SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 29(1) – Terminu għat-trasferiment – Determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ sitt xhur – Preżentata ta’ rikors ġudizzjarju li jinkludi effett sospensiv – Għarfien ta’ ċirkustanza ġdida mill-awtorità ġudizzjarja li quddiemha huwa pendenti dan ir-rikors – Annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment inizjali u rinviju tal-kawża lill-awtorità amministrattiva kompetenti – Teħid tat-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment li hija wkoll is-suġġett ta’ rikors għal annullament – Effett fuq il-kalkolu tat-terminu għat-trasferiment”

Fil-Kawża C‑560/23 [Tang] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Flygtningenævnet (il-Kummissjoni tar-Rifuġjati, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Settembru 2023, fil-proċedura

H (ved DRC Dansk Flygtningehjælp)

vs

Udlændingestyrelsen

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, I. Ziemele, F. Schalin u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Frar 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal H (ved DRC Dansk Flygtningehjælp), minn M. Melin u C. Vester Kofoed, bħala konsulenti, assistiti minn J. Goldschmidt, avukat,

–

għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan, M. Jespersen, C. A.‑S. Maertens u J. Sandvik Loft, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u O. Duprat‑Mazaré, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Awstrijak, minn u A. Posch, J. Schmoll u M. Kopetzki, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Svizzeru, minn L. Lanzrein u V. Michel, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Katsimerou, B. Schima u C. Vang, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn H, ċittadin Afgan, u l-Udlændingestyrelsen (id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin, id-Danimarka) dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jittrasferixxih lejn ir-Rumanija.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka u l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka

3

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, ir-Regolament Dublin III ma jorbotx lir-Renju tad-Danimarka.

4

Madankollu, skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim bejn [l-Unjoni] Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil iddepożitata fid-Danimarka jew f’xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u eurodac għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU 2008, L 335M, p. 75 u rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 29), li ġie approvat f’isem [l-Unjoni] bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/188/KE, tal‑21 ta’ Frar 2006 (ĠU 2008, L 335M, p. 72), ir-Regolament Dublin III japplika għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tad-Danimarka.

5

Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tiegħu, ir-Regolament Dublin III ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), li kien issostitwixxa, konformement mal-Artikolu 24 tiegħu, il-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-Ażil iddepożitati għand wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat f’Dublin fil‑15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 1997, C 254, p. 1).

Ir-Regolament Dublin III

6

Il-premessi 4, 5 u 19 tar-Regolament Dublin III huma fformulati kif ġej:

“(4)

Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew] ta’ Tampere ddikjaraw ukoll li [s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[...]

(19)

Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’)]. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

7

L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”, jipprevedi:

“1.   L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[...]

(c)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29[,] ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

[...]”

8

L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rimedji” jipprovdi:

“1.   L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

[...]

3.   Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)

l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)

it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)

il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.

[...]”

9

L-Artikolu 29 tal-istess regolament, intitolat “Modalitajiet u żmien limitu”, jipprevedi:

“1.   It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[...]

2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

H huwa ċittadin Afgan li daħal fid-Danimarka fil‑25 ta’ April 2021, fejn iddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-istess jum. Skont l-informazzjoni li tinsab fid-database Eurodac, H kien diġà ġie rreġistrat bħala applikant għall-ażil fir-Rumanija fil‑5 ta’ Marzu 2021.

11

Konsegwentement, id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin, fl‑24 ta’ Ġunju 2021, talab lir-Rumanija tieħu lura H taħt ir-responsabbiltà tagħha, skont l-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Dublin III.

12

Fis‑7 ta’ Lulju 2021, ir-Rumanija aċċettat li tieħu lura H taħt ir-responsabbiltà tagħha.

13

Fid‑19 ta’ Lulju 2021, id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin iddeċieda li jittrasferixxi lil H lejn ir-Rumanija, skont l-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Dublin III. Fl-istess jum, H ippreżenta rikors minn din id-deċiżjoni quddiem il-Flygtningenævnet (il-Kummissjoni tar-Refuġjati, id-Danimarka), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Dan ir-rikors kellu effett sospensiv, konformement mal-Artikolu 27(3)(a) ta’ dan ir-regolament.

14

Ir-Rumanija infurmat l-Istati Membri kollha fit‑28 ta’ Frar 2022 li, sa mill‑1 ta’ Marzu 2022, hija kienet qiegħda tissospendi t-trasferimenti kollha ta’ immigranti magħmula skont ir-Regolament Dublin III minħabba l-kunflitt fl-Ukraina u ż-żieda fl-influss ta’ refuġjati fir-Rumanija.

15

Fil‑15 ta’ Marzu 2022, il-qorti tar-rinviju bagħtet lura l-kawża quddiem id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin għal eżami mill-ġdid, b’mod partikolari sabiex dan jieħu pożizzjoni dwar l-effett tan-notifika ġenerali tal-awtoritajiet Rumeni, imsemmija fil-punt preċedenti, dwar id-deċiżjoni li H jiġi ttrasferit lejn ir-Rumanija.

16

Fit‑8 ta’ April 2022, id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin iddeċieda mill-ġdid li jittrasferixxi lil H lejn ir-Rumanija, skont l-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Dublin III. Fl-istess jum, H ippreżenta rikors minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Dan ir-rikors kellu effett sospensiv, konformement mal-Artikolu 27(3)(a) ta’ dan ir-regolament.

17

Fl‑24 ta’ Mejju 2022, ir-Rumanija informat lill-Istati Membri kollha li s-sospensjoni tat-trasferimenti ta’ immigranti skont l-imsemmi regolament kienet tneħħiet.

18

Fit‑2 ta’ Diċembru 2022, il-qorti tar-rinviju kkonfermat il-legalità tad-deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin tat‑8 ta’ April 2022.

19

Fit‑2 ta’ Frar 2023, H talab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, għar-raġuni li t-terminu ta’ sitt xhur, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, li fih għandu jsir it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, kien diġà skada fid-data li fiha d-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin ħa, fit‑8 ta’ April 2022, it-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka kien issa responsabbli għall-eżami sostantiv tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, skont l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament.

20

Wara li reġgħet fetħet il-proċedura, il-qorti tar-rinviju reġgħet ikkonfermat il-validità tad-deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin tat‑8 ta’ April 2022. Hija qieset li dan it-terminu ta’ sitt xhur kien beda jiddekorri biss mid-deċiżjoni finali tagħha tat‑2 ta’ Diċembru 2022.

21

Wara talba tad-DRC Dansk Flygtningehjælp (il-Kunsill Daniż għar-Refuġjati, id-Danimarka), il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid, għal darba oħra, il-proċedura sabiex teżamina mill-ġdid l-interpretazzjoni tar-regoli dwar it-terminu għat-trasferiment previst fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 27 ta’ dan tal-aħħar.

22

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil għandu jseħħ f’terminu ta’ sitt xhur mid-deċiżjoni finali fuq l-appell jew ir-reviżjoni meta jingħata l-effett sospensiv, dawn madankollu ma jinkludux regoli li jirregolaw espliċitament is-sitwazzjoni li fiha l-awtorità ġudizzjarja tiddeċiedi li tirrinvija l-kawża għal eżami mill-ġdid lill-awtorità amministrattiva kompetenti. Issa, fil-fehma tagħha, tali rinviju jista’ jikkontribwixxi sabiex jiżgura lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn jagħtihom il-possibbiltà li jibbenefikaw minn eżami ġdid tal-kawża fuq żewġ livelli.

23

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi annullata u rrinvjata għal eżami mill-ġdid lill-awtorità amministrattiva kompetenti, meta l-qorti adita tkun ġiet mgħarrfa b’informazzjoni ġdida sinjifikattiva dwar din id-deċiżjoni. Issa, f’dan il-każ, dan ir-rinviju kien iġġustifikat minn ċirkustanzi esterni u imprevedibbli marbuta mal-fatt li, wara li aċċetta t-trasferiment, l-Istat Membru responsabbli ssospenda b’mod ġenerali t-trasferimenti skont ir-Regolament Dublin III minħabba l-kunflitt fl-Ukraina u l-influss ta’ refuġjati fil-pajjiż.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Flygtningenævnet (il-Kummissjoni tar-Refuġjati) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet [dwar il-kalkolu taż-żmien limitu] fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-[Regolament Dublin III] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu ta’ sitt xhur previst fit-tieni parti tal-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament għandu jibda jiddekorri mid-deċiżjoni finali sostantiva f’sitwazzjoni fejn istanza ta’ appell fl-Istat Membru rikorrent, kif imsemmi fl-Artikolu 27 [tal-imsemmi] regolament, tkun irrinvjat il-kawża ta’ trasferiment lill-[awtorità amministrativa kompetenti], li sussegwentement tkun ħadet deċiżjoni ta’ trasferiment ġdida iktar minn sitt xhur wara li tkun irċeviet l-aċċettazzjoni ta’ teħid lura mill-Istat Membru responsabbli, inkluż meta r-rinviju jkun ibbażat fuq il-fatt li l-Istat Membru responsabbli, li jkun inizjalment aċċetta t-trasferiment, sussegwentement ikun iddeċieda li jissospendi kwalunkwe trasferimenti skont [ir-Regolament Dublin III], u fejn ikun ingħata effett sospensiv fir-rigward tal-miżura ta’ tneħħija tal-barrani kkonċernat?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-Flygtningenævnet (il-Kummissjoni tar-Refuġjati) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta din il-kawża għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26

Fil‑15 ta’ Diċembru 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, li jiċħad din it-talba.

27

Fis‑27 ta’ Novembru 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja ressqet lill-Flygtningenævnet (il-Kummissjoni tar-Refuġjati) talba għal kjarifiki, fejn stednitha tagħmel preċiżazzjonijiet dwar in-natura tagħha ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

28

Fit‑8 ta’ Jannar 2024, il-Flygtningenævnet (il-Kummissjoni tar-Refuġjati) wieġbet għal din it-talba.

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali, adita b’rikors għall-annullament li jkollu effett sospensiv, tiddeċiedi b’mod finali dwar il-legalità sostantiva tat-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment, meħuda wara li l-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment li tikkonċerna l-istess persuna tkun ġiet annullata għas-sempliċi raġuni ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi determinanti għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament li twassal għal rinviju għal eżami mill-ġdid mill-awtorità amministrattiva kompetenti, it-terminu għat-trasferiment ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament jibda jiddekorri.

–

fid-data li fiha tkun ingħatat deċiżjoni finali dwar il-legalità sostantiva ta’ din it-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment jew

–

fid-data li fiha l-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment ġiet annullata.

30

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar liema miż-żewġ deċiżjonijiet meħudin mill-qorti nazzjonali hija determinanti għall-applikazzjoni tat-terminu għat-trasferiment ta’ sitt xhur skont it-tieni parti prevista fl-Artikolu 29(1) tal-istess regolament. H isostni, essenzjalment, li din it-tieni parti saret inapplikabbli fil-kawża prinċipali. Huwa jqis li, wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment, it-terminu għat-trasferiment reġa’ beda, konformement mal-ewwel parti prevista f’din id-dispożizzjoni, mid-data li fiha r-Rumanija kienet aċċettat it-teħid lura tiegħu, jiġifieri s‑7 ta’ Lulju 2021.

31

Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li t-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jseħħ, konformement mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedent, hekk kif ikun prattikament possibbli u, l-iktar tard, fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tat-talba biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura din il-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali fuq ir-rikors meta jingħata effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament.

32

Mill-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament, u b’mod partikolari mill-użu tal-konġunzjoni “jew” bejn l-“aċċettazzjoni” minn Stat Membru ieħor, minn naħa, u d-“deċiżjoni finali” fuq l-appell jew ir-reviżjoni, min-naħa l-oħra, jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, iż-żewġ mumenti msemmija f’din id-dispożizzjoni, li minnhom it-terminu għat-trasferiment ta’ sitt xhur jista’ jibda jiddekorri, jikkostitwixxu żewġ partijiet li jeskludu lil xulxin.

33

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni parti, l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għall-mument meta d-deċiżjoni fuq rikors minn deċiżjoni ta’ trasferiment tkun saret finali, mingħajr madankollu ma tiddistingwi skont ir-riżultat li tasal għalih l-awtorità ġudizzjarja fid-deċiżjoni tagħha fuq ir-rikors. B’mod partikolari, mill-kliem tal-istess dispożizzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li t-tieni parti ssir inapplikabbli fil-każ li l-awtorità ġudizzjarja tannulla d-deċiżjoni ta’ trasferiment.

34

Għalhekk, fil-każ fejn deċiżjoni ta’ trasferiment tkun is-suġġett ta’ rikors b’effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li t-terminu għat-trasferiment ta’ sitt xhur jibda jiddekorri mhux mill-aċċettazzjoni tat-talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura, iżda, b’deroga, mid-deċiżjoni finali fuq ir-rikors mogħtija minn deċiżjoni ta’ trasferiment. F’dan il-każ, l-imsemmi terminu għalhekk jibda jiddekorri biss mill-mument li fih id-deċiżjoni ġudizzjarja fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun saret finali, wara li jkunu ntużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha previsti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment fir-rikors),C‑556/21, EU:C:2023:272, punti 23 u 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Sussegwentement, għandu jitfakkar li dan il-posponiment tat-terminu għat-trasferiment sakemm tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment tippermetti li jiġu żgurati opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-effettività tal-proċeduri ta’ rikors, billi jiġi żgurat li dan it-terminu ma jiskadix minkejja li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun saret impossibbli bil-preżentata ta’ rikors b’effett sospensiv minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment fir-rikors),C‑556/21, EU:C:2023:272, punt 35).

36

Issa, l-interpretazzjoni invokata minn H tista’ tqiegħed inkwistjoni l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-effettività tal-proċeduri ta’ rikors li hija intiża li tiżgura t-tieni parti prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III. Fil-fatt, sa fejn, skont din l-interpretazzjoni, annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment mill-awtorità ġudizzjarja jimplika li t-terminu għat-trasferiment jibda jiddekorri mill-ġdid mill-aċċettazzjoni tat-teħid lura mill-Istat Membru responsabbli, dan jista’ preċiżament ikollu l-konsegwenza li t-terminu għat-trasferiment ta’ sitt xhur jiskadi, jekk ikun il-każ, f’mument li fih l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ssir impossibbli minn rikors għall-annullament li jkollu effett sospensiv. Dan kien b’mod partikolari l-każ fil-kawża prinċipali, peress li, skont l-imsemmija interpretazzjoni, dan it-terminu kien diġà skada fis‑7 ta’ Frar 2022, fid-data li fiha r-rikors għall-annullament mill-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment kien għadu pendenti.

37

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostni H, mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment fir-rikors) (C‑556/21, EU:C:2023:272), bl-ebda mod ma jirriżulta li l-annullament, fi tmiem ir-rikors għall-annullament b’effett sospensiv, tad-deċiżjoni ta’ trasferiment huwa ta’ natura li jirrendi inapplikabbli t-tieni parti prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III.

38

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li, fil-każ fejn id-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet annullata fl-ewwel istanza, ma tkunx għadha teżisti deċiżjoni ta’ trasferiment li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tiġi sospiża fil-kuntest ta’ att tat-tieni istanza. Madankollu, is-sitwazzjoni li wasslet għall-imsemmija sentenza hija sostanzjalment differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-punti 29 u 39 tal-istess sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-possibbiltà li jiġu applikati miżuri provviżorji skont l-Artikolu 27(4) ta’ dan ir-regolament fil-kuntest ta’ att tat-tieni istanza, u dan f’sitwazzjoni li fiha r-rikors fl-ewwel istanza ma kienx akkumpanjat minn effett sospensiv. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, H ippreżenta żewġ rikorsi għall-annullament kontra ż-żewġ deċiżjonijiet ta’ trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li t-tnejn li huma għandhom effett sospensiv ta’ natura li teskludi l-ewwel parti prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament favur it-tieni alternattiva, jiġifieri r-rikors mid-deċiżjoni ta’ trasferiment inizjali u, wara l-annullament tagħha, dak ippreżentat mit-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment.

39

Wara li ġie ppreċiżat dan, għandha tiġi eżaminata d-domanda magħmula dwar l-applikazzjoni tat-tieni parti prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III.

40

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi ddeterminat il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu għat-trasferiment ta’ sitt xhur, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha, fir-rigward tat-tieni parti, li tkopri d-deċiżjoni finali fuq ir-rikors meta jingħata l-effett sospensiv.

41

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija dispożizzjoni għalhekk ma tistabbilixxix regoli speċifiċi dwar il-kalkolu ta’ dan it-terminu, meta l-awtorità ġudizzjarja — wara li tkun annullat l-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment u wara li tkun irrinvijat għal eżami mill-ġdid lill-awtorità amministrattiva kompetenti, għas-sempliċi raġuni ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi determinanti għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Dublin III li seħħet mit-teħid ta’ din id-deċiżjoni — tiddeċiedi dwar il-legalità tat-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fir-rigward tal-istess persuna, wara dan l-annullament u dan ir-rinviju.

42

Fit-tieni lok, bis-saħħa tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, ta’ din id-deċiżjoni, quddiem qorti.

43

F’dan ir-rigward, mit-tieni sentenza tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jirrigwarda kemm l-eżami tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni fil-fatt u fid-dritt fl-Istat Membru li lejh jiġi ttrasferit l-applikant. Għalhekk, l-Artikolu 27(1) tal-istess regolament, moqri fid-dawl ta’ din il-premessa, jagħti lill-persuna d-dritt li tikseb stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

44

Fid-dawl tar-rabta li teżisti, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III, bejn l-istabbiliment ta’ rimedji ġudizzjarji li għandhom effett sospensiv, skont l-Artikolu 27(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, u l-posponiment tat-terminu għat-trasferiment previst fit-tieni parti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan it-terminu għat-trasferiment għandu jibda jiddekorri mhux mid-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment, iżda biss mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ din il-proċedura u li ma tistax iktar tostakola din l-implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punti 46 u 50).

45

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li, fil-preżenza ta’ ċirkustanzi ġodda determinanti għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Dublin III, l-awtorità ġudizzjarja tannulla d-deċiżjoni ta’ trasferiment u tagħmel rinviju għal eżami mill-ġdid lill-awtorità amministrattiva kompetenti, tista’ twassal għall-eżistenza ta’ żewġ deċiżjonijiet ta’ trasferiment u ta’ żewġ rikorsi distinti. Madankollu, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet suċċessivi għandhom, it-tnejn li huma, bħala għan it-trasferiment tal-istess applikant għal protezzjoni internazzjonali wara l-aċċettazzjoni tat-teħid lura tiegħu mill-Istat Membru responsabbli, jidher, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-imsemmija deċiżjonijiet jagħmlu parti minn proċedura unika.

46

Issa, fil-kuntest ta’ tali proċedura unika, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità ġudizzjarja tannulla l-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment għas-sempliċi raġuni li jkun hemm bdil fiċ-ċirkustanzi determinanti għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Dublin III u tagħmel tali rinviju għal eżami mill-ġdid għandha titqies bħala deċiżjoni intermedjarja li tippermetti lill-awtorità amministrattiva kompetenti tevalwa l-possibbli effetti ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ġodda fuq it-trasferiment tal-persuna kkonċernata, mingħajr madankollu ma ttemm b’mod finali l-proċedura relatata ma’ dan it-trasferiment.

47

Fit-tielet lok, filwaqt li mill-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiffavorixxi eżekuzzjoni rapida tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, xorta jibqa’ l-fatt li huwa ma riedx jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għar-rekwiżit ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom, u li huwa ppreveda, sabiex jiżgura din il-protezzjoni, li l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tista’, f’ċerti każijiet, tiġi sospiża (sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 48, kif ukoll tat‑30 ta’ Marzu 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment fir-rikors), C‑556/21, EU:C:2023:272, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, għalhekk, jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

48

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet individwali dderivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu r-responsabbiltà jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsemmija drittijiet kif iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-dritt għal azzjoni legali ggarantit fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, Al Nasiria, C‑610/23, EU:C:2025:514, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, armonizza biss ċerti modalitajiet proċedurali tal-appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment jew tar-reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, ta’ din id-deċiżjoni quddiem qorti li għandu jkollha l-persuna kkonċernata. B’mod partikolari, ma speċifikax f’dan l-artikolu jekk u skont liema modalitajiet il-qorti adita fil-kuntest ta’ dan l-appell hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għat-teħid tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punti 38 u 40).

50

Minn dan isegwi li, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi sussegwenti għat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, kull Stat Membru marbut bir-Regolament Dublin III għandu jorganizza d-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li jippermetti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, kif iggarantit minn dan l-Artikolu 47 u kkonkretizzat mill-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-premessa 19 tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, Al Nasiria, C‑610/23, EU:C:2025:514, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 49 tas-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270), li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-qorti adita b’rikors għall-annullament mid-deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni li huma determinanti għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix għal rimedju speċifiku li jinkludi eżami ex nunc tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, li r-riżultati tiegħu jorbtu lill-awtoritajiet kompetenti, li jista’ jiġi eżerċitat wara l-okkorrenza ta’ tali ċirkustanzi. Kif jirriżulta mill-punt 47 tal-istess sentenza, jikkostitwixxu tali ċirkustanzi determinanti b’mod partikolari dawk li jostakolaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru rikjedenti jew li jimplikaw ir-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedenti.

52

Il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti tapplika mutatis mutandis għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-preżenza ta’ informazzjoni ġdida dwar tali ċirkustanzi, l-awtorità ġudizzjarja tannulla d-deċiżjoni ta’ trasferiment u tirrinvija għal eżami mill-ġdid lill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex din tal-aħħar tieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali deċiżjoni ta’ annullament u ta’ rinviju għall-finijiet ta’ tali eżami mill-ġdid ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni finali fuq l-appell, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III.

53

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl kemm tal-għan imsemmi fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III li tiġi żgurata, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, protezzjoni effikaċi tal-persuni kkonċernati kif ukoll dak li tiġi żgurata b’ħeffa d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali stabbilita fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, l-applikant għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għat-teħid tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, meta t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom huwa determinanti għall-applikazzjoni korretta tal-imsemmi regolament. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-applikant jinvoka tali ċirkustanzi fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment tissodisfa, b’mod partikolari, dan l-obbligu li jipprevedi rimedju ġudizzjarju rapidu u effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Issa, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li, wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment inizjali mill-awtorità ġudizzjarja u r-rinviju għal eżami mill-ġdid lill-awtorità amministrattiva kompetenti, hija din l-awtorità amministrattiva li għandha teżamina mill-ġdid it-trasferiment tal-persuna kkonċernata fid-dawl ta’ ċirkustanzi sussegwenti għal din id-deċiżjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, li jiġi ssodisfatt l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju rapidu u effettiv. L-osservanza ta’ dan l-obbligu tippreżupponi madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-dritt nazzjonali jiġi organizzat b’tali mod li l-awtorità amministrattiva kompetenti tipproċedi għall-eżami mill-ġdid hekk meħtieġ mingħajr dewmien inġustifikat u li l-awtorità ġudizzjarja adita tiddeċiedi f’qasir żmien (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-dritt għal azzjoni legali ggarantit fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 148).

55

Fi kwalunkwe każ, it-tul tal-proċedura amministrattiva u ġudizzjarja, relatata mat-trasferiment tal-persuna kkonċernata, ma jistax, fl-intier tiegħu, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom hija nbdiet.

56

B’mod partikolari, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjedenti jevitaw ir-responsabbiltà tagħhom billi jirrinvjaw il-kawża, b’mod ripetut, għal eżami mill-ġdid quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti, mingħajr ma qatt tingħata deċiżjoni fuq il-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tkun ta’ natura li tikkomprometti l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, li jiggarantixxi aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni tista’ wkoll tqiegħed inkwistjoni l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, kif iggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-premessa 19 tiegħu.

57

F’dan il-kuntest, għandu għal darb’oħra jitfakkar li t-terminu għat-trasferiment previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jikkontribwixxi, b’mod determinanti, għat-twettiq tal-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, billi jiġi ggarantit li l-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura ser jiġu implimentati mingħajr dewmien inġustifikat. Dan it-terminu mandatorju u, b’mod partikolari, ir-regola prevista fl-Artikolu 29(2) tal-imsemmi regolament jixhdu l-fatt li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, tali applikazzjonijiet għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu eżaminati minn Stat Membru differenti minn dak indikat bħala responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, X u X, C‑47/17 u C‑48/17, EU:C:2018:900, punti 69 u 70).

58

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin ħa t-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward ta’ H fit‑8 ta’ April 2022, jiġifieri inqas minn erba’ ġimgħat wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment inizjali u r-rinviju għal eżami mill-ġdid lil dan id-dipartiment fil‑15 ta’ Marzu tal-istess sena. Jidher għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li d-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Barranin wettaq l-eżami mill-ġdid meħtieġ mingħajr dewmien inġustifikat.

59

Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza, hija din il-qorti li għandha tivverifika fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali, minn naħa, jekk jistax jitqies li, billi ċaħdet ir-rikors għall-annullament kontra t-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment fit‑8 ta’ Diċembru 2022, hija ddeċidiet f’qasir żmien dwar dan ir-rikors, minkejja li dan kien ġie ppreżentat quddiemha kważi tmien xhur qabel u li, mill‑24 ta’ Mejju 2022, ir-Rumanija informat lill-Istati Membri kollha dwar it-tneħħija tas-sospensjoni tat-trasferimenti deħlin skont ir-Regolament Dublin III. Min-naħa l-oħra, hija għandha tivverifika jekk it-tul tal-proċedura relatata mat-trasferiment ta’ H, li jammonta għal kważi 17-il xahar mill-aċċettazzjoni, fis‑7 ta’ Lulju 2021, mir-Rumanija tat-teħid lura ta’ dan l-applikant, kienx imur fl-intier tiegħu, lil hinn minn dak li kien neċessarju fid-dawl tal-għanijiet li għalihom hija nbdiet.

60

Madankollu, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-proċedura ta’ teħid lura ma ġietx implimentata mingħajr dewmien inġustifikat, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru differenti minn dak indikat bħala responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali, adita b’rikors għall-annullament li jkollu effett sospensiv, tiddeċiedi b’mod finali dwar il-legalità sostantiva tat-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment, li ttieħdet wara li l-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment li tikkonċerna l-istess persuna tkun ġiet annullata għas-sempliċi raġuni ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi determinanti għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament li twassal għal rinviju għal eżami mill-ġdid mill-awtorità amministrattiva kompetenti, it-terminu għat-trasferiment ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament jibda jiddekorri fid-data li fiha tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar il-legalità sostantiva ta’din it-tieni deċiżjoni.

Sabiex jiġi ggarantit li t-tul tal-proċedura relatata mat-trasferiment tal-persuna kkonċernata ma jmurx, fl-intier tiegħu, lil hinn minn dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-għanijiet li għalihom hija nbdiet, din it-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment u d-deċiżjoni finali fuq ir-rikors għall-annullament ippreżentat kontriha għandhom jittieħdu f’qasir żmien.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

meta qorti nazzjonali, adita b’rikors għall-annullament li jkollu effett sospensiv, tiddeċiedi b’mod finali dwar il-legalità sostantiva tat-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment, li ttieħdet wara li l-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment li tikkonċerna l-istess persuna tkun ġiet annullata għas-sempliċi raġuni ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi determinanti għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament li twassal għal rinviju għal eżami mill-ġdid mill-awtorità amministrattiva kompetenti, it-terminu għat-trasferiment ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament jibda jiddekorri fid-data li fiha tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar il-legalità sostantiva ta’din it-tieni deċiżjoni.

 

Sabiex jiġi ggarantit li t-tul tal-proċedura relatata mat-trasferiment tal-persuna kkonċernata ma jmurx, fl-intier tiegħu, lil hinn minn dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-għanijiet li għalihom hija nbdiet, din it-tieni deċiżjoni ta’ trasferiment u d-deċiżjoni finali fuq ir-rikors għall-annullament ippreżentat kontriha għandhom jittieħdu f’qasir żmien.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.