Brussell, 11.10.2021

COM(2021) 622 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-2019

{SWD(2021) 283 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-2019

INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea ilha mill-2017 tmexxi l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (Structural Reform Support Programme- SRSP). L-SRSP, b’baġit ta’ EUR 222,8 miljun 1 , jappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jsaħħu t-tkabbir.

Ir-riformi strutturali huma, min-natura tagħhom, proċessi kumplessi, u t-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom jeħtieġu għarfien u ħiliet speċjalizzati ħafna f’kull stadju. Barra minn hekk, xi Stati Membri m’għandhomx il-kapaċità li jindirizzaw l-isfidi amministrattivi, ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw minn riformi strutturali.

L-objettiv tal-SRSP huwa li jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw dawn l-isfidi u jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jħejju u jimplimentaw riformi li jsaħħu t-tkabbir. Dan jgħin biex jissaħħu l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi u jitjiebu l-proċessi ta’ governanza u l-prestazzjoni u r-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetà inġenerali. L-għan huwa li jsir titjib fil-koeżjoni, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment.

Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn il-miżuri appoġġati mill-SRSP tal-2019. Huwa jiddeskrivi l-proċess tal-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti u jagħti rendikont tar-riżultati miksuba s’issa permezz ta’ proġetti skont l-SRSP tal-2017, l-2018 u l-2019.

L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-SRSP TAL-2019

Is-sena 2019 kienet it-tielet sena ta’ attivitajiet skont l-SRSP. Bħal fl-ewwel sentejn (2), it-tielet sena wriet li hemm domanda qawwija għall-programm – 27 Stat Membru ppreżentaw 580 talba għall-appoġġ, għal ammont stmat li huwa kważi darbtejn u nofs il-baġit disponibbli tal-SRSP għall-2019.

Il-Kummissjoni vvalutat it-talbiet tal-Istati Membri skont il-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fir-Regolament SRSP u għażlet 263 talba minn 26 Stat Membru.

It-talbiet magħżula tqassmu fost l-oqsma ewlenin ta’ politika ewlenin kif ġej:

·27% – is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-politika soċjali;

·23% – l-ambjent għat-tkabbir u n-negozju (inkluż il-klima u l-ambjent);

·18% – il-governanza u l-amministrazzjoni pubblika;

·17% – is-servizzi finanzjarji u l-aċċess għall-finanzi; kif ukoll

·15% – l-amministrazzjoni tad-dħul u l-ġestjoni finanzjarja pubblika.

L-akbar proporzjonijiet ta’ miżuri ta’ appoġġ għandhom l-għan li:

·tiġi diġitalizzata l-amministrazzjoni pubblika (12%);

·jissaħħu l-edukazzjoni u l-iskemi ta’ taħriġ (8%);

·is-sistemi tal-kura tas-saħħa jsiru aktar aċċessibbli, effettivi u reżiljenti (8%);

·jissaħħu l-protezzjoni soċjali u s-servizzi soċjali (7%);

·jiżviluppaw swieq nazzjonali u kapitali bejn il-fruntieri (6%); kif ukoll

·it-titjib tal-effiċjenza u l-effettività tas-settur pubbliku (8%).

F’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, ingħatat prijorità lil talbiet li ppermettew l-għoti rapidu ta’ appoġġ u l-implimentazzjoni rapida tar-riformi fuq il-post. Talbiet li indirizzaw objettivi definiti, u li x’aktarx kellhom impatt qawwi, kienu wkoll ta’ prijorità.

92% tat-talbiet magħżula għal finanzjament taħt l-SRSP tal-2019 jirrigwardaw direttament il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE:

·62% – l-implimentazzjoni ta’ riformi b’reazzjoni għall-isfidi identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew (ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, ir-rapporti dwar il-pajjiżi);

·21% – l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE (l-unjoni tas-swieq kapitali, is-suq uniku diġitali, l-unjoni tal-enerġija u l-klima, eċċ.);

·5% – l-implimentrazzjoni tad-dritt tal-UE; kif ukoll

·4% – l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku tal-UE.

It-8% li jifdal kienu relatati mal-implimentazzjoni tar-riformi tal-Istati Membri marbuta ma’ prijoritajiet oħra.

Sal-31 ta’ Jannar 2021, 20% tal-proġetti ta’ appoġġ għar-riforma implimentati taħt l-SRSP tal-2019 kienu tlestew u 80% kienu għadhom għaddejjin.

IL-PROGRESS F’RABTA MAL-OBJETTIVI TAL-PROGRAMM

Fit-tielet sena ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-SRSP kien ta kontribut sinifikanti għall-isforzi tal-Istati Membri biex jidentifikaw u jegħlbu dgħufijiet strutturali li jtellfu t-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi. Dan kien jinkludi:

·għajnuna għar-reviżjoni tal-proċeduri attwali tat-tfassil tal-liġijiet (eż. l-emendar ta’ liġi eżistenti dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol);

·l-identifikazzjoni ta’ dgħufijiet u l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib (eż. fl-akkwist ta’ soluzzjonijiet tal-IT);

·it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri li jiddefinixxu proċessi u metodoloġiji aktar effiċjenti (eż. bl-iżvilupp ta’ qafas ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistema tas-saħħa);

·l-appoġġ għal ġestjoni aktar effettiva tar-riżorsi umani (eż. billi jgħin fit-titjib tal-ġestjoni strateġika u l-kooperazzjoni fost il-maniġers superjuri u intermedji).

L-azzjonijiet magħżula u implimentati skont iċ-ċiklu tal-SRSP tal-2019 huma mfassla biex jiżguraw il-valur miżjud Ewropew. L-SRSP jikkomplementa programmi u politiki oħra fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali u jippromwovi l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri benefiċjarji u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-azzjonijiet tal-SRSP jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi nazzjonali filwaqt li jkollhom ukoll impatt pożittiv fuq sfidi għall-Unjoni kollha jew sfidi li jinvolvu diversi Stati Membri.

Il-miżuri ta’ appoġġ li ġejjin huma eżempji illustrattivi:

·l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni li jappoġġjaw it-tranżizzjoni mill-faħam, u l-identifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament tal-UE għall-finanzjament tat-tranżizzjoni;

·l-iffaċilitar tal-mobbiltà sostenibbli, it-tfassil ta’ oqfsa ta’ insolvenza u t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-korruzzjoni;

·l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-Istati Membri li implimentaw b’suċċess ir-riformi tal-ġestjoni finanzjarja pubblika;

·għajnuna lill-banek promozzjonali nazzjonali f’diversi Stati Membri biex jipparteċipaw f’InvestEU.

Mhuwiex fil-kompetenza ta’ dan ir-rapport li juri l-effetti aħħarija tar-riformi 2 li seta’ vara xi Stat Membru bħala riżultat tal-miżuri ta’ appoġġ tal-SRSP. Madankollu, nistgħu ngħidu li l-SRSP jinsab fit-triq it-tajba f’dak li għandu x’jaqsam mal-kisba tal-objettiv ġenerali tiegħu.

Il-miżuri ta’ appoġġ implimentati skont l-ewwel żewġ rawnds tal-SRSP fl-2017, l-2018 u l-2019 qed jikkontribwixxu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jsaħħu t-tkabbir.

Fost il-proġetti implimentati taħt l-ewwel tliet rawnds tal-SRSP, 276 diġà kienu ta’ għajnuna biex jinkisbu riżultati konkreti, bħal dawn li ġejjin:

·it-tfassil ta’ riforma għall-implimentazzjoni tal-istrateġija diġitali;

·rakkomandazzjonijiet biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-korpi li jimplimentaw il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd;

·l-iżvilupp ta’ analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u strateġija ta’ komunikazzjoni li tirfed il-modernizzazzjoni ta’ passaġġ fuq l-ilma;

·proġett pilota biex tittejjeb il-kwalità tat-tħejjija tal-baġit;

·l-abbozzar ta’ manwal dettaljat għall-ġestjoni tal-kriżijiet għall-awtorità nazzjonali għar-riżoluzzjoni tal-banek.

KONKLUŻJONI

Fit-tielet sena tiegħu, l-SRSP wera żieda ulterjuri fid-domanda, b’27 Stat Membru li ppreżentaw 580 talba għal appoġġ (żieda minn 24 Stat Membru li ppreżentaw 444 talba għal appoġġ taħt l-SRSP tal-2018).

B’mod ġenerali, l-ewwel tliet (3) snin tal-SRSP urew li l-programm jista’ jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw u jegħlbu d-dgħufijiet u l-ostakli strutturali meta jfasslu u jimplimentaw ir-riformi. Dan jidher minn għadd ta’ riżultati speċifiċi.

Madankollu, filwaqt li l-miżuri għandhom l-għan li jappoġġaw il-proċess ta’ riforma, l-Istat Membru riċevitur huwa responsabbli għal segwitu effettiv tal-azzjonijiet u l-implimentazzjoni reali tar-riformi.

Il-Kummissjoni se tibqa’ twettaq monitoraġġ tal-assorbiment tal-miżuri ta’ appoġġ, kif ukoll tal-implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jtejbu t-tkabbir.

(1)  Il-baġit żdied meta ġie emendat ir-Regolament (UE) 2017/825 oriġinali tal-SRSP (ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1-16) (ir-Regolament (UE) 2018/1671, ĠU L 284, 12.11.2018, p. 3-5). 
(2)  Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament SRSP, il-Kummissjoni trid tipprovdi rapport ta’ evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu. Dan se jħares lejn il-progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-programm, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-valur miżjud Ewropew tal-programm u r-rilevanza kontinwa tal-objettivi u l-azzjonijiet tiegħu.