European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/773

11.2.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Reviżjoni tal-Aġenda Territorjali tal-UE 2030 – Lejn approċċ aktar integrat u ċiviku b’rabtiet aktar b’saħħithom mal-politika ta’ koeżjoni

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/773)

Relatur:

Stefano PALMIERI

Konsulent

Marco CELI, għar-relatur

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

6.11.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

5.12.2024

Sessjoni plenarja Nru

592

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

176/0/2

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Għalkemm ir-riżorsi stabbiliti mill-UE bl-ebda mod mhuma biżżejjed biex jikkumbattu x-xejriet ċentralizzati tas-suq uniku, il-KESE jenfasizza r-rwol strateġiku li l-Aġenda Territorjali 2030 taqdi fil-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali u fl-indirizzar tal-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jaffettwaw lid-diversi reġjuni.

1.2.

Il-KESE jqis li l-Aġenda Territorjali għandha tippromovi l-ħames libertà tas-suq intern – imsemmija fir-rapport ta’ Letta bħala l-“libertà li wieħed jibqa’” fil-post fejn wieħed ikun għażel li jgħix – u b’hekk tiġi żgurata koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sħiħa billi: jiġu pprovduti servizzi pubbliċi ta’ interess ġenerali; jiġu żgurati konnessjonijiet ma’ infrastruttura tat-trasport adegwata; kif ukoll it-trawwim ta’ post sostenibbli għall-għajxien u l-kwalità tal-ħajja. Min-naħa l-oħra, kif imsemmi fir-rapport ta’ Draghi, għandha tiżgura wkoll li r-reġjuni kollha jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-opportunitajiet ta’ żvilupp lokali permezz ta’ miżuri li jiggarantixxu u jsaħħu l-kompetittività tagħhom (li jinċentivaw l-investimenti fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u t-taħriġ ulterjuri, fl-intraprenditorija, fis-sostenibbiltà ambjentali, fl-iżvilupp diġitali, eċċ.).

1.3.

Il-KESE jissottolinja li bl-enfasi tagħha fuq Ewropa aktar ġusta u aktar ekoloġika, l-Aġenda Territorjali 2030 hija allinjata mal-objettivi fit-tul tal-UE u tipprovdi bażi soda għall-ġestjoni integrata tat-territorju.

1.4.

Il-KESE jinnota li, minkejja l-azzjoni tal-UE għall-ittestjar u għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030, il-benefiċċji li din tista’ ġġib biex tappoġġja l-koeżjoni u l-iżvilupp ekwu għadhom ma ġewx sfruttati bis-sħiħ fil-livell lokali u territorjali.

1.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ l-interkonnessjoni bejn l-Aġenda Territorjali 2030 u l-politika ta’ koeżjoni. L-Aġenda Territorjali 2030 hija strument strateġiku għall-appoġġ tat-territorji, immirata li tistabbilixxi prijoritajiet biex jiġu indirizzati l-isfidi li huma jiffaċċjaw, waqt li l-politika ta’ koeżjoni tiżgura l-implimentazzjoni tagħha permezz tal-finanzjament ta’ proġetti mmirati, u b’hekk tgħin biex jitnaqqsu d-disparitajiet u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli fir-reġjuni differenti tal-UE.

1.6.

Il-KESE jqis li jeħtieġ li jissaħħu l-informazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030, u li jiġi enfasizzat ir-riskju jekk jiġu adottati inizjattivi u proġetti li ma jkunux kompletament konsistenti mal-ħtiġijiet tal-benefiċjarji finali tal-politiki u tal-istrateġiji tal-UE: il-persuni u l-imsieħba soċjali u ekonomiċi.

1.7.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-kriżijiet u l-bidliet sistemiċi li jikkaratterizzaw l-UE u ż-żieda konsegwenti fit-tfixkil u fir-riskji (soċjali, ekonomiċi, ambjentali, eċċ.), u jipproponi li tiġi enfasizzata b’mod espliċitu l-ħtieġa li r-reżiljenza tiġi kkunsidrata b’mod sistematiku fl-Aġenda Territorjali 2030.

1.8.

Il-KESE jilqa’ l-proċess tal-iżvilupp u l-isperimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030, implimentat permezz tal-azzjonijiet pilota, iżda jenfasizza l-ambitu konsiderevoli għat-titjib tal-adozzjoni tal-proċessita’ żvilupp territorjali integrat (soċjali, ekonomiku u ambjentali) biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-proċessi ta’ koeżjoni territorjali bbażati fuq il-prinċipji tar-responsabbiltà u s-sussidjarjetà. F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li l-proġetti pilota għandhom madankollu jkopru reġjun wieħed jew aktar fl-Istati Membri kollha, li bħalissa mhuwiex il-każ.

1.9.

Minħabba l-fatturi endoġeni u eżoġeni, il-KESE jemmen li l-koeżjoni, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tad-dimensjonijiet territorjali differenti tal-UE ma jistgħux jiġu indirizzati separatament bl-użu ta’ strumenti ordinarji. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda l-inklużjoni tal-Aġenda Territorjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew, skont il-linji gwida appoġġjati mill-ESPON.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi żgurata l-eqreb koordinazzjoni possibbli bejn l-Aġenda Territorjali 2030 u l-politika ta’ koeżjoni. Dan l-objettiv jista’ jintlaħaq bl-għajnuna ta’ sħubijiet funzjonali bejn iż-żoni urbani u rurali u permezz ta’ proġetti integrati bl-għan li jissaħħu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-sistemi ekonomiċi, soċjali u ambjentali lokali (taż-żoni urbani, kif ukoll tat-territorji funzjonali u l-periferiji rurali tagħhom).

1.11.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tissaħħaħ il-preżenza tar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi fil-qafas tal-prinċipju tas-sħubija dwar l-iżvilupp territorjali (lokali u reġjonali). Ta’ min jinnota li eżempju validu ta’ rappreżentanza ġusta huwa pprovdut mill-programmi ta’ żvilupp lokali (1), li jipprevedu li mhux aktar minn 50 % tal-membri fis-sħubija jistgħu jiġu mill-amministrazzjoni pubblika.

1.12.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati proċessi u inizjattivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-koerenza tal-Aġenda Territorjali 2030 mal-ħtiġijiet u mal-isfidi tal-UE, kif ukoll sinerġiji mal-Karta ta’ Leipzig u l-Aġenda Urbana tal-UE.

1.13.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-azzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030 tiġi speċjalizzata abbażi tal-prijoritajiet li ġejjin: il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; l-adattament għat-tibdil demografiku; il-konsolidazzjoni tal-approċċ integrat għal żvilupp territorjali bbilanċjat; u t-tisħiħ tal-approċċ ċiviku u parteċipattiv tas-soċjetà ċivili.

1.14.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fit-tisħiħ tal-infrastruttura soċjali biex jittejjeb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura soċjali, speċjalment fiż-żoni rurali u periferiċi (2). Huwa essenzjali li jiġu implimentati inizjattivi li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-migranti u jappoġġjaw lill-komunitajiet fit-tnaqqis demografiku permezz ta’ programmi ta’ inklużjoni soċjali.

1.15.

Il-KESE jissottolinja l-importanza li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-ekonomija tal-anzjani (ekonomija tal-fidda) (3) billi jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg u taħriġ għaż-żgħażagħ u għan-nisa, u jiġu promossi d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni f’setturi li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ.

1.16.

Il-KESE jqis li hija prijorità li jiġi promoss żvilupp territorjali bbilanċjat u sostenibbli permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-livelli kollha tal-gvern u l-koordinazzjoni integrata tal-politiki reġjonali, it-trasport, il-kura tas-saħħa u l-kura, l-ambjent, l-enerġija u l-agrikoltura. Huwa essenzjali li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi u tal-opportunitajiet fost ir-reġjuni Ewropej kollha, tittejjeb l-infrastruttura tat-trasport u jitnaqqas id-distakk diġitali biex tiġi żgurata konnettività aħjar.

1.17.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jissaħħu l-kompetenzi tal-amministraturi u l-impjegati taċ-ċivil fuq l-Aġenda Territorjali 2030 permezz tal-bini tal-kapaċitajiet. L-inizjattivi ta’ taħriġ u ta’ aġġornament se jippermettulhom jindirizzaw sfidi territorjali kumplessi u jintegraw il-prijoritajiet tal-Aġenda fil-politiki lokali, u jippromovu governanza aktar effettiva u sostenibbli.

1.18.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat teħid ta’ deċiżjonijiet territorjali aktar inklużiv u parteċipattiv billi jiżdied l-użu tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u tal-proċessi parteċipattivi biex jiġu involuti b’mod attiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, il-fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet filantropiċi oħra u ċ-ċittadini. Huwa essenzjali li l-komunitajiet lokali jingħataw l-għodod u l-għarfien espert meħtieġa biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-territorju tagħhom, u jippromovu l-komplementarjetà bejn il-fondi pubbliċi Ewropej biex tissaħħaħ l-awtonomizzazzjoni tal-komunitajiet.

1.19.

Il-KESE jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata t-trasparenza fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li jiġi żgurat l-aċċess għad-data u l-informazzjoni rilevanti, u li r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet jiġu kkomunikati b’mod ċar liċ-ċittadini. Għal soċjetà aktar ġusta, huwa kruċjali li l-gruppi soċjali kollha, li jinkludu l-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, ikunu rappreżentati fid-deċiżjonijiet territorjali billi jiġu adottati politiki li jindirizzaw l-inugwaljanzi u jippromovu l-integrazzjoni soċjali.

1.20.

Il-KESE jippromovi l-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-partijiet interessati fl-implimentazzjoni ta’ proġetti territorjali, u jinsisti fuq l-involviment tal-awtoritajiet lokali fl-ippjanar strateġiku u l-kooperazzjoni interreġjonali.

1.21.

Il-KESE jqis li huwa kruċjali li tiġi appoġġjata governanza aktar demokratika, inklużiva u responsabbli, li fiha ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu atturi attivi fit-tfassil tal-futur tat-territorji tagħhom.

2.   Sfond u kummenti ġenerali

2.1.

L-Aġenda Territorjali 2030 (4) hija dokument intergovernattiv li jippromovi l-koeżjoni territorjali fl-UE bl-għan li ġġib benefiċċji għat-territorji u ċ-ċittadini Ewropej kollha. Għalkemm ir-riżorsi ta’ koeżjoni tal-UE ma kinux biżżejjed biex jikkumbattu x-xejriet ċentralizzati tas-suq uniku, l-Aġenda Territorjali 2030 u l-Fond ta’ Koeżjoni indirizzaw l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Għalkemm l-Aġenda Territorjali 2030 ma tinkludix strumenti diretti għall-implimentazzjoni, titlob li d-dimensjoni territorjali tal-politiki governattivi kollha tiġi integrata, bl-għan li l-Ewropa ssir aktar ġusta u aktar ekoloġika.

2.1.1.

Ir-riżorsi allokati mill-UE għall-koeżjoni qatt ma kienu biżżejjed biex jikkumbattu x-xejriet ċentralizzati tas-suq uniku. Madankollu, l-Aġenda Territorjali (sal-punt li ngħatat prijorità) u l-Fond ta’ Koeżjoni kellhom rwol kruċjali fl-indirizzar tal-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jaffettwaw id-diversi reġjuni.

2.1.2.

Permezz tal-Aġenda Territorjali 2030, l-għodod jissaħħu biex jiġu żgurati prospetti suffiċjenti għall-iżvilupp u l-koeżjoni fir-reġjuni kollha tal-UE u n-nies li jgħixu hemm (Ewropa aktar ġusta). Il-proċessi u l-istrateġiji għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-assistenza fl-iżvilupp tar-reġjuni u tas-sistemi ekonomiċi jiġu implimentati wkoll permezz ta’ proċessi li huma konsistenti mal-prijoritajiet tas-sostenibbiltà ambjentali u l-ekonomija ċirkolari (Ewropa aktar ekoloġika).

2.2.

Il-governanza tal-Aġenda Territorjali 2030 hija bbażata fuq kooperazzjoni f’diversi livelli li tinvolvi l-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-karatteristiċi ewlenin jinkludu: il-koordinazzjoni tal-politiki territorjali mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, l-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jirrispondu għall-ħtiġijiet tat-territorji, u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex jiġu żgurati t-trasparenza u t-titjib kontinwu.

2.2.1.

Fl-2021, tnedew seba’ azzjonijiet pilota biex iħeġġu lill-atturi ewlenin jieħdu azzjoni, li juru kif l-objettivi tal-Aġenda Territorjali 2030 jistgħu jiġu segwiti b’mod konkret fil-livell lokali u reġjonali. Dawn l-azzjonijiet, iffinanzjati permezz ta’ fondi nazzjonali mill-Istati Membri involuti, għandhom l-għan li jittestjaw approċċi innovattivi bbażati fuq it-territorju adattati għall-ispeċifiċitajiet lokali.

2.3.

Is-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030, iżda l-involviment tagħha għadu mhux apprezzat biżżejjed, kif juru d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fl-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi, b’referenza partikolari għall-iżjed gruppi vulnerabbli. Huwa kruċjali li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili biex tiġi żgurata governanza inklużiva li tqis il-ħtiġijiet tal-atturi territorjali differenti u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fid-diversi reġjuni Ewropej.

2.4.

L-Aġenda Territorjali 2030 tappoġġja t-tisħiħ tad-dimensjoni territorjali tal-politiki kollha, fil-livelli kollha tal-gvern, b’referenza għall-prijoritajiet li ġejjin:

—

il-koeżjoni territorjali: il-promozzjoni tal-bilanċ u tal-iżvilupp sostenibbli taż-żoni territorjali differenti tal-UE, billi jitnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali bejniethom;

—

is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli: l-involviment b’mod attiv tal-atturi territorjali fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, it-tħeġġiġ tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet territorjali differenti u l-promozzjoni tal-governanza parteċipattiva u inklużiva;

—

l-iżvilupp u l-kompetittività ekonomika: l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku, għall-innovazzjoni u għall-kompetittività tar-reġjuni u tat-territorji Ewropej, billi jiġu promossi l-intraprenditorija, l-impjieg, id-diġitalizzazzjoni u l-aċċess għall-infrastruttura;

—

is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali: l-iżgurar tas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali tat-territorji Ewropej, billi jiġu promossi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-protezzjoni tal-ambjent u tar-riżorsi naturali, u l-koeżistenza armonjuża tal-attivitajiet tal-bniedem u tal-ambjent.

2.5.

L-Aġenda Territorjali 2030 hija għodda utli biex tgħin lit-territorji Ewropej jindirizzaw sfidi li, minħabba l-kumplessità u l-importanza tagħhom, ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod individwali permezz ta’ strumenti ordinarji, jiġifieri:

—

il-koeżjoni territorjali: l-iżgurar li r-reġjuni kollha tal-UE jkollhom opportunitajiet indaqs għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

—

is-sostenibbiltà ambjentali: il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli li jqis il-ħtiġijiet ambjentali u jiżgura l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, b’konformità mal-SDGs;

—

il-kompetittività ekonomika: il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u tal-innovazzjoni fir-reġjuni Ewropej kollha, biex jiġu żgurati l-ħolqien tal-impjiegi u l-prosperità ekonomika;

—

il-governanza territorjali: it-titjib tal-governanza fil-livell reġjonali u lokali, bl-involviment tal-atturi rilevanti kollha fit-tfassil tal-politika territorjali;

—

il-koordinazzjoni tal-politiki: il-promozzjoni ta’ koerenza u koordinazzjoni akbar bejn il-politiki Ewropej u nazzjonali biex jiġi żgurat sfruttament effettiv tar-riżorsi u tal-opportunitajiet territorjali;

—

l-inklużjoni soċjali: l-iżgurar li n-nies kollha, irrispettivament mit-territorju li jgħixu fih, ikollhom aċċess għall-istess opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni ekonomika, soċjali u politika.

2.6.

Ir-rabtiet bejn l-Aġenda Territorjali 2030, il-Karta ta’ Leipzig u l-Aġenda Urbana Ewropea (ara l-Opinjoni dwar Reviżjoni tal-Aġenda Territorjali tal-UE, tal-Karta ta’ Leipzig u tal-Aġenda Urbana tal-UE (5)) huma evidenti fl-objettivi komuni, fil-prinċipji gwida u fl-approċċi strateġiċi tagħhom. Waqt li dawn id-dokumenti għandhom fokus u kuntesti ta’ żvilupp differenti, huma jaqsmu u jsaħħu lil xulxin biex jippromovu żvilupp territorjali u urban sostenibbli u integrat madwar l-UE kollha.

2.6.1.

Fir-rigward tar-rabta mal-Aġenda Territorjali 2030, għandhom jiġu enfasizzati l-prijoritajiet identifikati permezz tal-Ftehim ta’ Ljubljana u l-programm ta’ ħidma pluriennali tiegħu għall-perjodu 2022-2026, b’mod partikolari: regolamentazzjoni aħjar, finanzjament aħjar u għarfien aħjar (it-tliet pilastri tal-ftehim li, skont id-dikjarazzjoni politika, se jkollhom jikkoordinaw ma’ programmi Ewropej u internazzjonali oħra għall-iżvilupp urban sostenibbli).

2.7.

L-Aġenda Territorjali 2030 hija marbuta mill-qrib ma’ strateġiji u politiki differenti tal-UE. Dawn l-interazzjonijiet jintwerew permezz ta’ objettivi komuni, komplementarjetà tal-azzjonijiet u sinerġiji fil-finanzjament.

2.7.1.

Il-politika ta’ koeżjoni (6) – l-Aġenda Territorjali 2030 għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet territorjali u tippromovi żvilupp ibbilanċjat, li huma wkoll objettivi ċentrali fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), jappoġġjaw proġetti li jirriflettu l-prijoritajiet tal-Aġenda, bħas-sostenibbiltà ambjentali u l-inklużjoni soċjali.

2.7.2.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew – l-Aġenda Territorjali 2030 tikkontribwixxi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija tal-UE biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. L-inizjattivi territorjali promossi mill-Aġenda, bħall-iżvilupp urban sostenibbli u l-ġestjoni integrata tar-riżorsi naturali, huma konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku.

2.7.3.

Il-Politika Agrikola Komuni (7) – l-Aġenda Territorjali 2030 tippromovi żvilupp territorjali bbilanċjat li jinkludi kemm iż-żoni urbani kif ukoll dawk rurali, u b’hekk tiżgura l-koeżjoni territorjali.

2.7.4.

L-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 (8) – l-Aġenda Territorjali 2030 tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bijodiversità permezz tal-promozzjoni ta’ prattiki tal-użu sostenibbli tal-art u l-konservazzjoni tal-ħabitats naturali, f’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030.

2.7.5.

Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari (9) – l-Aġenda Territorjali 2030 tappoġġja t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, tippromovi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u r-riċiklaġġ, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari.

2.7.6.

Strateġija Diġitali Ewropea (10) – l-Aġenda Territorjali 2030 tħeġġeġ l-inklużjoni diġitali u l-innovazzjoni teknoloġika fit-territorji, billi tappoġġja l-objettivi tal-Istrateġija Diġitali Ewropea biex jittejbu l-konnettività u l-kompetenza diġitali.

2.8.

Fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni għall-perjodu 2021-2027, teżisti rabta diretta bejn l-Aġenda Territorjali 2030 u l-objettiv strateġiku 5 “Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini” (11). Fid-dawl ta’ dan, huwa enfasizzat ir-rwol strateġiku li jaqdu, b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030, l-istrumenti ta’ programmazzjoni integrata, jiġifieri l-“ITI” (investimenti territorjali integrati) (12), is-CLLD (Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità) (13) u l-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) (14).

2.8.1.

Introdotta fl-2014 abbażi tal-esperjenza tal-inizjattiva LEADER, u msaħħa għall-perjodu 2021-2027, l-ITI u s-CLLD jenfasizzaw l-importanza ta’ strateġiji territorjali integrati għall-koeżjoni. Dawn l-istrumenti jippromovu approċċ minn isfel għal fuq għall-iżvilupp territorjali, bl-involviment tal-gvernijiet lokali u reġjonali u l-iffaċilitar tad-djalogu bejn il-partijiet interessati, kif ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni pubblika-privata u bejn il-livelli differenti ta’ gvern.

2.8.2.

Il-programmi Interreg għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ tal-Aġenda Territorjali 2030, qafas strateġiku li għandu l-għan li jippromovi żvilupp territorjali bbilanċjat u sostenibbli fl-Ewropa billi jinkoraġġixxi l-iżvilupp konġunt taż-żoni tal-fruntiera (dimensjoni transfruntiera), jappoġġja l-integrazzjoni tan-networks tat-trasport, il-protezzjoni ambjentali u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali minn perspettiva usa’ (dimensjoni transnazzjonali) u jrawwem il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-għarfien espert għal żvilupp territorjali aktar omoġenju (dimensjoni interreġjonali).

2.9.

L-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030, billi ma tirċevix appoġġ finanzjarju speċifiku, hija appoġġjata minn diversi strumenti finanzjarji disponibbli għall-Istati Membri u għar-reġjuni li huma kklassifikati f’żewġ kategoriji ewlenin: programmi ta’ ġestjoni indiretta u programmi ta’ ġestjoni diretta. Dawn il-programmi jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030 fid-dimensjonijiet territorjali kollha u b’referenza għall-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Hemm nuqqas ta’ kapaċità fl-implimentazzjoni ta’ proċessi għall-użu tal-programmi fi spirtu ta’ komplementarjetà u sinerġija.

2.9.1.

Fir-rigward tal-programmi ta’ ġestjoni indiretta attiva għall-perjodu 2021-2027, huma enfasizzati l-istrumenti li ġejjin:

—

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (15);

—

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) (16);

—

Il-Fond ta’ Koeżjoni (17);

—

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (18);

—

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (19).

2.9.2.

B’referenza għall-programmi ta’ ġestjoni diretta attivi fil-perjodu 2021-2027, huma enfasizzati l-programmi li ġejjin:

—

Orizzont Ewropa (20);

—

LIFE (21);

—

Erasmus+ (22);

—

InvestEU (23).

3.   Riżultati miksuba bis-saħħa tal-Aġenda Territorjali 2030

3.1.

L-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030 wasslet għal riżultati fil-livell territorjali kemm fil-proġetti pilota li għandhom l-għan li jittestjaw il-fattibbiltà tal-azzjonijiet u li jkejlu l-effettività tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-proċessi implimentati fl-oqsma NUTS2 (24) u NUTS3 (25) minn entitajiet pubbliċi u privati.

3.2.

Fir-rigward tal-proġetti pilota (26), ir-riżultati juru l-importanza tal-kooperazzjoni f’diversi livelli u l-approċċ ibbażat fuq it-territorju biex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Territorjali 2030. Il-kombinazzjoni tal-innovazzjoni, tal-parteċipazzjoni u tal-adattament għall-ispeċifiċitajiet lokali wriet li hija strateġija ta’ suċċess għall-indirizzar tal-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli:

3.2.1.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni f’diversi livelli: l-azzjonijiet pilota ppromovew kooperazzjoni mill-qrib bejn il-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Dan wassal għal koeżjoni akbar fil-politiki u fl-istrateġiji tal-iżvilupp territorjali.

3.2.2.

Soluzzjonijiet innovattivi u adattati: ġew żviluppati u implimentatisoluzzjonijiet innovattivi mfassla apposta għall-ispeċifiċitajiet lokali. Dawn is-soluzzjonijiet indirizzaw problemi speċifiċi f’reġjuni differenti, u tejbu l-effettività tal-interventi.

3.2.3.

Il-parteċipazzjoni u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati: permezz ta’ djalogi orjentati lejn il-kunsens, kienet involuta firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, inklużi ċ-ċittadini, in-negozji, l-NGOs u l-istituzzjonijiet akkademiċi. Dan żgura li s-soluzzjonijiet adottati kienu kondiviżi u appoġġjati b’mod wiesa’ mill-komunità.

3.2.4.

It-titjib tal-kwalità tal-ħajja: l-azzjonijiet pilota wasslu għal titjib tanġibbli fil-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet involuti. Pereżempju, sar progress f’termini ta’ sostenibbiltà ambjentali, infrastruttura, servizzi pubbliċi u żvilupp ekonomiku lokali.

3.2.5.

Mudelli li jistgħu jiġu replikati: il-proġetti pilota pprovdew mudelli ta’ suċċess li jistgħu jiġu replikati f’reġjuni oħra. Dawn il-mudelli jipprovdu linji gwida prattiċi għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ żvilupp territorjali f’kuntesti differenti.

3.2.6.

Il-prosperità ekonomika u s-sostenibbiltà: l-inizjattivi ppromovew it-tkabbir ekonomiku lokali b’mod sostenibbli, billi naqqsu l-impatt ambjentali u tejbu r-riżorsi lokali. Dan ikkontribwixxa għal ekonomiji aktar reżiljenti u sostenibbli.

3.2.7.

Kapaċità istituzzjonali akbar: permezz tal-kollaborazzjoni u tal-iskambju tal-għarfien, l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali saħħew il-kapaċitajiet tagħhom biex jippjanaw u jimplimentaw politiki effettivi.

3.2.8.

Għalkemm, fil-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali 2030 ġew identifikati 52 eżempju ta’ ispirazzjoni (proġetti, inizjattivi u għodod) għall-użu ta’ approċċ territorjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki ta’ koeżjoni, id-distribuzzjoni fil-livell Ewropew tal-azzjonijiet pilota fil-fatt hija kompletament żbilanċjata.

3.2.8.1.

L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Ġermaniżi huma involuti f’ħames azzjonijiet pilota, l-awtoritajiet Pollakki fi tliet azzjonijiet pilota, u l-awtoritajiet Awstrijaċi, Żvizzeri, Franċiżi, Lussemburgiżi, Portugiżi, Sloveni u Norveġiżi f’żewġ azzjonijiet pilota. L-awtoritajiet tal-Belġju, taċ-Ċekja, ta’ Spanja, tal-Kroazja, tal-Irlanda, tan-Netherlands, tar-Rumanija u tal-Iżvezja huma involuti biss f’azzjoni pilota waħda. Hemm Stati Membri oħra li m’huma involuti fl-ebda waħda. Jidher pjuttost mhux tas-soltu li ċerti Stati Membri tal-Mediterran ma humiex inklużi fl-azzjonijiet pilota tal-Aġenda Territorjali 2030 (dan huwa l-każ għall-Italja u għall-Greċja) jew għandhom livell baxx ħafna ta’ parteċipazzjoni (Spanja), u li l-istess japplika għall-Istati Membri tal-Lvant.

3.3.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri minn entitajiet pubbliċi u/jew privati b’referenza għat-territorji NUTS2 u NUTS3, jistgħu jinstabu riżultati fir-rigward tad-dimensjoni ekonomika, ambjentali u soċjali, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta’ inizjattivi appoġġjati mill-programmi Ewropej ta’ ġestjoni indiretta:

3.3.1.

Titjib tal-koeżjoni territorjali: it-tnaqqis tad-disparitajiet soċjali u ekonomiċi bil-ħsieb ta’ aktar koeżjoni territorjali, permezz tal-allokazzjoni mmirata tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), li ffinanzjaw proġetti ta’ infrastruttura, żvilupp urban u rurali, kif ukoll inizjattivi soċjali u ekonomiċi.

3.3.2.

Integrazzjoni tal-politiki territorjali: il-promozzjoni ta’ approċċ integrat għall-ġestjoni tat-territorju, l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni bejn il-politiki differenti tal-UE, bħall-politika ta’ koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan wassal għal sinerġija akbar bejn l-objettivi tal-iżvilupp territorjali u politiki oħra tal-UE.

3.3.3.

Il-bini tal-kapaċitajiet lokali u reġjonali: it-titjib tal-kapaċitajiet tekniċi u amministrattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-iffaċilitar tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti kumplessi u sostenibbli.

3.3.4.

Il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli: it-tisħiħ tas-sostenibbiltà ambjentali, bħall-iżvilupp mill-ġdid ta’ żoni urbani degradati, l-effiċjenza enerġetika, il-mobbiltà sostenibbli u l-ġestjoni integrata tar-riżorsi naturali.

3.3.5.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni territorjali: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transfruntiera, tranżnazzjonali u interreġjonali permezz ta’ programmi bħal Interreg, li ffaċilitaw l-iskambju ta’ prattiki tajba u l-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti bejn reġjuni Ewropej differenti.

3.3.6.

L-involviment tal-partijiet interessati: it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi, inklużi ċ-ċittadini, in-negozji, l-NGOs u l-istituzzjonijiet akkademiċi, fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ġestjoni tat-territorju. Dan żied it-trasparenza u l-aċċettazzjoni tal-politiki territorjali.

4.   Il-prospetti futuri tal-Aġenda Territorjali 2030: it-triq ’il quddiem

4.1.

Il-futur tal-Aġenda Territorjali 2030 huwa marbut mill-qrib mat-tranżizzjonijiet li jikkaratterizzaw il-proċessi ta’ żvilupp u koeżjoni tat-territorji tal-Ewropa. F’dawn il-proċessi, għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tibdil demografiku.

4.1.1.

Fir-rigward tat-tibdil demografiku, l-inizjattivi u l-azzjonijiet ta’ politika għandhom jiġu appoġġjati biex ir-reġjuni Ewropej kollha jkunu jistgħu jadattaw b’mod sostenibbli u inklużiv għall-impatti fuq terminu qasir u medju. B’mod speċifiku:

—

it-tisħiħ tal-infrastruttura soċjali: it-titjib tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura soċjali, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u periferali;

—

il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali: inizjattivi biex il-migranti jiġu integrati aħjar u jiġu appoġġjati l-komunitajiet fi tnaqqis demografiku;

—

l-iżvilupp tal-ekonomija lokali minn perspettivatal-ekonomija tal-anzjani: il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u taħriġ għaż-żgħażagħ u għan-nisa, bis-saħħa tal-l-istimulazzjoni tad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni.

4.2.

L-Aġenda Territorjali 2030 għandha ssaħħaħ l-approċċ integrat tagħha biex tippromovi żvilupp territorjali bbilanċjat u sostenibbli fl-UE, u tħeġġeġ viżjoni olistika fid-dawl tal-interazzjonijiet bejn id-diversi politiki settorjali u livelli ta’ governanza:

4.2.1.

Il-koeżjoni territorjali: il-promozzjoni ta’ distribuzzjoni bilanċjata tar-riżorsi u tal-opportunitajiet bejn ir-reġjuni Ewropej differenti, li jnaqqsu d-disparitajiet territorjali. it-tisħiħ tal-azzjonijiet biex jiġi żgurat li r-reġjuni kollha, inklużi dawk inqas żviluppati, ikollhom aċċess għal opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

4.2.2.

Governanza f’diversi livelli: il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej tal-gvern biex tiġi żgurata l-koerenza fil-politiki u fl-interventi.

4.2.3.

Integrazzjoni tal-politiki settorjali: l-iżgurar li l-iżvilupp reġjonali, it-trasport, l-ambjent, l-enerġija, l-agrikoltura u politiki oħra jkunu kkoordinati u jsaħħu lil xulxin, billi jiġi promoss l-użu ta’ għodod integrati għall-iżvilupp territorjali, bħall-ITI u s-CLLD, sabiex isaħħu b’mod konġunt l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali fid-dawl tad-dimensjonijiet territorjali differenti.

4.2.4.

Sostenibbiltà u reżiljenza: il-promozzjoni ta’ prattiki li jnaqqsu l-impatt ambjentali u jrawmu s-sostenibbiltà fit-tul, u jappoġġjaw miżuri mmirati li jsaħħu r-reżiljenza tar-reġjuni u tat-territorji għat-tibdil fil-klima, u b’hekk tittejjeb il-kapaċità ta’ adattament tal-komunitajiet u tal-infrastruttura.

4.2.5.

Kompetittività territorjali: il-promozzjoni tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-iżvilupp biex tittejjeb il-kompetittività tar-reġjuni Ewropej, waqt li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali permezz ta’ politiki li jippromovu l-intraprenditorija, id-diġitalizzazzjoni, l-aċċess għas-swieq globali u l-adattament tal-ħiliet tal-ħaddiema.

4.2.6.

Aċċessibbiltà u konnettività: it-titjib tal-infrastruttura tat-trasport biex tiżgura konnettività aħjar bejn ir-reġjuni u mal-bqija tad-dinja, u jitnaqqas id-distakk diġitali biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tat-territorji u tal-komunitajiet lokali kollha fl-opportunitajiet offruti mill-ekonomija diġitali, b’enfasi partikolari fuq iż-żoni ġeografikament żvantaġġati.

4.2.7.

Kwalità tal-ħajja u benesseri: l-iżgurar li r-reġjuni kollha jkollhom servizzi pubbliċi essenzjali ta’ kwalità għolja, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali, u l-promozzjoni ta’ ambjent ta’ għajxien sikur u tajjeb għas-saħħa, b’enfasi fuq il-kwalità tal-arja, tal-ilma, tal-art u tal-ispazji ħodor.

4.2.8.

Monitoraġġ u valutazzjoni: l-użu ta’ indikaturi speċifiċi biex jiġi mmonitorjat il-progress tal-politiki territorjali u jiġi vvalutat l-impatt tal-interventi, mhux biss permezz ta’ analiżi kwantitattiva, iżda permezz tad-definizzjoni ta’ indikaturi li kapaċi jkejlu l-kwalità tal-azzjonijiet meħuda.

4.3.

L-inklużjoni tal-Aġenda Territorjali 2030 fis-Semestru Ewropew hija kruċjali għal żvilupp ibbilanċjat fir-reġjuni tal-UE. Dan l-approċċ jallinja l-politiki territorjali u l-istrateġiji ekonomiċi, u jiżgura rispons koordinat għall-isfidi lokali u jżid il-viżibbiltà tal-kwistjonijiet ta’ koeżjoni. Jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u għall-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv, kif ukoll jimmassimizza l-impatt tal-politiki pubbliċi.

4.3.1.

Koordinazzjoni strateġika: il-KESE jemmen li l-koeżjoni, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tad-dimensjonijiet territorjali differenti tal-UE ma jistgħux jiġu indirizzati separatament bl-użu ta’ strumenti ordinarji. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda l-inklużjoni tat-TA fil-proċess tas-Semestru Ewropew, skont il-linji appoġġjati mill-ESPON.

4.4.

It-tisħiħ tal-approċċ ċiviku u involviment akbar tas-soċjetà ċivili fl-Aġenda Territorjali 2030 huma obbligatorji biex jiġi żgurat żvilupp territorjali aktar inklużiv, demokratiku u sostenibbli. Hemm bżonn li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni li jippermettu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini jikkontribwixxu b’mod attiv għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, mill-ippjanar sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki territorjali.

4.4.1.

Parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi: appoġġ għal użu akbar tal-għodod tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u tal-proċessi parteċipattivi biex jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet filantropiċi oħra u ċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

4.4.2.

Awtonomizzazzjoni tal-komunità: hija ta’ importanza fundamentali li l-komunitajiet lokali u soċjali jiġu pprovduti bl-għodod u bil-ħiliet biex jipparteċipaw b’mod attiv u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet li jaffettwaw it-territorju tagħhom. It-tisħiħ tal-għarfien u l-ħiliet tal-amministraturi u l-impjegati taċ-ċivil li jaħdmu fl-awtoritajiet lokali fuq l-istrumenti u l-metodoloġiji magħmula disponibbli mill-Aġenda Territorjali 2030 huwa prijorità. L-għan huwa li tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni fl-opportunitajiet ipprovduti mill-Aġenda Territorjali 2030 u l-aċċess għalihom kif ukoll li tiġi promossa l-komplementarjetà bejn il-fondi pubbliċi kollha tal-UE li jappoġġjaw il-proċessi ta’ implimentazzjoni.

4.4.3.

Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni: l-iżgurar li l-aċċess għad-data u għall-informazzjoni rilevanti dwar l-iżvilupp territorjali u l-politiki pubbliċi, u l-iżgurar li l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikunu trasparenti u li r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet jiġu kkomunikati b’mod ċar liċ-ċittadini.

4.4.4.

Integrazzjoni soċjali u inklużjoni: l-iżgurar li l-gruppi soċjali kollha, inklużi l-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, ikunu rrappreżentati u jkollhom vuċi fid-deċiżjonijiet territorjali. Barra minn hekk, huwa kruċjali li l-politiki jippromovu l-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali, jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, u jippromovu u jimplimentaw l-approċċ orizzontali tas-solidarjetà u l-ekwità interġenerazzjonali (27)

4.4.5.

Kollaborazzjoni bejn is-setturi: il-promozzjoni tal-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-kumpaniji privati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġu implimentati proġetti territorjali. L-awtoritajiet lokali huma essenzjali biex l-objettivi tal-Aġenda Territorjali 2030 jinbidlu f’azzjonijiet konkreti, permezz tal-ippjanar strateġiku, il-ġestjoni tar-riżorsi, il-kooperazzjoni interreġjonali u l-involviment tal-komunitajiet.

4.4.6.

Monitoraġġ u valutazzjoni parteċipattiva: l-iżgurar tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta’ monitoraġġ u valutazzjoni tal-proġetti u tal-politiki territorjali.

4.4.7.

Governanza demokratika: il-promozzjoni ta’ governanza aktar demokratika, inklużiva u responsabbli, li fiha r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini ma jkunux biss fil-mira tal-politiki iżda wkoll atturi attivi fit-tiswir tal-futur tat-territorji tagħhom.

Brussell, il-5 ta' Diċembru 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   LEADER/CLLD spjegati | Network Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ENRD) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)   Rapport tat-Task Force ta’ Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa, 2018, Spinta lill-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa (mhux disponibbli bil-Malti) Fransen, L., del Bufalo, G., Reviglio, E. Discussion Paper 074/January 2018.Kummissjoni Ewropea – L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Investituri fit-Tul.

(3)   Il-Kummissjoni tal-UE tippromovi l-Ekonomija tal-Fidda | Interreg Europe (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)   https://ec.europa.eu/regional_policy/sources/brochure/territorial_agenda_2030_summary_en.pdf.

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Reviżjoni tal-Aġenda Territorjali tal-UE, tal-Karta ta’ Leipzig u tal-Aġenda Urbana tal-UE” ( ĠU C 429, 11.12.2020, p. 145).

(6)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.

(7)   https://www.consilium.europa.eu/mt/policies/cap-introduction/..

(8)   COM(2020) 380 final.

(9)   COM(2020) 98 final.

(10)   COM(2020) 67 final.

(11)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.

(12)   Inforegio – Investiment Territorjali Integrat (europa.eu).

(13)   https://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/guidelines/2014/guidance-on-community-led-local-development-in-european-structural-and-investment-funds.

(14)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94.

(15)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.

(16)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21.

(17)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.

(18)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.

(19)   ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1.

(20)   ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.

(21)   ĠU L 172, 17.5.2021, p. 53.

(22)   ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1.

(23)   ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30.

(24)  NUTS 2: reġjuni bażiċi għall-applikazzjoni tal-politiki reġjonali.

(25)  NUTS 3: reġjuni żgħar għal analiżi speċifika.

(26)   Aġenda Territorjali 2030 | Futur għall-postijiet kollha.

(27)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Il-promozzjoni tas-solidarjetà interġenerazzjonali Ewropea – lejn approċċ orizzontali tal-UE (ĠU C, C/2024/6869, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6869/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/773/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)