SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikoli 6(1) u 7(1) – Setgħa ta’ stħarriġ u obbligi tal-qorti nazzjonali – Klawżola ta’ penalità – Assenza ta’ stħarriġ ex officio tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola – Awtorità ta’ res judicata – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Invokazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura fejn il-kawża tintbagħat lura wara kassazzjoni”
Fil-Kawża C‑320/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ April 2024, fil-proċedura
CR,
TP
vs
Soledil Srl, fi ftehim mal-kredituri,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, N. Jääskinen u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Frar 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal CR u TP, minn J.‑S. F. Bartolomei, avvocato, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino u G. Palmieri, bħala aġent, assistiti minn M. Cherubini u C. Colelli, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u D. Recchia, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Ġunju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CR u TP, żewġ xerrejja prospettivi ta’ proprjetà immobbli li għandhom il-kwalità ta’ konsumaturi, u Soledil Srl, fi ftehim mal-kredituri, bejjiegħ prospettiv, dwar talba għax-xoljiment tal-konvenju li jirrigwarda din il-proprjetà immobbli u l-validità tal-klawżola ta’ penalità li tinsab f’dan il-konvenju. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
It-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tgħid li: “[…] l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”. |
|
4 |
L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
5 |
L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id-dritt Taljan
Il-Kodiċi tal-Konsumatur
|
6 |
L-Artikolu 33 tad-decreto legislativo n. 206, recante codice del consumo a norma dell’articolo 7 della legge di 29 luglio 2003, n. 229 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 dwar il-Kodiċi tal-Konsumatur fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 229 tad‑29 ta’ Lulju 2003), tas‑6 ta’ Settembru 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 235, tat‑8 ta’ Ottubru 2005), li jittrasponi d-Direttiva 93/13 fl-ordinament ġuridiku Taljan, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu, li: “1. F’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, huma kkunsidrati bħala inġusti l-klawżoli li, minkejja l-bona fide, joħolqu għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt. 2. Huma preżunti inġusti sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor il-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li: […]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 36(1) u (3) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li: “1. Il-klawżoli meqjusa inġusti skont l-Artikoli 33 u 34 huma nulli, filwaqt li l-kumplament tal-kuntratt jibqa’ validu. […] 3. In-nullità tapplika biss għall-benefiċċju tal-konsumatur u tista’ titqajjem ex officio mill-qorti.” |
Il-Kodiċi Ċivili
|
8 |
Skont l-Artikolu 1384 tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili), il-penalità tista’ titnaqqas mill-qorti b’mod ekwu jekk l-obbligu prinċipali jkun ġie eżegwit parzjalment jew jekk l-ammont tal-penalità jkun manifestament eċċessiv, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-kreditur għall-eżekuzzjoni. |
Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili
|
9 |
L-Artikolu 384 tal-Codice di procedura civile (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), intitolat “Dikjarazzjoni tal-prinċipju ta’ dritt u deċiżjoni dwar il-fondatezza”, jistabbilixxi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li: “Meta tilqa’ l-appell, il-[Corte suprema di cassazione (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja)] għandha tħassar id-deċiżjoni billi tibgħat lura l-kawża lil qorti oħra, li għandha tikkonforma mal-prinċipju ta’ dritt u, fi kwalunkwe każ, mal-punt ta’ liġi deċiż minn dik il-qorti, jew inkella għandha tiddeċiedi hija stess fuq il-mertu meta konstatazzjonijiet ġodda ta’ fatt ma jkunux neċessarji.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 394 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Proċedura fejn il-kawża tintbagħat lura”: “[…] Fil-proċedura fejn il-kawża tintbagħat lura, il-ġurament deċiżiv jista’ jiġi kkontestat, iżda l-partijiet ma jistgħux iressqu talbiet oħra minbarra dawk li jkunu ressqu fl-istanza li fiha ngħatat is-sentenza annullata, sakemm in-neċessità ta’ talbiet ġodda ma tirriżultax mis-sentenza ta’ kassazzjoni.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
11 |
Fl‑1998, CR u TP, fil-kwalità tagħhom ta’ xerrejja prospettivi, u Soledil, bħala bejjiegħ prospettiv, ikkonkludew konvenju għax-xiri ta’ proprjetà immobbli, li permezz tiegħu tal-ewwel ħallsu lil din tal-aħħar depożitu ekwivalenti għall-ammont ta’ madwar EUR 72870. L-Artikolu 7 ta’ dan il-konvenju kien jistabbilixxi, taħt il-klawżola ta’ penalità, li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu tax-xerrejja prospettivi li jikkonkludu l-kuntratt definittiv, il-bejjiegħ prospettiv jista’ jżomm, bħala penalità, l-ammonti mħallsa bħala depożitu. |
|
12 |
Il-kuntratt definittiv relatat ma’ dan il-bejgħ qatt ma ġie konkluż u t-tilwima dwar il-konvenju tressqet quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, li, permezz ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ tad‑29 ta’ Lulju 2002, iddeċieda li jxolji dan il-konvenju minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tax-xerrejja prospettivi. Dawn tal-aħħar ġew ikkundannati jirrestitwixxu l-proprjetà immobbli inkwistjoni u, b’mod parallel, il-bejjiegħ prospettiv ġie kkundannat iħallas lura s-somom kollha rċevuti bħala depożitu. |
|
13 |
Permezz ta’ sentenza mogħtija fl‑2009, il-Corte d’appello di Ancona (il-Qorti tal-Appell ta’ Ancona, l-Italja) iddikjarat id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ nulla għal raġunijiet proċedurali u ddeċidiet fuq il-mertu tat-tilwima. B’mod partikolari, din il-qorti kkundannat lix-xerrejja prospettivi jirrestitwixxu l-proprjetà immobbli inkwistjoni u kkundannat lill-bejjiegħ prospettiv iħallas lura s-somom irċevuti bħala depożitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1384 tal-Kodiċi Ċivili, hija naqqset il-penalità prevista fl-Artikolu 7 tal-konvenju, kif imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, għall-interessi biss dovuti fuq is-somom imħallsa bħala depożitu. |
|
14 |
Permezz ta’ sentenza mogħtija fl-appell fl‑2015, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) annullat is-sentenza tal-Corte d’appello di Ancona (il-Qorti tal-Appell ta’ Ancona) minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li titnaqqas l-imsemmija penalità. |
|
15 |
Il-kawża għalhekk intbagħtet lura quddiem il-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna, l-Italja). |
|
16 |
Permezz ta’ sentenza mogħtija fl‑2018, dik il-qorti ddikjarat li s-suġġett tal-kawża mibgħuta lura kien limitat għall-applikazzjoni tal-klawżola ta’ penalità prevista fl-Artikolu 7 tal-konvenju, għall-eventwali tnaqqis tal-penalità applikabbli u għad-determinazzjoni ta’ dannu potenzjalment ogħla, imġarrab mill-bejjiegħ jew fornitur, marbut mal-okkupazzjoni mingħajr titolu tal-proprjetà immobbli inkwistjoni. L-imsemmija qorti ddeċidiet, b’mod partikolari, li penalità ta’ madwar EUR 72870 kienet eċċessiva u għalhekk naqqset għal EUR 61600 l-ammont dovut mix-xerrejja prospettivi f’dan ir-rigward. |
|
17 |
Ix-xerrejja prospettivi adixxew lill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostnew, b’mod partikolari, l-invalidità ta’ din il-klawżola ta’ penalità għar-raġuni li din kienet timponilhom penalità manifestament eċċessiva u kienet tikkostitwixxi, għaldaqstant, klawżola inġusta fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tagħhom, il-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna) kellha, ex officio, tiddikjara l-Artikolu 7 tal-konvenju invalidu. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-prinċipju ta’ res judicata jipprekludi li kwistjoni dwar in-nullità ta’ klawżola allegatament inġusta, li ma tqajmitx jew ma ġietx irrilevata fil-kuntest tal-ewwel stħarriġ ta’ legalità u li tirriżulta neċessarjament inkompatibbli mal-kontenut tas-sentenza li tħassar is-sentenza mogħtija fuq il-mertu, tiġi mistħarrġa waqt it-tieni stħarriġ ta’ legalità. |
|
19 |
Min-naħa l-oħra, din il-qorti tindika li hija diġà ddeċidiet, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ effettività fir-rigward tad-drittijiet irrikonoxxuti lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13, li l-awtorità ta’ res judicata ma tapplikax fil-kuntest ta’ proċedura sommarja għal ordni ta’ ħlas, meta t-titolu invokat ma kienx is-suġġett ta’ oppożizzjoni u ma jinkludix motivazzjoni dwar l-assenza ta’ natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni. |
|
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] [kif ukoll] l-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati:
|
Fuq id-domanda preliminari
|
21 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma tippermettix lill-qorti nazzjonali, adita b’kawża li tkun intbagħtet lura wara kassazzjoni, tistħarreġ ex officio n-nullità ta’ klawżola kuntrattwali allegatament inġusta meta, minn naħa, il-motiv ibbażat fuq in-natura inġusta ta’ din il-klawżola ma jkunx ġie invokat mill-konsumatur matul l-istadji preċedenti tal-proċedura ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, in-nullità ta’ tali klawżola ma tkunx tqajmet ex officio mill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza fil-kassazzjoni. |
|
22 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni obbligatorja intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ veru ta’ natura li tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
F’dan ir-rigward, kuntest, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, meta jkollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz,C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46, u tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 53). |
|
25 |
Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri fid-dawl tal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew mill-fornituri (sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank,C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 44, u tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 54). |
|
26 |
Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-modalitajiet proċedurali intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jiġu applikati b’mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco,C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda prova tali li tqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju. |
|
28 |
Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha meħuda kollha f’daqqa, kif ukoll, jekk ikun il-każ, prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco,C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta, li japplika, fost oħrajn, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco,C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco,C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jisiltu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco,C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Fid-dawl ta’ dan, għandha titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża li, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ fejn, waqt stħarriġ preċedenti ta’ kuntratt kontenzjuż li wassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti nazzjonali llimitat ruħha għal stħarriġ ex officio, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola waħda jew ta’ wħud mill-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, din id-direttiva timponi fuq qorti nazzjonali l-obbligu li tevalwa, fuq it-talba tal-partijiet jew ex officio, meta jkollha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għal dan il-għan, in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli oħra tal-imsemmi kuntratt. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali stħarriġ, il-protezzjoni tal-konsumatur tkun inkompleta u insuffiċjenti u la tkun tikkostitwixxi mezz adegwat u lanqas wieħed effettiv sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ dan it-tip ta’ klawżoli, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus,C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Mill-banda l-oħra, din il-protezzjoni tkun żgurata jekk, matul l-ewwel proċedura ġudizzjarja, il-qorti kompetenti tkun wettqet l-istħarriġ tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, fil-każ li dan l-istħarriġ, motivat tal-inqas fil-qosor, ma jkun wera l-eżistenza ta’ ebda klawżola inġusta u li l-konsumatur ikun ġie debitament informat li, fl-assenza ta’ appell fit-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali, ikun prekluż milli jinvoka sussegwentement in-natura possibbilment inġusta ta’ dawn il-klawżoli (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, ERB New Europe Funding II,C‑178/23, EU:C:2024:943, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-istħarriġ minn qorti tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur huwa konformi mal-prinċipju ta’ effettività fid-dawl tad-Direttiva 93/13 jekk, minn naħa, il-konsumatur ikun informat bl-eżistenza ta’ dan l-istħarriġ u bil-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-passività tiegħu fil-qasam tad-dekadenza tad-dritt li jinvoka n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, u jekk, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni meħuda wara l-imsemmi stħarriġ hija mmotivata b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti li jiġu identifikati l-klawżoli mistħarrġa f’din l-okkażjoni u r-raġunijiet, anki sommarji, li għalihom il-qorti qieset li dawn il-klawżoli ma humiex ta’ natura inġusta. Deċiżjoni ġudizzjarja li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti jista’ jkollha l-effett li tipprekludi li jsir stħarriġ ġdid tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti (sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Investcapital,C‑724/22, EU:C:2024:182, punt 45). |
|
36 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jipprekludi li motiv li jista’ jitqajjem ex officio, bħan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, jiġi mistħarreġ fil-kuntest ta’ proċedura fejn il-kawża tintbagħat lura, f’ċirkustanzi fejn dan il-motiv ma kienx tqajjem jew ma jkunx ġie rrilevat fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza fil-kassazzjoni u l-invokazzjoni ta’ tali motiv tirriżulta, għaldaqstant, neċessarjament inkompatibbli mal-kontenut tad-dispożittiv tagħha. |
|
37 |
Jidher ukoll li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji relatati mat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif imsemmija fil-punti 13, 14 u 16 ta’ din is-sentenza, ma jinkludu l-ebda analiżi, la mill-qrati li ddeċidew fuq il-mertu u lanqas mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni), tan-natura potenzjalment abbużiva tal-klawżola ta’ penalità inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
38 |
Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, ġiet fil-fatt adottata deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxi impliċitament il-validità ta’ din il-klawżola ta’ penalità, peress li d-deċiżjoni, meħuda mill-qrati nazzjonali, li jitnaqqas l-ammont tal-penalità tippreżupponi loġikament li l-imsemmija klawżola hija valida u tipproduċi effetti legali. Għalhekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-imsemmija klawżola huwa meqjus li seħħ impliċitament u li huwa kopert mill-awtorità ta’ res judicata, u dan anki fl-assenza ta’ kwalunkwe motivazzjoni f’dan is-sens. Issa, dan jirrendi impossibbli l-istħarriġ rikjest mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 u 33 sa 35 ta’ din is-sentenza, minkejja l-fatt li proċedura ġudizzjarja li tirrigwarda din il-klawżola ta’ penalità tkun għadha pendenti. |
|
39 |
Minn dan jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li ċċaħħad lill-konsumatur mill-mezzi proċedurali li jippermettulu jinvoka d-drittijiet tiegħu taħt id-Direttiva 93/13, hija tali li tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, u b’hekk tippreġudika l-prinċipju ta’ effettività. |
|
40 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li x-xerrejja prospettivi urew passività totali u invokaw in-natura inġusta tal-klawżola ta’ penalità kkonċernata biss fil-kuntest tat-tieni appell ta’ kassazzjoni. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tasal sabiex tirrimedja għal kollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2025, GR REAL,C‑351/23, EU:C:2025:474, 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li xerrejja prospettivi pparteċipaw fil-fażijiet differenti kollha tal-proċedura ġudizzjarja u invokaw, anki jekk biss fil-kuntest tat-tieni appell ta’ kassazzjoni, in-natura inġusta tal-klawżola ta’ penalità kkonċernata. Għaldaqstant, l-aġir tagħhom ma jistax jiġi kklassifikat bħala totalment passiv. |
|
42 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma tippermettix lill-qorti nazzjonali, adita b’kawża li tkun intbagħtet lura wara kassazzjoni, tistħarreġ ex officio n-nullità ta’ klawżola kuntrattwali allegatament inġusta meta, minn naħa, il-motiv ibbażat fuq in-natura inġusta ta’ din il-klawżola ma jkunx ġie invokat mill-konsumatur matul l-istadji preċedenti tal-proċedura ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, in-nullità ta’ tali klawżola ma tkunx tqajmet ex officio mill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza fil-kassazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma tippermettix lill-qorti nazzjonali, adita b’kawża li tkun intbagħtet lura wara kassazzjoni, tistħarreġ ex officio n-nullità ta’ klawżola kuntrattwali allegatament inġusta meta, minn naħa, il-motiv ibbażat fuq in-natura inġusta ta’ din il-klawżola ma jkunx ġie invokat mill-konsumatur matul l-istadji preċedenti tal-proċedura ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, in-nullità ta’ tali klawżola ma tkunx tqajmet ex officio mill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza fil-kassazzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.