KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PIKAMÄE
ippreżentati fl-4 ta’ Ottubru 2024 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23
Inspektorat kam Visshia sadeben savet
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il‑Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE – Spettorat ġudizzjarju kompetenti sabiex jipproponi li jinfetħu proċeduri dixxiplinarji kontra l-imħallfin u l-prosekuturi – Żamma tal-funzjonijiet tal-membri tal-Ispettorat ġudizzjarju lil hinn mit-terminu legali tal‑mandat tagħhom – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir‑rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Determinazzjoni mid-dritt nazzjonali tal-għanijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar – Sigurtà tad-data personali – Awtorità ġudizzjarja li tawtorizza lill-Ispettorat ġudizzjarju jingħata aċċess għad-data personali relatata mal-bilanċi tal-kontijiet bankarji tal-membri tal-ġudikatura u tal-membri tal-familja tagħhom”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, għall-ewwel darba, fuq il-kompatibbiltà mal‑Artikolu 19 TUE ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill‑membri ta’ korp ta’ spezzjoni tal-membri tal-ġudikatura, b’kompetenzi fil‑qasam tal-proċeduri dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin u tal-prosekuturi, ikomplu jeżerċitaw, de facto u għal żmien indeterminat, il-funzjonijiet tagħhom lil hinn mill-perijodu legali tal-mandat tagħhom. |
|
2. |
Din il-kawża ser tippermetti wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli bil‑ħidma tagħha li tinterpreta r-Regolament (UE) 2016/679 ( 2 ), billi tispjega, minn naħa, il-ġurisprudenza tagħha relatata mal-ħatra mid-dritt nazzjonali tal-kontrollur tad-data personali u, min-naħa l‑oħra, l-għan tar-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3. |
F’din il-kawża huma rilevanti l-Artikolu 19 TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikoli 4, 5, 32, 33 u 79 tal-GDPR. |
B. Id‑dritt Bulgaru
1. Il‑Kostituzzjoni Bulgara
|
4. |
L-Artikolu 117(2) tal-Konstitutsiya na Republika Bulgaria (il‑Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, iktar ’il quddiem il‑“Kostituzzjoni Bulgara”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil‑kawża prinċipali, jistipula: “Il-ġudikatura għandha tkun indipendenti. Fil-qadi ta’ dmirijiethom, l-imħallfin, il‑ġurati, il-prosekuturi u l-maġistrati inkwirenti għandhom ikunu suġġetti biss għal‑liġi.” |
|
5. |
L-Artikolu 132a ta’ din il-kostituzzjoni, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jistipula: “(1) Fi ħdan il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura għandu jitwaqqaf korp ta’ spezzjoni. Dan għandu jkun magħmul minn Kap Spettur u għaxar spetturi. (2) Il-Kap Spettur għandu jiġi elett mill-Assemblea Nazzjonali b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tagħha, għal perijodu ta’ ħames snin. (3) L-ispetturi huma eletti mill-Assemblea Nazzjonali għal perijodu ta’ erba’ snin, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2. (4) Il-Kap Spettur u l-ispetturi jistgħu jiġu eletti mill-ġdid, iżda dan ma għandux iseħħ għal żewġ mandati konsekuttivi. […] (6) L-Ispettorat għandu jivverifika l-attività tal-awtoritajiet tal-ġudikatura, mingħajr ma jimmina l-indipendenza tal-imħallfin, tal‑ġurati, tal‑prosekuturi u tal-maġistrati inkwirenti fl-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tagħhom. L-Ispettorat għandu jwettaq kontrolli fuq l-integrità u l‑kunflitti ta’ interessi tal-imħallfin, tal-prosekuturi u tal‑maġistrati inkwirenti, fuq id‑dikjarazzjonijiet tal-patrimonju tagħhom u fuq l-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet li jikkawżaw dannu għar-reputazzjoni tal-ġudikatura u ta’ dawk relatati mal-ksur tal-indipendenza tal-imħallfin, tal-prosekuturi u tal-maġistrati inkwirenti. Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-Kap Spettur u l-ispetturi għandhom ikunu indipendenti u għandhom ikunu suġġetti biss għal-liġi. (7) L-Ispettorat għandu jaġixxi ex officio, fuq l-inizjattiva taċ-ċittadini, ta’ persuni ġuridiċi u ta’ korpi tal-Istat, inkluż imħallfin, prosekuturi u maġistrati inkwirenti. […] (10) Il-kundizzjonijiet u l-proċedura applikabbli għall-elezzjoni u għar‑revoka tal-Kap Spettur u tal-ispetturi, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korp ta’ spezzjoni, għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi.” |
2. Il‑Liġi dwar il‑Poter Ġudizzjarju
|
6. |
L-Artikolu 46 taz-Zakon za sadebnata vlast (il-Liġi dwar is-Setgħa Ġudizzjarja) (DV no64 tas‑7 ta’ Awwissu 2007) huwa redatt b’dan il‑mod: “L-Assemblea Nazzjonali għandha teleġġi l-Kap Spettur u kull wieħed mill‑ispetturi individwalment b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tad-deputati.” |
|
7. |
L-Artikolu 54 ta’ din il-liġi jistipula: “(1) L-[Ispettorat]: […]
[…]
[…]
(2) Meta jkun qiegħed iwettaq il-kontroll imsemmi fil-punt 15 tal‑paragrafu 1, l-Ispettorat għandu jeżegwixxi l-kompiti u jeżerċita s-setgħat previsti mil-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali. […]” |
|
8. |
L-Artikolu 175a tal-imsemmija liġi jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-imħallfin, il-prosekuturi u l-maġistrati inkwirenti għandhom jissottomettu d-dikjarazzjonijiet segwenti lill-[Ispettorat]:
[…]” |
|
9. |
L-Artikolu 175b(4) tal-istess liġi, jistipula dan li ġej: “L-imħallfin, il-prosekuturi u l-maġistrati inkwirenti għandhom jiddikjaraw il-patrimonju u d-dħul tal-konjuġi tagħhom jew ta’ persuni li magħhom huma jgħixu bħala konjuġi, u tal-ulied minuri tagħhom.” |
|
10. |
L-Artikolu 175e tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju jistipula: “(1) Fis-sitt xhur wara l-iskadenza tat-terminu li fih għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni, l-[Ispettorat] għandu jivverifika l-veraċità tal-fatti ddikjarati. […] (6) L-[Ispettorat] jista’ jikseb informazzjoni mis-sistemi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikoli 56 u 56a tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu. Il-Kap Spettur u l-ispetturi tal‑[Ispettorat] jistgħu jitolbu t-tneħħija tas-sigriet bankarju lir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) fil-ġurisdizzjoni li fiha s-suġġett tad-data jkun iddomiċiljat, sakemm ma jkunx ingħata l-kunsens skont il-punt 1 tal‑Artikolu 62(5) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu. Il-kunsens għandu jingħata quddiem l-[Ispettorat], bil-miktub, mingħajr ċertifikazzjoni notarili tal-firma, fuq formola approvata mill-Kap Spettur.” |
3. Il‑Liġi dwar l‑Istituzzjonijiet ta’ Kreditu
|
11. |
Iż-Zakon za kreditnite institutsii (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) (DV no59 tal‑21 ta’ Lulju 2006), jistipula fl-Artikolu 62 tiegħu, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali: “(1) L-impjegati tal-bank, il-membri tal-korpi ta’ ġestjoni u ta’ sorveljanza tal-banek, l-aġenti tal-Bank Nazzjonali tal-Bulgarija (BNB), l-impjegati u l-membri tal-bord tat-tmexxija tal-Fond ta’ Garanzija tad‑Depożiti, il-likwidaturi, l-amministraturi provviżorji u l-istralċjarji, kif ukoll kwalunkwe persuni oħra li jaħdmu f’bank, huma pprojbiti milli jiżvelaw jew jużaw għall-gwadann personali tagħhom jew għall-gwadann ta’ membri tal-familja tagħhom informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet bankarju. (2) Is-sigriet bankarju huwa magħmul mill-fatti u ċirkustanzi li jaffetwaw il-bilanċ u t-tranżazzjonijiet tal-kontijiet u tad-depożiti tal‑klijenti tal-bank. […] (5) Ħlief lill-BNB u għall-finijiet u taħt il-kundizzjonijiet tal‑Artikolu 56, il-bank ma jistax jagħti l-informazzjoni msemmija fil‑paragrafu 2 dwar klijenti individwali jekk mhux:
[…] (6) Il-qorti tista’ wkoll tordna l-iżvelar tal-informazzjoni msemmija fil‑paragrafu 2, fuq it-talba: […]
(7) L-imħallef tar-Rayonen sad [il-Qorti Distrettwali] għandu jiddeċiedi in camera permezz ta’ deċiżjoni motivata fuq it-talba msemmija fil-paragrafu 6, mhux iktar tard minn 24 siegħa minn meta jirċievi t-talba, u jispeċifika l-perijodu li għalih tirreferi l-informazzjoni msemmija fil‑paragrafu 1. Id-deċiżjoni tal-qorti ma tistax tiġi appellata. […]” |
4. Il‑Liġi dwar il‑Protezzjoni tad‑Data Personali
|
12. |
L-Artikolu 17 taż-Zakon za zashtita na lichnite danni (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali) (DV no1, 4 ta’ Jannar 2002) jistipula: “(1) L-[Ispettorat] għandu jissorvelja u jikkontrolla l-osservanza tal‑[GDPR], ta’ din il-liġi u ta’ atti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, meta data personali tkun ipproċessata:
[…]” |
|
13. |
L-Artikolu 39(1) ta’ din il-liġi, huwa redatt bil-mod segwenti: “Fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu taħt il-[GDPR] u taħt din il-liġi, is-suġġett tad-data jista’ jikkontesta l-atti u l-azzjonijiet tal‑kontrollur u tal-proċessur quddiem qorti skont il-proċedura prevista mill-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva.” |
III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
14. |
L-Inspektorat kam Visshia sadeben savet (l-Ispettorat fi ħdan il‑Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem l-“Ispettorat”) ressaq, fil‑15 ta’ Mejju 2023, quddiem is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) talba għat-tneħħija tas-sigriet bankarju relatat mal-patrimonju ta’ diversi membri tal-ġudikatura u ta’ membri tal-familja tagħhom. |
|
15. |
Il-qorti tar-rinviju tqis, fl-ewwel lok, li għandu jiġi vverifikat jekk l-Ispettorat għandux il-kompetenza li jressaq talba quddiemha għat‑tneħħija tas‑sigriet bankarju. F’dan ir-rigward, hija tispjega li din l‑awtorità, li nħolqot permezz ta’ emenda tal-Kostituzzjoni Bulgara fl‑2007, hija magħmula minn Kap Spettur tal-Ġudikatura u għaxar spetturi eletti mill-Parlament Bulgaru għal perijodu ta’ ħames u erba’ snin rispettivament. F’dan il-każ, il-mandati tal-Kap Spettur u tal-ispetturi kollha waslu fi tmiemhom fl‑2020 u l-Parlament ma eleġġiex membri ġodda. |
|
16. |
Din il-qorti tindika li, permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2022, il-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Bulgarija) iddeċidiet li meta l-mandat tal-membri tal-Ispettorat jiskadi, dawn ma għandhomx iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom sakemm jiġu eletti membri ġodda. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, l-estensjoni tal-mandati ta’ dawn il-membri tistax tikkawża preġudizzju għall-indipendenza ta’ din l-awtorità, inkwantu hija awtorizzata tibda proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin. F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tixtieq tkun taf il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk tali estensjoni hijiex ammissibbli. |
|
17. |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rwol u l-obbligi tal‑qrati nazzjonali li jawtorizzaw l-aċċess tal-Ispettorat għad-data personali tal-membri tal-ġudikatura. |
|
18. |
Fuq dan il-punt, din il-qorti tindika li, fl‑2019, data personali relatata mal-indirizz ta’ diversi membri tal-ġudikatura u mal-identità ta’ membri tal‑familja tagħhom ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tal‑Ispettorat. Wara li kkonstatat li din id-data nxterdet b’mod illegali, il-Komisia za zashtita na lichnite danni (il-Kumitat tal‑Protezzjoni tad-Data Personali, il-Bulgarija) imponiet multa fuq l-Ispettorat. |
|
19. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, kemm‑il darba jitqies li l-GDPR hija applikabbli, hija għandhiex tkun ikklassifikata bħala kontrollur fis‑sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. B’mod iktar speċifiku, din il-qorti tirrileva li, skont l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis‑seħħ fil-Bulgarija, l-istħarriġ tagħha huwa limitat sabiex jiġi stabbilit jekk il-persuni, li tagħhom qiegħda tintalab it-tneħħija tas-sigriet bankarju, humiex suġġetti għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni prevista mil-Liġi dwar il‑Poter Ġudizzjarju. Hija tenfasizza li, kemm‑il darba il-klassifikazzjoni ta’ kontrollur kellha tapplika għall-qorti adita minn tali talba, din tal-aħħar għandha tiżgura s-sigurtà tad-data skont l-Artikoli 32 sa 34 tal-GDPR. |
|
20. |
Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk awtorità ġudizzjarja, li tagħti entità statali l-aċċess għal data li taqa’ taħt is‑sigriet bankarju, tistax tiġi kkunsidrata bħala awtorità ta’ kontroll fis‑sens tal-Artikolu 51 tal-GDPR. |
|
21. |
Finalment, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit jekk, qabel ma tawtorizza l-aċċess għad-data, l-awtorità ġudizzjarja għandhiex tiżgura li l-miżuri meħuda mill-Ispettorat sabiex jiġi żgurat ipproċessar tad-data skont il-liġi huma suffiċjenti. Din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari jekk, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħha bħala kontrollur jew awtorità ta’ kontroll, hijiex obbligata tagħmel tali stħarriġ ex officio sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva prevista fl‑Artikolu 79 tal‑GDPR. |
|
22. |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domandi preliminari segwenti:
|
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
23. |
Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub mill-Ispettorat, mill‑Gvern Bulgaru, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea. |
V. Analiżi
|
24. |
Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jiffokaw fuq l-ewwel, it-tielet u s-sitt domanda preliminari. |
A. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
|
25. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tawtorizza t-tkomplija tal-attività tal-membri tal-Ispettorat, b’kompetenzi fil-qasam tal-proċeduri dixxiplinari fil-konfront tal-imħallfin u tal-prosekuturi, lil hinn mit-terminu legali tal-mandat tagħhom. Fil-qafas tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern Bulgaru, il-Gvern Pollakk u l-Ispettorat ikkonkludew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni ta’ din id-domanda u liema domanda kienet ukoll inammissibbli. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l‑Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha ( 3 ). |
1. Fuq il‑ġurisdizzjoni
|
26. |
Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domanda preliminari meta jkun manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħha tkun qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiġi applikata ( 4 ). Meta sitwazzjoni ġuridika ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha, u kwalunkwe dispożizzjoni tal-Karta li tista’ tiġi invokata ma tistax, waħedha, tkun il-bażi legali ta’ din il-ġurisdizzjoni ( 5 ). |
|
27. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l‑Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet f’kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l‑Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma. Mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l‑imsemmija dispożizzjoni tkopri l-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l‑Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 6 ). |
|
28. |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż, b’mod partikolari, li japplika fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l‑oqsma koperti minn dan id-dritt. Issa, dan jidher li huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju, li tista’, fil-fatt, fil-kwalità tagħha ta’ qorti ordinarja Bulgara, tiddeċiedi fuq kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u bħala “qorti” fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, taqa’ taħt is-sistema Bulgara ta’ rimedji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE b’tali mod li din il-qorti għandha tissodisfa r‑rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li għalkemm, kif jirrileva l-Gvern Pollakk, l-organizzazzjoni tal‑ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi li jirriżultaw, fil-konfront tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE ( 7 ). |
|
29. |
Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ġiet adita minn membri tal-Ispettorat, li l-mandat tagħhom kien ilu li skada diversi snin, b’talba intiża sabiex tiġi awtorizzata t-tneħħija tas-sigriet bankarju fir-rigward ta’ data relatata ma’ kontijiet bankarji ta’ diversi membri tal-ġudikatura u ta’ membri tal-familja tagħhom. Din il-qorti tqis li, fid-dawl tal-funzjonijiet u tar-responsabbiltajiet ta’ dan il-korp fil‑qasam dixxiplinarju, tali sitwazzjoni, li r-regolarità tagħha ġiet ikkonfermata mill-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali), tista’ tqajjem mistoqsijiet fir-rigward tar-rekwiżit tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Istati Membri impost mid-dritt tal-Unjoni, u dan jiġġustifika għalhekk id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż sabiex japplika fil-kuntest ta’ proċedura li tqajjem il-kwistjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ prassi nazzjonali li tista’ taffettwa l‑indipendenza tal-imħallfin. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kull Stat Membru, bis-saħħa tal-artikolu hawn fuq imsemmi, għandu jiżgura li s-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tal-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistemi tagħhom ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni tosserva l-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, billi tipprevedi, b’mod partikolari, l-intervent ta’ korpi li jissodisfaw huma stess il-garanziji inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 8 ). |
|
30. |
Nirrileva li l-Ispettorat isostni li, kuntrarjament għal dak li tindika l-qorti tar-rinviju, id-data relatata mal-kontijiet bankarji tal-membri tal‑ġudikatura kkonċernati, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, ma hijiex użata fil-qafas tas-setgħat ta’ rapportar tiegħu għall-finijiet tar‑responsabbiltà dixxiplinari ta’ dawn tal-aħħar u li huwa ma għandux is-setgħa li jimponi sanzjoni dixxiplinari u lanqas li jibda proċedura tal-istess natura, u din l-aħħar osservazzjoni ssir ukoll mill-Gvern Bulgaru u mill‑Kummissjoni. F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal‑Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-qafas tat-tqassim tal‑ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal‑Unjoni u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi preliminari hekk kif iddefinit mid‑deċiżjonijiet tar-rinviju. Għalhekk, l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax isir fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali invokat mill-Gvern ta’ Stat Membru ( 9 ). |
|
31. |
Madankollu huwa stabbilit li d-deċiżjonijiet tar‑rinviju jippreżentaw kontradizzjoni intrinsika f’dak li jirrigwarda, u biss fuq dan il-punt, il-portata tar-responsabbiltajiet tal-Ispettorat fil-qasam tal‑proċeduri dixxiplinari indirizzati kontra membri tal-ġudikatura. B’hekk, minkejja li s-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) issemmi, fl-ewwel domanda preliminari, is-setgħa tal-Ispettorat li jimponi sanzjonijiet dixxiplinari kontra l-imħallfin, hija tiċċita wkoll il‑punti 5 u 6 tal-Artikolu 54(1) tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju, li permezz tiegħu l-Ispettorat “iwissi”, fil-każ ta’ ksur, lill-kulleġġ kompetenti tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura (iktar ’il quddiem il-“KSĠ”) u “jipproponi” tali sanzjonijiet, u ssemmi s-“setgħa [tiegħu] ta’ rapportar fi kwistjonijiet dixxiplinari” ( 10 ), kompetenza li effettivament ġiet deskritta minn dan il-korp u mill-Gvern Bulgaru fis‑sottomissjonijiet rispettivi tagħhom. Għalhekk jista’ jingħad b’ċertezza li l-Ispettorat għandu kompetenza fil-każ ta’ proċeduri dixxiplinari ta’ membri tal-ġudikatura Bulgari, jiġifieri u tal-inqas, dik li jipproponi l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ fatti kkonstatati f’kontrolli mwettqa minnu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, barra minn hekk, iżżomm mal-kontenut tad-deċiżjonijiet tar‑rinviju li jirrigwardaw il-konsegwenzi dixxiplinari possibbli ( 11 ) tal‑verifika tad-data bankarja miksuba wara l-kisba tat‑tneħħija tas-sigriet bankarju ( 12 ). |
|
32. |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li r-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv, f’każ partikolari, jippreżumi li l-persuna li tinvokah ikollha drittijiet u libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew li din il-persuna tkun is‑suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Huwa stabbilit li l‑proċedura fil-kawża prinċipali, minn naħa, ma hijiex ta’ natura kontradittorja, fis-sens li s-suġġetti tad-data li d-data tagħhom hija s-suġġett tat‑talba għal awtorizzazzjoni ta’ aċċess ma humiex jipparteċipaw fiha u ma jistgħux għalhekk jinvokaw ksur ta’ kwalunkwe dritt u, min-naħa l-oħra, ma tikkorrispondix għall-eżerċizzju ta’ proċeduri mibdija kontra dawn il‑persuni li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex, bħala tali, applikabbli għall-kawża prinċipali. Minkejja dan, peress li t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE jimponi li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu ( 13 ). |
2. Fuq l‑ammissibbiltà
|
33. |
Għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal‑Ispettorat, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari dawk previsti fil-punt (c) ta’ dan l-artikolu, huma osservati f’dan il-każ. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet tar-rinviju fihom biżżejjed informazzjoni sabiex il-Qorti tal‑Ġustizzja tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet għaliex il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal‑Artikolu 47 tal-Karta għall-finijiet tal-kawża prinċipali. Permezz tal‑ewwel domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ livell kostituzzjonali, kif interpretata mill-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali), li permezz tagħha l-membri tal-Ispettorat jinżammu fil‑kariga tagħhom lil hinn mit-terminu legali tal-mandat tagħhom. Il‑qorti tar-rinviju qiegħda tfittex, b’dan il-mod, li tingħata kjarifika dwar problema ta’ natura proċedurali qabel ma tiġi deċiża minnha in limine litis, peress li tirrigwarda r-regolarità tal-mod li bih ġiet adita minn awtorità li taġixxi barra mill-qafas legali li jiddefinixxi l-operat tagħha u għalhekk il-ġurisdizzjoni stess tal-imsemmija qorti li tieħu konjizzjoni tat-talba mressqa minn din l-awtorità. Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, domandi preliminari intiżi, b’dan il-mod, sabiex jippermettu lil qorti tar-rinviju tiddeċiedi, in limine litis, kwistjonijiet ta’ natura proċedurali bħal dawk relatati mal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża pendenti quddiemha jew, ukoll, mal-effetti legali li għandhom jiġu rrikonoxxuti jew le lil deċiżjoni ġudizzjarja li potenzjalment tostakola t-tkomplija tal-eżami ta’ tali kawża mill‑imsemmija qorti, huma ammissibbli skont l-Artikolu 267 TFUE ( 14 ). |
|
34. |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-ħtieġa, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal‑interpretazzjoni preliminari mitluba mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja timplika li l-qorti tar-rinviju tista’ tislet il-konsegwenzi ta’ din l-interpretazzjoni billi tevalwa, fid-dawl tagħha, ir-regolarità tal-att li bih tkun ġiet adita u li tkun qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tiegħu u billi, jekk ikun il-każ, tiddikjarah irregolari. F’dan il-każ, minkejja li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jirriżultax li, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt nazzjonali, din il-qorti tista’ tipproċedi b’dan il-mod, il-kontenut tas-sottomissjonijiet tal-Gvern Bulgaru jagħti wieħed x’jifhem li dan jista’ jkun il-każ. Fil-fatt, fihom hemm spjegat li, fil-qafas tal-istħarriġ li hija għandha twettaq skont il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni għandha tivverifika li t-talba għat-tneħħija tas-sigriet bankarju tkun ġejja minn awtorità pubblika jew korp pubbliku awtorizzat għal dan il-għan u għalhekk jekk, fil-kawża prinċipali, it-talba hijiex ġejja mill-Kap Spettur jew mill-ispetturi tal-Ispettorat. Tali spjegazzjoni fuq in-natura tar-responsabbiltajiet tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni hija tali li tikkonferma li din tal-aħħar tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe risposta li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari tagħha u li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba f’din tal-aħħar tissodisfa ħtieġa oġġettiva marbuta ma’ deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu fil-kawża prinċipali ( 15 ). |
3. Fuq il‑mertu
a) Osservazzjonijiet preliminari
|
35. |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir‑rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jimponi li r-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari tal-imħallfin ikollhom il-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tali sistema tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad‑deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, il-promulgazzjoni ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ korp indipendenti konformement ma’ proċedura li tiżgura b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l‑possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, tikkostitwixxi ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja. Barra minn hekk, peress li l-prospettiva ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni dixxiplinari tista’, bħala tali, teżerċita pressjoni fuq dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu, huwa essenzjali li korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari, inkluż li jipproponi l-ftuħ ta’ proċedura ta’ din in-natura, jaġixxi waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mod oġġettiv u imparzjali u li jkun, għal dan il-għan, protett minn kull influwenza esterna ( 16 ). |
|
36. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tar-regoli u ta’ prassi nazzjonali li jawtorizza t‑tkomplija tal-attività tal-membri tal-Ispettorat lil hinn mit-terminu legali tal-mandat tagħhom previst mill-Kostituzzjoni Bulgara u dan fid-dawl tal-estensjoni tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi ta’ dan il-korp. Kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, din il-qorti tistaqsi dwar ir-riskju, f’tali sitwazzjoni, ta’ influwenza esterna fuq l-attivitajiet tal‑Ispettorat jew ta’ pressjoni żejda eżerċitata minnu fuq il-ġudikatura. |
|
37. |
Bħall-estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji lil hinn mill-età normali tal-irtirar ( 17 ), jidhirli li huma l-Istati Membri biss li għandhom jiddeċiedu jekk jawtorizzawx jew le estensjoni tal-mandati li jkunu skadew tal-membri ta’ korp kostituzzjonali inkarigat sabiex jistħarreġ l-attività tal-ġudikatura, jevalwa l-integrità tal-membri tal-ġudikatura u kwalunkwe kunflitt ta’ interess li jista’ jkollhom u, jekk ikun il-każ, jipproponi lill-KSĠ li jinfetħu proċeduri dixxiplinari kontra dawn tal-aħħar. Madankollu, fl‑għażla tal-mudell kostituzzjonali rispettiv tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati jikkonformaw ruħhom, b’mod partikolari, mar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati li jirriżulta mill‑Artikolu 2 u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Huma għalhekk obbligati li jiżguraw li tiġi evitata kull rigress, fir-rigward tal-valur tal-Istat tad‑dritt, tal-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal‑ġustizzja, billi joqogħdu lura milli jadottaw regoli li jippreġudikaw l‑indipendenza tal-imħallfin ( 18 ). |
|
38. |
Nikkunsidra, f’dan ir-rigward, li estensjoni tat-terminu tal-mandati tal-membri ta’ korp ta’ spezzjoni tal-ġudikatura minħabba raġuni ta’ interess ġenerali bbażata fuq il-kontinwità istituzzjonali meħtieġa ma hijiex, bħala tali, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm preġudizzju għall-prinċipju ta’ indipendenza hawn fuq imsemmi ( 19 ), speċjalment peress li l-membri tal-persunal ta’ tali korp ma humiex mitluba sabiex jiddeċiedu tilwimiet bħala mħallfin, iżda sabiex imexxu investigazzjonijiet u jibdew proċeduri dixxiplinari, b’tali mod li ma għandhomx neċessarjament jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità applikabbli għall-imħallfin ( 20 ). |
|
39. |
Jibqa’ l-fatt li l-estensjoni tal-mandati tal-membri tal‑Ispettorat li jkunu skadew, wara impass fil-proċess elettorali tal-ħatra tas-suċċessuri tagħhom, seħħet f’kuntest legali partikolari. Minbarra l-assenza ta’ kwalunkwe bażi legali (kemm fir-rigward tal-prinċipju ta’ estensjoni u kemm fir-rigward tat‑tul tagħha ( 21 )), għandu jiġi enfasizzat l-fatt li l-Kap Spettur u l-ispetturi jistgħu jiġu eletti mill-ġdid, “iżda mhux għal żewġ mandati konsekuttivi”, u li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, “huma suġġetti biss għal-liġi”. Għalhekk jidher li seħħet estensjoni tal-mandati ta’ membri ta’ korp kostituzzjonali li r‑regolarità tagħha, ibbażata fuq elezzjoni inizjali għal mandati għal żmien determinat, ma għadhiex ibbażata fuq qafas legali u fuq l‑osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, u dan meta la hija prevista kontinwità sat-tmiem tas-sitwazzjoni ta’ impass u lanqas ma huwa previst tiġdid immedjat ta’ dawn il-mandati. Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-leġittimità tal-Ispettorat hekk imqajma, li tirreferi għall-fiduċja tal‑korpi soċjali fl-attività tal-korp inkwistjoni u l-aċċettazzjoni tad‑deċiżjonijiet tagħhom, għandha importanza partikolari fid-dawl tal-mod ta’ kif jiġi adit l-Ispettorat, peress li dan tal-aħħar jista’ jaġixxi ex officio u wkoll “fuq l-inizjattiva taċ-ċittadini” jew ta’ awtoritajiet pubbliċi “inkluż l-imħallfin” ( 22 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-estensjoni de facto u sine die tal‑mandati tal-membri tal-Ispettorat tista’, fl-opinjoni tiegħi, toħloq dubji leġittimi dwar l-eżerċizzju tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet ta’ dan il-korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja jew ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività ( 23 ). |
|
40. |
Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan is-suġġett wara li tkun wettqet l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal‑Unjoni. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja previst fl-Artikolu 267 TFUE u abbażi tal-informazzjoni fl-atti tal-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa r-riskji marbuta ma’ estensjoni tal-mandati ta’ membri tal-Ispettorat fid-dawl tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin u tal-prosekuturi billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fiha nnifisha u fil-kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali tagħha ( 24 ). |
|
41. |
Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 25 ) u sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-impatt tat‑tkomplija tal-attivitajiet tal-Ispettorat, lil hinn mit-tmiem tal-mandati tal-membri tiegħu, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin, għandu jiġi vverifikat jekk ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni u l‑funzjonament ta’ dan il-korp humiex maħsuba b’tali mod li ma jippermettu l-ebda dubju leġittimu, fl-imħuħ tal-partijiet f’kawża, dwar l-eżerċizzju tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet ta’ dan il-korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja jew ta’ kontroll politiku ta’ din l‑attività. Fil-fatt, dawn ir-regoli jistgħu, b’mod ġenerali, jaffettwaw direttament il-prassi tal-imsemmi korp u b’hekk jipprevjenu jew, għall-kuntrarju, jiffavorixxu l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet dixxiplinari li għandhom bħala għan jew effett li jeżerċitaw pressjoni fuq dawk li għandhom id-dover li jiddeċiedu jew li jiżguraw kontroll politiku fuq l‑attività tagħhom ( 26 ). |
b) Fuq il‑mod ta’ ħatra u l‑kompetenzi tal‑membri tal‑Ispettorat
|
42. |
Huwa stabbilit, fl-ewwel lok, li l-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal‑membri tal-Ispettorat jirriflettu rabta diretta mal-poter leġiżlattiv, peress li dawn tal-aħħar jiġu eletti mill-membri parlamentari b’maġġoranza ta’ żewġ terzi. Dan ir-rekwiżit ta’ maġġoranza kkwalifikata għandu l-għan li jnaqqas ir-riskju li l‑ħatriet jiġu ppolitiċizzati u għalhekk li jiġi ppolitiċizzat l-Ispettorat, fis-sens li tali maġġoranza teħtieġ, bħala regola, li jingħelbu l-interessi partiġġjani u għalhekk ikun hemm għażla kunsenswali ta’ personalitajiet irrikonoxxuti professjonalment. Approċċ iktar pragmatiku jwassal għall-konklużjoni li l-effikaċja ta’ dan il-mekkaniżmu, intiż sabiex jiżgura n-newtralità politika ta’ dawk li għandhom karigi pubbliċi, hija relattiva, għaliex tiddependi mill-kuntest politiku ta’ kull pajjiż. |
|
43. |
F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċess ta’ ħatra tal-ispetturi, flimkien mal‑prerogattivi tagħhom fir-rigward tal-poter ġudizzjarju, iħasseb kemm lill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (magħrufa bħala l-“Kummissjoni ta’ Venezja”) u kemm lill-Kummissjoni ( 27 ). L-ewwel waħda hawn imsemmija tindika b’hekk li l-maġġoranza ta’ żewġ terzi, fil-kuntest Bulgaru, tinkiseb spiss permezz ta’ tqassim ta’ “kwoti” fil-qafas ta’ negozjati politiċi sigrieti, u dan ifisser li, fl-aħħar mill-aħħar, kull spettur jista’ jkollu ċerti obbligi politiċi fil-konfront ta’ parti waħda jew l-oħra ( 28 ). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni indikat id-diffikultajiet marbuta mal-proċedura tal-għażla tal-kandidati, filwaqt li enfasizzat, fir-rapport tagħha dwar l‑Istat tad-dritt fil-Bulgarija għas-sena 2020, il-fatt li l-Ispettorat stess ressaq proposta ta’ emenda tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju li tirrikjedi li l-Kap Spettur u l-ispetturi jiġu proposti minn korpi oħra, bħall-plenarji tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) u tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) jew l-Assemblei Ġenerali tal-Membri tal-Ġudikatura u ta’ organizzazzjonijiet professjonali, minflok mill-membri tal-Parlament ( 29 ). Fir-rapport tagħha għas-sena 2023, il-Kummissjoni rrilevat li ma sar ebda progress dwar l-adozzjoni ta’ riformi leġiżlattivi intiżi sabiex itejbu l‑funzjonament tal-Ispettorat u sabiex jevitaw ir-riskju ta’ influwenza politika, b’mod partikolari billi jinvolvu l-korpi ġudizzjarji fl-għażla tal-membri tiegħu. |
|
44. |
Fit-tieni lok, mill-Artikolu 132a(6) tal-Kostituzzjoni Bulgara jirriżulta li l‑funzjoni tal-Ispettorat, li jaġixxi fuq rapporti iżda wkoll ex officio, hija oġġettivament estiża ħafna ( 30 ). F’kuntest ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ diversi mekkaniżmi ta’ stħarriġ tal-imħallfin Bulgari, il-Kummissjoni ta’ Venezja tindika li l-prerogattivi tal-Ispettorat huma ddefiniti b’mod ġenerali u impreċiż u spiss jikkoinċidu ma’ dawk tal-KSĠ, bir-riskju li l-ewwel korp jużurpa l-poter effettiv tat-tieni korp u li l-poter effettiv jgħaddi minn idejn tat-tieni għand tal-ewwel. Hija tenfasizza li, minbarra l-poteri ta’ investigazzjoni tiegħu, l-Ispettorat jista’ bħal jiffiltra każijiet dixxiplinari billi jikklassifika r-“rapporti” mibgħuta lilu b’rabta ma’ allegat aġir illegali ta’ membru tal‑ġudikatura bħala li ma għandhom bżonn ebda azzjoni ulterjuri ( 31 ). |
c) Fuq ir‑riskju ta’ influwenza esterna
|
45. |
Għandhom jiġu kkunsidrati kwalunkwe garanziji li jistgħu jiġu previsti mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiżguraw il-kapaċità li l-membri tal-Ispettorat ma jkunux influwenzati, fid-dawl ta’ elementi esterni, b’mod partikolari ta’ influwenzi diretti jew indiretti tal‑poter leġiżlattiv u eżekuttiv li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Kif ġie espost, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-Kap Spettur u l-ispetturi huma “indipendenti u huma suġġetti biss għal-liġi” skont l-Artikolu 132a tal-Kostituzzjoni Bulgara. Jista’ jiġi osservat ukoll li l-Ispettorat għandu jeżamina l-abbozz tal-baġit tal-ġudikatura, fir-rigward tal-parti li tikkonċernah, u jissottomettih lill-KSĠ ( 32 ). Il-Gvern Bulgaru u l-Ispettorat jaqblu u jenfasizzaw li ma hemm l-ebda mekkaniżmu ġuridiku li jippermetti li xi awtorità statali, u b’mod partikolari l-poter leġiżlattiv li minnu joriġinaw in-nomini, tinfluwenza l-attivitajiet tal-Ispettorat u, b’mod iktar speċifiku, dawk intiżi għall-istħarriġ tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-imħallfin. Skont l-Artikolu 57 tal-Liġi dwar il‑Poter Ġudizzjarju, il-kontrolli, previsti fil-qafas ta’ programm annwali, isiru minn timijiet maħtura bix-xorti u, f’dak li jirrigwarda lil dawk il-kontrolli li jsiru wara rapport, l-ispettur u l-esperti li jassistuh jinħatru bix-xorti wkoll. Mingħajr preġudizzju għall-verifika tal-qorti tar‑rinviju, jidher li l-Ispettorat igawdi, fi ħdan l-organizzazzjoni kostituzzjonali Bulgara, ċertu grad ta’ awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja ta’ natura li tipprevjeni l-influwenzi politiċi diretti jew indiretti fuq il-membri tagħha. |
|
46. |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet tad‑deċiżjonijiet tar-rinviju, il-membri tal-Ispettorat jistgħu jitneħħew ( 33 ). Fl‑Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja (CDL-AD (2017) 018, punti 58 sa 60), jissemma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-ispetturi, bħall-imħallfin, jistgħu jitneħħew qabel it-tmiem tal-mandat tagħhom minħabba “nuqqas serju jew nuqqas sistematiku mill-obbligi uffiċjali, kif ukoll azzjonijiet li huma ta’ ħsara għar-reputazzjoni tal-ġudikatura” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-proposta ta’ tneħħija tista’ ssir minn wieħed minn kull ħamsa tad-deputati tal-Assemblea Nazzjonali Bulgara jew mill-Assemblea Plenarja tal-KSĠ. Minkejja li din il-leġiżlazzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li tagħti d-deċiżjoni finali lill-Assemblea Nazzjonali Bulgara, il-Kummissjoni ta’ Venezja tqis li tali deċiżjoni għandha taqa’ fil-prerogattivi ta’ dan il-Kunsill ( 34 ). |
d) Fuq ir‑riskju ta’ abbuż ta’ poter
|
47. |
Hemm lok li jiġu kkunsidrati kwalunkwe garanziji li jistgħu jiġu previsti mill-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tiġi evitata l‑okkorrenza jew il-persistenza ta’ abbuż ta’ poter minn membri tal‑Ispettorat ( 35 ). F’dan ir-rigward, il-konstatazzjoni preliminari ta’ ċerta awtonomija istituzzjonali tal-Ispettorat, hija kemm hija pożittiva fir-rigward ta’ garanziji kontra influwenzi diretti jew indiretti, tagħmel neċessarja l-eżistenza ta’ qafas ta’ attivitajiet ta’ dan il-korp fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-portata tal-funzjonijiet tiegħu u tal-prerogattivi tiegħu. |
|
48. |
Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Ispettorat huwa suġġett għal obbligu ta’ trasparenza ( 36 ) u li, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal‑attività tal-istħarriġ tal-patrimonju tal-imħallfin, jidher, mingħajr preġudizzju għal verifika tal-qorti tar-rinviju, li diversi dispożizzjonijiet jirregolaw l-eżerċizzju tagħha. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tobbliga lill-Ispettorat jippubblika, fuq is-sit internet tiegħu, id-dikjarazzjoni tal-membri tal-ġudikatura kollha kif ukoll lista ta’ persuni li ma jkunux ippreżentaw id-dikjarazzjoni tagħhom fit-terminu mogħti, liema lista għandha titneħħa mis-sit fi tmiem is-sena kalendarja relatata ( 37 ). F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ tal-integrità u l-eżistenza ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess li jista’ jkun hemm, il-proċedura ta’ verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-imħallfin għandha ssir f’terminu ta’ sitt xhur. Jekk l-Ispettorat effettivament għandu l-poter li jitlob, lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, it-tneħħija tas-sigriet bankarju sabiex jikseb informazzjoni dwar il-beni u l-movimenti f’kontijiet bankarji ta’ membri tal-ġudikatura, huwa fil-każ fejn dawn tal-aħħar ikunu rrifjutaw li jagħtu aċċess għal din id-data u hija għal darb’oħra l-liġi li espliċitament tistipula li l-verifika għandha ssir permezz ta’ paragun tal-fatti ddikjarati mal-informazzjoni miksuba ( 38 ). |
|
49. |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ta’ Venezja, minn naħa, fissret id-diżappunt tagħha dwar in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna t-twettiq tal-kontrolli u l-prerogattivi tal-Ispettorat li jwassal, kif ġie osservat, għal koinċidenza tal-kompetenzi mal-KSĠ u, min-naħa l-oħra, irrakkomandat li l-poteri ta’ investigazzjoni tal-ispetturi ma għandhomx ikunu mingħajr limiti iżda għandhom ikunu suġġetti għall-istħarriġ ta’ awtorità indipendenti, pereżempju, il-KSĠ ( 39 ). Hija speċifikament enfasizzat ir-rwol importanti tal-Kap Spettur li jieħu deċiżjoni li tistabbilixxi l-proċedura ta’ spezzjoni u jagħti direzzjonijiet organizzattivi u metodoloġiċi globali għall-funzjonament tal‑Ispettorat, jiġifieri poter li jiġu adottati regoli ta’ natura ġenerali li l-Kummissjoni ta’ Venezja tirrakkomanda li għandhom jingħataw lil entità oħra. Huwa enfasizzat li l-Kap Spettur għandu d-dritt li jordna spezzjonijiet straordinarji motivati mill-ilmenti mressqa kontra mħallfin minn individwi u apparti dawk ippjanati b’mod annwali, u li jiddefinixxi l-għan tagħhom u t-termini li fihom għandhom isiru. Barra minn hekk, il-Kap Spettur jista’ “jeżerċita stħarriġ tal-attività tal‑ispetturi” f’każijiet speċifiċi u jidher, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, li huwa jirrappreżenta istanza ta’ appell fir-rigward tal‑ispetturi bil-poter li jibdlu jew jemendaw ir-“rapporti ta’ spezzjoni” wara oġġezzjonijiet indirizzati lilu mill-membru tal-ġudikatura mistħarreġ ( 40 ). |
|
50. |
Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-konċentrazzjoni ta’ poteri sinjifikattivi f’idejn id-direttur ta’ korp kompetenti sabiex imexxi l‑investigazzjonijiet u sabiex jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari tista’, sa fejn fil-prattika toffri lil dan id-direttur diskrezzjoni wiesgħa fl‑implimentazzjoni jew le ta’ azzjonijiet dixxiplinari kontra l-imħallfin, billi jikklassifika r-rapporti bħala li ma għandhom bżonn ebda azzjoni ulterjuri, tiffaċilita l-użu, minn dan id-direttur, tas-sistema dixxiplinari tal-imħallfin sabiex jinfluwenza l-attività tagħhom. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni li tagħti lid-direttur ta’ dan il-korp poteri bħal dawk mogħtija lill-Kap Spettur mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ toħloq dubju leġittimu, fl-imħuħ tal-partijiet f’kawża, dwar l-eżerċizzju tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet tal-imsemmi korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja jew bħala strument ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività ( 41 ). |
|
51. |
Il-kwistjoni tal-qafas regolatorju tal-attivitajiet tal-Ispettorat timplika li għandha tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ kwalunkwe garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva favur il-membri tal-ġudikatura kkonċernati. Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li l-proċedura tat-tneħħija tas-sigriet bankarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ta’ natura kontradittorja, li l‑istħarriġ imwettaq mill-qorti kompetenti huwa, tal-inqas, ristrett u li d‑deċiżjoni tagħha ma tistax tiġi appellata ( 42 ). Madankollu, jista’ jiġi osservat li d-deċiżjonijiet tar-rinviju jirreferu għall-Artikolu 175h tal‑Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju li jistipula l-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jagħtu spjegazzjonijiet bil-miktub u jipproduċu provi waqt il-verifika tal-fatti ddikjarati mwettqa mill-Ispettorat wara li tintbagħat id-data fuq il-bilanċi u l-movimenti ta’ fondi fil-kontijiet bankarji ta’ dawn il‑persuni. Il-Kummissjoni ta’ Venezja tirrileva li r-riżultati ta’ spezzjoni għandhom isiru bil-miktub u jiġu sottomessi lill-imħallef ikkonċernat li jista’ jissottometti oġġezzjonijiet lill-Kap Spettur, li għandu jagħti risposta motivata ( 43 ). |
e) Fuq il‑prassi tal‑Ispettorat
|
52. |
Il-qorti tar-rinviju hija ġġustifikata li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-mod li bih dan il-korp iwettaq il-funzjoni kostituzzjonali tiegħu u li bih jeżerċita d-diversi kompetenzi tiegħu, b’mod partikolari jekk jagħmilx dan, b’effett mill-iskadenza tal-mandati tal-membri tiegħu, b’mod li jista’ jixħet dubju fuq l-indipendenza tiegħu fil-konfront tal‑poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv ( 44 ). |
|
53. |
Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-uniku inċident li għalih irreferiet il-qorti tar-rinviju b’rabta mal-attivitajiet tal-Ispettorat jikkonċerna l-pubblikazzjoni irregolari, fl‑2019, fuq is-sit internet tiegħu ta’ data personali ta’ diversi membri tal-ġudikatura, u li minħabba din il-pubblikazzjoni ġiet imposta multa fuq dan il-korp. Apparti li dan il-fatt seħħ qabel l‑estensjoni tal-mandati inkwistjoni, dan ma għandux ikun analizzat bħala eżempju ta’ influwenza esterna, diretta jew indiretta, fuq il-poter eżekuttiv jew leġiżlattiv jew bħala l-okkorrenza jew il-persistenza ta’ abbuż ta’ poter min-naħa tal-membri tal-Ispettorat li għandu l-għan jew l-effett li jeżerċita pressjoni fuq dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu jew jiżguraw kontroll politiku tal-attività tagħhom. Fil-fatt, skont l‑indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-pubblikazzjoni kkontestata oriġinat minn nuqqas individwali ta’ uffiċjal tal-Ispettorat, li la huwa l‑Kap Spettur u lanqas spettur, u billi l-persuna kkonċernata, li naqset milli twettaq l-anonimizzazzjoni minn qabel tad-data, tkeċċiet minħabba f’hekk. |
f) Fuq it‑tul tal‑estensjoni tal‑mandati
|
54. |
Fost il-fatturi rilevanti tal-kuntest legali-fattwali nazzjonali li l‑qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra hemm it-tul tal-estensjoni tal‑mandati, f’dan il-każ iktar minn tliet snin fil-mument li fih hija ġiet adita bil-kawża. F’dan ir-rigward, bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal‑qorti tar-rinviju li l-Ispettorat qiegħed ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu “mingħajr ebda data ta’ tmiem iddefinita b’mod ċar”, il-Gvern Bulgaru u l-Ispettorat fakkru li l-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sentenza tal‑2022, indikat b’mod ċar li l-perijodu tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu kien jiddependi minn avveniment futur ċar, jiġifieri “sal-elezzjoni tal-Kap Spettur jew tal-ispetturi mill‑Assemblea Nazzjonali”. |
|
55. |
Huwa stabbilit li l-membri tal-Ispettorat qegħdin ikomplu jeżerċitaw l‑funzjonijiet tagħhom wara l-iskadenza tal-mandati tagħhom minħabba n-nuqqas tal-Assemblea Nazzjonali li teleġġi, fl‑2020, is-suċċessuri tagħhom. Issa, il-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fih l-ebda informazzjoni li tippermetti li tiġi kkunsidrata li din is-sitwazzjoni ser tiġi rrimedjata fil-futur ftit jew wisq qarib. Apparti l-assenza ta’ kwalunkwe mekkaniżmu legali kontra l-impass, li jikkonsisti fit-tnaqqis fil‑maġġoranza kkwalifikata meħtieġa jew fit-trasferiment tal-kompetenza tal-ħatra lil entità newtrali, huwa sintomatiku li jiġi rrilevat li hemm mhux inqas minn ħames awtoritajiet indipendenti ta’ stħarriġ li qegħdin jiffunzjonaw ukoll abbażi ta’ mandat li laħaq skada ( 45 ). Għalhekk jidher, bla ħsara ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, li t-tul tal-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tal-ispetturi, wara l-iskadenza tal-mandat tagħhom, jiddependi minn avveniment futur li ma għandux data ċerta, u dan jippermetti li t-tul tal-estensjoni ta’ dawn il-mandati jiġi kklassifikat bħala indefinit. Issa, jekk is-sospensjoni għal perijodu indefinit tal-attivitajiet tal-Ispettorat wara l-impass fil-proċess tal‑ħatra hija mingħajr dubju preokkupanti, estensjoni indefinita tal-mandati tal-membri tiegħu hija daqstant ieħor preokkupanti. |
|
56. |
Fil-fatt, jidhirli li t-tħassib leġittimu rrilevat hawn fuq dwar l-għażla tal-kandidati għall-karigi ta’ spetturi, dwar il-mod li bih jinħatru l‑persuni kkonċernati, dwar il-possibbiltà li jitneħħew minn wieħed minn kull ħamsa tal-membri parlamentari, dwar il-koinċidenza tal-kompetenzi tal-Ispettorat u tal-KSĠ minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni fil-leġiżlazzjoni applikabbli u dwar il-portata tal-prerogattivi tal-Kap Spettur, huwa aggravat bil-fatt li l-membri tal-Ispettorat qegħdin iwettqu l-attivitajiet tagħhom abbażi ta’ mandati li ilhom li skadew minn Jannar jew Frar 2020 ( 46 ). Irrispettivament mill-assenza, fil-proċess sottomess lill-Qorti tal‑Ġustizzja, ta’ eżempju konkret ta’ stħarriġ jew ta’ proposta ta’ proċedura dixxiplinari li tista’ tqajjem tħassib ta’ influwenza esterna jew ta’ abbuż ta’ poter tal-Ispettorat, il-kontinwazzjoni tal-funzjonament ta’ tali korp, mingħajr ebda limitu ratione temporis preċiż u ċar, iżżid biss ir-riskju li tali avveniment iseħħ ( 47 ). |
|
57. |
Lil hinn mill-inċertezzi dwar l-iżvolġiment tas-sitwazzjoni individwali tal-membri tal-Ispettorat, estensjoni a priori indefinita tal‑mandati tal-persuni kkonċernati, mingħajr ebda dettalji dwar dak li huwa meħtieġ sabiex jinstab rimedju fi żmien qasir għall-impass fil-proċess ta’ tiġdid ta’ dan il-korp, twassal sabiex id-dispożizzjoni kostituzzjonali li tirregola dan il-korp tixxejjen minn kull sens u sabiex, fir-rigward tal‑kompożizzjoni u tal-funzjonament tal-Ispettorat, toħloq dubji leġittimi, fl-imħuħ tal-partijiet f’kawża, dwar il-kapaċità li l-membri tal-Ispettorat ma jkunux influwenzati minn elementi esterni u, b’mod partikolari, minn influwenzi diretti jew indiretti tal-poter leġiżlattiv, u kif ukoll dwar in-newtralità tiegħu fil-konfront tal-interessi inkwistjoni u, b’hekk, tista’ twassal sabiex dan il-korp ma jkunx jidher indipendenti jew imparzjali bil-konsegwenza li ssir ħsara lill-fiduċja li l‑ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika ( 48 ). F’sitwazzjoni bħal din, l-Ispettorat ma jistax jitqies li jista’ jopera, fi kwalunkwe ċirkustanza, ’il fuq minn kull suspett ta’ parzjalità ( 49 ). |
|
58. |
L-estensjoni tal-mandati tal-membri ta’ korp bħall-Ispettorat ma għandhiex, fl-opinjoni tiegħi, tiġi aċċettata ħlief b’mod eċċezzjonali u tranżitorju, u dan jimplika li għandu jkun hemm ritorn għan-normalità malajr kemm jista’ jkun u huwa diffiċli, għalhekk, li tiġi kkonċiljata mal-applikazzjoni stretta tal-prinċipju ta’ kontinwità, liema applikazzjoni ma għandhiex twassal, taħt piena ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għall-possibbiltà li jiġi estiż b’mod indefinit mandat li laħaq skada u, f’dan il-każ, li ma jkunx jista’ jiġġedded immedjatament. Estensjoni tal-mandati tal-membri tal-Ispettorat li ilha li seħħet iktar minn tliet snin, mingħajr ebda prospettiva raġonevoli ta’ żblokk f’terminu qasir fil-proċess tal-ħatra, ma hijiex ta’ natura eċċezzjonali u tranżitorja. Finalment, inżid ngħid li l‑istatus quo funzjonali bl-ebda mod ma jista’ jżomm responsabbli lill‑awtorità politika inadempjenti li tkun tixtieq, jekk ikun il-każ, iżżomm fil‑kariga personalitajiet b’affinitajiet politiċi kompatibbli u tevita li ġġedded l-Ispettorat abbażi ta’ metodu ta’ għażla tal-kandidati iktar miftuħ. |
|
59. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall‑ewwel domanda preliminari magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li tawtorizza lill-membri ta’ korp, eletti mill-Parlament għal mandati ta’ perijodu ddeterminat minn qabel li ma jistgħux jiġġeddu b’mod konsekuttiv u awtorizzati sabiex jistħarrġu l-attivitajiet u l-integrità tal-imħallfin u tal‑prosekuturi kif ukoll sabiex jipproponu li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra dawn tal-aħħar, ikomplu jeżerċitaw de facto l-funzjonijiet tagħhom lil hinn mill-iskadenza tal-mandati tagħhom għal żmien indeterminat, mingħajr ebda indikazzjoni dwar x’għandu jsir sabiex jiġi rrimedjat fi żmien qasir l-impass fil-proċess ta’ tiġdid tal-membri ta’ dan il-korp, meta din il-leġiżlazzjoni ma tkunx maħsuba b’mod li ma tistax tnissel dubju leġittimu fl-imħuħ tal-partijiet f’kawża dwar l-eżerċizzju tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet ta’ dan il-korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ta’ dawn l-imħallfin u ta’ dawn il-prosekuturi jew ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività. |
B. Fuq it‑tielet domanda preliminari
|
60. |
It-tielet domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk qorti, li tawtorizza lil awtorità Statali oħra sabiex ikollha aċċess għal data relatata mal-bilanċi tal-kontijiet bankarji ta’ membri tal‑ġudikatura u ta’ membri tal-familja tagħhom, tiddeterminax l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali u, għalhekk, tistax tiġi kklassifikata bħala “kontrollur” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. |
|
61. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa neċessarju li jiġu identifikati l-konfini u l-lok tal-operazzjoni ta’ “ipproċessar” tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 50 ). |
|
62. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “ipproċessar” jinkludi kull operazzjoni mwettqa b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, u applikata għal data jew settijiet ta’ data personali, bħal, b’mod partikolari, il-“ġbir”, “il-konsultazzjoni”, “l-użu”, “l-iżvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli”. Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jkun ikkostitwit minn operazzjoni jew sensiela ta’ operazzjonijiet, fejn kull waħda minnhom tkun tirrigwarda xi wieħed mill-stadji differenti li jista’ jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali ( 51 ). |
|
63. |
Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja tawtorizza l-komunikazzjoni minn bank ta’ informazzjoni relatata mal-kontijiet u mad-depożiti ta’ membri tal-ġudikatura u ta’ membri tal-familja tagħhom lill-Ispettorat. Din l-informazzjoni, li kienet miżmuma mill-bank, tiġi sussegwentement miġbura, analizzata u użata mill-Ispettorat sabiex jiġi skopert kwalunkwe kunflitt ta’ interess. Minn dan jirriżulta li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni koperta mis‑sigriet bankarju mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja jista’ jiġi analizzat bħala operazzjoni ta’ pproċessar, li tagħmel parti minn proċess ikkostitwit minn diversi stadji li jinvolvi lill-bank, lill-awtorità ġudizzjarja u lill-Ispettorat. |
|
64. |
Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi stabbilit jekk il-qorti, li tawtorizza dan l-iżvelar, tistax tkun ikklassifikata bħala “kontrollur” fis‑sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. |
|
65. |
Fuq dan il-punt, hemm lok li jitfakkar li l-għan li għandu jintlaħaq mill-GDPR, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu kif ukoll mill-premessi 1 u 10 tiegħu, huwa, b’mod partikolari, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-drittijiet tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl‑Artikolu 16(1) TFUE. Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta definizzjoni wiesgħa ( 52 ) tal-kunċett ta’ “kontrollur”, li l-għan tagħha huwa li tiġi żgurata protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data ( 53 ). |
|
66. |
Il-kunċett ta’ “kontrollur” huwa intrinsikament marbut mal-kontroll li persuna jew entità teżerċita fuq l-ipproċessar ta’ data personali ( 54 ). B’mod iktar speċifiku, il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jiddefinixxi l-“kontrollur” bħala l-persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità pubblika, l-aġenzija jew kwalunkwe organu ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ( 55 ). Dan l‑artikolu jistipula wkoll li, fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati, b’mod partikolari mid-dritt ta’ Stat Membru, il‑kontrollur jista’ jinħatar jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu previsti minn dan id-dritt. |
|
67. |
Mill-kliem ta’ dan l-artikolu jirriżulta għalhekk li l‑identifikazzjoni tal-kontrollur hija bbażata fuq żewġ metodi. Effettivament, għandu jkun ivverifikat jekk persuna ġuridika jew entità tiddeterminax, waħidha jew flimkien ma’ oħrajn, l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar inkwistjoni jew inkella jekk dawn humiex iddeterminati mid-dritt nazzjonali. |
|
68. |
Fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar jiġu ddeterminati skont id-dritt nazzjonali, hemm lok, skont il-ġurisprudenza l-iktar reċenti, li jiġi vverifikat jekk dan id-dritt jaħtarx il-kontrollur jew jipprevedix il-kriterji speċifiċi applikabbli għall-ħatra tiegħu. Il-ħatra tal-kontrollur mid-dritt nazzjonali tista’ tkun mhux biss espliċita, iżda wkoll impliċita. F’dan l-aħħar każ, xorta huwa meħtieġ li din id-determinazzjoni tirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mir-rwol, mill-kompitu u mill-kompetenzi mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata ( 56 ). |
|
69. |
F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, bis-saħħa tal-Artikolu 132a(6) tal-Kostituzzjoni Bulgara, l-Ispettorat huwa inkarigat b’mod partikolari sabiex iwettaq stħarriġ tal-integrità u tal-kunflitti ta’ interessi tal-membri tal-ġudikatura. Għal dan il-għan, huwa għandu jivverifika, b’mod konformi mal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju ( 57 ), id-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-interessi li l-membri tal-ġudikatura huma obbligati jibgħatulu. L-Ispettorat għandu jippubblika dawn id-dikjarazzjonijiet fuq is-sit internet tiegħu u jżommhom f’reġistru pubbliku elettroniku ( 58 ). Barra minn hekk, mill‑Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali jirriżulta li l-membri tal-Ispettorat huma obbligati ma jiżvelawx l-informazzjoni koperta minn sigrieti protetti mil‑liġi li huma jsiru jafu dwarha fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom. |
|
70. |
Sabiex iwettaq il-funzjoni tiegħu, l-Ispettorat jista’ jikseb komunikazzjoni minn istituzzjoni bankarja ta’ informazzjoni relatata mal-kontijiet u depożiti tal-membri tal-ġudikatura u ta’ membri tal-familja tagħhom. Il-proċedura segwita quddiem il-qorti tar-rinviju taqa’ f’dan il-qafas. Fil-fatt, jekk il-persuni kkonċernati ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għal din il-komunikazzjoni, l-Ispettorat jista’, skont l-Artikolu 175e(6) tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju u tal-Artikolu 62(6) tal-Liġi dwar l‑Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, jitlob lir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) tordna lill-bank jiżvela data koperta mis-sigriet bankarju. |
|
71. |
Skont l-Artikolu 62(7) ta’ din l-aħħar liġi, din il-qorti għandha tagħti deċiżjoni mhux iktar tard minn 24 siegħa minn meta tirċievi t-talba, filwaqt li tispeċifika l-perijodu li għalih tirreferi l-informazzjoni koperta mis-sigriet bankarju. Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar‑rinviju ( 59 ) u mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Bulgaru ( 60 ) jirriżulta li r-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) għandha tistħarreġ biss, minn naħa waħda, jekk it-talba tkunx ġejja minn awtorità pubblika jew minn korp pubbliku msemmi fl-Artikolu 62(6) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u, min-naħa l-oħra, jekk il-persuni, li l-kontijiet tagħhom huma s-suġġett ta’ talba għat-tneħħija tas-sigriet bankarju, ikunux suġġetti għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni fis-sens tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju. |
|
72. |
Minn din l-ispjegazzjoni jirriżulta li fil-qafas tal-proċedura stabbilita mid-dritt Bulgaru, ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) għandha teżerċita biss, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, stħarriġ formali tat-talbiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni koperta mis-sigriet bankarju li jitressqu quddiemha mill‑Ispettorat. |
|
73. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li din il-qorti, li ġiet adita fuq inizjattiva tal-Ispettorat, għandha tiddeċiedi dwar dawn it-talbiet f’terminu partikolarment qasir mingħajr ma tista’ tevalwa la r-rilevanza ta’ dan l-iżvelar fir-rigward tal-għan relatat mal-iskoperta ta’ kunflitti ta’ interess u lanqas il-modalitajiet ta’ kif din id-data tista’ tkun disponibbli u l-użu li l-Ispettorat jista’ sussegwentement jagħmel minnha. Barra minn hekk, din l-informazzjoni għandha tintbagħat direttament mill-bank lill-Ispettorat, li għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tagħha. Din l‑awtorità għandha teżamina l-kontijiet tal-membri tal-ġudikatura u tal‑membri tal-familja tagħhom sabiex tivverifika fiex jikkonsisti l-patrimonju tagħhom u tistħarreġ, skont il-funzjoni mogħtija lilha mill‑Kostituzzjoni Bulgara, l-integrità tal-membri tal-ġudikatura u tivverifika kwalunkwe kunflitt ta’ interessi li jista’ jkollhom. |
|
74. |
Minn dawn il-punti niddeduċi li l-qorti ma għandhiex setgħa tiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali koperta mis-sigriet bankarju. |
|
75. |
Min-naħa l-oħra, huwa ċar li d-dritt Bulgaru ddetermina, tal-inqas b’mod impliċitu, l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ din id-data u ħatar lill-Ispettorat bħala l-awtorità responsabbli għal dan l-ipproċessar, skont il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. |
|
76. |
B’mod korrispondenti, minn din id-determinazzjoni tal-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar jirriżulta li, fid-dawl tar-rwol, tal-kompitu u tal‑kompetenzi mogħtija lilha mid-dritt nazzjonali, il-qorti, li tawtorizza l‑komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lill-Ispettorat, ma nħatritx mil-leġiżlatur Bulgaru sabiex teżerċita tali responsabbiltà. Qabelxejn, jidhirli li s-sempliċi fatt li l-komunikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni mogħtija minn qorti ma għandhiex tkun biżżejjed sabiex tikklassifika lil din il-qorti bħala “kontrollur” ta’ din id-data. Fil-fatt, mill-elementi preċedenti huwa dedott li din l-awtorizzazzjoni għandha biss l-għan li tippermetti lill-Ispettorat jipproċessa d-data personali li tintbagħat lilu mill-bank, b’mod konformi mal-għanijiet u mal-mezzi ddeterminati mid-dritt Bulgaru. |
|
77. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li l-qorti li tagħti aċċess lil awtorità pubblika għall-bilanċi ta’ kontijiet bankarji ta’ membri tal-ġudikatura u tal-membri tal-familja tagħhom biss bil-kundizzjoni li tivverifika minn qabel li din it-talba tressqet quddiemha minn tali awtorità u li tkun tikkonċerna persuni suġġetti għal obbligu ta’ dikjarazzjoni tal‑assi tagħhom, ma tistax, fid-dawl tar-rwol, tal-kompiti u tal‑kompetenzi mogħtija lilha mid-dritt nazzjonali, tiġi kklassifikata bħala kontrollur ta’ din id-data personali fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4. |
C. Fuq is‑sitt domanda preliminari
|
78. |
Is-sitt domanda preliminari qiegħda ssir irrispettivament mir‑risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għat-tielet u r-raba’ domanda. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 79(1) tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jimponix fuq l-awtorità ġudizzjarja, li tiddeċiedi dwar it-talba għall-iżvelar ta’ data personali mressqa minn awtorità Statali, l-obbligu li tiżgura ex officio l-protezzjoni tas-suġġetti tad-data li d-data tagħhom tkun ser tiġi żvelata, billi tobbliga lil din l-awtorità tippreżentalha informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sigurtà meħuda taħt l-Artikolu 33(3)(d) tal-GDPR u dwar l‑implimentazzjoni effettiva tagħhom, meta jkun magħruf li, fil-passat, l‑imsemmija awtorità kkommettiet ksur tas-sigurtà ta’ data personali. |
|
79. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-proċedura segwita quddiemha ma hijiex waħda kontradittorja inkwantu s-suġġetti tad-data kkonċernati mit-talba għall-iżvelar tal-bilanċi tal-kontijiet bankarji tal‑membri tal-ġudikatura u tal-membri tal-familja tagħhom ma humiex parti f’din l-istanza ( 61 ). Hija tqis li kieku kellha tillimita ruħha, kif meħtieġ mid-dritt Bulgaru, għal eżami purament formali ta’ dawn it-talbiet, is-suġġetti tad-data jkunu mċaħħda mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv iggarantit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79(1) tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
80. |
Minn dan jirriżulta li, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari, huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk dawn id-dispożizzjonijiet jimponux fuq il-qorti, li tagħti deċiżjoni f’tali proċedura, obbligu li tivverifika ex officio s-suffiċjenza tal-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu kull ksur ulterjuri tas-sigurtà tad-data personali li jkun qiegħed jintalab l-iżvelar tagħha. |
|
81. |
Fl-opinjoni tiegħi, mill-għan tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 79(1) tal-GDPR jirriżulta li r-risposta tista’ tkun biss fin-negattiv. |
|
82. |
F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar is-sigurtà tal-informazzjoni koperta mis-sigriet bankarju mqajma mill-qorti tar-rinviju jidhirli li għandha tinftiehem fid-dawl tal-obbligi tal-kontrollur, li għandhom jitfakkru l-karatteristiċi ewlenin tagħhom. |
|
83. |
Fl-ewwel lok, il-kontrollur huwa obbligat jipprevjeni kull ksur tas-sigurtà tad-data personali. B’mod iktar preċiż, taħt l‑Artikolu 5(2) tal-GDPR, il-kontrollur huwa responsabbli għall-osservanza tal-prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ din id-data stipulata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u għandu jkun f’pożizzjoni li juri li dawn ikunu ġew osservati. B’mod partikolari, il-kontrollur għandu, skont il-prinċipju ta’ integrità u ta’ kunfidenzjalità tad-data personali stipulat fl-Artikolu 5(1)(f) ta’ dan ir-regolament, jiżgura li tali data tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa. Skont l-Artikolu 32(1) tal-imsemmi regolament, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw livell ta’ sigurtà adattat għar-riskju li joħloq l-ipproċessar. |
|
84. |
Fit-tieni lok, il-kontrollur huwa obbligat jirreaġixxi għal kull ksur tas-sigurtà tad-data personali. Għal dan il-għan, l-Artikolu 33(1) tal‑GDPR jobbligah jinnotifika l-ksur inkwistjoni lill-awtorità ta’ kontroll kompetenti, filwaqt li jiddeskrivi, f’konformità mal‑paragrafu (3)(d) ta’ dan l-artikolu, il-miżuri li huwa jipproponi li jieħu l-kontrollur sabiex jirrimedja l-ksur, inkluż, jekk ikun il-każ, il-miżuri sabiex itaffi l-effetti ħżiena li jista’ jkollu. |
|
85. |
Huwa fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-għan tar-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 79(1) tal‑GDPR. Fuq dan il-punt, għandu jitfakkar li, fil-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, għall-benefiċċju tas-suġġetti tad-data kkonċernati minn ipproċessar ta’ data personali, rimedji differenti quddiem l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji u dan filwaqt li huwa spjegat li kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġudizzjarji għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat mingħajr preġudizzju għall-oħrajn ( 62 ). |
|
86. |
L-ewwel nett, l-Artikolu 77(1) tal-GDPR jistipula li kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità ta’ kontroll jekk iqis li l-ipproċessar ta’ data personali jkun jikser dan ir-regolament. It-tieni nett, skont l-Artikolu 78(1) tal-imsemmi regolament, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità ta’ kontroll li tkun tikkonċernaha. |
|
87. |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 79(1) tal-GDPR, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, jiżgura lil kull suġġett tad-data d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jekk iqis li jkunu nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-regolament minħabba l-ipproċessar tad-data personali tiegħu bi ksur ta’ dan ir-regolament. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu ma jeżentax lis-suġġett tad-data mill-obbligu, li għandu taħt l‑Artikolu 82(1) tal-istess regolament, li jipprova li huwa effettivament ġarrab dannu materjali jew morali ( 63 ). |
|
88. |
Fl-opinjoni tiegħi, mill-kliem ta’ dawn l-aħħar żewġ artikoli, jirriżulta, mingħajr ambigwità, li l-kawża miġjuba kontra kontrollur jew proċessur għandha l-għan li tirrimedja d-dannu kkawżat mill-ksur preċedenti tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR. Min-naħa l-oħra, mill‑kliem ta’ dawn l-artikoli ma huwa dedott bl-ebda mod li qorti għandha l-obbligu tivverifika b’mod preventiv li jkunu ġew adottati miżuri xierqa mill‑kontrollur ta’ data personali sabiex jiġi evitat ksur ulterjuri ta’ dawn id-drittijiet. |
|
89. |
Fid-dawl ta’ dan, huwa neċessarju li jiġi stabbilit l-effett tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 79(1) tal-GDPR. |
|
90. |
Kif jirriżulta mill-premessa 141 ta’ dan ir-regolament ( 64 ), id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79(1) tal-imsemmi regolament huma intiżi sabiex jimplimentaw id-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl‑Artikolu 47 tal-Karta. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà inkluda dan id-dritt meta ħejja d-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rimedju li s-suġġett tad-data jista’ juża kontra l-kontrollur. |
|
91. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l‑karatteristiċi tar-rimedji previsti fl-Artikoli 77(1), 78(1) u 79(1) tal‑GDPR għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Minn din il-perspettiva, għandhom ikunu l-Istati Membri li jiżguraw, fil-qafas tal-awtonomija proċedurali tagħhom, li l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji jagħtu lis-suġġetti tad-data l-possibbiltà konkreta li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-regolament ( 65 ). |
|
92. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha li għandu jiġi analizzat ir-rwol mogħti lill-qorti tar-rinviju mil-leġiżlatur Bulgaru. |
|
93. |
Huwa veru li, skont l-għażla magħmula mil-leġiżlatur Bulgaru, il-qorti għandha teżerċita biss, fil-qafas ta’ proċedura mhux kontradittorja, stħarriġ purament formali tat-talbiet għal żvelar tal-bilanċi tal-kontijiet bankarji tal-membri tal-ġudikatura u tal-membri tal-familji tagħhom, li jitressqu mill-Ispettorat. Madankollu, u minkejja l-kompetenzi limitati tagħha, mill-Artikolu 79(1) tal-GDPR bl-ebda mod ma jirriżulta li din il-qorti għandu jkollha, qabel ma tiddeċiedi dwar dawn it-talbiet, poter ta’ stħarriġ ex officio tas-suffiċjenza tal-miżuri meħuda sabiex jipprevjenu kwalunkwe ksur ulterjuri tas-sigurtà ta’ din id-data personali. |
|
94. |
Fil-fatt, jiena nqis li, għar-raġunijiet li spjegajt qabel, id-dritt nazzjonali ħatar lill-Ispettorat bħala kontrollur ta’ data koperta mis-sigriet bankarju li l-awtorità ġudizzjarja qiegħda tordna l-iżvelar tagħha. Minn dan jirriżulta li, f’din il-kariga, l-Ispettorat huwa obbligat jieħu l-miżuri kollha xierqa previsti mill-GDPR sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni li jkun ġabar. |
|
95. |
Minn din il-perspettiva, huwa biżżejjed, sabiex ikun hemm konformità mas-sistema implimentata mill-GDPR, li, skont l‑Artikolu 79(1) ta’ dan ir-Regolament, is-suġġetti tad-data kkonċernati minn dan l-iżvelar ikunu jistgħu, fil-każ li jinkisru d-drittijiet mogħtija lilhom mill‑imsemmi regolament, li jieħdu azzjoni legali kontra l‑Ispettorat skont il-modalitajiet proċedurali li jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 66 ). |
|
96. |
Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi li, bla ħsara tal-premess, l‑Artikolu 79(1) tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jimponix li l-qorti, li, skont il-liġi nazzjonali, hija inkarigata, fi tmiem proċedura mhux kontradittorja, tiddeċiedi dwar talba għall-iżvelar tal-bilanċi tal-kontijiet bankarji tal-membri tal-ġudikatura u tal-membri tal-familja tagħhom, tivverifika ex officio li l-kontrollur ikun adotta miżuri xierqa sabiex jipprevjeni kwalunkwe ksur ulterjuri tas-sigurtà ta’ din id-data personali. |
VI. Konklużjoni
|
97. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod segwenti għall-ewwel, it-tielet u s-sitt domanda magħmula mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il‑protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).
( 3 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 59).
( 4 ) Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria (C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 123).
( 5 ) Digriet tat‑18 ta’ April 2023, Vantage Logistics (C‑200/22, EU:C:2023:337, punt 27).
( 6 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 32 u 33).
( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 34 sa 36). Nirrileva li f’diversi sentenzi reċenti dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għal domanda li tirrigwarda t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE (sentenzi tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 57), tal‑11 ta’ April 2024, Sapira et (C‑114/23, C‑115/23, C‑132/23 u C‑160/23, EU:C:2024:290, punt 26) u tat‑18 ta’ April 2024, OT et (Tneħħija ta’ qorti) (C‑634/22, EU:C:2024:340, punt 24), ġie konkluż fl-affermattiv abbażi biss ta’ din l-aħħar kunsiderazzjoni relatata mal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, mingħajr ma sar riferiment għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u għall-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali kkonċernata bil-kawża setgħet tiddeċiedi, bħala qorti, fuq domandi li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li jaqgħu għalhekk fl-oqsma koperti minn dan id-dritt (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 51)].
( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C–896/19, EU:C:2021:311, punt 39) u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 80 u 164).
( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha (C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 38) u tat‑8 ta’ Mejju 2024, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România (Assoċjazzjonijiet ta’ membri tal-ġudikatura) (C‑53/23, EU:C:2024:388, punt 31).
( 10 ) Ara l-punti 20 u 48 tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑332/23.
( 11 ) Fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-dritt fil-Bulgarija datat 5 ta’ Lulju 2023, jingħad li, mit-tnax‑il kontroll ta’ integrità mwettqa mill-Ispettorat fl‑2022, tlieta wasslu għal “proċedura dixxiplinari”.
( 12 ) Fi kwalunkwe każ u skont l-indikazzjonijiet stess tal-Ispettorat, il-verifika tad‑dikjarazzjonijiet tal-assi tal-imħallfin taqa’ taħt il-politika tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, peress li l-għan tal-ġbir tad-data bankarja huwa li jkun hemm stħarriġ ta’ konformità bejn l-assi ddikjarati mill-membri tal-ġudikatura u l‑informazzjoni rreġistrata, iddikjarata u ċċertifikata fir-reġistri pubbliċi. Skont l-Artikolu 3 tal-Zakon za protivodeystvie na koruptsiata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushestvo (il-Liġi dwar il‑Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u dwar il-Konfiska tal-Assi Miksuba Illegalment) (DV Nru 7 tad‑19 ta’ Jannar 2018, kif emendata l-aħħar, DV Nru 104 tat‑30 ta’ Diċembru 2022), din il-ġlieda ssir, b’mod partikolari, permezz tad‑dikjarazzjoni ta’ assi u interessi, l-istħarriġ ta’ din tal-aħħar, il-konstatazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess u l-impożizzjoni ta’ “sanzjonijiet” kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ isem il-persuni li ma jkunu ppreżentaw ebda dikjarazzjoni jew li d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikunu ġew ikkunsidrati li ma humiex konformi, kif ukoll ismijiet il-persuni li fil-konfront tagħhom ikun ġie identifikat kunflitt ta’ interess. Anki jekk wieħed jassumi li n‑nuqqasijiet li jistgħu jiġu kkonstatati relatati mad-dikjarazzjoni ta’ interessi ma jkunux ta’ natura li jikkaratterizzaw nuqqasijiet dixxiplinari fir-rigward tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati, kif jallega l-Ispettorat, l-implimentazzjoni ta’ tali regoli jista’ jkollha konsegwenzi kbar kemm għall-iżvolġiment tal-karriera tal-imħallfin kif ukoll għall-ħajja tagħhom u li jiġġustifikaw għalhekk l‑applikazzjoni, mutatis mutandis, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li minnu jirriżulta r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 95 sa 97).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti Kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 34 sa 37).
( 14 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni tal‑funzjonijiet ta’ mħallef) (C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 47 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal‑qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punti 69 sa 72).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară (C‑817/21, EU:C:2023:391, punti 48 u 49).
( 17 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal‑Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 110).
( 18 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 74).
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 203). Għandu jiġi enfasizzat li l-kawżi prinċipali huma differenti minn dik li wasslet għal din is-sentenza li kienet tirrigwarda s-sempliċi sostituzzjoni individwali espressament prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż fir-ratione temporis tagħha, mingħajr ma saret ebda indikazzjoni jew mistoqsija mill-qorti tar‑rinviju dwar it-tul tal-estensjoni tal-mandat inkwistjoni fir-rigward tar-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin u tal-prosekuturi.
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară (C‑817/21, EU:C:2023:391, punt 55).
( 21 ) Bħala eżempju, infakkar li skont l-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, “[ħ]lief fejn ikun jgħodd l-Artikolu 6, Imħallef ikompli fil-kariga sakemm is‑suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu”.
( 22 ) Artikolu 132a tal-Kostituzzjoni Bulgara.
( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 78) u tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară (C‑817/21, EU:C:2023:391, punt 57).
( 24 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară (C‑817/21, EU:C:2023:391, punti 58 u 59).
( 25 ) Għandu jiġi enfasizzat li kemm il-Gvern Bulgaru kif ukoll l-Ispettorat indikaw b’mod ċar li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħet l-istess wara l‑iskadenzi tal-mandati tal-membri ta’ dan tal-aħħar.
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară (C‑817/21, EU:C:2023:391, punti 50 u 51).
( 27 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tirreferi diversi drabi għar-rapporti annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt fil-Bulgarija kif ukoll għal diversi opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja.
( 28 ) Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja (CDL-AD (2017) 018, punt 58). Din tal-aħħar tispjega wkoll li l-mekkaniżmu ta’ maġġoranza kkwalifikata ma huwiex effiċjenti meta l-partit tal-Gvern ikollu diġà n-numru neċessarju ta’ voti sabiex jikseb, waħdu, din il-maġġoranza.
( 29 ) Fl-Opinjoni tagħha (CDL-AD (2017) 018, punt 59), il-Kummissjoni ta’ Venezja tirrakkomanda li l-Awli tal-KSĠ jingħataw is-setgħa li jipproponu ċertu numru ta’ kandidati għall-ħatra tal-Parlament sabiex tiżdied in-newtralità politika tal-ispetturi.
( 30 ) Kif tindika fil-qosor il-Kummissjoni ta’ Venezja, fl-Opinjoni tagħha (CDL‑AD (2017) 018, punt 55), dan il-korp għandu kompetenza sabiex jeżamina prattikament l-aspetti kollha tal-qrati, tal-prosekuturi, tal-imħallfin u tal-prokuraturi, jiġifieri, l-organizzazzjoni interna u l-modalitajiet ta’ xogħol, il-koerenza tal‑ġurisprudenza, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-membri tal-ġudikatura, l-assi tagħhom, l-aġir tagħhom fil-ħajja privata.
( 31 ) Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja (CDL-AD (2017) 018, punti 54, 61 sa 66). Fiha hemm spjegat li l-evalwazzjonijiet mill-KSĠ u l-istħarriġ tal-Ispettorat prattikament jirrigwardaw l-istess elementi u ma humiex parti minn proċedura sekwenzjali unika. Hemm koinċidenza bejn l-ispezzjonijiet, l-evalwazzjonijiet u l‑proċeduri dixxiplinari, sitwazzjoni li tiġġustifika emenda leġiżlattiva sabiex is‑setgħat tal-Ispettorat ma jużurpawx il-mandat kostituzzjonali tal-KSĠ.
( 32 ) Artikolu 54 tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju.
( 33 ) Artikolu 132a(10) tal-Kostituzzjoni Bulgara.
( 34 ) Fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal‑giudici di pace Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, punti 48 u 49), il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ inamovibbiltà, li l-importanza kardinali tiegħu għandha tiġi enfasizzata, jeżiġi, b’mod partikolari, li l-imħallfin ikunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal‑irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu ta’ żmien determinat. Filwaqt li ma huwiex ta’ natura totalment assoluta, l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet biss bil-kundizzjoni li jkun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikaw dan, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija kkunsidrat ukoll li l-garanzija ta’ inamovibbiltà titlob li l-każijiet ta’ tkeċċija tal-membri ta’ qorti jiġu ddeterminati permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċiti li joffru garanziji li jmorru lil hinn minn dawk previsti mir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali li japplikaw fil-każ ta’ tkeċċija abbużiva. Mingħajr ma huwa possibbli li jsir riferiment għall-prinċipju ta’ inamovibbiltà, dan ir‑raġunament jista’ madankollu japplika fir-rigward ta’ membri ta’ korp kostituzzjonali li l-attività tiegħu hija marbuta mal-eżerċizzju u mal-integrità tal‑poter ġudizzjarju.
( 35 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară (C‑817/21, EU:C:2023:391, punt 60).
( 36 ) Dan il-korp għandu jippreżenta kull sena rapport ta’ attività li huwa jippreżenta lill‑Assemblea Plenarja tal-KSĠ u jagħti informazzjoni pubblika fuq l-attivitajiet tiegħu, billi jippubblika b’mod partikolari, ir-rapport ta’ attività annwali tiegħu fuq is-sit internet tiegħu (l-Artikolu 132a(8) u (9) tal-Kostituzzjoni Bulgara u l-Artikolu 54(12) u (14) tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju).
( 37 ) Artikolu 175c tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju.
( 38 ) L-Artikolu 175e(6) u l-Artikolu 175f(1) tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju. L-informazzjoni hekk miksuba ma tiġix ippubblikata skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Ispettorat li l‑membri tiegħu huma, qabelxejn, suġġetti għal obbligu ta’ kunfidenzjalità bis-saħħa tal-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali.
( 39 ) Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja (CDL-AD (2017) 018, punti 61 sa 72).
( 40 ) Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja (CDL-AD (2017) 018, punti 69, 70 u 73).
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară (C‑817/21, EU:C:2023:391, punti 56 u 57).
( 42 ) Artikolu 62(7) tal-Liġi dwar l-Istabbilimenti ta’ Kreditu.
( 43 ) Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja (CDL‑AD (2017) 018, punt 73).
( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal‑Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 144).
( 45 ) Ara r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-dritt fil-Bulgarija għas-snin 2022 u 2023. Huwa interessanti li jiġi enfasizzat li sitwazzjoni simili kienet seħħet fir‑rigward tal-ex Kap Spettur li l-mandat tiegħu ġie estiż effettivament b’sentejn u li l-emendi leġiżlattivi jew kostituzzjonali relatati mal-bidla tal-kompożizzjoni tal‑Ispettorat baqgħu fl-istadju ta’ sempliċi riflessjoni.
( 46 ) Dan huwa dak li tirrileva, essenzjalment, il-Kummissjoni fir-Rapport dwar l-Istat tad‑dritt fil-Bulgarija għas-sena 2022, filwaqt li tibbaża l-konstatazzjoni tagħha fuq dik li tirrigwarda t-tħassib dwar il-funzjonament u l‑kompożizzjoni tal-KSĠ, inkluż fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari, li kulma jmur dejjem jiżdied.
( 47 ) Fis-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punti 52 u 53) dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li temmet b’mod antiċipat il-mandat ta’ awtorità ta’ kontroll għall-protezzjoni tad-data personali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-indipendenza funzjonali ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex tipproteġi lill-awtoritajiet ta’ kontroll minn kull influwenza esterna u li s-sempliċi riskju li l-awtoritajiet ta’ tutela tal-Istat jistgħu jeżerċitaw influwenza politika fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ kontroll huwa biżżejjed sabiex jiġi ostakolat l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet tagħhom.
( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal‑Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 153).
( 49 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 55).
( 50 ) Għandu jiġi spjegat li l-kunċett ta’ “kontrollur” jippreżupponi l-eżistenza ta’ “ipproċessar” ta’ data personali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, L-Istat Belġjan (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali) (C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 26).
( 51 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 72). Għal fini ta’ kompletezza, nenfasizza li din is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ipproċessar” kif kien iddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. Minkejja li din id-direttiva ma għadhiex fis-seħħ u ġiet issostitwita bil-GDPR, l‑interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ rilevanti fil-qafas tal‑applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett baqgħet identika fiż-żewġ strumenti, ħlief għal emendi formali żgħar.
( 52 ) Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 35).
( 53 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe (C‑604/22, EU:C:2024:214, punti 53 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 54 ) Ara, fuq dan il-punt, il-Linji Gwida 07/2020 dwar il-kunċetti ta’ kontrollur u proċessur fil-GDPR, adottati fis‑7 ta’ Lulju 2021, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://edpb.europa.eu/system/files/2023-10/edpb_guidelines_202007_controllerprocessor_final_fr.pdf, punt 20, li jistipulaw li l-“kunċett ta’ kontrollur jirreferi għall-influwenza tal-kontrollur fuq l-ipproċessar permezz tal-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali. Kontrollur huwa organu li jiddeċiedi dwar ċerti elementi essenzjali tal-ipproċessar.”
( 55 ) It-terminu “għanijiet” jirreferi għall-“għaliex” tal-ipproċessar tad-data personali, jiġifieri l-motivi ta’ dan l-ipproċessar u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu. It-terminu “mezzi” jirreferi għall-“kif” ta’ dan l-ipproċessar, jiġifieri l-mod li bih isir dan l-ipproċessar. Il-mezzi ta’ ipproċessar jinkludu għalhekk l-elementi tekniċi u organizzattivi tiegħu, bħall-ħażna, l-aċċessibbiltà u l-perijodu tal-ħażna tad-data personali Ara, fuq dan il-punt, Bygrave, L. A., u Tosoni, L., “Article 4(7). Controller”, The EU General Data Protection Regulation (GDPR): A Commentary, Kuner, C., Bygrave, L. A., Docksey, C., u Drechsler, L. (ed.), Oxford University Press, Oxford, 2020, p. 150.
( 56 ) Sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, L-Istat Belġjan (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali) (C‑231/22, EU:C:2024:7, punti 29 u 30). Ara, ukoll, il-Linji Gwida 07/2020 dwar il-kunċetti ta’ kontrollur u ta’ proċessur fil-GDPR, adottati fis‑7 ta’ Lulju 2021, punt 24, li jistipulaw li, “b’mod iktar komuni, pjuttost milli taħtar direttament lill-kontrollur jew tistabbilixxi l-kriterji għall-ħatra tiegħu, il-liġi ser tistabbilixxi kompitu jew timponi dmir fuq xi ħadd sabiex jiġbor u jipproċessa ċerta data. F’dawn il-każijiet, l-għan tal-ipproċessar spiss jiġi determinat mil-liġi. Normalment il-kontrollur ikun dak li l-liġi taħtar sabiex iwettaq dan l-għan, dan il-kompitu pubbliku”.
( 57 ) Nirreferi għall-punt 8 tal-Artikolu 54(1), għall-Artikolu 175a(1) u għall-Artikolu 175b(4) tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju.
( 58 ) Dawn ir-rekwiżiti huma stipulati fl-Artikoli 175c(6) u 175d(1) tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju.
( 59 ) Ara l-punt 63 tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑332/23.
( 60 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn l-osservazzjonijiet.
( 61 ) Għandu jiġi spjegat ukoll li skont l-Artikolu 62(7) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, id-deċiżjoni tar-Rayonen Sad (il-Qorti Distrettwali) ma tistax tiġi appellata.
( 62 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 34).
( 63 ) Sentenza tal‑11 ta’ April 2024, juris (C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 39). Min-naħa l-oħra, fil-qafas ta’ kawża għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 82 tal-GDPR, il‑kontrollur inkwistjoni għandu l-oneru li jipprova n-natura xierqa tal-miżuri ta’ sigurtà li huwa jkun implimenta taħt l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Natsionalna agentsia za prihodite (C‑340/21, EU:C:2023:986).
( 64 ) Din il-premessa tistipula li “[k]ull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar‑residenza abitwali tiegħu, u jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta jekk is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament jew fejn l-awtorità superviżorja ma tiħux azzjoni b’rabta ma’ ilment, tirrifjuta jew tiċħad l-ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni fejn tali azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data” [korsiv miżjud minni].
( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punti 51 u 52 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 66 ) Fuq dan il-punt, nosserva li l-Artikolu 39 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali jipprevedi li, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħha skont il-GDPR u skont l-imsemmija liġi, is-suġġett tad-data jista’ jikkontesta l-atti u l‑azzjonijiet tal-kontrollur u tal-proċessur quddiem qorti. Fil-qafas ta’ din il‑proċedura, is-suġġett tad-data jista’ jitlob kumpens għad-dannu mġarrab minħabba pproċessar illegali ta’ data personali mill-kontrollur jew mill-proċessur.