25.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/52


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1043

tal-24 ta’ Ġunju 2021

dwar l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali relatati ma’ rekwiżiti ta’ fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 497(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-swieq finanzjarji internazzjonali u sabiex ma jitħalliex li l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni jkunu penalizzati billi jiġu soġġetti għal rekwiżiti ogħla ta’ fondi proprji matul il-proċessi ta’ rikonoxximent ta’ kontropartijiet ċentrali (central counterparties — CCPs) eżistenti ta’ pajjiżi terzi, l-Artikolu 497(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 stabbilixxa perjodu tranżizzjonali li matulu l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jittrattaw l-iskoperturi għal dawk is-CCPs ta’ pajjiżi terzi bħala skoperturi għal CCPs kwalifikanti.

(2)

Fir-rigward tas-CCPs li ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom biex jiġu rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) qabel il-27 ta’ Ġunju 2019, speċifikament is-CCPs kollha ta’ pajjiżi terzi li għadhom jistennew li jiġu rikonoxxuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA), il-perjodu tranżizzjonali se jiskadi fit-28 ta’ Ġunju 2021.

(3)

Il-Kummissjoni għadha ma adottatx deċiżjonijiet skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fil-konfront ta’ uħud mill-ġurisdizzjonijiet fejn huma stabbiliti dawk is-CCPs ta’ pajjiżi terzi. Tali deċiżjonijiet huma prerekwiżit biex l-ESMA tirrikonoxxi CCPs ta’ pajjiżi terzi. Billi dawk id-deċiżjonijiet mhux se jiġu adottati sat-28 ta’ Ġunju 2021, sa dik id-data l-ESMA mhux se tkun tista’ tlesti l-proċeduri ta’ rikonoxximent għas-CCPs ta’ pajjiżi terzi li qed jistennew li jiġu rikonoxxuti.

(4)

Jekk il-perjodu tranżizzjonali ma jiġix estiż, l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni, jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra mill-Unjoni, li jkollhom skoperturi għal dawk is-CCPs ta’ pajjiżi terzi se jiġu obbligati jżidu l-fondi proprji tagħhom b’mod sinifikanti fir-rigward ta’ dawn l-iskoperturi. Potenzjalment dan jista’ jwassal għall-irtirar ta’ dawk l-istituzzjonijiet minn parteċipanti diretti f’dawk is-CCPs jew, tal-anqas fuq bażi temporanja, għall-waqfien tal-proviżjonament ta’ servizzi tal-ikklirjar għall-klijenti ta’ dawk l-istituzzjonijiet, u għaldaqstant jikkawża tfixkil serju fis-swieq fejn joperaw dawk is-CCPs. Għalhekk, jeħtieġ li d-dispożizzjoni tranżizzjonali fil-punt (b) (iii) tal-Artikolu 497(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tiġi estiża bi 12-il xahar, sat-28 ta’ Ġunju 2022.

(5)

L-estensjoni tad-dispożizzjoni tranżizzjonali tagħti biżżejjed żmien lill-Kummissjoni biex tiffinalizza l-valutazzjonijiet ta’ ekwivalenza b’konformità mal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u biex tadotta deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tagħha. Barra minn hekk tagħti biżżejjed żmien lill-ESMA biex tirrikonoxxi s-CCPs ta’ pajjiżi terzi kkonċernati. Fil-każijiet fejn il-Kummissjoni ma tadottax deċiżjoni pożittiva dwar l-ekwivalenza, estensjoni tħalli biżżejjed żmien biex l-istituzzjonijiet jitħejjew sew għal tmiem il-perjodu tranżizzjonali previst fl-Artikolu 497(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(6)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-ewwel jum wara li jiskadi l-perjodu tranżizzjonali eżistenti.

(7)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Banek Ewropej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-perjodu tranżizzjonali msemmi fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 497(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi estiż sat-28 ta’ Ġunju 2022.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-29 ta’ Ġunju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).