SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Assenjazzjoni mingħajr il-kunsens tiegħu ta’ mħallef ta’ qorti suprema bħala ġudikant, għal perijodu determinat, f’awla oħra ta’ din il-qorti – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/17/KE – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti – Applikazzjoni għal ftehim ta’ trasferiment ta’ drittijiet għall-proprjetà li jirrigwardaw ċertifikati ta’ oriġini ta’ elettriku ekoloġiku – Direttiva 92/13/KEE – Artikolu 2d(1) – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Assenza ta’ effetti tal-kuntratt – Entità kontraenti li titlob l-annullament ta’ kuntratt konkluż bi ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Abbuż ta’ dritt – Assenza”
Fil-Kawżi magħquda C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23 [Daka] ( i ),
li għandhom bħala suġġett ħames talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 u tal‑21 ta’ April 2023 kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10, fl‑20, fil‑21 u fil‑31 ta’ Lulju 2023 kif ukoll fit‑3 ta’ Awwissu 2023, fil-proċeduri
T.B.
vs
C.B.,
fil-preżenza ta’:
D.B. (C‑422/23),
u
G.T.
vs
T. S.A. (C‑455/23),
u
E. S.A.
vs
W. sp. z o.o.,
Bank S.A. (C‑459/23),
u
S. sp. z o.o.
vs
V. sp. z o.o. (C‑486/23),
u
Miasto W.
vs
M.T.,
E.T.,
A.W. (C‑493/23),
fil-preżenza ta’:
Prokurator Prokuratury Okręgowej Warszawa-Praga w Warszawie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, M. Gavalec, Z. Csehi u M. Condinanzi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Jannar 2025, wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal E. S.A., minn P. Łącki, adwokat, |
|
– |
għall-Prokuratura Okręgowa Warszawa-Praga w Warszawie, minn D. Winiarek, Zastępca Prokuratora Okręgowego Warszawa-Praga w Warszawie, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn A. Bodnar, B. Majczyna, M. Rzotkiewicz, M. Taborowski u S. Żyrek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, P.J.O. Van Nuffel u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (Kawżi C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23), tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni (Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23), tal-Artikolu 1(2)(ċ) u (4), tal-Artikolu 2(1)(b), tal-Artikolu 3(3)(b), tal-Artikolu 14, tal-Artikolu 16(a) u tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 314, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/17”), tal-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifiki fil-ĠU 2018, L 176, p. 23 u fil-ĠU 2022, L 225, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”), kif ukoll tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt (Kawża C‑459/23). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ ħames tilwimiet bejn, rispettivament, T.B. u C.B. dwar it-tqassim ta’ patrimonju komuni u ta’ suċċessjoni (Kawża C‑422/23), G.T. u T. S.A. dwar ir-rilaxx ta’ garanzija u tal-eżekuzzjoni ta’ azzjonijiet miżmuma minn kumpannija (Kawża C‑455/23), E. S.A. (iktar ’il quddiem il-“kumpannija E.”) u W. sp. z o.o. (iktar ’il quddiem il-“kumpannija W.”) u Bank S.A. dwar l-ineżistenza legali ta’ rabta kuntrattwali (Kawża C‑459/23), S. sp. z o.o. u V. sp. z o.o. dwar talba għal ħlas (Kawża C‑486/23) kif ukoll, minn naħa, Miasto W. u, min-naħa l-oħra, M.T., E.T. u A.W. dwar obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ rieda (Kawża C‑493/23). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/88/KE
|
3 |
L-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema: […]
|
Id-Direttiva 92/13
|
4 |
Skont l-Artikolu 2d(1)(a) u (2) tad-Direttiva 92/13: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każijiet li jmiss:
[…] 2. Il-konsegwenzi ta’ meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom ikunu stabbiliti mill-liġi nazzjonali. Il-liġi nazzjonali tista’ għalhekk tipprovdi għall-kanċellazzjoni retroattiva ta’ l-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kanċellazzjoni għal dawk l-obbligi li xorta jkunu jridu jiġu mwettqa. Fl-aħħar każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2).” |
|
5 |
L-Artikolu 2d(1)(a) u (2) tad-Direttiva 92/13 iddaħħal fid-Direttiva 92/13 permezz tad-Direttiva 2007/66. Il-premessi 2, 13, 14 u 20 ta’ din tal-aħħar huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
Id-Direttiva 2004/17
|
6 |
Il-premessi 2, 3 u 9 tad-Direttiva 2004/17 kienu fformulati kif ġej:
[…]
|
|
7 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet dikjarati f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw. 2. […]
[…] 4. ‘Qafas ta’ ftehim’ huwa ftehim bejn entità kontraenti waħda jew aktar riferiti fl-Artikolu 2(2) u operatur ekonomiku wieħed jew aktar, li l-għan tiegħu huwa li jiġu stabbiliti kuntratti li jirregolaw li jridu jingħataw matul perjodu msemmi, partikolarment rigward prezz u, fejn xieraq, il-kwantitajiet prevvisti.” |
|
8 |
L-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…] 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għal entitajiet kontraenti:
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 3(3) tal-istess direttiva kien jipprovdi: “Safejn huwa konċernat l-elettriku, din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet li ġejjin:
|
|
10 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/17 kien jipprevedi: “1. Entitajiet kontraenti jistgħu iqisu qafas ta’ ftehim bħala kuntratt fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) u jagħtuh bi qbil ma’ din id-Direttiva. 2. Fejn entitajiet kontraenti ikunu taw qafas ta’ ftehim bi qbil ma’ din id-Direttiva, ikunu jistgħu jiddisponu mill-Artikolu 40(3)(i) meta kuntratti ta’ għotja jkunu bażati fuq dak il-qafas ta’ ftehim. 3. Fejn qafas ta’ ftehim ma jkunx ingħata bi qbil ma’ din id-Direttiva, entitajiet kontraenti ma jistgħux jiddisponu mill-Artikolu 40(3)(i). 4. Entitajiet kontraenti ma jistgħux jagħmlu użu ħażin minn qafas ta’ ftehim sabiex ifixklu, jillimitaw jew jgħawwġu l-kompetizzjoni.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 16(a) ta’ din id-direttiva: “Minbarra fejn ikunu mwarrba mill-esklużjonijiet fl-Artikoli 19 sa 26 jew skond l-Artikolu 30, rigward is-segwiment ta’ l-attività msemmija, din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti li għandhom valur li jeskludi t-taxxa tal-valur miżjud (VAT) stmat li mhuwiex inqas mill-livelli minimi li ġejjin:
|
|
12 |
L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva kien ifformulat kif ġej: “1. Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt għandu jiġi bażat fuq l-ammont totali pagabbli, nett ta’ VAT, kif stmat mill-entità kontraenti. Dan il-kalkolu għandu jqis l-ammont totali stmat, inkluż kull forma ta’ għażla u kull tiġdid tal-kuntratt. […] 2. Entitajiet kontraenti jistgħu ma jaħarbux minn din id-Direttiva billi jifirdu proġetti ta’ xogħlijiet jew xiri propost ta’ ċertu kwantità ta’ provvisti u/jew servizzi jew billi jużaw metodi speċjali għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratti. 3. Rigward qafas ta’ ftehim u sistemi dinamiċi ta’ xiri, il-valur stmat li jrid jitqies għandu jkun il-valur nett massimu stmat ta’ VAT tal-kuntratti kollha prevvisti għall-iskond totali tal-ftehim jew tas-sistema. […] 7. Fil-każ ta’ kuntratti ta’ provvista jew ta’ servizz li huma ta’ natura regolari jew li hemm il-ħsieb li jiġġeddu f’perjodu msemmi, il-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandu jiġi bażat fuq dan li ġej:
|
|
13 |
L-Artikolu 20(1) tal-istess direttiva kien jipprevedi: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti li l-entitajiet kontraenti jagħtu għal għanijiet oħra għajr is-segwiment ta’ l-attivitajiet tagħhom kif deskritt fl-Artikoli 3 sa 7 jew għas-segwiment ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiż terz, f’kondizzjonijiet li ma jinvolvux l-użu fiżiku ta’ xibka jew erja ġeografika fil-Komunità [Ewropea].” |
|
14 |
L-Artikolu 40(3)(i) tad-Direttiva 2004/17 kien jipprovdi: “Entitajiet kontraenti jistgħu jużaw proċedura mingħajr sejħa minn qabel għal kompetizzjoni fil-każijiet li ġejjin: […]
|
Id-Direttiva 2014/25/UE
|
15 |
Skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil-ĠU L, 2023/90064): “Mingħajr ma jiġi estiż b’xi mod il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, għandu jiġi ċċarat li l-produzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut tal-elettriku huma koperti meta din id-Direttiva tirreferi għall-provvista tal-elettriku.” |
|
16 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet tal-Artikoli 8, 9 u 10, ‘provvista’ għandha tinkludi l-ġenerazzjoni/produzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut.” |
|
17 |
L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Sa fejn huwa kkonċernat l-elettriku, din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet li ġejjin:
|
Id-Direttiva 2009/28/KE
|
18 |
Il-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), kienu jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:
|
Id-dritt Pollakk
Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema
|
19 |
Skont l-Artikolu 23 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5), kif emendata (Dz. U. tal‑2021, pożizzjoni 1904), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”): “L-Awla Ċivili għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi fil-qasam tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, tad-dritt tal-familja u tat-tutela, kif ukoll tal-kawżi li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni tal-impriżi u r-reġistrazzjoni tal-garanziji.” |
|
20 |
L-Artikolu 25 ta’ din il-liġi jipprevedi: “L-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali hija kompetenti sabiex tisma’ kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali, tad-dritt dwar is-sigurtà soċjali.” |
|
21 |
L-Artikolu 35(3) tal-imsemmija liġi jiddisponi: “Imħallef jista’ jinħatar mill-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) sabiex jipparteċipa fl-eżami ta’ kawża partikolari f’awla oħra u, bil-kunsens tiegħu, sabiex jiġi assenjat bħala ġudikant għal perijodu determinat f’awla oħra. Imħallef jista’ jiġi assenjat bħala ġudikant f’awla oħra, mingħajr il-kunsens tiegħu, għal perijodu massimu ta’ sitt xhur fis-sena. Fi tmiem il-perijodu li matulu l-imħallef ikun ġie assenjat bħala ġudikant f’awla oħra, l-imħallef ikkonċernat għandu jieħu ħsieb il-kawżi li jkunu ġew fdati lilu f’din l-awla sal-għeluq tagħhom.” |
Il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi
|
22 |
L-Artikolu 132(1) tal-ustawa – Prawo zamówień publicznych (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) tad‑29 ta’ Jannar 2004 (Dz. U. Nru 19, pożizzjoni 177), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali fir-rigward tal-Kawża C‑459/23, kienet tipprovdi: “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu għandhom japplikaw għall-kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 3(1) u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u mill-awtoritajiet kontraenti msemmija fil-punt 4 tal-Artikolu 3(1) […] bla ħsara għall-punt 5 tal-Artikolu 3(1), meta l-kuntratt jingħata bl-għan li titwettaq waħda mill-attivitajiet li ġejjin: […]
|
|
23 |
L-Artikolu 146 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali fir-rigward tal-Kawża C‑459/23, kien jipprevedi: “1. Il-kuntratt għandu jiġi annullat jekk l-awtorità kontraenti: […] (2) ma ppubblikatx avviż ta’ kuntratt fil-Biuletynie Zamówień Publicznych [(il-Bulettin tal-Kuntratti Pubbliċi)] jew ma bagħtitx avviż ta’ kuntratt lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet [tal-Unjoni Ewropea]; […] 4. Għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 6, in-nullità ta’ kuntratt ma tistax tintalab abbażi tal-Artikolu 189 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego [(il-Liġi dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, pożizzjoni 296), kif emendata].” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Iċ-ċirkustanzi u d-domandi komuni għall-kawżi kollha
|
24 |
L-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem l-“Awla Ċivili”), li hija l-qorti tar-rinviju, hija adita b’ħames appelli ta’ kassazzjoni. |
|
25 |
Il-Presidenta tal-Awla Ċivili, permezz ta’ digrieti, għażlet il-kulleġġi, magħmula minn tliet imħallfin, inkarigati sabiex jagħtu deċiżjoni dwar kull waħda minn dawn il-ħames kawżi u ddeterminat, għal kull kawża, Imħallef Relatur. |
|
26 |
F’kull wieħed mill-kulleġġi ta’ tliet imħallfin hekk assenjati hemm sedenti, minbarra mħallef tal-Awla Ċivili, żewġ imħallfin assenjati lill-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Dawn l-aħħar żewġ imħallfin ġew assenjati permezz ta’ digrieti tal-Ewwel Presidenta ta’ dik il-qorti, ibbażati fuq l-Artikolu 35(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, bħala ġudikanti fl-Awla Ċivili għal perijodu ta’ tliet xhur mill‑1 ta’ April sat‑30 ta’ Ġunju 2023. Fi tlieta minn dawn il-ħames kawżi, dawn l-assenjazzjonijiet kienu akkumpanjati minn bidla ta’ Mħallef Relatur, favur uħud mill-imħallfin hekk assenjati. |
|
27 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kulleġġi ġudikanti hekk ikkostitwiti, minħabba diversi ċirkustanzi. |
|
28 |
L-ewwel, dik il-qorti tenfasizza li l-imħallfin ikkonċernati ġew assenjati bħala ġudikanti, għal perijodu determinat, fi ħdan l-Awla Ċivili mingħajr il-kunsens tagħhom. Barra minn hekk, huma lanqas biss ġew ikkonsultati minn qabel. |
|
29 |
It-tieni, l-imsemmija qorti tosserva li dawn l-assenjazzjonijiet ma kinux motivati. Filwaqt li tirreferi għal raġunijiet imsemmija fl-istampa dwar l-assenjazzjoni ta’ numru kbir ta’ mħallfin bħala ġudikanti, għal żmien determinat, fl-Awla Ċivili, hija tippreċiża li l-volum ta’ xogħol u l-ammont kbir ta’ kawżi pendenti ta’ din l-awla huma dovuti għall-ġestjoni reċenti tagħha u ma jistgħux jiġġustifikaw tali assenjazzjonijiet. |
|
30 |
It-tielet, l-imħallfin assenjati ma jibbenefikaw, skont id-dritt Pollakk, minn l-ebda protezzjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, deċiżjoni li tassenja mħallef bħala ġudikant, għal żmien determinat, f’awla oħra tista’ tkun suġġetta biss għal eżami mill-ġdid mill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja). Madankollu, dan l-eżami mill-ġdid ma jkunx jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi, fid-dawl tal-kompożizzjoni attwali ta’ dan il-kunsill. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tislet parallel bejn l-assenjazzjonijiet mingħajr kunsens ta’ mħallef bħala ġudikant, għal żmien determinat, f’awla differenti minn dik li lilha kien ġie assenjat u l-miżuri ta’ trasferiment ta’ mħallef mingħajr kunsens. Issa, fil-punt 118 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali miżuri ta’ trasferiment jistgħu jippreġudikaw il-prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin u li dawn għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. |
|
32 |
Ir-raba’, kemm il-Presidenta tal-Awla Ċivili kif ukoll l-Ewwel Presidenta tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li adottaw id-digrieti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, inħatru bħala mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fl-istess ċirkustanzi, irregolari, bħal dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-okkażjoni tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798). Issa, il-proċeduri ġudizzjarji li fihom jipparteċipaw tali persuni huma invalidi, peress li jmorru kontra d-dritt tal-partijiet f’kawża għal smigħ xieraq. |
|
33 |
Il-ħames, l-imħallfin assenjati bħala ġudikanti, għal żmien determinat, fl-Awla Ċivili ma ġewx eżentati mill-eżerċizzju tal-attivitajiet ġudizzjarji tagħhom fl-awla oriġinali tagħhom. Għalhekk, huma għandhom iħabbtu wiċċhom ma’ ammont doppju ta’ xogħol. |
|
34 |
Issa, qabel kollox, dan il-piż doppju ta’ xogħol ma għandux bażi legali fid-dritt Pollakk. Fil-fatt, l-Artikolu 35(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jippermetti assenjazzjoni, mingħajr kunsens, sabiex wieħed ikun ġudikant f’awla oħra biss għal kawża speċifika jew għal perijodu limitat fiż-żmien. F’dan l-aħħar każ, l-imħallef ikkonċernat għandu jkun ġudikanti biss f’din l-awla l-oħra, u mhux simultanjament f’din tal-aħħar u fl-awla oriġinali tiegħu. |
|
35 |
Sussegwentement, l-imsemmi ammont doppju ta’ xogħol joħloq problemi f’termini ta’ kwalità tal-ġustizzja mogħtija, fid-dawl tal-ispeċjalizzazzjoni materjali tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb ta’ din il-qorti. L-assenjazzjoni bħala ġudikant f’awla oħra twassal lill-imħallef ikkonċernat sabiex jagħti deċiżjonijiet f’oqsma tad-dritt li fihom huwa ma huwiex speċjalizzat. |
|
36 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva, f’uħud mit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, li l-istess ammont doppju ta’ xogħol jista’ jmur kontra l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88. Fil-fehma tagħha, ma jistax jiġi aċċettat li l-president ta’ qorti jgawdi minn setgħa diskrezzjonali li tippermettilu jassenja lil imħallef kompiti addizzjonali fl-assenza ta’ kwalunkwe djalogu, u dan minkejja li ż-żieda ta’ dawn il-kompiti twassal sabiex jinqabżu l-istandards massimi Ewropej u nazzjonali tal-ħin tax-xogħol. |
|
37 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-kulleġġi ġudikanti mitluba jagħtu deċiżjonijiet dwar il-ħames appelli ta’ kassazzjoni mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23, hija tistaqsi, barra minn hekk, jekk, fil-każ ta’ inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, dawn il-kulleġġi ġudikanti għandhomx jirrifjutaw li jagħtu deċiżjoni. |
|
38 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawżi C‑422/23 u C‑493/23, id-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
39 |
Fil-Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ifformulat id-domandi tagħha bil-mod segwenti, filwaqt li ppreċiżat li, fil-Kawża C‑459/23, huma l-ewwel sat-tielet domanda mis-seba’ domandi magħmula:
|
Iċ-ċirkustanzi u d-domandi speċifiċi għall-Kawża C‑459/23
|
40 |
Il-kumpannija E., rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑459/23, teżerċita attività ta’ kummerċ tal-elettriku. It-Teżor Pubbliku Pollakk għandu iktar minn 50 % tal-azzjonijiet tagħha. Il-kumpannija W., waħda mill-konvenuti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża, hija attiva fil-produzzjoni, fit-trażmissjoni u fid-distribuzzjoni tal-elettriku. |
|
41 |
Fl‑24 ta’ Frar 2011, il-kumpanniji E. u W. ikkonkludew kuntratt ta’ bejgħ ta’ drittijiet għall-proprjetà (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Dan il-kuntratt kien jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ tad-drittijiet għall-proprjetà kollha li jirriżultaw minn ċertifikati ekoloġiċi, jiġifieri ċertifikati ta’ oriġini tal-elettriku prodott minn sors ta’ enerġija rinnovabbli. Il-kumpannija W. impenjat ruħha li tittrasferixxi lill-kumpannija E. il-proprjetà tad-drittijiet għall-proprjetà kollha li jirriżultaw minn dawn iċ-ċertifikati. Il-kumpannija E. impenjat ruħha li takkwista l-imsemmija ċertifikati permezz ta’ tranżazzjonijiet OTC fil-borża tal-enerġija Pollakka. L-imsemmi kuntratt kien jipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-bejgħ tal-imsemmija ċertifikati billi jiddefinixxi formula ta’ prezz. |
|
42 |
Wara tentattivi mingħajr suċċess ta’ negozjar mill-ġdid tal-kundizzjonijiet tal-prezz stipulati fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpannija E. temmet, f’Settembru 2017, l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ bejgħ ippreżentati lilha mill-kumpannija W. |
|
43 |
Sussegwentement, il-kumpannija E. ippreżentat rikors intiż sabiex tiġi stabbilita l-ineżistenza ta’ rabta kuntrattwali li rriżultat mill-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi bbażat l-argument tagħha fuq ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Hija ġiet miċħuda kemm fl-ewwel istanza, permezz ta’ sentenza tas-Sąd Okregowy w Gdańsku (il-Qorti Reġjonali ta’ Gdansk, il-Polonja), tas‑6 ta’ Diċembru 2018, kif ukoll fl-istadju tal-appell, permezz ta’ sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Gdańsku (il-Qorti tal-Appell ta’ Gdansk, il-Polonja), tat‑13 ta’ Awwissu 2019. Dawn il-qrati qiesu, essenzjalment, li dan il-kuntratt ma kienx jaqa’ taħt id-dritt tal-kuntratti pubbliċi. |
|
44 |
Il-kumpannija E. għalhekk ippreżentat appell ta’ kassazzjoni, quddiem il-qorti tar-rinviju, kontra s-sentenza tat‑13 ta’ Awwissu 2019. Dik il-qorti tistaqsi dwar il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet magħmula, mill-qrati li jiddeċiedu fuq il-mertu, dwar l-applikabbiltà tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dawn id-domandi jkunu rilevanti fil-każ li mir-risposti għall-ewwel sat-tielet domanda tagħha, riprodotti fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li hija għandha tittratta l-mertu tal-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat quddiemha. |
|
45 |
L-ewwel, l-imsemmija qorti tfittex li tiddetermina jekk l-attività ta’ kummerċ tal-elettriku taqax taħt id-dritt tal-kuntratti pubbliċi. F’dan ir-rigward, hija titlob, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2004/17 sabiex issir taf jekk it-termini “provvista [ta]l-elettriku lil dawn [in-networks]” jinkludux il-bejgħ tal-elettriku. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/17, għandu jiġi ddeterminat jekk ix-xiri ta’ ċertifikati ekoloġiċi seħħx għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività ta’ provvista tal-elettriku u għandux ikun suġġett għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Li kieku dan ix-xiri kien jirriżulta minn obbligu legali u kien jikkostitwixxi għalhekk konsegwenza tal-eżerċizzju tal-attività ta’ provvista tal-elettriku, dan ma kienx ikun, mill-banda l-oħra, neċessarju għall-eżerċizzju tal-attività ta’ bejgħ tal-elettriku. |
|
46 |
It-tieni, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tikseb preċiżazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tagħha, sabiex tiddetermina jekk kuntratt li jobbliga lill-partijiet jikkonkludu kuntratti ta’ eżekuzzjoni taħt kundizzjonijiet determinati ta’ prezz u ta’ kwantità jikkostitwixxix ftehim qafas, fis-sens ta’ din id-direttiva, u huwiex suġġett għall-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. F’dan il-każ, il-valur annwali totali tat-tranżazzjonijiet konklużi bejn il-kumpanniji E. u W. fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti ta’ eżekuzzjoni jaqbeż il-limiti tal-Unjoni Ewropea għall-kuntratti pubbliċi settorjali. Mill-banda l-oħra, ikkunsidrati individwalment, dawn it-tranżazzjonijiet ma jilħqux dawn il-limiti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dik il-qorti tqis li jista’ jitqies li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix ftehim qafas u ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. Hija tenfasizza, madankollu, li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2004/17 jipprojbixxi li kuntratt jinqasam sabiex jiġu evitati dawn il-limiti. Minn din il-perspettiva, għandu jiġi ddeterminat jekk il-valur totali tat-tranżazzjonijiet ta’ eżekuzzjoni għandux jiġi evalwat ex ante jew ex post. |
|
47 |
It-tielet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar is-sanzjoni li għandha tiġi applikata minħabba l-għoti dirett tal-kuntratt bi ksur totali tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u tipprevedi żewġ possibbiltajiet. Minn naħa, huwa possibbli li jiġi deċiż li tali għoti jikkostitwixxi każ ta’ assenza ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt li jaqa’ taħt l-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 92/13 u, għaldaqstant, li jiġi annullat il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, il-kumpannija E. tissuġġerixxi li ssir distinzjoni bejn in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt u n-nuqqas totali li jiġu applikati l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Dan l-aħħar każ ma jaqax taħt din id-dispożizzjoni, iżda taħt sanzjonijiet, iktar severi, previsti mid-dritt ċivili Pollakk. |
|
48 |
Ir-raba’, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt jipprekludix l-annullament ta’ kuntratt minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi meta l-allegazzjoni ta’ tali ksur tkun biss skuża sabiex jintlaħqu għanijiet totalment differenti minn dawk imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bħal dak li ma jiġix eżegwit kuntratt li l-profittabbiltà tiegħu tkun naqset għar-rikorrent. |
|
49 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, minbarra t-tliet domandi esposti fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għamlet id-domandi preliminari li ġejjin speċifiċi għall-Kawża C‑459/23:
|
|
50 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Ottubru 2023, il-Kawżi C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u dik orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza. |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari
|
51 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
Peress li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari joriġinaw minn formazzjonijiet differenti tal-Awla Ċivili, għandu jiġi vverifikat jekk il-korp tar-rinviju, li jsemmi d-dubji tiegħu dwar l-indipendenza tiegħu stess, għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, u, għaldaqstant, jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan l-organu, in-natura permanenti tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu inkwistjoni, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels,61/65, EU:C:1966:39, p. 395; tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga), C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 35). |
|
54 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bħala tali tissodisfa r-rekwiżiti msemmija u ppreċiżat li, sa fejn tali talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn qorti nazzjonali, għandu jiġi preżunt li din tissodisfa dawn ir-rekwiżiti indipendentement mill-kompożizzjoni konkreta tagħha (sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 68 u 69, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga), C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 41). |
|
55 |
Madankollu, din il-preżunzjoni tista’ tinqaleb meta deċiżjoni definittiva mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru jew minn qorti internazzjonali twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma jkollux in-natura ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 72, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga), C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 44). |
|
56 |
Issa, adita minn kulleġġ ġudikanti kompost minn imħallef uniku tal-Awla Ċivili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha stess dwar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, diversi konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet imwettqa, minn naħa, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2022, Advance Pharma sp. z o.o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2022:0203JUD00146920) u, min-naħa l-oħra, min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) f’sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021 kienu jwasslu sabiex jitqies li tali kulleġġ ġudikanti ma kellux, minħabba l-modalitajiet li wasslu għall-ħatra tal-imħallef li kien jikkomponih, il-kwalità ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-preżunzjoni msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza kellha titqies li hija kkonfutata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów, C‑326/23, EU:C:2024:940, punti 29 sa 37). |
|
57 |
F’dan il-każ, minn l-ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-imħallfin li jikkostitwixxu l-kulleġġi ġudikanti li wasslu għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari nħatru fl-Awla Ċivili wara proċedura identika għal dik segwita għall-ħatra tal-Imħallef uniku, awtur tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (C‑326/23, EU:C:2024:940). Minn dan il-proċess lanqas ma jirriżulta li l-ħatriet ta’ dawn l-imħallfin kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) imsemmija fil-punt preċedenti. |
|
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-indipendenza tagħha stess ma humiex suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq id-domandi fil-Kawżi C‑422/23 u C‑493/23 kif ukoll fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23
Fuq l-ammissibbiltà
|
59 |
Il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-ewwel domandi fil-Kawżi C‑422/23 u C‑493/23 kif ukoll it-tieni domandi fil-Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23 huma inammissibbli. Dawn id-domandi ma humiex neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, peress li dawn la jirrigwardaw id-deċiżjoni tal-Ewwel Presidenta tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li jiġi assenjat imħallef bħala ġudikant f’awla oħra tagħha u lanqas dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ din l-Ewwel Presidenta u tal-Presidenta tal-Awla Ċivili għal pożizzjonijiet ta’ mħallfin. |
|
60 |
F’dan il-każ, fil-ħames kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha, kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, tiddetermina in limine litis jekk tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li diversi mill-membri li jifformaw il-kulleġġi ġudikanti tal-Awla Ċivili li wasslu għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari ġew assenjati bħala ġudikanti temporanjament fiha u filwaqt li ma huwiex possibbli għalihom li jikkontestaw l-assenjazzjoni tagħhom f’din l-Awla Ċivili. |
|
61 |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-domandi preliminari intiżi li jippermettu lil qorti tar-rinviju tiddeċiedi, in limine litis, diffikultajiet ta’ natura proċedurali bħal dawk relatati mal-kompetenza tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża pendenti quddiemha jew, ukoll, mal-effetti legali li għandhom jew li ma għandhomx jiġu rrikonoxxuti lil deċiżjoni ġudizzjarja li potenzjalment tostakola t-tkomplija tal-eżami ta’ tali kawża minn dik il-qorti huma ammissibbli bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 53). |
|
62 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domandi fil-Kawżi C‑422/23 u C‑493/23 kif ukoll it-tieni domandi fil-Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23 huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
– Osservazzjonijiet preliminari
|
63 |
L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet f’kawża għandhom taħt dan id-dritt (sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 108, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 59). |
|
64 |
Fuq din il-bażi, kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li jiżguraw lill-partijiet f’kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih f’dan is-sens jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u li fil-preżent huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha, għaldaqstant, tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni tkopri “[l]-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, irrispettivament mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses,C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 62). |
|
66 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż, b’mod partikolari, li japplika fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 36). |
|
67 |
Issa, dan huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju, li tista’, fil-fatt, tintalab tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u taqa’, bħala “qorti”, fis-sens ta’ dan id-dritt, taħt is-sistema Pollakka tar-rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li din il-qorti għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
68 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 47 tal-Karta f’uħud mit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, liema dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema),C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 31). |
|
69 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx indikazzjoni li t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑422/23, C‑455/23, C‑486/23 u C‑493/23 jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tiġi implimentata fuq livell nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jidhirx li huwa applikabbli f’dawn il-kawżi. Madankollu, minkejja li ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika,C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 44 u 45, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 43). |
|
70 |
B’kuntrast ma’ dan, mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑459/23 jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-kumpannija E. tinvoka l-ksur tar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u b’mod partikolari tad-Direttiva 2004/17. Permezz tad-domandi tagħha stess għal din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, dwar l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għalhekk, għandu jitqies li t-tilwima fil-kawża prinċipali fl-imsemmija kawża tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni implimentata fuq livell nazzjonali, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi speċifiċi għall-Kawża C‑459/23, jekk id-Direttiva 2004/17 hijiex effettivament applikabbli fil-kawża prinċipali, f’liema każ l-Artikolu 47 tal-Karta jkun applikabbli wkoll. |
|
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
Fuq id-domandi
|
72 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha fil-Kawżi C‑422/23 u C‑493/23 kif ukoll permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha fil-Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri meħuda mill-president ta’ qorti nazzjonali li jikkonsistu fl-assenjazzjoni ta’ mħallfin assenjati f’awla ta’ din il-qorti bħala ġudikanti temporanjament f’awla oħra tal-imsemmija qorti, filwaqt li jibqgħu ġudikanti fl-awla oriġinali tagħhom, minkejja li dawn l-imħallfin ma tawx il-kunsens tagħhom għal din l-assenjazzjoni, ma għandhom l-ebda rimedju ġudizzjarju sabiex jikkontestawha, l-imsemmija assenjazzjoni timplika żieda fl-ammont ta’ xogħol tal-imħallfin ikkonċernati u teżiġi l-involviment tagħhom f’oqsma li ma humiex relatati mal-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni tagħhom u dan il-president kien ġie maħtur fl-istess qorti skont kundizzjonijiet inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
|
73 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li kull Stat Membru għandu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma mitluba, bħala “qorti” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom ir-rekwiżit tal-indipendenza (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 65). |
|
74 |
Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti fil-kompitu tal-ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandhom importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u mill-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 66). |
|
75 |
L-imsemmi rekwiżit ta’ indipendenza jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ ħaddieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors, ikun xi jkun, sabiex b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jirrigwarda d-distanza ugwali għal dak li jikkonċerna l-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 67). |
|
76 |
Għalkemm l-aspett “estern” tal-indipendenza huwa intiż essenzjalment li jippreżerva l-indipendenza tal-qrati fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, dan l-aspett huwa intiż ukoll sabiex jipproteġi lill-imħallfin minn influwenzi indebiti li jirriżultaw minn ħdan il-qorti kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 68). |
|
77 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja għandu jkun protett mhux biss minn kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll mill-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2024, S. (Bidla fil-kulleġġ ġudikanti),C‑197/23, EU:C:2024:956, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli dwar, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni tal-istanza kkonċernata, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 52, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 70). |
|
79 |
Fit-tieni lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi wkoll l-eżistenza ta’ qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi”, fid-dawl tar-rabtiet indissoċjabbli li jeżistu bejn l-aċċess għal tali qorti u l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2024, S. (Bidla fil-kulleġġ ġudikanti),C‑197/23, EU:C:2024:956, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Issa, il-kunċett ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, li jinsab ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u jirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-Istat tad-dritt, jikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza nnifisha tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef jew ta’ numru ta’ mħallfin fl-eżami tal-kawża. Dan il-kunċett jinkludi għalhekk ir-regoli ta’ assenjazzjoni u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punti 73 sa 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
Konsegwentement, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirrikjedi wkoll f’dan ir-rigward li r-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti jkunu ta’ natura li jeskludu kull indħil indebitu, fil-proċess deċiżjonali relatat ma’ kawża partikolari, ta’ persuni li huma esterni għall-kulleġġ ġudikanti responsabbli minn din il-kawża u li quddiemhom il-partijiet ma setgħux iressqu l-argumenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 59, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 75). |
|
82 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 73 sa 81 ta’ din is-sentenza ta’ miżuri li permezz tagħhom l-Ewwel Presidenta tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) assenjat imħallfin, mill-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali, bħala ġudikanti, għal perijodu determinat ta’ tliet xhur, fi ħdan l-Awla Ċivili, filwaqt li baqgħu ġudikanti matul dan il-perijodu fl-awla oriġinali tagħhom. |
|
83 |
F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel, jiġi rrilevat li huwa leġittimu, għall-Istati Membri, li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-kundizzjonijiet li fihom il-president ta’ qorti huwa awtorizzat jieħu miżuri li jimponu temporanjament fuq l-imħallfin ta’ din il-qorti assenjazzjoni doppja fl-awla oriġinali tagħhom u f’awla oħra tal-imsemmija qorti. Fil-fatt, tali miżuri jistgħu jkunu indispensabbli għall-finijiet tal-organizzazzjoni interna tax-xogħol ta’ qorti, fid-dawl tar-rekwiżiti imperattivi marbuta man-neċessità li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mal-osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. |
|
84 |
Fir-rigward, it-tieni, tal-kundizzjonijiet li fihom tali miżuri jistgħu jittieħdu, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett tal-fatt li l-Ewwel Presidenta tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li assenjat l-imħallfin ikkonċernati bħala ġudikanti temporanjament fl-Awla Ċivili, kif ukoll il-Presidenta ta’ din l-awla, li assenjat il-kawżi dwar it-tilwimiet fil-kawżi prinċipali lil dan il-kulleġġ ġudikanti, inħatru għall-kariga ta’ mħallef lil din il-qorti skont kundizzjonijiet inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
|
85 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 155 u 160 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), li qorti nazzjonali għandha, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tqis bħala mingħajr effett digriet mogħti minn istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. |
|
86 |
Madankollu, minn dan ma jirriżultax li kull miżura ta’ organizzazzjoni interna tax-xogħol ta’ qorti, bħal miżura li tikkonsisti fl-assenjazzjoni ta’ mħallfin bħala ġudikanti, temporanjament, f’awla differenti minn dik li lilha huma assenjati jew f’li jiġu assenjati kawżi, għandha titqies bħala mingħajr effett meta din tkun ittieħdet mill-president ta’ dik il-qorti jew minn president ta’ kulleġġ ġudikanti, li ma jikkostitwixxux qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kawża li tat lok għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti kienet tikkonċerna, b’differenza minn dawn il-kawżi, l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jtemmu l-kawża. |
|
87 |
Minn dan isegwi li l-fatt li l-Presidenta tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-Presidenta tal-Awla Ċivili li, rispettivament, assenjaw l-imħallfin ikkonċernati bħala ġudikanti f’din l-awla u assenjaw kawżi dwar it-tilwimiet fil-kawżi prinċipali lill-kulleġġi ġudikanti kienu, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, maħtura skont kundizzjonijiet inkompatibbli mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jiġġustifika li l-kulleġġi ġudikanti hekk ikkostitwiti u aditi b’dawn il-kawżi għandhom, huma wkoll, jitqiesu li ma jikkostitwixxux qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. |
|
88 |
Fit-tieni lok, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità kif ukoll mar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi tal-miżuri li jimponu temporanjament fuq l-imħallfin ta’ qorti assenjazzjoni doppja fl-awla oriġinali tagħhom u f’awla oħra ta’ din il-qorti, għandu jiġi żgurat li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux mezz sabiex jiġi eżerċitat stħarriġ fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. |
|
89 |
Dan jista’ jkun il-każ li kieku tali miżuri kienu jistgħu mhux biss jaffettwaw il-portata tal-kompetenzi tal-imħallfin ikkonċernati u t-trattament tal-proċessi fdati lilhom, iżda wkoll ikollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-ħajja u l-karriera tagħhom sa fejn, pereżempju, ikunu jimplikaw tnaqqis fil-grad ta’ dawn l-imħallfin jew deterjorament tas-sitwazzjoni professjonali tagħhom. Bl-istess mod, tali miżuri jistgħu jkunu ta’ natura li jqajmu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin, jekk dawn il-miżuri kienu jaqgħu taħt setgħa purament diskrezzjonali tal-president tal-qorti nazzjonali u jekk kinux immirati lejn ċerti mħallfin minħabba l-pożizzjonijiet li dawn kienu ħadu fil-passat, b’mod partikolari kontra r-riformi reċenti tal-ġustizzja Pollakka, jew jekk dawn il-miżuri kinux adottati b’reazzjoni għal deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija minn dawn l-imħallfin (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 115 u 119). |
|
90 |
B’kuntrast ma’ dan, dan ma huwiex il-każ tal-miżuri li jikkonsistu fl-assenjazzjoni ta’ mħallfin bħala ġudikanti f’awla li huma bbażati fuq raġunijiet leġittimi marbuta b’mod partikolari ma’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jittieħdu abbażi tar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-qorti inkwistjoni, li huma temporanji u strettament delimitati ratione temporis, bla ħsara għall-possibbiltà li dawn jiġu mġedda, li ma jikkontestawx l-assenjazzjoni tal-imħallfin ikkonċernati fl-awla oriġinali tagħhom u li ma jwasslu għal ebda tneħħija ta’ kawżi li bihom huma inkarigati u għal ebda tnaqqis fil-grad tal-imsemmija mħallfin. Tali konklużjoni tapplika iktar u iktar meta tali miżuri, purament organizzattivi, jikkonċernaw numru kbir ta’ mħallfin tal-qorti nazzjonali kkonċernata u għandhom la l-għan u lanqas l-effett li jkunu mmirati lejn ċerti mħallfin minħabba l-pożizzjonijiet li dawn kienu ħadu fil-passat. Il-fatt li tali miżuri jistgħu jwasslu, b’mod temporanju, għal żieda, anki jekk sinjifikattiva, fil-volum ta’ xogħol tal-imħallfin ikkonċernati u li dawn jobbligaw lil dawn tal-aħħar jindirizzaw kwistjonijiet li ma humiex relatati mal-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
|
91 |
F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkorrispondu għal dawk imsemmija fil-punt preċedenti. |
|
92 |
Fil-fatt, l-ewwel, il-miżuri li permezz tagħhom l-Ewwel Presidenta tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) assenjat imħallfin, mill-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali, bħala ġudikanti, għal perijodu determinat ta’ tliet xhur, fi ħdan l-Awla Ċivili, ittieħdu abbażi tal-Artikolu 35(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema. Din id-dispożizzjoni, li ilha teżisti, tistabbilixxi espressament għal perijodu massimu ta’ sitt xhur fis-sena l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ tali miżuri meħuda mingħajr il-kunsens tal-imħallfin ikkonċernati. Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni tidher li ma tipprojbixxix iż-żamma ta’ dawn l-imħallfin fl-awla oriġinali tagħhom. |
|
93 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, madankollu, li l-Artikolu 35(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema ma jippermettix li tali assenjazzjoni ssir mingħajr il-kunsens tal-imħallef ikkonċernat u li hija lanqas ma tipprevedi ż-żamma tal-imħallef ikkonċernat fl-awla oriġinali tiegħu matul dan il-perijodu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, anki jekk jitqies li l-istess dispożizzjoni ma tawtorizzax l-assenjazzjonijiet ikkonċernati, dan il-fatt, waħdu, ma huwiex biżżejjed sabiex jikkontesta l-kompatibbiltà tal-kulleġġi ġudikanti li jikkostitwixxu l-qorti tar-rinviju mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
94 |
It-tieni, mill-atti tal-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja li ma kinux motivati, dawn il-miżuri jidhru li ttieħdu sabiex tiġi affrontata żieda fil-kawżi quddiem l-Awla Ċivili u sabiex jiġi rrimedjat xogħol b’lura sinjifikattiv ta’ din l-awla. Huma għandhom għalhekk għan leġittimu, u dan irrispettivament miċ-ċirkustanzi li kkawżaw dan ix-xogħol b’lura sinjifikattiv. |
|
95 |
It-tielet, il-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma temporanji, peress li l-imħallfin ikkonċernati huma assenjati bħala ġudikanti fl-Awla Ċivili għal perijodu ta’ tliet xhur, filwaqt li l-Artikolu 35(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jipprevedi tul massimu ta’ sitt xhur fis-sena. F’dan il-kuntest, il-possibbiltà ta’ estensjoni jew ta’ tiġdid ta’ dawn l-assenjazzjonijiet, li jirrendu l-assenjazzjoni lill-Awla Ċivili kważi permanenti, hija, fid-dawl tal-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, avveniment ipotetiku. |
|
96 |
Ir-raba’, skont l-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-miżuri ma jidhru li wasslu għal ebda tnaqqis fil-grad tal-imħallfin ikkonċernati jew għal deterjorament tas-sitwazzjoni professjonali tagħhom, peress li dawn l-imħallfin ikomplu jittrattaw appelli ta’ kassazzjoni li jaqgħu taħt is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Huma ma involvewx it-tneħħija ta’ dawn l-imħallfin mill-kawżi li huma kienu preċedentement responsabbli għalihom, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmija mħallfin jibqgħu ġudikanti fl-awla oriġinali tagħhom matul il-perijodu kollu kkonċernat mill-imsemmija miżuri. Kif ġie kkonstatat fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, il-fatt li dawn tal-aħħar iwasslu għal żieda, temporanja, fl-ammont ta’ xogħol tal-imħallfin ikkonċernati jew jobbligawhom jittrattaw suġġetti li ma humiex relatati mal-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom ma huwiex rilevanti f’dan il-kuntest. |
|
97 |
Il-ħames, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jikkonċernaw, b’kollox, madwar għoxrin imħallef. Fid-dawl tal-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-miżuri ma jidhrux li kienu mmirati lejn imħallfin speċifiċi, pereżempju sa fejn dawn ikkritikaw ir-riformi tal-ġustizzja Pollakka. |
|
98 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew adottati mingħajr il-kunsens tal-imħallfin ikkonċernati u li dawn l-imħallfin ma jgawdu minn ebda rimedju legali sabiex jikkontestawhom ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità kif ukoll tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi. Fil-fatt, fl-assenza ta’ kull indikazzjoni li dawn il-miżuri jista’ jkollhom effetti analogi għal sanzjoni dixxiplinari, tali ċirkustanzi ma humiex ta’ natura li jqajmu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin. |
|
99 |
Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li r-regolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li jikkostitwixxu l-qorti tar-rinviju fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2024, S. (Bidla fil-kulleġġ ġudikanti),C‑197/23, EU:C:2024:956, punt 67). Issa, f’dan il-każ, il-kawżi prinċipali juru preċiżament li d-dritt nazzjonali joffri l-possibbiltà lill-qorti tar-rinviju li tistħarreġ ir-regolarità tal-kompożizzjoni tagħha stess. |
|
100 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għaż-żewġ domandi fil-Kawżi C‑422/23 u C‑493/23 kif ukoll għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżuri meħuda mill-president ta’ qorti nazzjonali li jikkonsistu fl-assenjazzjoni ta’ mħallfin assenjati f’awla ta’ din il-qorti bħala ġudikanti temporanjament f’awla oħra tal-imsemmija qorti, filwaqt li baqgħu ġudikanti fl-awla oriġinali tagħhom, minkejja li dawn l-imħallfin ma tawx il-kunsens tagħhom għal din l-assenjazzjoni, ma għandhom l-ebda rimedju ġudizzjarju sabiex jikkontestawha, l-imsemmija assenjazzjoni timplika żieda fl-ammont ta’ xogħol tal-imħallfin ikkonċernati u teżiġi l-involviment tagħhom f’oqsma li ma humiex relatati mal-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni tagħhom u dan il-president kien ġie maħtur fl-istess qorti skont kundizzjonijiet inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sakemm tali miżuri jkunu bbażati fuq raġunijiet leġittimi marbuta b’mod partikolari ma’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jittieħdu abbażi tar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-qorti inkwistjoni, ikunu temporanji u strettament delimitati ratione temporis, ma jikkontestawx l-assenjazzjoni tal-imħallfin ikkonċernati fl-awla oriġinali tagħhom u ma jwasslu għal ebda tnaqqis fil-grad jew għal ebda tneħħija ta’ dawn l-imħallfin mill-kawżi li huma responsabbli għalihom. |
Fuq it-tielet domandi fil-Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23
|
101 |
It-tielet domandi fil-Kawżi C‑455/23, C‑459/23 u C‑486/23 huma magħmula fil-każ li jirriżulta, essenzjalment, mir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda f’dawn il-kawżi li qorti komposta fil-kundizzjonijiet bħal dawk tal-qorti tar-rinviju ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għal dawn l-aħħar domandi, ma huwiex iktar neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet domandi magħmula f’dawn il-kawżi. |
Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑459/23
|
102 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑459/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li x-xiri, minn impriża pubblika ta’ kummerċ tal-elettriku, ta’ ċertifikati ekoloġiċi, fis-sens tal-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, jikkostitwixxi attività mwettqa għall-finijiet tal-provvista tal-elettriku lil networks fissi intiżi li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tal-produzzjoni, tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tal-elettriku. |
|
103 |
B’mod preliminari, għandu qabelxejn jitfakkar li d-direttiva applikabbli, bħala prinċipju, hija dik fis-seħħ fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u tiddeċiedi definittivament il-kwistjoni ta’ jekk hemmx jew le obbligu li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑337/98, EU:C:2000:543, punt 37; tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 31, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2017, Casertana Costruzioni, C‑223/16, EU:C:2017:685, punt 21). F’dan il-każ, peress li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż matul l‑2011, hija, konsegwentement, id-Direttiva 2004/17 li hija applikabbli ratione temporis. |
|
104 |
Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, din tapplika għall-entitajiet kontraenti li huma, b’mod partikolari, impriżi pubbliċi li jeżerċitaw waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tal-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/17 jistabbilixxi preżunzjoni li hija “impriża pubblika”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, impriża li l-awtoritajiet kontraenti tagħha għandhom, direttament jew indirettament, il-maġġoranza tal-kapital tagħha. |
|
105 |
F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kumpannija E. tikkostitwixxi tali impriża pubblika, peress li iktar minn 50 % tal-kapital tagħha huwa miżmum mill-Istat Pollakk. |
|
106 |
Għalhekk jibqa’ li jiġi ddeterminat, kif titlob ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑459/23, jekk jistax jiġi kkunsidrat li din l-impriża teżerċita waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2004/17. |
|
107 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2004/17, din id-direttiva tapplika, f’dak li jirrigwarda l-elettriku, għall-provvista tal-elettriku lil networks fissi intiżi li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tal-produzzjoni, tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tal-elettriku. |
|
108 |
La din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2004/17 ma jiddefinixxu x’għandu jinftiehem bil-kunċett ta’ “provvista tal-elettriku” lil dawn in-networks, li jinsab fl-imsemmija dispożizzjoni. |
|
109 |
Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2025, Latvijas Sabiedriskais Autobuss, C‑684/23, EU:C:2025:90, punt 48). |
|
110 |
L-ewwel nett, fis-sens normali tiegħu, il-kunċett ta’ “provvista” jinftiehem bħala l-azzjoni ta’ alimentazzjoni, ta’ provvista, ta’ forniment, jew ta’ riforniment. Il-provvista tan-networks tal-elettriku tirreferi għalhekk għall-forniment ta’ elettriku lil dawn tal-aħħar. Għal dan l-għan, il-kunċett ta’ “provvista tal-elettriku” jista’ jkopri mhux biss il-produzzjoni tal-elettriku, iżda wkoll il-bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut tal-elettriku. |
|
111 |
It-tieni nett, mill-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2004/17 jirriżulta li din id-direttiva tipprevedi regoli li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti “[fi]s-setturi” koperti mill-imsemmija direttiva, fosthom is-settur tal-enerġija, u “mill-entitajiet li qed joperaw f’dawn is-setturi”. Permezz ta’ dawn il-premessi, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk esprima b’mod ċar ir-rieda tiegħu li jkopri, fir-rigward tas-settur tal-elettriku, mhux biss l-attivitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ provvista tal-elettriku, iżda wkoll dawk tal-kummerċ tal-elettriku. |
|
112 |
It-tielet nett, din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għanijiet tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-ftuħ għall-iktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa, C‑305/08, EU:C:2009:807, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2024, Luxone u Sofein, C‑403/23 u C‑404/23, EU:C:2024:805, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
113 |
Ir-raba’ nett, l-imsemmija interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mid-Direttiva 2014/25, li ħassret id-Direttiva 2004/17 u li permezz tagħha l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel b’mod partikolari, fid-dritt stabbilit, preċiżazzjoni għall-kunċett ta’ “provvista tal-elettriku”. Għalhekk, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/25, moqri fid-dawl tal-premessa 23 tagħha, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ din l-aħħar direttiva, il-kunċett ta’ “provvista” jinkludi l-produzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut. Billi l-leġiżlatur tal-Unjoni daħħal din id-definizzjoni fid-Direttiva 2014/25, filwaqt li ppreċiża, f’din il-premessa 23, li din hija pprovduta “[m]ingħajr ma jiġi estiż b’xi mod il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”, huwa kkonferma li d-Direttiva 2004/17 kienet diġà tinkludi fil-kunċett ta’ “provvista tal-elettriku”, minbarra l-produzzjoni tagħha, il-bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut tagħha. |
|
114 |
Għaldaqstant, attività ta’ kummerċ tal-elettriku bħal dik eżerċitata mill-kumpannija E. taqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2004/17. Il-kumpannija E. għandha, għaldaqstant, titqies bħala entità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva. |
|
115 |
Madankollu, fit-tieni lok, għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2004/17 jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax għall-kuntratti mogħtija mill-entitajiet kontraenti għal finijiet differenti mit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom eżerċitati fis-setturi msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-direttiva. |
|
116 |
Għalhekk, l-uniċi kuntratti li entità kontraenti, fis-sens ta’ din id-direttiva, tagħti fir-rigward u għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fis-setturi elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 tal-imsemmija direttiva jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 (sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Ing. Aigner, C‑393/06, EU:C:2008:213, punt 33). |
|
117 |
F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpannija E. hija obbligata tixtri ċertifikati ekoloġiċi, fis-sens tal-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, sabiex tikkonforma mal-obbligu legali tagħha ta’ promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Minn dan isegwi li x-xiri ta’ dawn iċ-ċertifikati huwa marbut mill-qrib mal-eżerċizzju, minn din il-kumpannija, tal-attività ta’ kummerċ tal-elettriku, li tikkostitwixxi attività msemmija fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2004/17. |
|
118 |
Issa, fil-preżenza ta’ tali rabta mill-qrib, għandu jitqies li x-xiri taċ-ċertifikati ekoloġiċi jsir għall-finijiet tat-twettiq ta’ din l-attività, b’tali mod li ma jistax jitqies li twettaq “għal għanijiet oħra” għajr it-twettiq tal-imsemmija attività, fis-sens tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2004/17. |
|
119 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti kollha, ir-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑459/23 għandha tkun li l-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xiri, minn impriża pubblika ta’ kummerċ tal-elettriku, ta’ ċertifikati ekoloġiċi, fis-sens tal-punti (k) u (l) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, jikkostitwixxi attività mwettqa għall-finijiet tal-provvista tal-elettriku lil networks fissi intiżi li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tal-produzzjoni, tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tal-elettriku. |
Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑459/23
Fuq l-ammissibbiltà
|
120 |
Il-kumpannija E. tqis li l-ħames domanda fil-Kawża C‑459/23 ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, qabel kollox, quddiem il-qorti tar-rinviju, hija sostniet li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa vvizzjat b’nullità assoluta, peress li għandu l-għan li jimponi fuq il-partijiet l-obbligu li jikkonkludu kuntratti bi ksur tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi. B’kuntrast ma’ dan, hija ma allegatx li, bħala tali, dan il-kuntratt kellu jiġi konkluż skont il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Sussegwentement, l-imsemmi kuntratt ma huwiex ftehim qafas, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/17, peress li jobbliga b’mod assolut lill-entità kontraenti tagħti l-kuntratt lill-operatur ekonomiku kokontraenti. Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 14(2) u (3) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-konklużjoni ta’ ftehim qafas skont il-proċedura prevista għall-kuntratti pubbliċi ma hijiex obbligatorja. |
|
121 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni biss fuq l-interpretazzjoni jew fuq il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, EU:C:1978:69, punt 4, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Schrems (Komunikazzjoni tad-data lill-pubbliku ġenerali), C‑446/21, EU:C:2024:834, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
122 |
Issa, minn naħa, permezz tal-argumenti tagħha intiżi li jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ħames domanda fil-Kawża C‑459/23, il-kumpannija E. tixtieq, b’mod definittiv, tikkontesta l-preżentazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tal-argumenti mressqa quddiemha u l-evalwazzjoni tagħha tan-natura tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, tali argumenti ma jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li domanda preliminari hija inammissibbli. |
|
123 |
Min-naħa l-oħra, billi l-kumpannija E. tindirizza d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ftehim qafas” u billi tallega li ftehim qafas ma għandux neċessarjament jiġi konkluż b’osservanza tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, hija tindirizza r-risposta fil-mertu u mhux l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda. |
|
124 |
Għaldaqstant, il-ħames domanda fil-Kawża C‑459/23 hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
125 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑459/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 14 u mal-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt, li jobbliga lill-partijiet jikkonkludu kuntratti ta’ eżekuzzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ prezz u ta’ kwantità, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ftehim qafas”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-imsemmija direttiva, u għandu jiġi konkluż skont ir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
|
126 |
Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/17, ftehim qafas huwa ftehim konkluż bejn entità kontraenti waħda jew iktar u operatur ekonomiku wieħed jew iktar, u li għandhom l-għan li jistabbilixxu t-termini li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw matul perijodu partikolari, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet u, fejn xieraq, il-kwantitajiet previsti. |
|
127 |
Minn naħa, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ftehim qafas għandu jippreċiża l-perijodu li matulu huwa applikabbli u jirregola t-termini tal-kuntratti li għandhom jingħataw. |
|
128 |
Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ftehim qafas”, li jinsab fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/17, għandu jiġi interpretat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 17(2) u (3) ta’ din id-direttiva, tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-ugwaljanza fit-trattament u t-trasparenza, applikabbli waqt il-konklużjoni ta’ ftehim qafas kif jirriżulta mill-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, u tal-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 14(4) tal-istess direttiva, li jsir użu abbużiv mill-ftehimiet qafas b’effett ta’ prevenzjoni, ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Minn qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji kollha jirriżulta li l-ftehim qafas għandu, mill-bidu nett, jiddetermina l-volum massimu tal-provvisti li jistgħu jkunu s-suġġett tal-kuntratti sussegwenti billi jippreċiża l-kwantità tagħhom u/jew il-valur massimu tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice, C‑216/17, EU:C:2018:1034, punti 60, 62 sa 67 u 69, kif ukoll tas‑17 ta’ Ġunju 2021, Simonsen & Weel, C‑23/20, EU:C:2021:490, punti 54 sa 58, 61 sa 65, 67, 68 u 74). |
|
129 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fir-rigward tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija għandha tiżgura li dan il-kuntratt kien jiddefinixxi sew il-perijodu li matulu l-kuntratti ta’ xiri taċ-ċertifikati ekoloġiċi setgħu jittieħdu b’eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. It-tieni nett, għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi indikazzjoni ta’ formula tal-prezz applikabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz tal-bejgħ taċ-ċertifikati ekoloġiċi u l-obbligu, għall-entità kontraenti, li tixtri ċ-ċertifikati ekoloġiċi kollha miksuba, mingħajr preċiżjoni ta’ kwantità speċifika, ma humiex suffiċjenti sabiex jitqies li l-imsemmi kuntratt jiddetermina l-volum massimu tal-provvisti li jistgħu jkunu s-suġġett tal-kuntratti sussegwenti. |
|
130 |
Fit-tieni lok u bla ħsara għal dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/17, din tapplika, bla ħsara għall-esklużjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, għall-kuntratti ta’ provvista u ta’ servizzi li l-valur stmat tagħhom mingħajr VAT huwa ta’ EUR 387000 jew iktar. |
|
131 |
Fir-rigward tal-metodi ta’ kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratti u tal-ftehimiet qafas, mill-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2004/17 jirriżulta li l-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt huwa bbażat fuq l-ammont totali pagabbli, mingħajr VAT, stmat mill-entità kontraenti. Konformement mal-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, l-entitajiet kontraenti ma jistgħux jevitaw l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva billi jaqsmu l-proġetti ta’ xogħlijiet jew il-proġetti ta’ xiri intiżi sabiex tinkiseb ċerta kwantità ta’ provvisti u/jew ta’ servizzi jew billi jużaw modalitajiet ta’ kalkolu speċjali tal-valur stmat tal-kuntratti. Skont l-Artikolu 17(3) tal-istess direttiva, għall-ftehimiet qafas, il-valur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun il-valur massimu stmat mingħajr VAT tal-kuntratti kollha previsti matul it-tul totali tal-ftehim. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2004/17, fil-każ ta’ kuntratti ta’ provvista jew ta’ servizzi ta’ natura regolari jew intiżi li jiġġeddu matul perijodu partikolari, il-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandha tkun jew il-valur reali globali tal-kuntratti suċċessivi analogi mogħtija matul it-tnax-il xahar preċedenti jew is-sena finanzjarja preċedenti, jew il-valur stmat globali tal-kuntratti suċċessivi mogħtija matul it-tnax-il xahar wara l-ewwel kunsinna jew matul is-sena finanzjarja fejn din tkun ta’ iktar minn tnax-il xahar. |
|
132 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, kemm fil-każ ta’ ftehim qafas, imsemmi fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2004/17, kif ukoll f’dak ta’ kuntratt ta’ provvista jew ta’ servizzi ta’ natura regolari jew intiż li jiġġedded matul perijodu partikolari, imsemmi fl-Artikolu 17(7) ta’ din id-direttiva, huwa l-“valur stmat” tal-ftehim qafas jew tal-kuntratt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Dan il-valur huwa, fl-ewwel każ, il-valur stmat totali tal-ftehim qafas u, fit-tieni każ, il-valur stmat, skont il-modalitajiet alternattivi previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni, għal perijodu ta’ tnax-il xahar. |
|
133 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-valur ta’ kull wieħed mill-kuntratti ta’ eżekuzzjoni konklużi kull xahar abbażi tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibqa’ taħt il-limitu ta’ EUR 387000 previst fl-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/17. B’kuntrast ma’ dan, il-valur annwali tal-kuntratti ta’ eżekuzzjoni, meħuda flimkien, jaqbeż dan il-limitu. |
|
134 |
Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’tali każ, l-entità kontraenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-valur unitarju ta’ kull wieħed mill-kuntratti ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ikkonċernat sabiex tikkonkludi dawn il-kuntratti mingħajr sejħa għal offerti minn qabel. Tali approċċ, fil-fatt, imur kontra l-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2004/17, li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva billi jiġu diviżi l-proġetti. |
|
135 |
Sabiex tiġi osservata din il-projbizzjoni kif ukoll dik, stabbilita fl-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2004/17, li l-ftehimiet qafas jintużaw b’mod abbużiv u b’effett ta’ prevenzjoni, ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-entità kontraenti għandha, f’każ bħal dan, għażla bejn żewġ possibbiltajiet. |
|
136 |
L-ewwel possibbiltà tikkonsisti fl-għoti ta’ kuntratti suċċessivi bl-osservanza, għal kull wieħed minn dawn il-kuntratti, tal-proċeduri previsti minn din id-direttiva. |
|
137 |
It-tieni possibbiltà tikkonsisti fl-għoti, konformement mad-Direttiva 2004/17, ta’ ftehim qafas, fis-sens u bl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva u mfakkra fil-punti 126 sa 128 ta’ din is-sentenza. Konformement mal-Artikolu 40(3)(i) tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, dan jippermetti sussegwentement li l-entità kontraenti tirrikorri għal proċedura mingħajr sejħa għal offerti minn qabel għall-kuntratti sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑287/07, EU:C:2009:245, punt 104). |
|
138 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, l-entità kontraenti kellha tosserva r-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew fil-mument tal-konklużjoni ta’ kull wieħed mill-kuntratti ta’ eżekuzzjoni suċċessivi jew fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat bħala ftehim qafas bl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 126 sa 128 ta’ din is-sentenza. |
|
139 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ħames domanda fil-Kawża C‑459/23 għandha tkun li l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 14 u mal-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq is-sitt domanda fil-Kawża C‑459/23
Fuq l-ammissibbiltà
|
140 |
Il-kumpannija E. tqis li s-sitt domanda fil-Kawża C‑459/23 hija inammissibbli, minħabba li hija irrilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, kuntrarjament għall-premessa li fuqha hija bbażata din id-domanda, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex kuntratt pubbliku, iżda kuntratt li jimponi l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż bi ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
|
141 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 121 ta’ din is-sentenza u għar-raġuni esposta fil-punt 122 tagħha, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda. Is-sitt domanda fil-Kawża C‑459/23 hija, għaldaqstant, ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
142 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha fil-Kawża C‑459/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 92/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjoni ta’ kuntratt bi ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi taqa’ taħt is-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. |
|
143 |
L-Artikolu 2d(1) tad-Direttiva 92/13 jipprovdi li l-assenza ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma dan ikun awtorizzat bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17, iċċaħħad il-kuntratt ikkonċernat mill-effetti tiegħu. |
|
144 |
Dan l-Artikolu 2d ġie inkluż fil-verżjoni inizjali tad-Direttiva 92/13 permezz tad-Direttiva 2007/66. Il-leġiżlatur tal-Unjoni spjega l-emendi li saru billi indika, fil-premessa 13 tad-Direttiva 2007/66, li, sabiex jiġġieled kontra l-għoti dirett illegali ta’ kuntratti li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat, fis-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5, punti 36 u 37), bħala l-iktar ksur serju tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi minn awtorità kontraenti jew minn entità kontraenti, għandha tiġi prevista sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva u jiġi kkunsidrat li f’dan ir-rigward kuntratt li jirriżulta minn għoti dirett illegali għandu, bħala prinċipju, ikun ineffettiv. Fil-premessa 14 tad-Direttiva 2007/66, huwa ppreċiża li l-assenza ta’ effetti hija l-mod l-iktar effettiv sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni u sabiex jinħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-operaturi ekonomiċi li jkunu ġew illegalment imċaħħda mill-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u li l-għoti dirett ta’ kuntratti, fis-sens tad-Direttiva 2007/66, għandu jinkludi l-kuntratti kollha mogħtija mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jikkorrispondi għal proċedura mingħajr sejħa għal offerti, fis-sens tad-Direttiva 2004/17 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, Simonsen & Weel, C‑23/20, EU:C:2021:490, punt 85). |
|
145 |
B’hekk mill-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 92/13, moqri fid-dawl tal-premessi 13 u 14 tad-Direttiva 2007/66, jirriżulta li, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2007/66, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jintroduċi sanzjoni severa fid-dritt applikabbli li l-applikazzjoni tagħha għandha madankollu tkun limitata għall-każijiet l-iktar gravi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri dawk b’għoti dirett ta’ kuntratt mingħajr ebda pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, Simonsen & Weel, C‑23/20, EU:C:2021:490, punt 86). |
|
146 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 92/13 japplika għal kull sitwazzjoni li fiha l-entità kontraenti tkun tat kuntratt indebitament mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
147 |
Huwa minnu li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2d(2) tad-Direttiva 92/13, il-konsegwenzi tal-ineffettività ta’ kuntratt huma ddeterminati mid-dritt nazzjonali. Xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tipprevedi ż-żamma jew il-kontinwità tal-kuntratt mogħti mingħajr reklamar minn qabel adegwat. |
|
148 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti kollha, ir-risposta għas-sitt domanda fil-Kawża C‑459/23 għandha tkun li l-Artikolu 2d(1)(a) tad-Direttiva 92/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjoni ta’ kuntratt bi ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi taqa’ taħt is-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. |
Fuq is-seba’ domanda fil-Kawża C‑459/23
Fuq l-ammissibbiltà
|
149 |
Il-kumpannija E. tallega li s-seba’ domanda fil-Kawża C‑459/23 hija irrilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Minn naħa, din il-kumpannija tirrepeti l-motiv diġà espost fil-punt 140 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, l-abbuż ta’ dritt jista’ jiġi kkostitwit biss meta parti titlob il-konstatazzjoni ta’ nullità relattiva tal-kuntratt ikkonċernat. Issa, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-kumpannija E. talbet il-konstatazzjoni tan-nullità assoluta tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri d-dikjarazzjoni tal-ineżistenza tiegħu. |
|
150 |
Dan l-argument għandu jiġi miċħud konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 121 ta’ din is-sentenza u għar-raġunijiet esposti fil-punti 122 u 123 tagħha. Għaldaqstant, is-seba’ domanda fil-Kawża C‑459/23 hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
151 |
Permezz tas-seba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑459/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li entità kontraenti tkun tista’ titlob l-annullament ta’ kuntratt li hija kkonkludiet ma’ fornitur minħabba li dan il-kuntratt kien ġie konkluż bi ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, meta r-raġuni vera għal din it-talba hija tnaqqis fil-profittabbiltà tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. |
|
152 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet f’kawża ma jistgħux b’mod frawdolenti jew abbużivament jipprevalixxu ruħhom minn regoli tal-Unjoni, peress li l-prinċipju tal-projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż ta’ dritt, espress minn din il-ġurisprudenza, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-partijiet f’kawża. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri t-tranżazzjonijiet li jitwettqu bl-għan li jibbenefikaw b’mod frawdolenti jew abbużivament mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 99). |
|
153 |
Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ il-kombinazzjoni ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, SICES et, C-155/13, EU:C:2014:145, punt 31, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer,C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 38). |
|
154 |
Minn naħa, fir-rigward tal-element oġġettiv, din il-konstatazzjoni teħtieġ li minn numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx (sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke,C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 52, u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer,C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 39). |
|
155 |
Min-naħa l-oħra, tali konstatazzjoni teħtieġ ukoll element suġġettiv, jiġifieri li minn numru ta’ elementi oġġettivi għandu jirriżulta li l-għan essenzjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni huwa l-ksib ta’ vantaġġ indebitu. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi ma hijiex rilevanti meta t-tranżazzjonijiet inkwistjoni jkun jista’ jkollhom ġustifikazzjoni oħra li ma tkunx is-sempliċi kisba ta’ vantaġġ (sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke,C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 53, u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer,C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 40). |
|
156 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skont ir-regoli tal-provi tad-dritt nazzjonali, sakemm ma tiġix ippreġudikata l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni, jekk l-elementi kostituttivi ta’ prattika abbużiva jinsabux miġbura flimkien fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke,C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer,C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 42). |
|
157 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li, fil-każ fejn kuntratt jingħata mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17, l-element oġġettiv ikun nieqes. Fil-fatt, ma jistax jitqies, f’każ bħal dan, li l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ġew formalment osservati. |
|
158 |
Għaldaqstant, peress li l-kundizzjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv huma kumulattivi, l-abbuż ma jistax jiġi kkaratterizzat fl-ipoteżi, imsemmija fil-punt 151 ta’ din is-sentenza, li hija s-suġġett tas-seba’ domanda fil-Kawża C‑459/23. |
|
159 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti kollha, ir-risposta għas-seba’ domanda fil-Kawża C‑459/23 għandha tkun li l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li entità kontraenti tkun tista’ titlob l-annullament ta’ kuntratt li hija kkonkludiet ma’ fornitur minħabba li dan il-kuntratt kien ġie konkluż bi ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, meta r-raġuni vera għal din it-talba hija tnaqqis fil-profittabbiltà tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. |
Fuq l-ispejjeż
|
160 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.