7.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 240/3


DEĊIŻJONI Nru 1/2021 TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-GEORGIA FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ

tas-17 ta’ Ġunju 2021

dwar l-aġġornar tal-Anness XIII (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra[2021/1114]

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 75 u l-Artikolu 406(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)

Il-Preambolu tal-Ftehim jirrikonoxxi x-xewqa tal-Partijiet li jimxu ’l quddiem bil-proċess ta’ riforma u approssimazzjoni fil-Georgia, u b’hekk jikkontribwixxu għall-integrazzjoni ekonomika gradwali u l-approfondiment tal-assoċjazzjoni politika kif ukoll għall-kisba ta’ integrazzjoni ekonomika permezz ta’ approssimazzjoni regolatorja estensiva.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 75 tal-Ftehim, il-Georgia ħadet l-impenn li twettaq approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE kif stabbilit fl-Anness XIII (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim.

(4)

Filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-acquis tal-UE elenkat fl-Anness XIII (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim evolva b’mod sostanzjali mill-konklużjoni tan-negozjati tal-Ftehim, jenħtieġ li din l-evoluzzjoni tiġi riflessa f’dan l-Anness,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness XIII (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, jinbidel bit-test li jidher fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ġiet stabbilita bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana, Ungeriża u bil-lingwa tal-Georgia, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2021.

 


ANNESS

“ANNESS XIII

APPROSSIMAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI DOGANALI

Kodiċi Doganali

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1)

Skeda ta’ żmien: l-approssimazzjoni mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1, l-Artikolu 4, il-punt (b) tal-Artikolu 27(1), l-Artikolu 53, l-Artikolu 81, l-Artikolu 82, l-Artikolu 87(4), il-punt (a) tal-Artikolu 89(2), l-Artikoli minn 155 sa 157, il-punt (b) tal-Artikolu 211(4), l-Artikolu 227, il-punt (c) tal-Artikolu 233(1) u l-Artikoli minn 284 sa 288, għandha titwettaq fi żmien erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Il-Partijiet għandhom jirrevedu l-approssimazzjoni tal-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim imsemmi fl-ewwel paragrafu.

L-approssimazzjoni bl-Artikolu 247 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandha ssir fuq bażi tal-aħjar sforz.

Proċedura Komuni ta’ Tranżitu u Dokument Amministrattiv Uniku (DAU)

Il-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-Simplifikazzjoni tal-Formalitajiet fuq il-Kummerċ f’Merkanzija

Il-Konvenzjoni tal-20 ta' Mejju 1987 dwar il-proċedura komuni ta' tranżitu

Skeda ta’ żmien: l-approssimazzjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjonijiet imsemmija hawn fuq, inkluż permezz ta’ possibbiltà ta’ adeżjoni ma’ dawn il-Konvenzjonijiet mill-Georgia, għandha titwettaq fi żmien erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Eżenzjonijiet mid-dazji doganali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali

Skeda ta’ żmien: l-approssimazzjoni mat-Titoli I u II tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 għandha titwettaq fi żmien erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Ir-Regolament (KE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali

Skeda ta’ żmien: l-approssimazzjoni mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 26, għandha titwettaq fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. L-obbligu tal-approssimazzjoni mar-Regolament Nru 608/2013 fih innifsu ma joħloq l-ebda obbligu fuq il-Georgia li tapplika miżuri meta dritt fuq il-proprjetà intellettwali ma jkunx protett skont il-liġijiet u r-regolamenti sostantivi tagħha tal-proprjetà intellettwali.

”

(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.