 56).


22      Ara l-punt 1.1.2 tal-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat‑12 ta’ Ottubru 2016 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva 2009/101/KE (ĠU 2016, C 459, p. 3).


23      Ara l-punt 7 tal-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2023 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ta’ ċerti kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU 2023, L 150, p. 1).


24      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 47).


25      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Citadeles nekustamie īpašumi (C‑22/23, EU:C:2024:327, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, Jenec (C‑81/24, EU:C:2026:470, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara l-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2018/843.


28      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Lietuvos bankas (C‑671/23, EU:C:2025:457, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Lietuvos bankas (C‑671/23, EU:C:2025:457, punt 51).


30      Ara l-Artikolu 23j tal-Wwft.


31      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 49).


32      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Lietuvos bankas (C‑671/23, EU:C:2025:457, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).