|
8.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 34/39 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/101/PESK
tat-28 ta’ Jannar 2008
dwar it-tnedija ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR Tchad/RCA)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra it-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2) tagħha,
Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/677/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2007 dwar l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1) (EUFOR Tchad/RCA), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta’ Settembru 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta unanimament ir-Riżoluzzjoni 1778 (2007) li tapprova l-istabbiliment ta’ Missjoni tan-NU fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ċ-Ċad (MINURCAT) u li tawtorizza lill-UE biex tmexxi operazzjoni f’dawk il-pajjiżi għal perijodu ta’ 12-il xahar mid-dikjarazzjoni ta’ Kapaċità Operattiva Inizjali. |
|
(2) |
L-awtoritajiet taċ-Ċad u tar-Repubblika Ċentru-Afrikana laqgħu l-preżenza militari possibbli ta’ l-UE fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, b'dikjarazzjonijiet magħmulin fil-25 ta' Ottubru 2007 u fis-16 ta' Ottubru 2007 rispettivament. |
|
(3) |
Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża u għalhekk ma tiħux sehem fil-finanzjament ta’ l-operazzjoni, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Pjan ta’ l-Operazzjoni huwa approvat.
Artikolu 2
Ir-Regoli ta’ l-Awtorizzazzjoni tal-Ingaġġ huma approvati.
Artikolu 3
L-operazzjoni militari ta’ l-UE fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR Tchad/RCA) għandha tinbeda fit-28 ta' Jannar 2008.
Artikolu 4
Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE huwa b’dan awtorizzat b’effett immedjat biex jirrilaxxa l-ordni ta’ attivazzjoni (ACTORD) sabiex jiġi esegwit l-iskjerament tal-forzi u tinbeda l-esekuzzjoni tal-missjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett mid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 28 ta' Jannar 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
D. RUPEL